Djarju ta’ Swor Fawstina – Il-5 Pitazz (par.1481-1490)

Il-Ħames Pitazz – Paragrafi 1481-1490

19511904_747671415419783_1035230937_n

1481. Illum (nota231) waqt il-Quddiesa, rajt il-Bambin Ġesu’ ħdejn il-ġinokkjatur tiegħi. F’għajnejja deher qisu kellu xi sena, u talabni nżommu f’dirgħajja. X’ħin ħadtu f’dirgħajja, ġie jitgeddes fuq sidri u qalli, Hi ħaġa tajba għalija li nkun qrib qalbek. “Għalkemm Inti daqshekk ċkejken, jiena naf li Inti Alla. Għalfejn ħadt id-dehra ta’ tarbija hekk ċkejkna sabiex Inti tikommunika miegħi?”

Għax irrid ngħallmek it-tfulija spirtwali. Jiena rridek tkun ċkejkna, għax meta inti tkun ċkejkna, Jiena nkun qed inġorrok qrib il-Qalb Tiegħi, bħalma inti qiegħda żżommni qrib qalbek bħalissa. U ma’ dan il-kliem, erġajt sibt ruħi waħdi, imma ħadd ma jista’ jimmaġina l-emozzjonijiet ta’ ruħi, tant kont mgħaddsa f’Alla b’mod sħiħ, bħal sponża mitfugħa fil-baħar . . .

1482. + O Ġesu’ tiegħi, Inti taf li jiena sibt ruħi f’ħafna nwkiet għax għidt il-verita’. O verita’, li ta’ spiss tinżamm minn taħt, inti kważi dejjem tkun liebsa kuruna tax-xewk! O verita’ Eterna, weżinni sabiex ikolli l-kuraġġ ngħid il-verita’ wkoll jekk għad jiġri li jkolli nħallas b’ħajti minħabba f’hekk. O Ġesu’, kemm hi ħaġa iebsa temmen dan il-fatt, meta wieħed jara li jgħallmuk mod u jgħixu mod ieħor.

1483. Din hi r-raġuni għaliex, waqt l-irtir, wara li għamilt osservazzjoni twila fuq il-ħajja, iddeċidejt li nsammar għajnejja fuqek Ġesu’, li Int il-mudell l-iżjed perfett. O eternita’, li għad tikxef ħafna sigrieti u turi b’mod ċar il-verita’. . .

1484. O Ostja ħajja, weżinni f’dan l-eżilju, sabiex ikolli s-saħħa nimxi bil-fedelta’ fil-passi tas-Salvatur. Minix nitolbok, Mulej, tniżżilni minn fuq is-salib, imma nitolbok tagħtini s-saħħa li nibqa’ fuqu bla ma niċċaqlaq. Irrid li nkun minxura fuq is-salib bħalma kont Int, Ġesu’. Irrid it-torturi u l-uġigħ kollu li Inti batejt. Irrid nixrob sal-inqas qatra t-tazza tal-imrar.

It-Tjubija ta’ Alla

1485. Il-ħniena ta’ Alla, moħbi fis-Sagrament Imqaddes, leħen il-Mulej li jkellimna mit-tron tal-ħniena: Ejjew Għandi, intom ilkoll.

Djalogu bejn Alla ħanin u r-ruħ midinba

Ġesu’: Tibżax mis-Salvatur tiegħek, O ruħ midinba. Jiena nagħmel l-ewwel mossa biex niġi għandek, għax naf li waħdek m’intix kapaċi tintrefa’ lejja. Binti, taħrabx minn Missierek; kun lesta li titkellem bil-miftuħ ma’ Alla tiegħek tal-ħniena li jrid jgħid il-kliem ta’ maħfra u jxerred fuqek il-grazzji Tiegħu bil-kotra. Kemm hi għażiża għalija ruħek! Jiena nqaxt ismek fuq il-pala ta’ idejja; inti tinsab minquxa bħal ferita fonda ġewwa Qalbi.

Ir-ruħ: Mulej, jiena qiegħda nisma’ leħnek isejjaħli biex nerġa’ lura mit-triq tad-dnub, imma la għandi s-saħħa u lanqas il-kuraġġ biex nagħmel dan.

Ġesu’: Jiena s-saħħa tiegħek, Jiena ngħinek fit-taqbida.

Ir-ruħ: Mulej, jiena qiegħda nagħraf il-qdusija Tiegħek, u jiena nibża’ minnek.

Ġesu’: Binti, inti tibża’ minn Alla tal-ħniena? Il-qdusija Tiegħi ma tellifnix milli nuri l-ħniena. Ara, għalik Jiena waqqaft tron ta’ ħniena f’din l-art – it-tabernaklu – u minn dan it-tron Jiena nixtieq nidħol ġewwa qalbek. Madwari la hemm min jimxi warajja u lanqas għassiesa. Inti tista’ tiġi Għandi kull ħin, ikun x’ħin ikun; Jiena rrid nitkellem miegħek u nixtieq nagħtik il-grazzja Tiegħi.

Ir-ruħ: Mulej, niddubita li Inti taħfirli l-ħafna dnubiet tiegħi; il-miżerja tiegħi timlieni bil-biża’.

Ġesu’: Il-ħniena Tiegħi hi ikbar mid-dnubiet tiegħek u dawk tad-dinja kollha. Min jista’ jkejjel kemm hi kbira t-tjubija Tiegħi? Għalik Jiena nżilt mis-sema fl-art; għalik ippermettejt li niġi msammar mas-salib; għalik ħallejt il-Qalb Imqaddsa Tiegħi tiġi minfuda b’lanza, u b’dan il-mod infetħet beraħ il-għajn tal-ħniena għalik. Ejja, mela, bil-fiduċja biex tiġbed il-grazzji minn din il-għajn. Jiena qatt ma ngħid le lil qalb niedma. Il-miżerja tiegħek għebet fil-fond tal-ħniena Tiegħi. Toqgħodx tilmenta miegħi dwar id-dgħjufija tiegħek. Jiena nieħu gost jekk inti terħi f’idejja l-inkwiet u d-dwejjaq tiegħek. Jiena ser inferra’ fuqek it-teżori tal-grazzja Tiegħi.

Ir-ruħ: Bi tjubitek Inti rbaħt, O Mulej, il-qalb tiegħi iebsa bħall-ġebel. B’fiduċja u b’umilta’, jiena nersaq lejn it-tribunal tal-ħniena Tiegħek, fejn Inti stess tagħtini l-assoluzzjoni permezz tar-rappreżentant Tiegħek. O Mulej, jiena nħoss il-grazzja u l-paċi Tiegħek jimlew lil ruħi msejkna. Inħossni mirbuħa mill-ħniena Tiegħek, O Mulej. Inti taħfirli, ħaġa li hi ikbar milli jiena kont nissogra nittama jew li kont nista’ nimmaġina. It-tjubija Tiegħek hi ikbar mix-xewqat kollha tiegħi. U issa, mimlija radd il-ħajr għal tant grazzji, jiena nistiednek tiġi ġewwa qalbi. Jiena tbegħidt, bħall-iben il-ħali li tilef it-triq; imma Inti dejjem bqajt missieri. Żid il-ħniena Tiegħek lejja, għax Inti qed tara kemm jiena dgħajfa.

Ġesu’: Binti, titkellimx iżjed dwar il-miżerja tiegħek; Jiena diġa’ nsejtha. Isma’, binti, x’nixtieq ngħidlek. Ersaq qrib il-ġrieħi Tiegħi u iġbed mill-Għajn tal-Ħajja dak kollu li tixtieq qalbek. Ixrob bix-xaba’ mill-Għajn tal-Ħajja u ma tgħejjiex fil-mixi tiegħek. Ħares lejn il-glorji tal-ħniena Tiegħi u tibżax mill-għedewwa tas-salvazzjoni tiegħek. Igglorifika l-ħniena Tiegħi.

Djalogu bejn Alla Ħanin u r-ruħ li qatgħet jiesha.

1486. Ġesu’: O Ruħ mgħaddsa fid-dlam, tiddisprax. Mhux kollox hu mitluf s’issa. Ejja u afda f’Alla tiegħek, li Hu mħabba u ħniena.

– Imma r-ruħ li ma tismax lanqas dan l-appell, titkebbeb fid-dlam. Ġesu’ jerġa’ jsejħilha: Binti, isma’ leħen Missierek ħanin.

– Fir-ruħ tfeġġ din it-tweġiba: “Għalija m’hemm l-ebda ħniena,” u hija taqa’ f’dalma ikbar, f’disperazzjoni li ddewwaqha l-infern minn qabel u li ma tħallihiex tkun kapaċi tersaq lejn Alla.

Għat-tielet darba Ġesu’ jerġa’ jsejjaħ lir-ruħ, imma r-ruħ tibqa’ truxa u għamja, iebsa u ddisprata. Imbagħad tibda taħdem il-ħniena ta’ Alla, u mingħajr il-kooperazzjoni tar-ruħ, Alla jagħtiha l-grazzja tal-aħħar. Jekk din ukoll ma tiġix milqugħa, Alla jħalli lir-ruħ għall-eternita’ f’din id-dispożizzjoni li tkun għażlet hi stess. Din il-grazzja toħroġ mill-Qalb ħanina ta’ Ġesu’ u tagħti lir-ruħ dawl speċjali li permezz tiegħu r-ruħ tibda tifhem l-isforz li Alla qed jagħmel; imma l-konverżjoni tiddependi mir-rieda tagħha stess. Ir-ruħ taf li din hi għaliha l-grazzja tal-aħħar u, ukoll jekk hi turi l-inqas sinjal ta’ rieda tajba, il-grazzja ta’ Alla twettaq il-bqija.

Il-ħniena Tiegħi bla tarf qiegħda taħdem hawnhekk. Hienja r-ruħ li takkwista ġid spiritwali minn din il-grazzja.

Ġesu’: Liema ferħ jimlieli Qalbi meta inti terġa’ lura għandi. Għax inti dgħajfa, Jiena nerfgħek f’dirgħajja u nieħdok fid-dar ta’ Missieri.

Ir-ruħ: (bħallikieku qamet, tistaqsi beżgħana): Possibbli li għad hemm il-ħniena għalija?

Ġesu’: Iva, binti, Inti għandek jedd speċjali fuq il-ħniena Tiegħi. Ħalliha taħdem fir-ruħ imsejkna tiegħek; ħalli r-raġġi tal-grazzja jidħlu ġewwa ruħek; huma jġibu magħhom dawl, sħana u ħajja.

Ir-ruħ: Imma x’ħin naħseb fuq dnubieti nimtela’ bil-biża’, u din il-biża’ terribbli ġġegħelni niddubita mit-tjubija Tiegħek.

Ġesu’: Binti, dnubietek kollha kemm huma ma ferewlix Qalbi u ma weġġgħunix daqskemm iferini u jweġġagħni n-nuqqas ta’ fiduċja li inti qiegħda turi bħalissa – li wara tant sforzi tal-imħabba u l-ħniena Tiegħi, inti għadek xorta waħda tiddubita mit-tjubija Tiegħi.

Ir-ruħ: O Mulej, salvani Inti, għax ser nintilef. Kun is-salvatur tiegħi. O Mulej, ma nista’ ngħid xejn iżjed; ruħi msejkna tinsab imċarta; imma Inti O Mulej . . .

Ġesu’ ma jħallix lir-ruħ tispiċċa imma jerfagħha mill-art, mill-fond tal-miżerja tagħha u jeħodha ġewwanett fil-Qalb tiegħu fejn dnubietha kollha jgħibu fil-pront, ikkonsmati mill-fjammi tal-imħabba.

Ġesu’: Hawnhekk, ruħ, jinsabu t-teżori kollha ta’ Qalbi. Ħu kulma għandek bżonn minn hemm.

Ir-ruħ: O Mulej , Inti rbaħtni bil-grazzja Tiegħek. Jiena qiegħda nħoss li daħlet fija ħajja ġdida u, fuq kollox, nista’ nħoss imħabbtek ġewwa qalbi. Dan biżżejjed għalija. O Mulej, jiena nigglorifika s-Setgħa bla tarf tal-Ħniena Tiegħek għall-eternita’ kollha. It-tjubija Tiegħek timlieni bil-kuraġġ u jiena ser nafda fik id-dwejjaq kollha li hemm ġewwa qalbi.

Ġesu’: Għidli kollox, binti, taħbili xejn, għax il-Qalb Tiegħi mimlija mħabba, il-Qalb tal-Aqwa Ħabib tiegħek, qiegħda tisimgħek.

Ir-ruħ: O Mulej, issa jiena nista’ nara l-ingratitudni kollha tiegħi u t-tjubija Tiegħek. Inti kont qed tiġri warajja bil-grazzja Tiegħek, filwaqt li jiena kont qiegħda nfixkel il-Qalb tajba Tiegħek. Jiena qiegħda nara li ħaqqni l-fond tal-infern talli ma lqajtx il-grazzji Tiegħek.

Ġesu’ (jinterrompi): Tintilifx toqgħod taħseb fuq il-miżerji tiegħek – inti għadek wisq dgħajfa biex titkellem fuqhom – imma, pjuttost, ibqa’ ħares lejn il-Qalb Tiegħi mimlija tjubija, u mtela bis-sentimenti Tiegħi. Kompli ssielet għall-manswetudni u l-umilta’; kun ħanina mal-oħrajn, bħalma Jien ħanin miegħek; u, meta tħossok li qiegħda tonqoslok is-saħħa, jekk inti tiġi fl-għajn tal-ħniena biex issaħħaħ lil ruħek, inti ma tgħejjiex fit-triq.

Ir-ruħ: Issa jiena nista’ nifhem il-ħniena Tiegħek, li tħarisni, u bħal kewkba tiddi, teħodni fid-dar ta’ Missieri, u tħarisni mill-waħx tal-infern li jiena ħaqqni, mhux darba, imma għal elf darba. O Mulej, l-eternita’ mhix biżżejjed għalija biex nagħti t-tifħir li jixraq lill-ħniena Tiegħek bla tarf u lill-kompassjoni li Inti għandek għalija.

+ Djalogu bejn Alla Ħanin u r-ruħ li qiegħda tbati

1487. Ġesu’: Ruħ imsejkna, Jiena qed nara li inti qiegħda tbati ħafna u lanqas għandek saħħa biżżejjed biex inti titkellem miegħi. Għalhekk ser inkellmek Jiena. Ukoll jekk it-tbatijiet tiegħek huma kbar ħafna, inti m’għandekx taqta’ qalbek jew taqa’ fi swied ta’ qalb. Imma għidli binti, min issogra jferilek qalbek? Għidli kollox, kun sinċiera Miegħi, urini l-feriti kollha ta’ qalbek. Jiena ser infejjaqhom, u t-tbatija tiegħek issir mezz biex inti titqaddes.

Ir-ruħ: Mulej, it-tbatijiet tiegħi tant huma kbar u ħafna u tant ilhom għaddejjin li jiena qiegħda naqta’ qalbi.

Ġesu’: Binti, taqtax qalbek. Jiena naf li inti għandek fiduċja sħiħa Fija; naf li inti konxja mill-ħniena u t-tjubija Tiegħi. Ejja nitkellmu fit-tul fuq dak kollu li tant qed jagħfas fuq qalbek.

Ir-ruħ: Tant hemm affarijiet differenti li ma nafx fuqhiex ser naqbad nitkellem l-ewwel, lanqas kif ser nesprimi ruħi.

Ġesu’: Kellimni b’mod sempliċi, bħalma jitkellmu l-ħbieb bejniethom. Għidli issa, binti, x’inhu jżommok milli timxi ‘l quddiem fil-qdusija?

Ir-ruħ: In-nuqqas ta’ saħħa jżommni lura fit-triq tal-qdusija. Ma nistax inwettaq dmirijieti. Jiena ma niswa għal xejn bħal rota żejda fuq vagun. Ma nistax nagħmel mortifikazzjoni jew insum bl-ebda mod bħalma kienu jagħmlu l-qaddisin. Minbarra dan, ħadd ma jemminni li jiena marida, u għalhekk l-uġigħ mentali jiżdied mal-uġigħ tal-ġisem, u ta’ spiss inħossni umiljata. Ġesu’ kif jista’ xi ħadd isir qaddis f’ċirkustanzi bħal dawn?

Ġesu’: Veru, binti, dan kollu jfisser uġigħ. Imma m’hemm l-ebda triq li twassal għall-ġenna ħlief it-triq tas-salib. Jiena kont l-ewwel wieħed li mxejt f’din it-triq. Inti għandek titgħallem li din hija l-iqsar triq u l-iktar waħda żgura.

Ir-ruħ: Mulej, hemm ostaklu ieħor fit-triq tal-qdusija. Għax jiena fidila lejk, niġi ppersegwitata u jkolli nbati ħafna.

Ġesu’: Għax inti m’intix ta’ din id-dinja, id-dinja tobgħodok. L-ewwel ippersegwitat lili. Il-persekuzzjoni hi sinjal li inti tinsab miexja warajja bil-fedelta’.

Ir-ruħ: Mulejja, ninsab ukoll qalbi maqtugħa għax la s-superjuri u lanqas il-konfessur tiegħi ma jistgħu jifhmu l-provi interjuri tiegħi. Swidija qiegħda ddallamli moħħi. Kif nista’ nimxi ‘l quddiem? Dan kollu jaqtagħli qalbi u jżommni lura fl-isforzi tiegħi biex nilħaq il-qċaċet tal-qdusija.

Ġesu’: Mela, binti, din id-darba kellek ħafna xi tgħidli. Jiena nifhem kemm hi ħaġa iebsa meta ma jifhmukx, u l-aktar meta dawn ikunu dawk il-persuni li inti tħobb u li magħhom inti tkun ftaħt qalbek. Imma biżżejjed għalik li tkun taf li Jiena nifhem l-inkwiet u l-miżerja kollha tiegħek. Togħġobni l-fidi kbira li inti għandek, minkejja kollox, fir-rappreżentant Tiegħi. Tgħallem minn din il-ħaġa li ħadd ma jista’ jifhem ruħ għal kollox – din il-ħaġa l-ebda bniedem ma jasal għaliha. Għalhekk, Jiena bqajt f’din id-dinja biex infarraġ il-qalb miġugħa tiegħek u nsaħħaħlek ruħek, sabiex inti ma taqtax qalbek fit-triq. Inti qiegħda tgħid li swidija kbira qiegħda ddallamlek moħħok. Imma għaliex, fi żminijiet bħal dawn, ma tiġix għandi, id-dawl li jista’ f’waqt wieħed iferra’ f’ruħek għarfien ikbar dwar il-qdusija, ħafna iktar milli inti tista’ ssib fil-kotba? L-ebda konfessur m’hu kapaċi jgħallem u jdawwal lir-ruħ b’dan il-mod.

Kun af ukoll, li d-dalma li inti qiegħda tilmenta fuqha Jiena għaddejt minnha qablek fil-Ġnien taż-Żebbuġ meta ruħi sfat mgħaffġa bi tbatija li tqarreb għall-mewt. Jiena qed nagħtik sehem f’dawk it-tbatijiet minħabba l-imħabba speċjali li għandi għalik u minħabba l-grad għoli ta’ qdusija li Jiena nixtieq li inti jkollok fil-ġenna. Ruħ li qiegħda tbati tinsab l-iktar qrib ta’ Qalbi.

Ir-ruħ: Ħaġ’oħra, Mulej. X’għandi nagħmel meta nies, speċjalment dawk li kelli dritt niddependi minnhom fi żminijiet meta l-iktar ikolli bżonn, ma jagħtux kasi u ma jridux jafu bija?

Ġesu’: Binti, agħmel riżoluzzjoni li qatt ma tiddependi min-nies. Afda lilek innifsek, kollok kemm int, fir-rieda Tiegħi u għid, “Mhux kif irrid jiena, imma jkun minni skont ir-rieda Tiegħek, O Alla.” Dan il-kliem, jekk inti tlissnu fil-fond ta’ qalbek, jista’ jgħolli lir-ruħ sal-quċċata tal-qdusija fi żmien qasir. Jiena nitpaxxa b’ruħ bħal din. Ruħ bħal din tagħtini glorja. Ruħ bħal din timla l-ġenna bil-fwieħa tal-virtu’ tagħha. Imma ifhem li s-saħħa biex inti tkun tiflaħ għat-tbatija tiġi mit-Tqarbin ta’ spiss. Mela ersaq ta’ spiss lejn din il-għajn tal-ħniena, biex inti tiġbed permezz tal-fiduċja, dak kollu li għandek bżonn.

Ir-ruħ: Grazzi, Mulej, tat-Tjubija Tiegħek li bqajt magħna f’dan l-eżilju bħala Alla tal-ħniena u talli tberikna bid-dija tal-kompassjoni u tat-tjubija Tiegħek. Bid-dawl tal-ħniena Tiegħek jiena wasalt biex nifhem kemm Inti tħobbni.

Djalogu bejn Alla Ħanin u r-ruħ li qiegħda tipprova ssir Perfetta.

1488. Ġesu’: Jogħġbuni l-isforzi tiegħek, O ruħ li qiegħda taspira għall-perfezzjoni, imma għaliex qiegħed narak hekk ta’ spiss qalbek sewda u mnikkta? Għidli, binti, xi jfisser dan is-swied ta’ qalb u x’qed jikkawżah?

Ir-ruħ: Mulej, ir-raġuni ta’ dan is-swied ta’ qalb tiegħi hi li, minkejja r-riżoluzzjonijiet sinċieri tiegħi, jiena nerġa’ naqa’ fl-istess difetti tiegħi. Filgħodu nagħmel ir-riżoluzzjonijiet, imma filgħaxija nara kemm mort ‘il bogħod minnhom.

Ġesu’: Qiegħda tara, binti, x’inti minnek innfisek. Il-kawża tal-waqgħat tiegħek hi li inti tiddependi wisq minnek innifsek u ftit wisq Minni. Imma tħallix din il-ħaġa ssewwidlek qalbek daqshekk. Inti għandek x’taqsam ma’ Alla tal-ħniena li l-miżerja tiegħek ma tistax tasal sal-fond tagħha. Ftakar, Jiena ma ffissajtx ċertu numru biss ta’ maħfriet.

Ir-ruħ: Iva, jiena dan kollu nafu, imma tentazzjonijiet kbar jagħmlu għalija, u diversi dubji jfiġġu ġewwa fija, u, iżjed u iżjed, kollox idejjaqni u jaqtagħli qalbi.

Ġesu’: Binti, kun af li l-ikbar ostakli għall-qdusija huma l-qtigħ il-qalb u l-ansjeta’ eseġerata. Dawn ma jħallulekx il-kapaċita’ li inti tipprattika l-virtu’. It-tentazzjonijiet kollha flimkien m’għandhomx itellfu l-paċi interjuri, lanqas għal mument wieħed biss. Is-sensittivita’ u l-qtigħ il-qalb huma frott tal-egoiżmu. M’għandekx taqta’ qalbek, imma tħabat biex tara mħabbti ssaltan minflok l-egoiżmu tiegħek. Għandu jkollok fiduċja, binti. Taqtax qalbek tiġi għall-maħfra, għax Jiena dejjem ninsab lest li naħfirlek. Kull darba li inti tittallab għaliha, inti tkun qiegħda tigglorifika l-ħniena Tiegħi.

Ir-ruħ: Jiena nista’ nifhem x’inhi l-aħjar ħaġa li għandi nagħmel, x’jogħġbok l-iktar, imma niltaqa’ ma’ tfixkil kbir meta niġi biex nagħmel xi ħaġa dwar dan.

Ġesu’: Binti, il-ħajja f’din l-art hi tassew taqbida; taqbida kbira għas-saltna Tiegħi. Imma tibżax għax m’intix waħdek. Jiena dejjem inwieżnek; mela serraħ fuqi sakemm qiegħda titqabad, u tibża’ minn xejn. Ħu f’idejk ġarra tal-fiduċja, imliha u ixrob mill-għajn tal-ħajja għalik innifsek – imma wkoll għall-erwieħ oħrajn, l-iktar għal dawk li m’għandhomx fiduċja fit-tjubija Tiegħi.

Ir-ruħ: O Mulej, inħoss qalbi qiegħda timtela bi mħabbtek u r-raġġi tal-ħniena u tal-imħabba Tiegħek qegħdin jinfduli ruħi. Jiena ser immur, Mulej, skont il-kmand Tiegħek. Immur biex nirbaħ l-erwieħ. Imsaħħa bil-grazzja Tiegħek, jiena ninsab lesta biex nimxi warajk, mhux biss sat-Tabor, imma wkoll sal-Kalvarju. Nixtieq immexxi l-erwieħ sal-għajn tal-ħniena Tiegħek sabiex id-dija tal-ħniena Tiegħek tkun tista’ tiġi riflessa fl-erwieħ kollha, u d-dar ta’ Missierna tkun tista’ timtela sakemm tfur. U meta l-għadu jibda jaħbat għalija, jiena nistkenn wara t-tarka tal-ħniena Tiegħek.

Djalogu bejn Alla Ħanin u ruħ Perfetta.

1489. Ir-ruħ: Mulej u Mgħallem tiegħi, nixtieq nitkellem miegħek.

Ġesu’: Tkellem, binti għażiża, għax Jiena dejjem qiegħed nisma’. Qiegħed nistenniek. X’tixtieq tgħid?

Ir-ruħ: Mulej, l-ewwel ħallini nferra’ qalbi f’riġlejk filwaqt li nidlikhom bil-fwieħa tar-radd il-ħajr tiegħi għal ħafna barkiet li Int xxerred fuqi bil-kotra; ukoll li kieku ridt, ma kontx nista’ ngħoddhom. Li nista’ niftakar biss li qatt ma kien hemm waqt wieħed f’ħajti meta ma ħassejtx l-esperjenza tal-ħarsien u tat-tjubija Tiegħek.

Ġesu’: Il-kliem tiegħek jogħġobni, u r-radd il-ħajr tiegħek jiftaħ teżori ġodda ta’ grazzji. Imma, binti, għandna nitkellmu b’iktar dettall fuq il-ħwejjeġ li jinsabu ġewwa qalbek. Ejja nitkellmu ma’ xulxin min qalbna, bħalma jagħmlu żewġt iqlub li jħobbu lil xulxin.

Ir-ruħ: O Mulejja ħanin, hemm sigrieti ġewwa qalbi li ħadd ma jafhom, jew li ħadd ma jista’ qatt isir jafhom ħliefek għax, ukoll li kieku jiena ridt nirrevelahom, ħadd ma jifhimni. Il-ministru Tiegħek jaf xi ftit għax jiena mmur inqerr għandu, imma hu jaf biss dawk il-ftit misteri li jiena kapaċi nuri; il-bqija jibqa’ bejnietna għall-eternita’, O Mulejja! Inti għattejtni bil-mant tal-ħniena Tiegħek u ħfirtli dnubieti. Lanqas darba ma ċħadtli l-maħfra Tiegħek; Inti dejjem ħennejt għalija u tajtni l-ħajja ġdida tal-grazzja. Biex tevitali d-dubji, Inti afdajtni fil-premura u fl-imħabba tal-Knisja Tiegħek, dik l-omm ħanina, li f’Ismek tassigurani mill-veritajiet tal-fidi u toqgħod għassa tiegħi sabiex jiena ma noħroġx mit-triq. Speċjalment fit-tribunal tal-ħniena Tiegħek ruħi tiltaqa’ ma’ oċjean ta’ grazzji, għalkemm Inti ma tajtx iż-żmien biex huma jindmu lill-Anġli li waqgħu, lanqas ma żidtilhom iż-żmien tal-ħniena. O Mulejja, Inti pprovdejtli saċerdoti qaddisin biex juruni t-triq iż-żgura.

Ġesu’, hemm sigriet ieħor f’ħajti, dak l-iktar profond u l-iktar għażiż għal qalbi: dan huwa Inti stess meta Inti tiġi ġewwa qalbi taħt ix-xbieha tal-ħobż. Hawn jinsab is-sigriet kollu tal-qdusija tiegħi. Hawnhekk qalbi tkun magħquda ma’ Tiegħek sabiex ikunu ħaġa waħda. Ma jibqax sigrieti iktar, għax dak kollu li hu Tiegħek huwa tiegħi,u dak kollu li hu tiegħi huwa Tiegħek. Daqshekk huma s-Setgħa bla tarf u l-miraklu tal-ħniena Tiegħek. L-ilsna kollha tal-bnedmin u tal-anġli magħqudin flimkien ma jsibux il-kliem adattat għal dan il-misteru tal-imħabba u l-ħniena Tiegħek.

X’ħin nikkontempla dan il-misteru, qalbi ssib ruħha f’estasi mill-ġdid. Jiena ngħidlek kollox fis-skiet, Mulej, għax il-lingwa tal-imħabba m’għandhiex bżonn ta’ kliem; lanqas l-ebda ċaqliqa ta’ qalbi ma taħrablek. O Mulej, meta Inti ndenjajt tiċċekken daqshekk lejja b’mod hekk kbir, dan iqajjem ġewwa ruħi mħabba dejjem ikbar għalik, li Inti l-uniku għan ta’ mħabbti. Il-ħajja ta’ din l-għaqda turi ruħha f’safa perfetta, umilta’ profonda, skiet ħelu, u ħerqa kbira għas-salvazzjoni tal-erwieħ.

O Mulej tiegħi l-iktar ħelu, Int tgħasses fuqi kull waqt u ddawwalli moħħi x’għandi nagħmel f’sitwazzjoni preċiża, meta qalbi tkun għandha qiegħda taħsibha x’għandha tagħżel bejn iż-żewġ affarijiet. Int stess ta’ spiss indħalt biex tgħinni niddeċiedi f’każ ta’ diffikulta’. Ħafna drabi li ma nistax ngħoddhom, permezz ta’ dawl f’daqqa waħda, Inti għarraftni x’jogħġbok l-iktar.

O kemm huma numerużi l-każijiet ta’ maħfra li ħadd ma jaf bihom! Kemm –il darba Int ferrajt ġewwa ruħi kuraġġ u perseveranza sabiex jiena nibqa’ miexja ‘l quddiem. Kont Inti stess li neħħejt it-tfixkil minn quddiemi, u ndħalt direttament fl-azzjonijiet tal-bnedmin. O Ġesu’, dak kollu li jiena għidtlek huwa biss dell fjakk ta’ dak li qed jiġri ġewwa qalbi. O Ġesu’ tiegħi, b’liema ħerqa jiena nixtieq il-konverżjoni tal-midinbin! Inti taf jiena x’qiegħda nagħmel għalihom biex nirbaħhom għalik. Kull offiża kontrik lili tweġġagħni ħafna. Ma nibża’ għal xejn, la għal saħħti lanqas għal ħajti stess, sabiex jiena niddefendi s-saltna Tiegħek. Għalkemm l-isforzi tiegħi jibqgħu ma jidhrux f’din l-art, xorta waħda huma prezzjużi f’għajnejk.

O Ġesu’, jiena rrid inġib l-erwieħ fejn l-għajn tal-ħniena Tiegħek sabiex huma jimlew l-ilma li jagħti l-ħajja permezz tal-fiduċja. Ir-ruħ li tixtieq li jkollha iktar mill-ħniena ta’ Alla għandha tersaq lejn Alla b’fiduċja ikbar; u jekk il-fiduċja tagħha f’Alla tkun bla limitu, imbagħad il-ħniena ta’ Alla lejha tkun ukoll bla tarf. O Alla tiegħi, li taf b’kull taħbita ta’ qalbi, Inti taf b’liema ħerqa jiena nixtieq li l-qlub kollha jħabbtu għalik biss, li kull ruħ tigglorifika l-kobor tal-ħniena Tiegħek.

Ġesu’: Binti l-maħbuba, għaxqa ta’ Qalbi, kliemek huma iktar għeżież għalija u jogħġbuni iktar mill-kor tal-anġli. It-teżori kollha ta’ Qalbi jinsabu miftuħin għalik. Ħu minn din il-Qalb dak kollu li inti teħtieġ għalik u għad-dinja kollha. Minħabba mħabbtek, Jiena qed inżomm lura l-kastigi ġusti, li l-umanita’ ħaqqha. Att wieħed ta’ mħabba pura jogħġobni iktar minn elf talba imperfetta. Waħda mit-tnehid tiegħek ta’ mħabba tpattili għal ħafna offiżi li bihom jiksuni dawk li ma jemmnux f’Alla. L-iżgħar att ta’ virtu’ għandu valur bla tarf f’għajnejja minħabba l-imħabba kbira li inti għandek għalija. F’ruħ li tgħix biss bi mħabbti, Jiena nsaltan bħalma nagħmel fil-ġenna. Jiena ngħasses fuqha lejl u nhar. Fiha nsib il-hena Tiegħi; widinti tkun attenta għal kull talba tal-qalb tagħha; ħafna drabi Jiena nantiċipa t-talb tagħha. O binti, maħbuba b’mod speċjali Minni, il-mimmi ta’ għajnejja, ejja strieħ mument wieħed qrib Qalbi u duq minn dik l-imħabba li inti għad titpaxxa biha għall-eternita’ kollha.

Imma, binti, għadek ma wasaltx f’pajjiżek; mela mur, imsaħħa bil-grazzja Tiegħi, u ssielet għas-saltna Tiegħi fl-erwieħ; issielet bħalma jixraq lil bint sultan; u ftakar li l-jiem tal-eżilju tiegħek għad jgħaddu malajr, u magħhom il-possibbilta’ li takkwista l-mertu għall-ġenna. Minn għandek, binti, qiegħed nistenna għadd kbir ta’ erwieħ li għad jigglorifikaw il-ħniena Tiegħi għall-eternita’ kollha. Binti, sabiex inti tkun tista’ twieġeb għas-sejħa Tiegħi denjament, irċevini kuljum fit-Tqarbin Imqaddes. Dan jagħtik is-saħħa . . .

Ġesu’, tħallinix waħdi fit-tbatija. Inti taf, Mulej, kemm jiena dgħajfa. Jiena abbiss ta’ miżerja, u waħdi ma jiena xejn; għalhekk x’għaġeb jekk titlaqni u naqa? Għadni tarbija, Mulej, għalhekk ma nistax nimxi waħdi. Madankollu, imqar jekk inħossni mitluqa, nibqa’ nittama; il-fiduċja tiegħi fik qed tibdilni għal kollox – ta’ spiss minkejja dak kollu li nħoss. Tnaqqasli xejn mit-tbatija li għandi, biss agħtini l-qawwa biex inġarrabha. Agħmel bija dak li jogħġbok, Mulej; biss agħtini l-grazzja li nkun nista’ nħobbok f’kull ġrajja u ċirkustanza. Mulej, ittaffilix il-kalċi tal-imrar, biss agħtini s-saħħa biex inkun nista’ nixorbu kollu.

O Mulej, xi drabi Inti tgħollini sad-dija tad-dehriet, u mbagħad Inti terġa’ titfagħni fid-dalma tal-lejl u fl-abbiss tax-xejn tiegħi, u ruħi tħossha bħallikieku kienet waħedha fid-deżert. Imma fuq kollox jiena nafda fik, Ġesu’, għax Inti ma tinbidilx. Il-burdati tiegħi jinbidlu, imma Inti dejjem l-istess, mimli ħniena.

1490. + Ġesu’, għajn ta’ ħajja, qaddisni. O saħħa tiegħi, qawwini. Kmandant tiegħi, issielet għalija. L-uniku dawl ta’ ruħi, dawwalni. Mgħallem tiegħi, mexxini. Nafda lili nnifsi f’idejk bħalma tarbija tafda fl-imħabba ta’ ommha. Ukoll li kieku kollox kellu jdur kontrija, u wkoll jekk l-art iċċedi taħt riġlejja, jiena nkun fil-paċi qrib Qalbek. Inti dejjem omm l-iktar ħelwa għalija, u tgħaddi lill-ommijiet kollha. Bis-skiet tiegħi jiena nkantalek l-uġigħ tiegħi, u Inti m’għandekx bżonn il-kliem tiegħi biex tifhimni . . .

Djarju ta’ Swor Fawstina – Il-5 Pitazz (par.1471-1480)

Il-Ħames Pitazz – Paragrafi 1471-1480

10b403ad51b50b26d5cc1e2ad0c7db57

1471. Għalkemm qiegħda nħossni debboli, u n-natura tiegħi qiegħda tgħajjat għas-serħan, qiegħda nħoss l-ispirazzjoni tal-grazzja tgħidli nżomm sħiħ u nikteb, nikteb sabiex infarraġ lill-erwieħ, li jiena tant inħobb u li magħhom għad naqsam l-eternita’ kollha. U jiena nixtieq b’tant ħerqa li huma jkollhom il-ħajja eterna li din hi r-raġuni għaliex jiena nuża l-ħin liberu kollu tiegħi, ukoll jekk ikun żmien qasir, sabiex nikteb bil-mod li Ġesu’ jixtieq mingħandi.

1472. 8 ta’ Jannar. Waqt il-Quddiesa, kelli waqt wieħed ta’ għarfien dwar Dun S., li Alla qed jiġi mogħti glorja kbira permezz tal-isforzi tagħna t-tnejn. U għalkemm aħna ninsabu mbegħdin minn xulxin, spiss inkunu flimkien, għax ninsabu magħqudin b’għan wieħed.

1473. O Ġesu’ tiegħi, l-unika xewqa tiegħi, għalkemm illum xtaqt nirċevik b’ħeġġa ikbar minn qabel, madankollu, preċiżament illum, ruħi għandha nixfa ikbar mis-soltu. Il-fidi tiegħi tissaħħaħ iktar, u għalhekk il-frott tal-miġja Tiegħek, Mulej, ser ikun kotran. Għalkemm ħafna drabi Inti tiġi mingħajr ma tmissli s-sensi tiegħi u ssaltan biss f’ruħi, is-sensi wkoll xi kultant jifirħu bil-miġja Tiegħek.

1474. Spiss nitlob lill-Mulej Ġesu’ jagħtini fehma mdawla bil-fidi. Din il-ħaġa ngħidha lill-Mulej b’dan il-kliem: Ġesu’, agħtini l-fehma, fehma kbira, għal dan il-għan biss, biex inkun nista’ nifhmek aħjar; għax aktar ma nsir nafek, aktar inħobbok bil-ħeġġa, Ġesu’, nitolbok don qawwi tal-fehma, sabiex inkun nista’ nifhem ħwejjeġ divini u għoljin. Ġesu’, agħtini fehma ħajja, li biha nibda nagħraf l-Essenza Divina Tiegħek u l-ħajja ġewwinija Tiegħek ma’ Alla wieħed fi Tliet Persuni. Agħti lill-fehma tiegħi dawn il-kapaċitajiet u dispożizzjonijiet permezz tal-grazzja speċjali Tiegħek. Għalkemm jiena naf li hemm kapaċita’ permezz tal-grazzja mogħtija lili mill-Knisja, hemm ukoll teżor ta’ grazzji li Inti tagħtina, O Mulej, meta aħna nitolbuhomlok. Imma jekk it-talba tiegħi ma togħġbokx, mela nitolbok, tagħtinix l-inklinazzjoni biex nitlob b’dan il-mod.”

1475. Jiena nipprova li jkolli l-ikbar perfezzjoni possibbli sabiex inkun ta’ użu għall-Knisja. Ħafna ikbar hi r-rabta tiegħi mal-Knisja. Il-qdusija jew il-waqgħa ta’ kull ruħ individwali tħalli effett fuq il-Knisja kollha kemm hi. Meta noqgħod nosserva lili nnifsi u lil dawk il-persuni qrib tiegħi, nibda nifhem kemm għandi influwenza kbira fuq erwieħ oħrajn, mhux permezz ta’ xi għemejjel erojċi, għax dawn minnhom infushom jiġbdu l-attenzjoni, imma permezz ta’ azzjonijiet ċkejknin bħal mossa bl-idejn, ħarsa u ħafna affarijiet oħrajn li ma jingħaddux, li jkollhom effett fuq l-oħrajn u jirriflettu fl-erwieħ tal-oħrajn, bħalma osservajt jiena stess.

1476. O, kemm hi ħaġa tajba li r-regola tagħna titlob li jkun hemm skiet assolut fid-dormitorju (kmamar tas-sodda komuni) u ma tħalliniex noqogħdu hemm sakemm ma jkunx assolutament meħtieġ. Bħalissa għandi kamra ċkejkna fejn norqdu tnejn minna, imma meta kont marida u kelli noqgħod fis-sodda, skoprejt kemm idejjaqt jekk ikun hemm xi ħadd fil-kamra tas-sodda l-ħin kollu. Swor N. (nota228) kellha xi xogħol tal-idejn x’tagħmel u baqgħet fil-kamra tas-sodda kważi l-ħin kollu, u S. (nota229) oħra kienet tiġi biex tgħallimha kif għandha taħdmu. Diffiċli tiddeskrivi kemm tgħajjik din il-ħaġa, speċjalment meta tkun marida u tkun għaddejt xi lejl muġugħa. Kull kelma tħalli effett x’imkien fil-moħħ, speċjalment meta l-għajnejn jitqalu bin-ngħas. O regola, kemm hemm imħabba fik . . .

1477. Meta, waqt il-Vespri, kien qed jitkanta l-Magnificat, u waslu fil-kliem “Hu wera s-saħħa ta’ driegħu”, spirtu profond ta’ ġabra dar madwar ruħi, u jiena fhimt li l-Mulej ser iwettaq xogħlu ġewwa ruħi dalwaqt. (nota230) Issa ma nistagħġibx li l-Mulej ma wrinix kollox mill-ewwel.

1478. + Għaliex Inti qalbek sewda llum, Ġesu’? Għidli, min hu l-kawża ta’ dan-niket Tiegħek? U Ġesu’ weġibni, Erwieħ magħżulin li m’għandhomx l-ispirtu Tiegħi, li jgħixu skont l-ittra (ara 2 Kor 3:6) u li poġġew l-ittra qabel l-ispirtu Tiegħi, qabel l-ispirtu ta’ mħabba.

Jiena waqqaft il-liġi Tiegħi kollha fuq l-imħabba, u madankollu ma nistax nara l-ebda mħabba, lanqas fl-ordnijiet reliġjużi. Għal din ir-raġuni Qalbi hi mimlija niket.

+
Ġ.M.Ġ

1479. O Ġesu’ tiegħi, għalkemm fl-imrar terribbli u fl-uġigħ
Xorta waħda nħoss it-tmellisa tal-Qalb Divina Tiegħek.
Bħal omm twajba, Inti tagħfasni ma’ sidrek
U issa wkoll Inti tagħtini l-esperjenza ta’ x’hemm moħbi wara l-velu.

O Ġesu’ tiegħi, f’dan il-baħħ u l-biża’ li hawn madwari,
Qalbi għadha tħoss is-sħana tal-ħarsa Tiegħek,
Li l-ebda tempesta ma tista’ tneħħili minn quddiemi,
Filwaqt li Inti serraħli moħħi mill-imħabba kbira Tiegħek, O Alla.

O Ġesu’ tiegħi, fost il-miżerji kbar ta’ din il-ħajja,
Inti tiddi bħal kewkba, O Ġesu’, u tħarisni mill-għarqa.
U għalkemm kbar huma l-miżerji tiegħi,
Jiena għandi fiduċja kbira fil-qawwa tal-ħniena Tiegħek.

O Ġesu’ moħbi, fost il-ħafna taqbid tal-aħħar siegħa tiegħi,
Jalla tinxered fuq ruħi s-setgħa bla tarf tal-grazzja Tiegħek,
Sabiex filwaqt tal-mewt jiena nkun nista’ nħares lejk
U narak wiċċ imb’wiċċ, bħalma jagħmlu l-magħżulin fil-ġenna.

O Ġesu’ tiegħi, fost il-perikli li hawn madwari,
Jiena ngħaddi ħajti ngħajjat bil-ferħ, rasi merfugħa ‘l fuq,
Għax mal-Qalb Tiegħek hekk mimlija mħabba, O Ġesu’,
Jitfarrku l-għedewwa kollha u jintemm id-dlam kollu.

1480. + Ġesu’, aħbini fil-ħniena Tiegħek u ħarisni minn dak kollu li jista’ jbeżżgħali ruħi. Tħallix li tkun diżappuntata l-fiduċja tiegħi fil-ħniena Tiegħek. Għattini u ħarisni bis-Setgħa Tiegħek bla tarf, u ġġudikani wkoll bil-ħniena.

Djarju ta’ Swor Fawstina – Il-5 Pitazz (par.1461-1470)

Il-Ħames Pitazz – Paragrafi 1461-1470

1997b1a0982a298487b5818f4732a011-e1498584207697

1461. + O Ġesu’ tiegħi, meta ma jifhmunix u ruħi tkun imħarbta, inkun irrid noqgħod għal ftit waħdi miegħek. Tibgħatlix, O Mulej, messaġġiera, li kapaċi biss jitkellmu għalihom infushom, u jgħidu dak li tiddettalhom in-natura tagħhom stess. Konsolaturi bħal dawn jgħejjuni ħafna.

1462. 6 ta’ Jannar 1938. Illum, meta il-kappillan (Dun Theodore) ġab lill-Mulej Ġesu’, ħareġ dawl mill-Ostja, id-dawl tagħha laqat lil qalbi u mlieha b’nar kbir ta’ mħabba. Ġesu’ kien qed jgħarrafni li għandi nwieġeb għall-ispirazzjonijiet tal-grazzja b’iktar fedelta’, u li għandi nishar b’mod iktar sottili.

1463. + Il-Mulej għarrafni wkoll li ħafna isqfijiet kienu qegħdin jaħsbuha dwar din il-Festa, kif ukoll ċerta persuna lajka. Xi wħud kienu entużjasti dwar din l-opra ta’ Alla, filwaqt li oħrajn ma setgħux jemmnu fiha; imma minkejja kollox, ir-riżultat kien glorja kbira għall-opra ta’ Alla. Madre Irene u Madre Mary Joseph kienu qegħdin jagħtu speċi ta’ rapport lil dawn il-persuni distinti, imma dawn kienu qegħdin jistaqsu aktar fuqi milli dwar l-opra. (nota227) Għal dak li għandu x’jaqsam mal-opra stess, ma kienx hemm dubju, għax il-glorja ta’ Alla diġa’ kienet qiegħda tiġi mħabbra.

1464. Illum qiegħda nħossni ħafna aħjar. Fraħt li stajt nimmedita iktar waqt is-Siegħa ta’ Adorazzjoni. Imbagħad smajt vuċi: Mintix ser tkun tajba f’saħħtek. Tħallix is-Sagrament tal-Qrar, għax din il-ħaġa ma togħġobnix. Tagħtix kas tat-tgergir ta’ dawk ta’ madwarek. Stagħġibt b’dan, għax illum kont qiegħda nħossni aħjar, imma ma ħsibtx aktar fuq hekk. X’ħin is-soru tfiet id-dawl, bdejt nagħmel is-Siegħa tal-Adorazzjoni. Imma wara ftit bdejt inħoss xi ħaġa mhux sewwa f’qalbi. Bqajt inbati fis-skiet sal-ħdax, imma mbagħad tant bdejt inħossni ħażin li qajjimt lil Swor N. (probabilment Swor Fabiola), li qiegħda miegħi fil-kamra u tatni xi taqtir, li għenuni ftit u stajt nimtedd. Issa qiegħda nifhem x’avżani l-Mulej. Iddeċidejt li l-għada nsejjaħ lil saċerdot, ikun min ikun, u niftaħ quddiemu s-sigrieti ta’ ruħi. Imma dan ma kienx kollox, għax filwaqt li kont qiegħda nitlob għall-midinbin u noffri it-tbatijiet kollha tiegħi għalihom, l-ispirtu ħażin ma setax jissaportiha din il-ħaġa.

1465. Filwaqt li ħa forma ta’ dehra, huwa qal, “Titlobx għall-midinbin, imma għalik innifsek, għax int ser tintilef.” Filwaqt li jiena ma tajtx kas ta’ Satana, komplejt nitlob b’ħerqa doppja għall-midinbin. L-ispirtu ħażin beda jingħi bir-rabja, “O, li kieku kelli s-setgħa fuqek!” u għeb. Jiena stajt nara li t-tbatija u t-talb tiegħi kienu qegħdin jorbtu lil Satana u jaħtfulu ħafna erwieħ minn taħt idejh.

1466. Ġesu’, li tant tħobb is-salvazzjoni tal-bnedmin, iġbed lill-erwieħ kollha lejn il-ħajja divina. Jalla l-kobor tal-ħniena Tiegħek tkun mfaħħra hawn fl-art u fl-eternita’. O maħbub kbir tal-erwieħ, li fil-ħniena Tiegħek bla tarf ftaħt l-għejjun fejjieda tal-ħniena sabiex l-erwieħ dgħajfin ikunu jistgħu jissaħħu fil-pellegrinaġġ ta’ din il-ħajja, il-ħniena Tiegħek tgħaddi tiġri matul ħajjitna bħal ħajta tad-deheb u żżomm il-kuntatt tagħna ma’ Alla. Għax Hu m’għandu bżonn ta’ xejn biex iġiblu l-ferħ; għalhekk kollox hu biss opra tal-ħniena Tiegħu. Is-sensi tiegħi jkunu minfuda bil-ferħ meta Alla jagħtini li nsir iktar konxja minn dak l-attribut kbir tiegħu; jiġifieri, il-ħniena Tiegħu bla tarf.

1467. 7 ta’ Jannar 1938. L-ewwel Ġimgħa tax-xahar. Dalgħodu waqt il-Quddiesa, għal ftit minuti biss, rajt is-Salvatur qed ibati. Li laqatni kien li Ġesu’ tant kellu paċi fost it-tbatijiet kbar Tiegħu. Jiena fhimt li din kienet lezzjoni għalija kif għandha tkun l-imġiba tiegħi minn barra, fost id-diversi tbatijiet tiegħi.

1468. Għal żmien twil mhux ħażin, ħassejt uġigħ f’idejja, f’riġlejja u f’ġenbi. Imbagħad rajt lil ċertu midneb li kien qed jieħu ġid spiritwali mit-tbatijiet tiegħi jersaq qrib il-Mulej. Dan kollu għall-erwieħ li huma ‘l bogħod minn Alla.

1469. + Illum mort inqerr għand il-kappillan (Dun Theodore). Ġesu’ farraġni permezz ta’ dan is-saċerdot. O Ommi, Knisja ta’ Alla, inti Omm vera li tifhem lil uliedek . . .

1470. O, kemm hi ħaġa sewwa li Ġesu’ għad jiġġudikana skont il-kuxjenza tagħna u mhux skont ma jgħidu u jiġġudikaw in-nies. O tjubija li ħadd ma jista’ jifhimha, qiegħed narak mimli tjubija fl-istess waqt tal-ġudizzju.

Djarju ta’ Swor Fawstina – Il-5 Pitazz (par.1451-1460)

Il-Ħames Pitazz – Paragrafi 1451-1460

662dc49ac992ca3094fb58c636b93c79

1451. + Qiegħda nispiċċa s-sena l-qadima bit-tbatija u qiegħda nibda l-ġdida bit-tbatija wkoll. Jumejn qabel is-sena l-ġdida, kelli noqgħod fis-sodda. Ħassejtni marida ħafna, u sogħla kerha kienet qiegħda teħodli saħħti. U ma’dan kollu, uġigħ kontinwu fi msarni u dardir wassluni li nħossni eżawrita. Għalkemm ma stajtx ningħaqad mat-talb tal-komunita’, (nota224) ingħaqadt spirtwalment mal-komunita’ kollha. Meta s-sorijiet qamu fil-ħdax ta’ billejl biex jagħmlu s-sahra u jagħtu merħba lis-Sena l-Ġdida, jiena kien ili nitkagħweġ fl-agunija minn x’ħin beda il-lejl, u bqajt sejra hekk sa nofs il-lejl. Jiena għaqqadt it-tbatijiet tiegħi mat-talb tas-sorijiet li kienu qegħdin jishru fil-kappella u joffru riprazzjoni lil Alla għall-offiżi mwettqin mill-midinbin.

1452. X’ħin daqq nofs il-lejl, ruħi ntilfet f’ġabra profonda, u smajt vuċi ġewwa ruħi: Tibżax, binti ċkejkna, mintix waħdek. Issielet bil-kuraġġ, għax id-driegħ Tiegħi qiegħed iżommok; issielet għas-salvazzjoni tal-erwieħ, u ħeġġiġhom jafdaw fil-ħniena Tiegħi, għax dak hu xogħlok f’din il-ħajja u fil-ħajja l-oħra. Wara dan il-kliem, irċevejt għarfien iktar profond tal-ħniena divina. Dik ir-ruħ biss li tkun trid hi tintilef, għax Alla ma jikkundanna lil ħadd.

1453. Illum il-Festa tas-Sena l-Ġdida. Tant ħassejtni ħażin filgħodu li bilkemm irnexxieli mmur fiċ-ċella ta’ maġenb tiegħi biex nitqarben. (nota225) Ma stajtx immur il-Quddies għax ħassejtni ma niflaħx, u r-ringrazzjament għamiltu fis-sodda wkoll. Tant ridt immur il-Quddies u mbagħad inqerr għand Patri Andrasz, imma tant ħassejtni batuta li la stajt immur il-Quddies u lanqas inqerr. U minħabba f’hekk ruħi batiet ħafna. Wara l-kolazzjon, is-soru tal-Infermerija (Swor Chrysostom) ġiet u staqsietni, “Sor għaliex ma mortx il-Quddies?” Weġibt li ma stajtx. Bdiet ixxengel rasha bi stmerrija u qaltli, “Festa kbira bħal din illum, Sor, u inti lanqas biss tmur il-Quddies!” u ħarġet miċ-ċella tiegħi. Kien ili fis-sodda jumejn, nitkagħweġ bl-uġigħ, u ma ġietx iżżurni; u meta sa fl-aħħar ġiet fit-tielet jum, lanqas biss staqsietni jekk stajtx inqum, imma staqsietni nnervjata għaliex ma kontx qomt għall-Quddies. X’ħin kont waħdi, ippruvajt inqum, imma rġajt ħassni ħażin, u għalhekk bqajt fis-sodda b’kuxjenza kwieta. Iżda qalbi kellha ħafna x’toffrilu lill-Mulej, filwaqt li ngħaqdet miegħu spiritwalment waqt it-tieni Quddiesa. Wara t-tieni Quddiesa, is-soru tal-Infermerija reġgħet ġiet għandi, imma din id-darba biex tagħmel xogħolha u bit-termometru f’idejha. Imma deni ma kellix, għalkemm kont marida serjament u ma stajtx inqum. Għalhekk kelli nisma’ priedka oħra fejn qaltli li m’għandix għalfejn inċedi għall-mard. Jiena weġibtha li kont naf li hawnhekk kienu jqisuk marida serjament biss jekk tkun fl-aħħar agunija. Iżda, billi kont naf li kienet ser terġa’ tagħmilli priedka, weġibt li bħalissa ma kelli l-ebda bżonn min iħeġġiġni għal ħerqa ikbar. U għal darb’oħra bqajt waħdi fiċ-ċella.

Qalbi kienet mgħaffġa bin-niket, u l-imrar għarraqli ruħi, u tennejt il-kliem, “Merħba, Sena Ġdida; merħba, tazza mimlija mrar.” Ġesu’ tiegħi, qalbi tinsab ħerqana għalik, imma sadanittant is-serjeta’ tal-mard li għandi mhix qed tħallini nieħu sehem fiżikament fit-talb tal-komunita’, u qegħdin jissuspettawni li jiena għażżiena. It-tbatijiet tiegħi qegħdin jiżdiedu. Wara l-ikel ta’ filgħaxija, il-Madre Superjura (Irene) daħlet tittawwalli għal mument wieħed, imma reġgħet telqet malajr. Kelli intenzjoni nitlob li Patri Andrasz jiġi fiċ-ċella tiegħi biex iqararni, imma żammejt lura milli nagħmel din it-talba għal żewġ raġunijiet: l-ewwelnett, biex ma nagħtix ċans għat-tgergir, bħalma kien ġara qabel dwar il-Quddiesa; u t-tieni, għax lanqas biss ma kont inkun kapaċi nqerr, għax ħassejt li kont ninfaqa’ nibki bħal tifla ċkejkna. Ftit wara, waħda mis-sorijiet ġiet u għal darb’oħra ċanfritni: “Hemm ftit ħalib bil-butir fil-forn, Sor; għax ma tixorbux?” Jiena weġibt li ma kien hemm ħadd min iġibuli.

1454. + X’ħin sar il-lejl, żdiedu t-tbatijiet fiżiċi u ngħaqdu magħhom tbatijiet morali. Il-lejl u t-tbatija. Is-skiet solenni tal-lejl għamilhieli possibli nbati bil-liberta’. Ġismi kien minxur fuq il-għuda tas-salib. Bqajt nitkagħweġ bl-uġigħ terribli sal-ħdax. Mort fl-ispirtu fit-Tabernaklu u kxift il-pissidi, filwaqt li poġġejt rasi fuq ix-xifer tat-tazza u d-dmugħ tiegħi kollu beda nieżel fis-skiet lejn il-Qalb ta’ Dak li Hu biss jista’ jifhem x’jiġifieri uġigħ u tbatija. U doqt l-esperjenza tal-ħlewwa ta’ din it-tbatija, u ruħi bdiet tixxennaq għal din l-agunija ħelwa, li ma kontx inpartatha mat-teżori kollha tad-dinja. Il-Mulej tani s-saħħa fl-ispirtu u mħabba għal dawk kollha li permezz tagħhom waslu għandi dawn it-tbatijiet. Dan kien mela l-ewwel jum tas-sena.

1455. F’dan il-jum ukoll ħassejt it-talb ta’ ruħ sabiħa (probabilment ta’ Dun Sopocko jew Patri Andrasz) li kienet qiegħda titlob għalija u tagħtini, fl-ispirtu, il-barka saċerdotali tagħha. Jiena rreċiprokajt bit-talb imħeġġeġ tiegħi.

1456. + O Mulej l-iżjed ħlejju, liema ħniena Inti turi meta tiġġudika lil kull bniedem skont il-kuxjenza tiegħu stess u skont kif hu stess juri d-dixxerniment tiegħu, u mhux skont ma jgħidu n-nies. L-ispirtu tiegħi jitpaxxa u jmantni ruħu iżjed u iżjed bl-għerf Tiegħek, li jiena qiegħda nsir nafu iżjed u iżjed profondament. U f’din il-ħaġa, il-kobor tal-ħniena Tiegħek jidher iżjed u iżjed ċar quddiemi. O Ġesu’ tiegħi, l-effett ta’ dan l-għarfien kollu fuq ruħi hu li jiena qiegħda niġi mibdula fi fjamma ta’ mħabba għalik, Alla tiegħi.

1457. + 2 ta’ Jannar 1938. Kif kont qiegħda nħejji ruħi għat-Tqarbin Imqaddes illum, Ġesu’ riedni nikteb iżjed; mhux biss fuq il-grazzji li Hu qed jagħtini, imma wkoll fuq affarijiet esterni, u dan għall-faraġ ta’ ħafna erwieħ.

1458. + Wara dak il-lejl ta’ tbatija, meta is-saċerdot (Patri Matzanger) (nota226) daħal fiċ-ċella tiegħi flimkien mal-Mulej Ġesu’, tant imtlejt bil-ħeġġa kollni kemm jiena li ħassejt, illi kieku s-saċerdot dam daqsxejn iżjed, Ġesu’ stess kien jaqbeż minn ġo jdejh u jiġi għandi.

1459. Wara t-Tqarbin il-Mulej qalli, Li kieku s-saċerdot ma ġabnix għandek, kont niġi Jiena stess taħt l-istess speċi. Binti, it-tbatijiet tiegħek dan il-lejl akkwistaw il-grazzja tal-ħniena għal għadd kbir ta’ ħafna erwieħ.

1460. + Binti, għandi xi ħaġa x’ngħidlek. Jiena weġibt, “Tkellem, Ġesu’, għax jiena ninsab għatxana għall-kliem Tiegħek.” Jiena ma ħadtx gost għax, minħabba li s-sorijiet qegħdin igergru, inti ma tlabtx biex Patri Andrasz jiġi jqarrek fiċ-ċella tiegħek. Kun af li, minħabba li għamilt hekk, tajthom skuża ikbar biex igergru. Bl-umilta’ kollha tlabt il-maħfra tal-Mulej. O Mgħallem tiegħi, ċanfarni; tagħlaqx għajnejk għan-nuqqasijiet tiegħi, u tħallinix niżbalja.

Djarju ta’ Swor Fawstina – Il-5 Pitazz (par.1441-1450)

Il-Ħames Pitazz – Paragrafi 1441-1450

0402cebb1a8e349fb1033cb34bc92feb-e1498503628718.jpg

1441. Għalkemm ridt nibqa’ nishar għal xi ħin qabel il-Quddiesa ta’ billejl, (nota222) ma rnexxilix. Irqadt mill-ewwel u wkoll kont qiegħda nħossni dgħajfa ħafna. Imma meta daqqew il-qniepen għall-Quddiesa ta’ nofs illejl, qomt f’daqqa u lbist, għalkemm b’diffikulta’ kbira, għax beda jħossni ħażin il-ħin kollu.

1442. + X’ħin wasalt għall-Quddiesa ta’ nofs illejl, mill-ewwel intlift f’ġabra profonda, u matul dak il-ħin rajt l-istalla ta’ Betlem mimlija b’dija kbira. Il-Verġni Mbierka, mitlufa kollha kemm hi fi mħabba l-iżjed profonda, kienet qiegħda tfisqi lil Ġesu’, imma San Ġużepp kien għadu rieqed. Kien biss wara li Omm Ġesu’ poġġietu fil-maxtura li d-dawl ta’ Alla qajjem lil Ġużeppi, li beda jitlob hu wkoll. Imma ftit wara, ħallewni waħdi mat-Tarbija Ġesu’ li newwilli jdejh ċkejknin, u jiena fhimt li kelli naqbdu u nżommu f’dirgħajja. Ġesu’ beda jross rasu ma’ qalbi u tani x’nifhem, bil-ħarsa profonda Tiegħu, kemm kien qed iħossu sewwa qrib il-qalb tiegħi. F’dak il-waqt Ġesu’ għeb u kienet qiegħda ddoqq il-qanpiena għat-Tqarbin Imqaddes.

1443. Ruħi kienet mitluqa f’telqa ta’ ferħ. Imma lejn it-tmiem tal-Quddiesa, ħassejtni hekk debboli li kelli noħroġ mill-kappella u mmur fiċ-ċella tiegħi, għax ma ħassejtnix kapaċi nieħu sehem fit-te’ tal-komunita’. Imma l-ferħ tiegħi matul iż-żmien kollu tal-Milied kien kbir ħafna, għax ruħi kienet maqgħuda il-ħin kollu mal-Mulej. Sirt naf li kull ruħ tkun tixtieq li jkollha konsolazzjonijiet divini, imma ma tkunx trid bl-ebda mod tħalli warajha l-konsolazzjonijiet umani, filwaqt li dawn iż-żewġ affarijiet ma jistgħux joqogħdu flimkien.

1444. Matul iż-żmien tal-Milied, ħassejt li ċerti erwieħ kienu qegħdin jitolbu għalija. Jiena nifraħ li l-għaqda spiritwali u għarfien bħal dawn jeżistu diġa’ hawn fl-art. O Ġesu’ tiegħi, tkun imfaħħar għal dan kollu!

1445. Fl-ikbar turmenti tar-ruħ jiena nkun ninsab dejjem waħdi, imma le – mhux waħdi, għax ninsab miegħek, Ġesu’; imma hawn jiena qiegħda nitkellem dwar nies (oħrajn). Ħadd minnhom ma jifhem lil qalbi, imma din il-ħaġa m’għadhiex sorpriża għalija, filwaqt li kont inkun sorpriża meta l-intenzjonijiet tiegħi kienu kkundannati u kienu jiġu interpretati ħażin; le din m’għadhiex sorpriża għalija issa bl-ebda mod. Il-bnedmin ma jafux kif għandhom jaraw lir-ruħ. Jaraw il-ġisem, u jiġġudikaw skont il-ġisem. Imma daqskemm hi ‘l bogħod is-sema mill-art, daqshekk ieħor huma ‘l bogħod il-ħsibijiet ta’ Alla mill-ħsibijiet tagħna. Jiena stess kelli esperjenza li ta’ spiss jiġri li ( . . . )

1446. Il-Mulej qalli, M’għandu jkollu l-ebda importanza għalik kif ħaddieħor ikun qed iġib ruħu; inti trid tkun ir-rifless ħaj Tiegħi, permezz tal-imħabba u l-ħniena. Jiena weġibt, “Mulej, imma ta’ spiss japprofittaw ruħhom mit-tjubija tiegħi.” Dik il-ħaġa ma tagħmel l-ebda differenza, binti. Mhix affarik. Inti għandek dejjem turi ħniena ma’ nies oħrajn, u speċjalment mal-midinbin.

1447. + O, kemm iweġġgħani l-fatt li l-erwieħ rari jingħaqdu miegħi fit-Tqarbin. Jiena nkun qiegħed nistenna l-erwieħ, u huma ma jagħtux kasi. Jiena nħobbhom bi ħlewwa u sinċerita’, u huma ma jafdawnix. Jiena rrid inferra’ fuqhom il-grazzji Tiegħi, u huma ma jridux jaċċettawhom. Jittrattawni bħallikieku kont xi ħaġa mejta, filwaqt li l-Qalb Tiegħi hi mimlija mħabba u ħniena. Sabiex inti tkun tista’ tifhem almenu ftit mill-uġigħ Tiegħi, immaġina omm mill-iktar ħelwa li għandha mħabba kbira għal uliedha, filwaqt li dawk it-tfal ma jridux l-imħabba tagħha. Aħseb ftit kemm tweġġa’ din il-mara. Ħadd ma jkun jista’ jfarraġha. Din hi biss xbieha fjakka ta’ mħabbti.

1448. Ikteb, tkellem dwar il-ħniena Tiegħi. Għid lill-erwieħ fejn għandhom ifittxu l-faraġ; jiġifieri, fit-Tribunal tal-Ħniena (is-Sagrament tal-Qrar). Hemmhekk iseħħu l-ikbar mirakli u jirrepetu ruħhom bla waqfien. Biex wieħed japprofitta minn dan il-miraklu, m’hemmx għalfejn imur xi pellegrinaġġ kbir jew iwettaq xi ċerimonja li tidher minn barra; biżżejjed li wieħed jiġi bil-fidi f’riġlejn ir-rappreżentant Tiegħi u jurih il-miżerja tiegħu, u l-miraklu tal-Ħniena Divina jkun jista’ jidher bis-sħiħ. Li kieku r-ruħ tkun bħal kadavru qed jitmermer u għalkemm, skont kif jarawha l-bnedmin, ma jkun hemm l-ebda (tama li) terġa’ tiġi f’tagħha u kollox ikun diġa’ mitluf, mhux hekk ma’ Alla. Il-miraklu tal-Ħniena Divina jerġa’ jġedded lil dik ir-ruħ bis-sħiħ. O, kemm huma msejknin dawk li ma japprofittawx mill-miraklu tal-Ħniena ta’ Alla! Għalxejn għad issejjaħli, għax ikun tard wisq.

+
Ġ.M.Ġ
Is-Sena 1938
L-Ewwel ta’ Jannar

1449. Insellimlek, Sena Ġdida, li fiha għad iseħħ il-perfezzjoni tiegħi. (nota223) Grazzi minn qabel, O Mulej, għal dak kollu li t-tjubija Tiegħek għad tibgħatli. Grazzi tat-tazza tat-tbatija li minnha għad nixrob kuljum. Tnaqqasx mill-imrar tagħha, O Mulej, imma saħħaħli xofftejja sabiex, waqt li nkun qiegħda nixrob minn dan l-imrar, huma jafu jitbissmu għall-imħabba Tiegħek, Mgħallem tiegħi. Inroddlok ħajr tal-faraġ u l-grazzji bla tarf li kuljum jinżlu fuqi bħan-nida ta’ filgħodu, fis-skiet, mingħajr ħadd ma jinduna, li l-ebda għajn kurjuża ma tista’ tarahom, u li Inti u jiena biss nafu bihom, O Mulej. Għal dan kollu, nirringrazzjak mil-lum għax, f’dak il-waqt meta Inti tnewwilli t-tazza, jista’ jkun li qalbi ma tkunx kapaċi tirringrazzjak.

1450. Jiena għalhekk illum nissottometti ruħi kompletament u bil-kunsens tiegħi mimli mħabba għar-rieda qaddisa Tiegħek, O Mulej, u għad-digrieti Tiegħek mimlijin għerf, li huma dejjem mimlijin bil-ħniena għalija, għalkemm xi drabi la nista’ nifhem wisq anqas nidħol fil-qiegħ tagħhom. O Mgħallem tiegħi, nintelaq kollni kemm jien f’idejk, li Inti t-tmun ta’ ruħi; suqha Inti stess skont ix-xewqat divini Tiegħek. Ningħalaq fil-Qalb Tiegħek l-iżjed ħanina, li hi baħar ta’ ħniena bla tarf.

Djarju ta’ Swor Fawstina – Il-5 Pitazz (par.1431-1440)

Il-Ħames Pitazz – Paragrafi 1431-1440

img_8407-2

1431. Iżda xorta waħda, fir-refettorju kelli nissaporti li ta’ spiss jissuspettaw li kont qiegħda nagħmel għaġeb (dwar l-ikel li kont nieħu). F’waqtiet bħal dawn, bħas-soltu jien niġri ħdejn it-Tabernaklu u nitbaxxa quddiem il-pissidi u minn hemm niġbed is-saħħa sabiex inkun nista’ naċċetta r-rieda ta’ Alla. Dak li ktibt s’issa għadu mhux kollox.

1432. Illum waqt il-qrar, filwaqt li spirtwalment qasam l-wejfer (nota220a) flimkien miegħi, (il-konfessur) tani dawn ix-xewqat: “Kun fidila kemm tista’ mal-grazzja ta’ Alla; it-tieni, itlob il-ħniena ta’ Alla għalik u għad-dinja kollha, għax aħna lkoll kemm aħna neħtieġu ħafna l-ħniena ta’ Alla.”

1433. Jumejn qabel il-Milied, fir-refettorju nqara dan il-kliem: “għada t-Twelid ta’ Ġesu’ Kristu skont il-ġisem.” (nota221) Ma’ dan il-kliem, ruħi ġiet minfuda mid-dawl u l-imħabba ta’ Alla, u ngħatajt għarfien iktar profond tal-Misteru tal-Inkarnazzjoni tal-Iben ta’ Alla. Kemm hi kbira l-ħniena ta’ Alla li tinsab fil-Misteru tal-Inkarnazzjoni tal-Iben ta’ Alla!

1434. Illum, il-Mulej għarrafni bil-korla Tiegħu għall-umanita’ li, minħabba d-dnubiet tagħha, jixirqilha li jkollha jiemha mqassra. Imma sirt naf li l-eżistenza tad-dinja qegħdin iżommuha l-erwieħ magħżulin; jiġifieri, l-ordnijiet reliġjużi. Gwaj għad-dinja meta għad ikun hemm nixfa fl-ordnijiet reliġjużi!

+
Ġ.M.Ġ

1435. Jiena qiegħda nwettaq kull għemil filwaqt li qiegħda nistenna l-mewt.
Nagħmlu bħalissa bħalma nixtieq narah isir fl-aħħar siegħa tiegħi.
Għalkemm il-ħajja tgħaddi malajr bħar-riħ
L-ebda għemil li jsir għal Alla m’hu ser jintilef.

Qiegħda nħoss tmermir sħiħ tal-organi tiegħi,
Għalkemm għadni ħajja u għadni naħdem.
Il-mewt mhix ser tkun traċedja għalija,
Għax ili nħossha għal żmien twil.

Għalkemm hi ħaġa kerha ħafna għan-natura
Li l-ħin kollu xxomm il-kadavru tiegħek stess,
Imma mhix ħaġa daqshekk terribbli meta r-ruħ tkun mimlija bid-dawl ta’ Alla,
Għax fiha jitqajmu l-fidi, it-tama, l-imħabba u l-indiema.

Kuljum nagħmel sforzi kbar
Biex nieħu sehem fil-ħajja tal-komunita’,
U b’dan il-mod ningħata l-grazzji għas-salvazzjoni tal-erwieħ,
Filwaqt li nħarishom min-nar tal-infern permezz tas-sagrifiċċju tiegħi.

Għax is-salvazzjoni ta’ ruħ waħda biss
Tiswa s-sagrifiċċju ta’ ħajja sħiħa
U li wieħed jissaporti l-ikbar sagrifiċċju u turmenti,
Ladarba kbira hi l-glorja li tingħata lil Alla.

1436. + Mulej, għalkemm Inti spiss tgħarrafni bir-ragħad tal-korla Tiegħek, il-korla Tiegħek tgħib quddiem erwieħ umli u ċkejknin. Għalkemm Inti kbir, Mulej, tippermetti li tingħeleb minn ruħ li hi ċejkna u profondament umli. O umilta’, virtu’ l-iktar prezzjuża, kemm huma ftit l-erwieħ li għandhom lilek. Nista’ nara biss xebh ta’ din il-virtu’ kullimkien madwari, imma mhux il-virtu’ fiha nnifisha. Mulej, ċċekkinni f’għajnejja stess sabiex inkun nista’ nsib il-grazzja quddiemek.

1437. + Lejliet il-Milied (1937). Wara t-Tqarbin, Omm Alla tatni l-esperjenza tal-ħsieb u tal-ansjeta’ li kellha f’qalbha minħabba l-Iben ta’ Alla. Imma din l-ansjeta’ kienet mimlija b’tant fwieħa ta’ abbandun għar-rieda ta’ Alla li aħjar ngħid li kienet qiegħda titpaxxa milli kienet ansjuża. Jiena fhimt kif ruħi kellha taċċetta r-rieda ta’ Alla f’kollox. Ħasra li ma nistax nikteb dwar din il-ħaġa bl-istess mod li kelli esperjenza tagħha. Ruħi kienet mitfugħa f’ġabra profonda l-jum kollu. Xejn ma seta’ jifridni minn din il-ġabra, la d-dmirijiet tiegħi, lanqas ix-xogħol li kelli x’naqsam fih mal-lajċi.

1438. Qabel l-ikla ta’ filgħaxija, mort il-kappella għal waqt wieħed sabiex naqsam il-wejfer spirtwalment ma’ dawk il-persuni maħbubin, tant għeżież għal qalbi, għalkemm kienu jinsabu ‘l bogħod. L-ewwel, intlift f’talb profond u tlabt lill-Mulej għal grazzji għalihom ilkoll bħala grupp u mbagħad għal kull wieħed individwalment. Ġesu’ tani x’nifhem kemm għoġbitu din il-ħaġa, u ruħi mtliet b’ferħ ikbar meta setgħet tara kif Alla jħobb b’mod speċjali lil dawk li aħna nħobbu.

1439. + Wara li mort fir-refettorju, waqt il-lettura, sibt ruħi kollni kemm jiena mitlufa f’Alla. Ġewwa fija, rajt lil Alla jħares lejna bi pjaċir kbir. Bqajt waħdi flimkien mal-Missier tas-Sema. F’dak il-waqt, kelli għarfien iktar profond tat-Tliet Persuni Divini, li aħna għad nikkontemplawhom għall-eternita’ kollha, u wara miljuni ta’ snin, għad niskopru li għadna biss bilkemm bdejna l-kontemplazzjoni tagħna. O, kemm hi kbira l-ħniena ta’ Alla, li jippermetti lill-bniedem jieħu sehem fi grad hekk għoli fil-ferħ divin Tiegħu! Fl-istess ħin, x’weġgħa kbira tinfidli qalbi (meta naħseb) li tant erwieħ ikkalpestaw dan il-ferħ.

1440. Meta bdejna naqsmu l-wejfer, kien hemm issaltan fostna mħabba sinċiera u reċiproka. Il-Madre Superjura (Irene) esprimietli din ix-xewqa: “Sor, l-opri ta’ Alla jimxu bil-mod, mela tgħaġġilx.” B’mod ġenerali, is-sorijiet sinċerament xtaquli ħafna mħabba, li hi ħaġa li jiena nixtieq iktar minn kwalunkwe ħaġa oħra. Stajt nara li dawn ix-xewqat kienu verament ġejjin minn qalbhom, b’eċċezzjoni ta’ soru waħda, li kellha l-malizzja moħbija fix-xewqat tagħha, għalkemm dan ma weġġagħnix ħafna, għax ruħi kienet mimlija b’Alla. Imma din il-ħaġa dawlitli moħħi dwar il-għala Alla jikkomunika hekk ftit ma’ ruħ ta’ dan it-tip, u sirt naf li ruħ bħal din tkun qiegħda dejjem tfittex lilha nnfisha, f’affarijiet qaddisa wkoll. O, kemm Hu twajjeb il-Mulej li ma jħallinix nitfixkel! Naf li Hu ser iħarisni, ukoll bl-ikbar ġelosija, imma dan jagħmlu biss sakemm jiena nibqa’ ċkejkna, għax hu ma’ erwieħ bħal dawn li l-Mulej Setgħan jħobb jikkomunika . L-erwieħ suppervi Hu jħares lejhom mill-bogħod u jeħodha kontra tagħhom.

Djarju ta’ Swor Fawstina – Il-5 Pitazz (par.1411-1420)

Il-Ħames Pitazz – Paragrafi 1411-1420

hd (1)

+
Ġ.M.Ġ

1411. O Spirtu Divin, Spirtu ta’ verita’ u ta’ dawl,
Ibqa’ għammar għal dejjem ġewwa ruħi bil-grazzja divina Tiegħek.
Jalla n-nifs Tiegħek jeqred id-dlam,
U f’dan id-dawl jiżdiedu l-opri tajba.

O Spirtu Divin, Spirtu ta’ mħabba u ta’ ħniena,
Li tferra’ l-balzmu tal-fiduċja ġewwa qalbi,
Il-grazzja Tiegħek tikkonfermali ruħi fit-triq it-tajba,
U tagħtiha s-saħħa tal-fedelta’ li ħadd ma jirbħilha.

O Spirtu Divin, Spirtu ta’ paċi u ta’ ferħ,
Inti ssaħħaħli l-qalb għatxana tiegħi,
U tferra’ fiha l-għajn ħajja tal-imħabba ta’ Alla,
Filwaqt li tagħtiha l-kuraġġ għat-taqbida.

O Spirtu Divin, il-mistieden speċjali ta’ ruħi,
Min-naħa tiegħi, jiena rrid nibqa’ fidila lejk;
Kemm fil-jiem ta’ ferħ kif ukoll fl-agunija tat-tbatija,
Jiena rrid dejjem, O Spirtu ta’ Alla, ingħix fil-preżenza Tiegħek.

O Spirtu Divin, li timlieni kollni kemm jiena
U tagħtini li nagħraf il-Ħajja Divina Tiegħek fi tliet Persuni,
U ddaħħalni fl-Essenza Divina Tiegħek,
Hekk maqgħuda flimkien miegħek, jiena għad ngħix ħajja eterna.

1412. Ħejjejt ruħi b’ħeġġa kbira biex niċċelebra l-Festa tat-Tnissil bla Tebgħa ta’ Omm Alla. Għamilt sforz iktar mis-soltu biex nibqa’ miġbura fl-ispirtu u mmeditajt fuq dan il-privileġġ uniku tal-Madonna. U hekk qalbi baqgħet mgħaddsa fiha kompletament, filwaqt li raddejt ħajr lil Alla talli ta dan il-privileġġ kbir lil Marija.

1413. Ħejjejt ruħi mhux biss permezz tan-novena flimkien mal-komunita’ kollha, imma għamilt sforz personali wkoll sabiex insellmilha elf darba kuljum, billi ngħid elf ‘Ave Maria’ għal disat ijiem ad unur tagħha.

+ Din hi t-tielet darba issa li għamilt novena bħal din lil Omm Alla; jiġifieri, novena ta’ elf ‘Ave Maria’ kuljum. B’hekk in-novena fiha b’kollox disat elef tislima. Għalkemm din il-ħaġa issa għamiltha tliet darbiet f’ħajti, u darbtejn minnhom waqt il-qadi ta’ dmirijieti, qatt ma nqast milli nwettaq ix-xogħol tiegħi bl-ikbar reqqa. In-novena dejjem għidtha mhux fil-ħin ta’ talb normali tiegħi, jiġifieri, l-‘Ave Maria’ ma għidthomx waqt il-Quddies jew waqt il-Barka.

Darba għamilt in-novena filwaqt li kont ninsab marida fl-isptar. Fejn hemm ir-rieda jinstab il-mezz. Minbarra l-ħin tal-mistrieħ, jiena tlabt u ħdimt biss. Ma għidt l-ebda kelma żejda f’dawn il-ġranet. Għalkemm irrid nammetti li ħaġa bħal din titlob ħafna attenzjoni u sforz kbir, xejn m’hu biżżejjed meta wieħed irid jagħti qima lill-Verġni Immakulata.

1414. Il-Festa tat-Tnissil Bla Tebgħa. Qabel it-Tqarbin rajt lill-Verġni Mbierka sabiħa li ma tistax timmaġinaha. Filwaqt li tbissmitli qaltli, Binti, skont il-kmand ta’ Alla, jien għandi nkun b’mod speċjali u esklużiv Ommok; imma nixtieq li inti wkoll tkun binti b’mod speċjali.

1415. Nixtieqek, binti l-iżjed maħbuba, tipprattika t-tliet virtujiet li huma l-iktar għeżież għalija – u li l-iktar jogħġbu lil Alla. L-ewwel waħda hi l-umilta’, l-umilta’ u għal darb’oħra l-umilta’, it-tieni virtu’, is-safa; it-tielet virtu’, l-imħabba ta’ Alla. Bħala binti, inti trid tirrifletti b’mod speċjali dawn il-virtujiet.

X’ħin spiċċajna nitkellmu, għafsitni ma’ qalbha u għebet. X’ħin erġajt ġejt f’sensija, qalbi nġibdet b’mod tal-għaġeb lejn dawn il-virtujiet; u jiena nipprattikahom bil-fedelta’. Huma qishom minquxin f’qalbi.

1416. Dan kien jum eċċezzjonali għalija. Matul dan il-jum bqajt qisni f’kontemplazzjoni l-ħin kollu; il-ħsieb biss ta’ din il-grazzja ħadni iktar fil-fond tal-kontemplazzjoni; u matul il-jum kollu komplejt inrodd ħajr bla waqfien, għax kull darba li bdejt niftakar f’din il-grazzja ruħi reġgħet bdiet tintilef f’Alla . . .

1417. O Mulejja, ruħi hi l-iktar waħda miskina minnhom kollha, u Inti xorta waħda titbaxxa lejha b’tant tjubija! Jiena nista’ nara ċar il-kobor Tiegħek u ċ-ċokon tiegħi, u għalhekk jiena nifraħ li Inti daqshekk qawwi u bla tarf, u għalhekk jiena nifraħ ħafna li jiena daqshekk ċkejkna.

1418. O Kristu li qed tbati, jiena ġejja niltaqa’ miegħek. La jiena l-għarusa Tiegħek, irrid nixbħek. Il-mantell tal-umiljazzjoni Tiegħek irid jgħatti lili wkoll. O Kristu, Inti taf b’liema ħeġġa jiena nixtieq insir nixbħek. Agħmel li l-Passjoni kollha Tiegħek tkun id-destin tiegħi. Jalla n-niket Tiegħek jitferra’ f’qalbi. Nispera li Inti għad twassal din il-ħaġa fit-tmiem tagħha ġewwa fija bil-mod li Inti jidhirlek li jkun jixraq l-iktar.

1419. + Illum kien hemm l-adorazzjoni bil-lejl. Ma stajtx nieħu sehem fiha minħabba problemi f’saħħti, imma qabel ma rqadt ingħaqadt mas-sorijiet li kienu qegħdin jagħmlu l-adorazzjoni. Bejn l-erbgħa u l-ħamsa, qomt f’daqqa waħda, u smajt vuċi tgħidli ningħaqad ma’ dawk li kienu qegħdin jagħmlu l-adorazzjoni dak il-ħin. Fhimt li fosthom kien hemm ruħ qiegħda titlob għalija.

1420. X’ħin intlift fit-talb, ġejt meħuda fl-ispirtu fil-kappella, fejn rajt lill-Mulej Ġesu’, espost fl-ostensorju. Minflok l-ostensorju, rajt il-Wiċċ glorjuż tal-Mulej u Hu qalli, Dak li inti qiegħda tara fir-realta’, dawn l-erwieħ jarawh bil-fidi. O, kemm togħġobni l-fidi kbira tagħhom! Inti tista’ tara, għalkemm ma jidher li hemm l-ebda traċċa ta’ ħajja fija, fir-realta’ din tinsab preżenti fil-milja tagħha f’kull Ostja, waħda waħda. Imma sabiex Jiena nkun nista’ naħdem fir-ruħ, din irid ikollha l-fidi, O, kemm togħġobni fidi ħajja!

Djarju ta’ Swor Fawstina – Il-5 Pitazz (par.1391-1400)

Il-Ħames Pitazz – Paragrafi 1391-1400

19511668_747671418753116_2081531257_n

1391. Waqt l-ikla ta’ filgħaxija fir-refettorju llum, ħassejt il-ħarsa ta’ Alla fil-fond ta’ qalbi. Tant kienet qawwija din il-preżenza li mlietli ruħi li, għal xi ħin, lanqas kont naf fejn ninsab. Il-preżenza ħelwa ta’ Alla baqgħet timlieli ruħi u, f’xi ħinijiet, ma stajtx nifhem x’kienu qegħdin jgħiduli s-sorijiet.

1392. It-tajjeb kollu li hemm ġo fija nafu lit-Tqarbin Imqaddes. Kollox naf lil dan. Inħoss li dan in-nar qaddis bidilni kompletament. O kemm jiena kuntenta li jiena għamara għalik O Mulej! Qalbi hija tempju fejn Inti tgħammar il-ħin kollu . . .

+
Ġ.M.Ġ

1393. Ġesu’, għaxqa ta’ ruħi, Ħobż tal-Anġli,
Jiena, kollni kemm jiena, ninsab mgħaddsa Fik,
U ngħix il-ħajja divina Tiegħek bħalma jagħmlu l-magħżulin fis-sema,
U r-realta’ ta’ din il-ħajja mhix ser tispiċċa, għalkemm inkun fil-qabar.

Ġesu’ Ewkaristija, Alla Immortali,
Li tgħammar f’qalbi bla waqfien,
Meta jiena jkolli lilek, l-istess mewt ma tista’ tagħmilli l-ebda ħsara.
L-imħabba tgħidli li jiena għad narak fit-tmiem ta’ ħajti.

Mimlija bil-ħajja ta’ Alla,
Nibqa’ nħares b’ċertezza lejn is-sema miftuħ għalija,
U l-mewt b’wiċċ mistħi għad titlaq ‘l hemm b’idejha vojta,
Għax il-ħajja divina Tiegħek qiegħda ġewwa ruħi.

U għalkemm skont ir-rieda qaddisa Tiegħek, O Mulej,
Il-mewt għad trid teqridli ġismi,
Jiena nixtieq li din tiġi u xxejjinni malajr kemm jista’ jkun,
Għax permezz tagħha jiena nkun nista’ nidħol fil-ħajja eterna.

Ġesu’ Ewkaristija, ħajja ta’ ruħi,
Int għollejtni ‘l fuq sal-isferi eterni,
U dan, permezz tal-agunija u l-mewt Tiegħek fost torturi l-aktar ħorox.

26 (ta’ Novembru 1937)

1394. Irtir ta’ ġurnata ta’ kull xahar.

Matul dan l-irtir, il-Mulej tani d-dawl li nsir naf x’inhi r-rieda Tiegħu b’mod iktar profond u li nintelaq kompletament fir-rieda qaddisa ta’ Alla. Dan id-dawl ikkonfermani f’paċi profonda, u tani x’nifhem li m’għandi nibża’ minn xejn ħlief mid-dnub. Jibgħatli x’jibgħatli Alla, jiena naċċettah f’sottomissjoni sħiħa għar-rieda qaddisa Tiegħu. Ipoġġini fejn ipoġġini, jiena ser nipprova nagħmel ir-rieda qaddisa Tiegħu bil-fedelta’, bl-aħjar mod skont ma jixtieq Hu, sakemm ikolli s-saħħa, ukoll jekk ir-rieda ta’ Alla għalija kellha tkun iebsa u diffiċli bħalma kienet ir-rieda tal-Missier tas-Sema għal ibnu, bħalma talab Hu fil-Ġnien taż-Żebbuġ. Jiena wasalt għall-konklużjoni li jekk ir-rieda tal-Missier tas-Sema ġiet imwettqa b’dan il-mod fl-Iben maħbub Tiegħu, fina wkoll tiġi mwettqa eżattament bl-istess mod, permezz tat-tbatija, il-persekuzzjoni, l-abbuż u l-umiljazzjoni. Permezz ta’ dan kollu ruħi ssir tixbah lil Ġesu’. Din hi t-triq l-iżjed żgura. Li kieku kien hemm xi triq aħjar, Ġesu’ kien jurihieli. It-tbatijiet bl-ebda mod ma jitilfuli l-paċi. Mill-banda l-oħra, għalkemm ingawdi paċi profonda, din il-paċi ma tnaqqaslix l-esperjenza tiegħi tat-tbatija. Għalkemm wiċċi spiss imil ta’ l-art, u d-dmugħ tiegħi jinxtered bl-abbundanza, fl-istess ħin ruħi mimlija b’paċi profonda u bil-hena . . .

1395. Irrid ninħeba fil-Qalb l-iżjed Ħanina Tiegħek bħalma qatra nida tinħeba fi blanzun. Żommni magħluqa f’dan il-blanzun biex ma jolqotnix il-ġlata tad-dinja. Ħadd ma jista’ jimmaġina l-hena li tgawdi qalbi fis-solitudni tagħha, waħdiha ma’ Alla.

1396. Illum smajt vuċi ġewwa ruħi: O, li kieku l-erwieħ kienu jafu l-ħniena Tiegħi, ma kinux jintilfu f’għadd hekk kbir. Għid lill-erwieħ midinbin ma jibżgħux jersqu lejja; għidilhom bil-ħniena kbira Tiegħi.

1397. Il-Mulej qalli, Kull meta tintilef ruħ, din il-ħaġa tnikkitni għall-mewt. Inti dejjem tfarraġni meta titlob għall-midinbin. It-talba li togħġobni l-iktar hija dik li ssir għall-konverżjoni tagħhom. Kun af, binti, li din it-talba dejjem tkun mismugħa.

1398. Riesaq l-Avvent. Irrid inħejji ruħi għall-miġja tal-Mulej Ġesu’ permezz tas-skiet u l-ġabra fl-ispirtu, filwaqt li ningħaqad mal-Omm l-iżjed Qaddisa u nimita bil-fedelta’ l-virtu’ tas-skiet tagħha, ħaġa li għoġbot lil Alla nnifsu. Nispera li, maġenbha nżomm sħiħ f’din riżoluzzjoni.

1399. X’ħin dħalt fil-kappella filgħaxija għal mument wieħed, ħassejt xewka terribli f’rasi. Din il-ħaġa damet ftit ħin, imma t-tingis tant kien iweġġa’ li f’daqqa waħda rasi niżlet fuq il-kanċell tat-Tqarbin. Ħassejtni bħallikieku x-xewka kienet baqgħet dieħla ġewwa moħħi. Imma dan kollu m’hu xejn; kollox għall-erwieħ, sabiex nakkwista għalihom il-ħniena ta’ Alla.

1400. Qiegħda ngħix minn siegħa għall-oħra u ma nistax ngħix bl-ebda mod ieħor. Irrid nuża bl-aħjar mod possibbli l-waqt ta’ issa, u nwettaq bil-fedelta’ dak kollu li jġib miegħu. F’kollox, niddependi minn Alla b’fiduċja soda.

Djarju ta’ Swor Fawstina – Il-5 Pitazz (par.1381-1390)

Il-Ħames Pitazz – Paragrafi 1381-1390

05a

1381. + Ġieni f’moħħi nieħu l-mediċina, mhux mgħarfa mgħarfa, imma ftit ferm kull darba, għax kienet tqum ħafna flus. Fil-pront, smajt vuċi, Binti, aġir bħal dan ma jogħġobnix. Aċċetta bil-qalb it-tajba dak kollu li Jiena nagħtik permezz tas-superjuri, u b’dan il-mod togħġobni iżjed.

1382. X’ħin mietet Swor Dominic (nota219) f’xi s-siegħa ta’ bil-lejl, ġiet għandi u tatni x’nifhem li kienet mietet. Jiena tlabt għaliha bil-ħerqa. Filgħodu, is-sorijiet qaluli li ma kenitx għadha ħajja, u jiena weġibthom li kont naf, għax kienet ġiet iżżurni. Is-soru tal-infermerija (Swor Chrysostom) talbitni ngħinna tlibbisha. U mbagħad x’ħin kont waħdi magħha, il-Mulej għarrafni li kienet qiegħda tbati fil-Purgatorju. Irdoppjajt it-talb tiegħi għaliha. Iżda, minkejja l-ħeġġa li biha dejjem nitlob għas-sorijiet mejtin tagħna, tfixkilt dwar il-ġranet, u minflok ma offrejt tlett ijiem ta’ talb, bħalma tgħidilna nagħmlu r-regola, bi żball offrejt biss jumejn. Fir-raba’ jum, tatni x’nifhem li kien għad baqagħli noffri t-talb għaliha, u li dan it-talb kienet teħtieġu. Fil-pront għamilt l-intenzjoni li noffri jum sħiħ għaliha, u mhux biss dak il-jum imma ħafna iktar, bħalma tobbligani nagħmel l-imħabba tal-proxxmu.

1383. Peress li Swor Dominic, wara li mietet, kienet tidher qisha għadha tajba, xi sorijiet qalu li forsi kienet għadha biss f’koma, u waħda mis-sorijiet issuġġerietli mmorru npoġġu mera ma’ ħalqha biex naraw jekk tittappanx, għax hekk kienet tagħmel li kieku kienet għadha ħajja. Jiena għidt kollox sew, u għamilna kif qalet, iżda l-mera ma ttappnitx, għalkemm hekk kien deherilna. Madankollu, il-Mulej tani x’nifhem li ma kenitx għoġbitu din il-ħaġa, u widdibni bl-aħrax biex qatt iżjed ma nerġa’ naġixxi kontra l-konvinzjonijiet interni tiegħi. Umiljajt ruħi profondament quddiem il-Mulej u tlabtu jaħfirli.

1384. Qiegħda nara ċertu saċerdot (probabilment Dun Sopocko) li Alla jħobbu ħafna, imma li Satana jobogħdu ħafna għax hu qiegħed imexxi lil ħafna erwieħ għal grad għoli ta’ qdusija u jimpurtah biss mill-glorja ta’ Alla. Imma jiena nkompli nitlob ‘l Alla biex Hu ma jitlifx il-paċenzja ma’ dawk li l-ħin kollu joħduha kontra Tiegħu. Fejn Satana nnifsu ma jista’ jagħmel l-ebda ħsara, huwa juża n-nies.

1385. 19 ta’ Novembru. Wara li tqarbint illum, Ġesu’ qalli kemm jixtieq jiġi fil-qlub tan-nies. Nixtieq ningħaqad mal-erwieħ tal-bnedmin; l-għaxqa kbira Tiegħi hi li ningħaqad mal-erwieħ. Kun af, binti, li meta jiena niġi fir-ruħ ta’ xi ħadd fit-Tqarbin Imqaddes, idejja jkunu mimlijin b’kull tip ta’ grazzji li Jiena nkun nixtieq nagħti lir-ruħ. Imma l-erwieħ lanqas biss jagħtu kasi; iħalluni waħdi u jehdew f’affarijiet oħrajn. O, kemm inikkitni l-fatt li l-erwieħ ma jagħrfux l-imħabba! Jittrattawni bħallikieku kont xi ħaġa mejta. Jiena weġibt lil Ġesu’, “O teżor ta’ qalbi, l-uniku oġġett ta’ mħabbti u għaxqa sħiħa ta’ ruħi, irrid nadurak ġewwa qalbi bħalma Inti tinsab adurat fuq it-tron tal-glorja eterna Tiegħek. Bi mħabbti rrid inpattilek għall-bruda ta’ għadd tant kbir ta’ erwieħ. Ġesu’, ħares lejn qalbi li għalik hi l-għamara fejn ħadd iktar ma jista’ jidħol. Inti biss tistrieħ ġewwa fiha bħallikieku fi ġnien sabiħ.

1386. O Ġesu’ tiegħi, insellimlek; diġa’ sarli l-ħin biex immur inkompli fuq xogħli. Imma rrid nippruvalek kemm inħobbok permezz tas-sagrifiċċju, billi ma nitraskurax u ma nitlef l-ebda ċans biex nagħmlu.

X’ħin ħriġt mill-kappella, il-Madre Superjura (Irene) qaltli, “Ma rridekx tmur il-konferenza kataketika, Swor, imma ibqa’ fuq xogħlok.” Tajjeb ħafna, Ġesu’; b’dan il-mod, matul il-ġurnata, kelli ħafna u ħafna opportunitajiet nagħmel sagrifiċċji; ma tlift l-ebda waħda, permezz tas-saħħa fl-ispirtu li ġietni mit-Tqarbin Imqaddes.

1387. Ikun hemm żminijiet fil-ħajja meta r-ruħ tkun f’tali stat li qiesha ma tkunx tista’ tifhem id-diskors tal-bnedmin. Kollox, jgħajjiha, u xejn ħlief talb ħerqan ma jkun jista’ jserraħha. F’talb ħerqan ir-ruħ issib serħan, u ukoll li kieku kienet tixtieq spjegazzjonijiet mingħand il-ħlejjaq, dawn iservu biss biex jagħmluha iktar nervuża.

1388. + Darba waqt it-talb, sirt naf kemm ir-ruħ ta’ Patri Andrasz kienet togħġob lil Alla, hu veru iben ta’ Alla. Rari li dan l-istat ta’ iben ta’ Alla jispikka b’mod hekk ċar f’xi ruħ, u dan kollu għax hu għandu devozzjoni speċjali lejn Omm Alla.

1389. O Ġesu’ tiegħi, għalkemm inħossni mbuttata b’mod hekk qawwi, irrid naġixxi bil-mod, u dan kollu biex ma nħarbatx il-ħidma Tiegħek bl-għaġġla tiegħi. O Ġesu’ tiegħi, Inti tgħarrafni l-misteri Tiegħek, u tridni ngħaddihom lill-erwieħ oħrajn. Dalwaqt issa ser ikun possibli għalija li nagħmel xi ħaġa. F’dak il-mument meta qiesha tkun meqruda b’mod assolut, għad tibda l-missjoni tiegħi, li issa m’għadx fadlilha tfixkil. Din hi r-rieda ta’ Alla f’din il-ħaġa, u mhux ser tinbidel; għalkemm ħafna nies joħduha kontra tagħha, xejn m’hu ser ibiddel ir-rieda ta’ Alla.

1390. Qiegħda nara lil Dun Sopocko, kif moħħu l-ħin kollu jaħseb u jaħdem għal Alla biex jara kif ser jippreżenta x-xewqat ta’ Alla lill-uffiċjali tal-Knisja. Bħala riżultat tal-isforzi tiegħu, dawl ġdid għad jiddi fil-Knisja ta’ Alla għall-konsolazzjoni tal-erwieħ. Għalkemm għalissa ruħu tinsab mimlija imrar bħallikieku dan kellu jkun il-premju tiegħu għall-isforzi li qed jagħmel fil-ħidma tiegħu għal Alla, iżda dan mhux ser ikun il-każ. Qiegħda nara l-ferħ tiegħu, li xejn ma jista’ jnaqqsu. Alla jagħtih ftit minn dal-ferħ sa minn din id-dinja. Qatt qabel ma ltqajt ma’ fedelta’ hekk kbira lejn Alla bħalma għandha jiddistingwiha din ir-ruħ.

Djarju ta’ Swor Fawstina – Il-5 Pitazz (par.1371-1380)

Il-Ħames Pitazz – Paragrafi 1371-1380

19244205_747671395419785_599373068_n

1371. O Mulej, idivinizza l-azzjonijiet tiegħi sabiex jimmeritaw l-eternita’; għalkemm id-dgħjufija tiegħi hi kbira, jiena nafda fil-qawwa tal-grazzja Tiegħek, li żżommni.

1372. Ġesu’ tiegħi, Inti taf li, sa minn ċkuniti jiena ridt insir qaddisa kbira; jiġifieri, jiena ridt inħobbok bi mħabba daqstant kbira li ma jkun hemm ħadd iżjed li jkun ħabbek daqshekk s’issa. Għall-ewwel dawn ix-xewqat tiegħi żammejthom sigrieti, u Ġesu’ biss kien jaf bihom. Imma llum ma nistax inżommhom ġewwa qalbi; nixtieq ngħajjat lid-dinja kollha, “Ħobbu lil Alla, għax Hu tajjeb u kbira hi l-ħniena Tiegħu!”

1373. O jiem tas-soltu li ma fihom xejn speċjali, mimlijin dlam, jiena nħares lejkom b’għajnejn solenni u ta’ festa. Kemm hu kbir u solenni ż-żmien li jagħtina ċans niġbru l-merti li neħtieġu għall-ġenna eterna! Jiena nista’ nifhem x’użu għamlu l-qaddisin minnu.

1374. 30 ta’ Ottubru 1937. Illum, waqt iċ-ċerimonji (nota217) reliġjużi li jseħħu waqt il-Quddiesa, u t-tieni jum ta’ radd il-ħajr, rajt lill-Mulej Ġesu’ sabiħ ferm, u Hu qalli, Binti, ma ħlistekx milli tkompli taħdem. Jiena weġibt, “Mulej, idi dgħajfa wisq għal xogħol bħal dan.” Iva, Jiena nafu dan; imma flimkien ma’ idi l-leminija inti għad twettaq kollox. Xorta waħda, iżda, kun ubbidjenti, kun ubbidjenti lejn il-konfessuri. Jiena nagħtihom id-dawl kif imexxuk. “Mulej, jiena diġa’ ridt nibda l-opra f’Ismek, imma Dun S. ikompli jittrattieni.” Ġesu’ weġibni, Jiena dan nafu; mela agħmel biss dak li inti tista’ tagħmel, imma qatt m’għandek tieqaf mill-isforzi tiegħek.

1375. 1 ta’ Novembru 1937.

Wara l-Vespri, llum, kien hemm purċissjoni għaċ-ċimiterju. Jiena ma stajtx immur, għax kont qiegħda għassa mal-kanċell. Imma dan ma żammnix milli nitlob għall-erwieħ. Hekk kif il-purċissjoni kienet ġejja lura miċ-ċimiterju lejn il-kappella, ruħi ħasset il-preżenza ta’ ħafna erwieħ. Fhimt kemm hi kbira l-ġustizzja ta’ Alla, kif kull waħda kellha tħallas id-dejn sal-aħħar ċenteżmu.

1376. Il-Mulej tani okkażjoni li nuża l-paċenzja permezz ta’ ċerta persuna li flimkien magħha rrid nagħmel ċertu xogħol. Hi tagħmel kollox iktar bil-mod minn kulħadd. Wieħed irid jarma ruħu bil-paċenzja kbira sabiex joqgħod jisma’ dak li tkun qiegħda tgħid li ma jinteressa lil ħadd.

1377. 5 ta’ Novembru. Dalgħodu ġew ħdejn il-bieb tagħna ħamest irġiel li m’għandhomx xogħol u baqgħu jinsistu li ndaħħalhom. X’ħin Swor N. kienet damet targumenta magħhom għal xi żmien u ma rnexxilhiex tkeċċihom, imbagħad ġiet fil-kappella biex issib lill-Madre (Irene), li qalet lili mmur hemm. X’ħin kien għadni ‘l bogħod mhux ħażin mill-bieb, stajt nismagħhom iħabbtu u jagħmlu l-istorbju. Għall-ewwel kienu ser jaħkmuni d-dubju u l-biża’, u ma stajtx niddeċiedi jekk kellix niftaħ il-kanċell jew nagħmel bħal Swor. N, inweġibhom mit-tieqa żgħira. Imma f’daqqa waħda smajt vuċi f’ruħi tgħidli, Mur u iftaħ il-kanċell u kellimhom bil-ħlewwa bħalma tkellem Lili.

Ftaħt il-kanċell fil-pront u rsaqt lejn dak li l-iktar kien jidher ibeżżgħak u bdejt nitkellem magħhom b’tant ħlewwa u kalma li ma kinux jafu x’ser jaqbdu jagħmlu bihom infushom. U huma wkoll bdew jitkellmu bil-ġentilezza u qalu, “Mela, m’hemmx x’tagħmel la l-kunvent ma jistax jagħtina x-xogħol.” U telqu ‘l hemm fil-kwiet. Jiena ħassejt b’mod ċar li Ġesu’, li jiena kont irċevejt fit-Tqarbin siegħa qabel biss, kien ħadem fil-qlub tagħhom permezz tiegħi. O, kemm hi ħaġa tajba li wieħed jaħdem fuq l-ispirazzjoni ta’ Alla!

1378. Illum ħassejtni agħar, u mort għand il-Madre Superjura bl-intenzjoni li nitlobha l-permess noqgħod fis-sodda. Iżda, qabel ma stajt nitlobha permess, il-Madre Superjura qaltli: “Sor, ara kif tagħmel oqgħod waħdek mal-kanċell, għax lit-tifla ser neħodha taħdem fl-għalqa tal-kaboċċi, għax m’hemm ħadd iktar biex jaħdem hemm.” Jiena għidt – tajjeb, u tlaqt mill-kamra. X’ħin wasalt fejn il-kanċell, ħassejtni f’saħħti mhux bħas-soltu, u qgħadt hemm nagħmel dmiri l-jum kollu u ħassejtni tajba. Kelli esperjenza qawwija li għandha x’taqsam mal-ubbidjenza qaddisa.

1379. 10 ta’ Novembru, (1937). X’ħin il-Madre (Irene) wrietni l-ktejjeb bil-kurunella, il-litanija u n-novena, tlabtha tħallini narah. Kif kont qiegħda nħares lejh, Ġesu’ tani x’nifhem ġewwa fija: Diġa’ hemm ħafna erwieħ li nġibdu lejn imħabbti permezz ta’ din ix-xbieha. Il-ħniena Tiegħi taħdem fl-erwieħ permezz ta’ din l-opra. Sirt naf li ħafna erwieħ kienu għaddew mill-esperjenza tal-grazzja ta’ Alla.

1380. Sirt naf li l-Madre Superjura kien ser ikollha salib tqil mhux ħażin xi ġġorr, flimkien ma’ tbatija fiżika, imma din ma kellhiex iddum ħafna. (nota218)

Djarju ta’ Swor Fawstina – Il-5 Pitazz (par.1351-1360)

Il-Ħames Pitazz – Paragrafi 1351-1360

grondelski-photos-3-6-14-2

1351. Ġesu’, il-mudell l-aktar perfett tiegħi, b’għajnejja fissi fuqek, ngħaddi ħajti nimxi fil-passi Tiegħek, nadatta n-natura għall-grazzja skont ir-rieda qaddisa Tiegħek u skont id-Dawl Tiegħek li jdawwalli ruħi, filwaqt li nafda bis-sħiħ fl-għajnuna Tiegħek.

+
Ġ.M.Ġ
1352. Mappa ta’ kontroll interjuri (nota216)
Eżami partikulari.

Għaqda ma’ Kristu ħanin. Għax jiena maqgħuda ma’ Ġesu’, irrid inkun fidila dejjem u kullimkien, u rrid inkun maqgħuda minn ġewwa mal-Mulej. Filwaqt li minn barra nosserva r-regola bil-fedelta’, speċjalment dik tas-skiet.

1353. Novembru: rebħiet 53; disfatti 2
Diċembru: rebħiet 104; disfatti –
Jannar: rebħiet 78; disfatti 1
Frar: rebħiet 59; disfatti 1
Marzu: rebħiet 50
April: rebħiet 61
Mejju
Ġunju
Lulju
Awwissu
Settembru
Ottubru

1354. Meta f’xi okkażjoni ma nkunx żgura x’għandi nagħmel, dejjem nistaqsi l-Imħabba. Hi tagħtini l-aħjar parir.

1355. Eżami Ġenerali tal-Kuxjenza, 25 ta’ Ottubru 1937

Rebħiet

Kmandamenti ta’ Alla: Nov, Diċ, Jan, Frar, Mar, Apr, Disfatti
Voti-Poverta’: Nov, Diċ, Jan, Frar 9, Mar, Apr, Disfatti
Voti-Kastita’: Nov, Diċ, Jan, Frar 7, Mar, Apr, Disfatti
Voti-Ubbidjenza: Nov, Diċ 27, Jan, Frar 7, Mar, Apr, Disfatti
Regoli: Nov, Diċ 7, Jan, Frar, Mar, Apr 7, Disfatti
Imħabba tal-proxxmu: Nov 38, Diċ 17, Jan 73, Frar 35, Mar 30, Apr 20, Disfatti 1,1,1,
Umilta’: Nov 7, Diċ 39, Jan 23, Frar 34, Mar 56, Apr 25, Disfatti 2,3,1,1,6
Paċenzja: Nov 23, Diċ 56, Jan 50, Frar 17, Mar 80, Apr 50, Disfatti
Skiet: Nov 11, Diċ 45, Jan 37, Frar 28, Mar 37, Apr 20, Disfatti
Fama tajba tal-proxxmu: Nov, Diċ 12, Jan 25, Frar 3, Mar 1, Apr, Disfatti1
Quddiesa u Tqarbin: Nov 17, Diċ 12, Jan 13, Frar 7, Mar, Apr 10, Disfatti 6,2,1,12/1
Meditazzjoni: Nov 6, Diċ 5, Jan, Frar 10, Mar, Apr, Disfatti
Eżami Partikulari: Nov 7, Diċ 5, Jan 11, Frar, Mar, Apr, Disfatti 1
Attitudni: Lejn Alla u l-Konfessur: Nov 5, Diċ, Jan, Frar 5, Mar, Apr, Disfatti
lejn is-Superjuri: Nov 7, Diċ, Jan, Frar, Mar, Apr, Disfatti 1,1
lejn Sorijiet / Studenti: Nov, Diċ 4, Jan 7, Frar, Mar, Apr, Disfatti
lejn lajċi: Nov 20, Diċ, Jan, Frar, Mar, Apr, Disfatti 2,1

1356. Is-sitt jum. O Alla tiegħi, jiena ninsab lesta li naċċetta r-rieda Tiegħek f’kull dettal, ikun x’ikun. Tmexxini kif tmexxini, jiena mbierkek. Titlob x’titlob mingħandi, jiena nagħmlu bl-għajnuna tal-grazzja Tiegħek. Tkun xi tkun ir-rieda qaddisa Tiegħek, għalija, jiena naċċettaha b’qalbi u b’ruħi kollha, u ma nagħtix kas dak li tgħidli n-natura mħassra Tiegħi.

1357. Darba, meta kont għaddejja minn ħdejn grupp ta’ nies, staqsejt lill-Mulej jekk kinux kollha fi stat ta’ grazzja, għax ma kontx qiegħda nħoss it-tbatijiet Tiegħu. Għax inti m’intix tħoss it-tbatijiet Tiegħi, dan ma jfissirx li kollha jinsabu fi stat ta’ grazzja. Xi kultant, nippermettilek tkun konxja tal-istat ta’ ċerti erwieħ, u nagħtik il-grazzja li tbati sempliċiment għax inkun irrid nużak bħala strument għall-konverżjoni tagħhom.

1358. Fejn hemm virtu’ ġenwina, irid ikun hemm ukoll is-sagrifiċċju; il-ħajja ta’ dak li jkun trid tkun kollha kemm hi sagrifiċċju. Permezz tas-sagrifiċċju biss l-erwieħ jistgħu jkunu ta’ ġid. Is-sagrifiċċju tiegħi nnifsi, fir-relazzjoni tiegħi mal-proxxmu, jista’ jagħti glorja lil Alla, imma l-imħabba ta’ Alla trid tgħaddi minn ġo dan is-sagrifiċċju, għax kollox jinsab miġbur f’din l-imħabba u jiġbed il-valur tiegħu minnha.

1359. Żomm f’moħħok li meta inti tispiċċa dan l-irtir, Jiena ser nimxi miegħek bħalma nagħmel ma’ ruħ perfetta. Irrid inżommok f’idi bħala għodda li tista’ tużaha, adattata b’mod perfett għat-twettiq tal-opri Tiegħi.

1360. O Mulej, Inti tinfidni kollni kemm jiena u tidħol sa ġol-fond l-iktar sigriet ta’ ruħi. Inti tista’ tara li jiena nixtieq lilek biss u nixxennaq biss għat-twettiq tar-rieda qaddisa Tiegħek, u ma nagħti l-ebda kas ta’ diffikultajiet jew tbatijiet jew umiljazzjonijiet jew x’jistgħu jaħsbu l-oħrajn dwari.

Djarju ta’ Swor Fawstina – Il-5 Pitazz (par.1341-1350)

Il-Ħames Pitazz – Paragrafi 1341-1350

wp03b989bc_05_06-e1498408992857.jpg

1341. Meta bniedem ma tantx ikun b’saħħtu, ikollu jissaporti ħafna affarijiet. Għax meta wieħed ikun marid, imma mhux fis-sodda, ma jkunx ikkunsidrat li hu marid. Għal ħafna raġunijiet, mela, hemm okkażjonijiet il-ħin kollu għal sagrifiċċji, u xi drabi sagrifiċċji kbar. Jiena qiegħda nifhem issa li ħafna affarijiet jiġu rivelati biss fl-eternita’. Imma nista’ nifhem ukoll li jekk Alla jitlob sagrifiċċju, ma jżommx lura l-grazzja Tiegħu, imma jagħtiha lir-ruħ b’abbundanza.

1342. Ġesu’ Tiegħi, filwaqt li nitolbok bil-ħerqa ikollok ħniena mill-erwieħ, ħalli s-sagrifiċċju tiegħi jaqbad quddiem it-tron Tiegħek fi skiet totali, imma bil-qawwa kollha tal-imħabba.

1343. It-tielet jum. Fil-meditazzjoni fuq il-mewt, ħejjejt ruħi bħallikieku għall-mewt vera. Eżaminajt il-kuxjenza tiegħi u fittixt fl-affarijiet tiegħi kollha kif il-mewt bdiet riesqa, u grazzi għall-grazzja Tiegħek, l-affarijiet tiegħi kienu indirizzati lejn dak l-iskop aħħari. Dan imlieli qalbi bi gratitudni kbira lejn Alla, u ddeċidejt li nservi lil Alla tiegħi b’fedelta’ ikbar fil-ġejjieni. Ħaġa waħda biss hemm bżonn: immewwet il-bniedem il-qadim ġewwa fija u nerġa’ nibda ħajja ġdida. Filgħodu, ħejjejt ruħi biex nitqarben bħallikieku din kienet l-aħħar Tqarbina ta’ ħajti, u wara li tqarbint ġibt quddiem l-għajnejn ta’ ruħi l-mewta tiegħi li għad trid isseħħ fiż-żgur, u għidt it-talb tal-moribondi u mbagħad id-De Profundis għal ruħi stess. Ġismi tniżżel fil-qabar, u jiena għidt lil ruħi, “Ara x’ġara minn ġismek, gozz trab mimli dud – dak hu wirtek.”

1344. O Alla ħanin, li għadek tippermettili ngħix, agħtini s-saħħa biex ngħix ħajja ġdida, il-ħajja tal-ispirtu, li fuqha l-mewt m’għandha l-ebda ħakma. U ma’ dan il-kliem, qalbi ġiet imġedda, u bdejt ngħix ħajja ġdida filwaqt li għadni hawn fl-art, ħajja mimlija mħabba ta’ Alla. Madankollu, ma nistax ninsa li jiena l-istess dgħjufija, għalkemm ma nistax niddubita lanqas għal waqt wieħed li jiena ser ikolli l-għajnuna tal-grazzja Tiegħek, O Alla.

1345. + Ir-raba’ jum. O Ġesu’ ħassejtni tassew tajba, b’mod straordinarju, qrib il-Qalb tiegħek, matul dan l-irtir. Xejn ma jtellef il-profondita’ tal-paċi tiegħi. B’għajn waħda inħares lejn l-abbiss tal-miżerja tiegħi u bl-oħra, lejn l-abbiss tal-ħniena Tiegħek.

1346. Waqt il-Quddiesa, li qaddisha Patri Andrasz, rajt lill-Bambin Ġesu’ li b’idejh miftuħin lejna, kien bilqiegħda fil-kalċi li kien qed jintuża fil-Quddiesa. Wara li ħares fiss lejja b’mod li ħarstu nifditni, Huwa qal dan il-kliem: Bħalma qed tarani f’dan il-kalċi, hekk Jiena ngħammar ġewwa qalbek.

1347. + Il-Qrar. Wara li tajt rendikont skont il-kuxjenza tiegħi, ingħatajt il-permess li kont tlabt, li nilbes il-brazzuletta (oġġetti tal-ħadid li kienu jintużaw għall-penitenza) għal nofs siegħa kuljum waqt il-Quddiesa, u fi żminijiet ta’ diffikulta’, nilbes iċ-ċilizju għal sagħtejn. (Is-saċerdot qalli,) “Sor, ippersevera f’din il-fedelta’ kbira lejn il-Mulej Ġesu’.”

1348. Il-ħames jum. X’ħin dħalt fil-kappella dalgħodu, sirt naf li l-Madre Superjura kellha xi nkwiet minħabba fija. Din il-ħaġa weġġgħatni ħafna. Wara t-Tqarbin, mejjilt rasi fuq il-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesu’ u għidtlu, “O Mulejja, nitolbok bil-ħerqa, ippermetti li l-konsolazzjoni kollha li jiena qiegħda nħoss permezz tal-preżenza Tiegħek ġewwa qalbi tiġi mferrgħa fir-ruħ tal-għażiża Madre Superjura tiegħi, li minħabba fija kellha xi nkwiet, u dan mhux għax ridt jiena.”

1349. Ġesu’ farraġni u qalli li l-erwieħ tagħna t-tnejn kienu approfittaw minn dan. Imma jiena tlabt bil-ħerqa lill-Mulej, jekk jogħġbu, jeħlisni milli nkun l-okkażjoni ta’ tbatija għal xi ħadd, għax qalbi ma kenitx tiflaħha din il-ħaġa.

1350. O Ostja bajda, Inti żżommli ruħi bajda; nibża’ minn dak il-jum meta jiena forsi nitbiegħed minnek. Inti l-Ħobż tal-Anġli u għalhekk ukoll il-Ħobż tal-Verġni.

Djarju ta’ Swor Fawstina – Il-5 Pitazz (par.1331-1340)

Il-Ħames Pitazz – Paragrafi 1331-1340

maxresdefault

1331. Ġesu’, Inti stess indenjajt ruħek tpoġġi s-sisien tal-qdusija tiegħi, għax ma tantx kien hemm ko-operazzjoni min-naħa tiegħi. Inti għallimtni ma’ nagħtix kas tal-użu u tal-għażla tal-ħlejjaq għax qalbi, minnha nfisha, hi daqshekk dgħajfa. U għalhekk tlabtek, O Mgħallem tiegħi, li ma tagħtix kas tal-uġigħ ta’ qalbi, imma li tneħħi dak li jista’ jżommni lura mit-triq tal-imħabba. Ma fhimtekx, Mulej, fi żminijiet ta’ niket, meta Inti kont qed twettaq xogħlok f’ruħi; imma llum jiena qiegħda nifhmek u nifraħ fl-ispirtu ħieles tiegħi. Ġesu’ stess ra li qalbi ma tinqabadx fin-nases tal-ebda passjoni. Sirt naf tajjeb minn liema perikli Hu ħelisni, u għalhekk ma nistax nieqaf irrodd ħajr lil Alla.

1332. It-tieni jum. Filwaqt li kont qiegħda nimmedita fuq id-dnub tal-Anġli u l-kastig immedjat tagħhom, jiena staqsejt lil Ġesu’ għaliex l-Anġli kienu ġew ikkastigati malli dinbu. Smajt vuċi: Minħabba l-għarfien profond ta’ Alla li huma kellhom. L-ebda bniedem fl-art, għalkemm ikun qaddis kbir, m’għandu għarfien ta’ Alla bħalma għandu Anġlu. Madankollu, lili, li jiena daqshekk miżerabbli, Inti wrejtni l-ħniena Tiegħek, O Alla, u din il-ħaġa Inti għamiltha ħafna drabi, Inti qed iġġorrni fi ħdan il-ħniena Tiegħek u taħfirli kull darba li jiena nitlob il-maħfra Tiegħek b’qalb niedma.

1333. Hemm skiet profond madwar ruħi. M’hemm l-ebda sħaba tgħattili x-xemx. Inpoġġi lili nnifsi kompletament miftuħa biex nilqa’ r-raġġi tagħha, sabiex imħabbtu tkun tista’ twettaq bidla sħiħa fija. Irrid nispiċċa dan l-irtir bħala qaddisa u dan, minkejja kollox; jiġifieri, minkejja l-miżerja tiegħi, irrid insir qaddisa, u għandi fiduċja li l-ħniena ta’ Alla tista’ tagħmel qaddisa, wkoll minn miżerja bħalma jiena jien, għax għandi rieda tajba assoluta. Minkejja d-disfatti tiegħi kollha, irrid inkompli niġġieled bħal ruħ qaddisa u nġib ruħi bħal ruħ qaddisa. Xejn m’hu ser jiskoraġġini, bħalma xejn ma jista’ jiskoraġġixxi ruħ li hi qaddisa. Irrid ngħix u mmut bħal ruħ qaddisa, b’għajnejja fissi fuqek. Ġesu’, minxur fuq is-Salib, bħala mudell għall-ħidmiet tiegħi. Kont inħobb inħares madwari għall-eżempji u qatt ma sibt xejn li kien biżżejjed, u nnotajt li l-istat tal-qdusija tiegħi kien qisu qed imajna. Imma minn issa ‘l quddiem, għajnejja fissi fuqek, O Kristu, li Inti għalija l-aqwa gwida. Jiena ninsab fiduċjuża li Inti ser tbierek l-isforzi tiegħi.

1334. + Fil-meditazzjoni fuq id-dnub, il-Mulej urieni l-malizzja kollha tad-dnub u l-ingratitudni li hemm fih. Inħoss ġewwa ruħi stmerrija kbira anke għall-iċken dnub. Iżda, il-veritajiet eterni li kont qiegħda nimmedita fuqhom ma jġibux lanqas dell ta’ inkwiet jew nuqqas ta’ paċi f’ruħi. U għalkemm huma ħafna importanti għalija, il-kontemplazzjoni tiegħi ma ssofri l-ebda waqfien minħabba fihom. F’din il-kontemplazzjoni, ma nħossx emozzjonijiet ta’ estasi f’qalbi, imma paċi profonda u skiet tal-għaġeb. Għalkemm imħabbti hi kbira, inħoss bilanċ straordinarju. Ukoll meta nitqarben ma nistax ngħid li nħoss xi ħaġa, imma dan iwassalni għal għaqda profonda fejn imħabbti u l-imħabba ta’ Alla jingħaqdu flimkien bħal ħaġa waħda.

1335. + Ġesu’ qalli li għandi nitlob għas-sorijiet li qed jagħmlu l-irtir. Waqt it-talb, sirt naf bit-taqbida li xi wħud minnhom kienu għaddejjin minnha, u rdoppjajt it-talb tiegħi.

1336. + F’dan is-skiet profond, inkun nista’ niġġudika aħjar l-istat ta’ ruħi. Ruħi hi bħal ilma ċar fejn nista’ nara kollox: kemm il-miżerja tiegħi kif ukoll l-immensita’ tal-grazzji ta’ Alla. U minħabba dan l-għarfien veru tiegħu stess, l-ispirtu tiegħi jissaħħaħ f’umilta’ profonda. Nesponi qalbi għall-ħidma tal-grazzja Tiegħek bħal kristall espost għar-raġġi tax-xemx. Jalla x-xbieha Tiegħek tiġi riflessa fiha, O Alla tiegħi, sakemm hu possibli għaliha li tiġi rifless fil-qalb ta’ ħlejqa. Ħalli d-divinita’ Tiegħek tirrifletti minn ġewwa fija, O Inti li tgħammar ġewwa ruħi.

1337. X’ħin kont qiegħda nitlob quddiem is-Sagrament Imqaddes u kont qiegħda nsellem il-ħames pjagi ta’ Ġesu’, ma’ kull tislima ħassejt xmara ta’ grazzji nieżla tgelgel ġewwa ruħi, tagħtini tomgħa minn qabel tal-ġenna u fiduċja assoluta fil-ħniena ta’ Alla.

1338. Filwaqt li qiegħda nikteb dan il-kliem, smajt l-għajta ta’ Satana: “Qiegħda tikteb kollox, qiegħda tikteb kollox, u minħabba f’hekk qed nitilfu ħafna! Tiktibx fuq it-tjubija ta’ Alla; Huwa ġust!” U beda jgħajjat u jwerżaq bil-korla li kellu, imbagħad għeb.

1339. O Alla ħanin, Inti ma tistmerriniex, imma l-ħin kollu titfa’ fuqna l-grazzji tiegħek bl-abbundanza. Int tagħmilna denji li nidħlu fis-saltna Tiegħek, u fit-tjubija Tiegħek Inti tikkonċedi li l-bnedmin jimlew il-postijiet li l-anġli ingrati ħallew vojta. O Alla ta’ ħniena kbira, li dawwart il-ħarsa qaddisa Tiegħek mill-anġli ribelli għal fuq il-bniedem niedem, tifħir u glorja lill-ħniena Tiegħek bla tarf, O Alla li ma tistmerrx il-qalb umli.

1340. Ġesu’ tiegħi, minkejja dawn il-grazzji li inti tibgħat fuqi, inħoss li n-natura tiegħi, għalkemm hi merfugħa ‘l fuq, mhix imsikkta għal kollox; u għalhekk nibqa’ nishar il-ħin kollu. Jeħtieġ nissielet kontra ħafna difetti; naf tajjeb li mhix it-taqbida li tbaxxi lill-bniedem, imma l-biża’ u l-falliment.

Djarju ta’ Swor Fawstina – Ir-4 Pitazz (par.1311-1321)

Ir-Raba’ Pitazz – Paragrafi 1311-1321

shutterstock_75152875-divine-mercy-sacred-heart

1311. Meditazzjoni. Waqt il-meditazzjoni, is-soru fuq il-ġinokkjatur ta’ maġenbi il-ħin kollu tisgħol u tqaħqaħ, xi kultant bla waqfien. Darba ġieni f’moħħi li nibdel posti għall-ħin tal-meditazzjoni, għax il-Quddiesa kienet diġa’ spiċċat. Imma mbagħad ħsibt li, jekk inbiddel posti, is-soru kienet tinduna b’din il-ħaġa u forsi kienet tħossha mweġġgħa li jiena kont tbigħedt minnha. Għalhekk ideċidejt li nkompli nitlob fil-post tiegħi tas-soltu, u noffri dan l-att ta’ paċenzja lil Alla. Qrib it-tmiem tal-meditazzjoni, ruħi ġiet mgħarrqa bil-konsolazzjoni ta’ Alla, u dan sal-limitu li kienet tiflaħ qalbi; u l-Mulej tani x’nifhem li, li kieku kont tbegħidt minn dik is-soru kont inkun tbegħidt ukoll minn dawk il-grazzji li niżlu ġewwa ruħi.

1312. + Illum ġie Ġesu’ fil-bieb prinċipali tagħna, fil-forma ta’ żagħżugħ fqir. Dan iż-żagħżugħ, mixrub, ħafi u rasu mikxufa, bi ħwejġu mqattgħin, kien iffriżat għax il-jum kien kiesaħ u bix-xita. Ried xi ħaġa sħuna x’jiekol. Għalhekk mort fil-kċina, imma ma sibt xejn hemmhekk għall-foqra. Imma, wara li bqajt nfittex ‘l hemm u ‘l hawn għal ftit ieħor, irnexxieli nsib ftit soppa, li rġajt saħħantha u fittitt fiha ftit ħobż, u tajtha liż-żagħżugħ fqir li kielha. Filwaqt li kont qiegħda neħodlu l-iskutella Hu għarrafni li kien is-Sid tas-sema u tal-art. X’ħin rajt min kien, għeb minn quddiemi. X’ħin erġajt dħalt u qgħadt naħseb fuq dak li kien ġara ħdejn il-kanċell, smajt dan il-kliem ġewwa ruħi: Binti, il-barkiet tal-foqra li jberkuni filwaqt li jitilqu minn dan il-kanċell waslu f’widnejja. U l-mogħdrija tiegħek, fil-limiti tal-ubbidjenza, għoġbitni, u għalhekk Jiena nżilt mit-tron Tiegħi – biex induq il-frott tal-ħniena tiegħek.

1313. O Ġesu’ tiegħi, issa kollox ċar għalija, u nista’ nifhem dak kollu li għadu kif ġara. B’xi mod ħassejt u bdejt nistaqsi lili nnifsi x’tip ta’ fqir kien dan li kien qed ixxerred modestja bħal din. Minn dak il-waqt, bdiet titqanqal ġewwa qalbi mħabba aktar safja għall-foqra u għal dawk li huma fil-bżonn. O, kemm ninsab kuntenta lis-superjuri tiegħi tawni dan ix-xogħol! Qiegħda nifhem li l-ħniena għandha ħafna uċuħ; wieħed jista’ jagħmel dak li hu tajjeb dejjem u kullimkien u fil-ħinijiet kollha. Imħabba mħeġġa għal Alla tara madwarha opportunitajiet il-ħin kollu sabiex taqsam ma’ ħaddieħor dak li għandha permezz tal-opri, kliem u talb. Issa nista’ nifhem il-kliem li Inti għidtli, O Mulej, xi żmien ilu.

1314. + O, xi sforzi kbar ikolli nagħmel biex inwettaq sewwa d-dmirijiet tiegħi meta saħħti tkun daqshekk batuta! Dan Inti biss tkun taf bih, O Kristu.

1315. + Fi żminijiet ta’ deżolazzjoni interjuri ma nitlifx il-paċi tiegħi, għax naf li Alla qatt ma jitlaq lir-ruħ, ħlief forsi meta r-ruħ stess taqta’ r-rabta ta’ mħabba bin-nuqqas ta’ fedelta’ tagħha. Iżda, il-ħlejjaq kollha bla ebda eċċezzjoni jiddependu mill-Mulej u jinżammu bis-setgħa Tiegħu bla tarf. Xi wħud jinsabu taħt ir-regola tal-imħabba, oħrajn taħt ir-regola tal-ġustizzja. Jiddependi minna taħt liema regola rridu ngħixu, għax lil ħadd ma tiġi miċħuda l-għajnuna ta’ grazzja suffiċjenti. Ma jbeżżgħani xejn dan li jidher bħala abbandun. Jiena neżamina lili nnifsi b’mod iktar profond sabiex niskopri jekk dan hux it-tort tiegħi. Jekk dan mhux il-każ – mela jalla (l-Mulej) ikun imbierek!

1316. 1 ta’ Ottubru 1937. Binti, Jiena neħtieġ sagrifiċċju mwettaq bi mħabba, għax dan ifisser ħafna għalija. Tassew enormi huma d-djun lid-dinja għandha miegħi; erwieħ safja jistgħu jħallsuhom bis-sagrifiċċju tagħhom, billu juru ħniena fl-ispirtu.

1317. Jiena qiegħda nifhem kliemek, Mulej, u l-kobor tal-ħniena li suppost tiddi ġewwa ruħi. Ġesu’: Naf, binti, li inti qiegħda tifhimha u li qiegħda twettaq dak kollu li jiddependi minnek. Imma ikteb dan għal dawk il-ħafna erwieħ li spiss jinkwetaw għax m’għandhomx il-mezzi materjali biex iwettqu atti ta’ ħniena. Imma ħniena spiritwali, li ma teħtieġx la permessi u lanqas imħażen, timmerita ħafna iktar u kull ruħ tista’ tippossediha. Jekk ruħ ma turix ħniena b’xi mod jew ieħor, hi ma takkwistax il-ħniena tiegħi f’jum il-ġudizzju. O, li kieku l-erwieħ kienu jafu kif jakkwistaw teżor etern għalihom infushom, ma jiġux iġġudikati, għax jantiċipaw il-ġudizzju Tiegħi bil-ħniena tagħhom.

1318. 10 ta’ Ottubru (1937). O, Ġesu’ tiegħi, b’radd ta’ ħajr għal ħafna grazzji Tiegħek, jiena noffrilek ġismi u ruħi, l-intellett u r-rieda, u s-sentimenti kollha ta’ qalbi. Permezz tal-voti, jiena nagħti lili nnifsi kompletament lilek; jiena mbagħad ma jibqagħli xejn iżjed li nista’ noffrilek. Ġesu’ qalli, Binti, għadek m’offrejtlix dak li tassew hu tiegħek. Bdejt ngħarbel sewwa ġewwa fija u sibt li jiena nħobb lil Alla bil-fakultajiet kollha ta’ ruħi u ma stajtx insib x’kienet dik il-ħaġa li kien għadni ma tajthilux lill-Mulej u staqsejtu, “Ġesu’, għidli x’inhi, u nagħtihielek mill-ewwel b’qalb ġeneruża.” Ġesu’ qalli bi tjubija, Binti, agħtini l-miżerja tiegħek, għax dik hi propjeta’ esklużiva tiegħek. F’dak il-waqt raġġ dawl dawwalli ruħi, u stajt nara l-abbiss sħiħ tal-miżerja tiegħi. F’dak l-istess waqt mort nitgeddes qrib il-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesu’ b’tant fiduċja li wkoll li kieku kelli d-dnubiet tal-ikkundannati kollha qegħdin jagħfsu fuq il-kuxjenza tiegħi, ma kontx niddubita mill-ħniena ta’ Alla imma b’qalb mgħaffġa trab, kont ninxteħet fl-abbiss tal-ħniena Tiegħek. Nemmen, O Ġesu’, li Inti ma kontx twarrabni imma kont taħfirli permezz tar-rappreżentant Tiegħek.

1319. Int mitt, Ġesu’, imma minnek tnisslet il-ħajja għall-umanita’, li ħarġet tgelgel għall-erwieħ, u nfetaħ baħar ta’ ħniena għad-dinja kollha. O Għajn tal-Ħajja, Ħniena Divina bla qies, imla’ d-dinja kollha u ferra lilek innifsek fuqna.

1320. Fit-tlieta (ta’ wara nofsinhar) itlob il-ħniena Tiegħi, l-iktar għall-midinbin; u, imqar għal ftit tal-ħin idħol fl-ispirtu tal-Passjoni Tiegħi, u b’mod speċjali fl-abbandun Tiegħi fil-mument tal-Agunija. Din hi s-siegħa ta’ ħniena kbira għad-dinja kollha. Jiena nippermettilek tidħol fid-dwejjaq Tiegħi tal-mewt. F’din is-siegħa, ma niċħad xejn lir-ruħ li titlobni xi ħaġa għall-merti tal-Passjoni Tiegħi . . .

+
Ġ.M.Ġ

1321. Insellimlek, Qalb l-iktar ħanina ta’ Ġesu’,
Għajn ħajja tal-grazzji kollha,
L-uniku kenn, l-uniku rifuġju tagħna;
Fik jiena għandi d-dawl tat-tama.

Insellimlek, O Qalb ta’ Alla tiegħi li l-iktar tagħder,
Għajn ħajja ta’ mħabba bla tarf,
Li minnha toħroġ il-ħajja għall-bniedem midneb
U l-Għajn tal-ħlewwa kollha.

Insellimlek Ferita miftuħa tal-Qalb l-Iżjed Imqaddsa,
Li minnha ħarġu r-raġġi tal-ħniena
U li minnha ngħatalna li niġbdu l-ħajja
Permezz tal-fiduċja biss.

Insellimlek, tjubija ta’ Alla li ħadd ma jifhimha,
Li qatt ma tista’ titkejjel,
Mimlija, mħabba u ħniena għalkemm dejjem qaddisa,
Imma, bħal omm tajba, dejjem moħħok fina.

Insellimlek, tron ta’ Ħniena, Ħaruf ta’ Alla,
Li tajt ħajtek f’sagrifiċċju għalija
Li quddiemu ċċekken lilha nfisha,
Filwaqt li tgħix b’fidi profonda.

(Tmiem ir-Raba’ Pitazz)

Djarju ta’ Swor Fawstina – Ir-4 Pitazz (par.1301-1310)

Ir-Raba’ Pitazz – Paragrafi 1301-1310

d2a3477d1aff6f9fc3b45904bcdf6c21

1301. Hi ħaġa staordinarja kemm għandha dawl mingħand Alla Madre Irene dwar din il-ħaġa kollha. Kienet l-ewwel waħda li ħallietni nwettaq ix-xewqat tal-Mulej, għalkemm kien biss sentejn wara li bdiet ir-rivelazzjoni, li hi saret is-Superjura tiegħi. U minkejja dan il-fatt, hi kienet l-ewwel waħda li ġiet miegħi meta bdiet il-pittura tax-xbieha. U issa wkoll, meta qegħdin jiġu ppublikati xi affarijiet li għandhom x’jaqsmu mal-Ħniena Divina u qegħdin jiġu stampati xi santi żgħar, hi wkoll qiegħda tiġi miegħi (sabiex tieħu ħsieb) din il-ħaġa. Alla mexxa dan kollu b’mod misterjuż, għax dan ix-xogħol inbeda f’Vilnius, u issa r-rieda ta’ Alla mexxiet iċ-ċirkustanzi b’tali mod, li din il-ħaġa qiegħda titkompla fi Krakovja. Jiena naf kemm togħġob lil Alla din is-Superjura; qiegħda nara kif Alla qed imexxi kollox u jridni nkun taħt il-ħarsien tagħha f’dawn iż-żminijiet importanti . . . Grazzi, Mulej, għal superjuri bħal dawn, li jgħixu fl-imħabba u fil-biża’ ta’ Alla. Għalhekk jiena nitlob għaliha l-iktar, għax hi l-iktar waħda li tħabtet minħabba din l-opra tal-Ħniena Divina . . .

1302. 29 ta’ Settembru (1937). Illum irnexxieli nifhem ħafna mill-misteri ta’ Alla. Sirt naf li t-Tqarbina tibqa’ ġo fija sat-Tqarbina ta’ wara. Preżenza ħajja ta’ Alla li tinħass b’mod ċar tkompli ġewwa ruħi. Ir-realizzazzjoni ta’ din il-ħaġa titfagħni f’ġabra profonda, mingħajr ma nagħmel l-iċken sforz. Qalbi hi tabernaklu ħaj fejn tiġi riżervata l-Ostja ħajja. Jiena qatt ma fittixt lil Alla x’imkien fil-bogħod, imma ġewwa fija stess. Fil-profondita’ ta’ ruħi stess jiena nikkomunika ma’ Alla tiegħi.

1303. Alla tiegħi, minkejja l-grazzji kollha li nirċievi, jiena nixxennaq bla waqfien li nkun eternament maqgħuda ma’ Alla tiegħi; u aktar ma nsir nafu, aktar nixtiequ b’ħeġġa akbar.

+
Ġ.M.Ġ

1304. B’xenqa nħares ‘il fuq lejn is-sema mimli kwiekeb,
Fiż-żaffir is-smewwiet li ma jitkejlux.
Hemmhekk il-qalb safja tmut tittajjar sabiex issibek, O Alla,
U tixtieq tinħeles mill-ktajjen tal-ġisem.

B’xewqa kbira nħares lejk, pajjiżi,
Meta ser jispiċċa dan l-eżilju tiegħi?
O Ġesu’, din hi s-sejħa tal-għarusa Tiegħek
Li qiegħda tbati l-agunija fl-għatx li għandha għalik.

B’xenqa nħares lejn il-marki li ħallew saqajn il-qaddisin
Li diġa’ qasmu dan id-deżert fil-mixja tagħhom lejn pajjiżhom.
Huma ħallewli l-eżempju tal-virtu’ u l-pariri tagħhom,
U jgħiduli, “Hu paċenzja, Sor, dalwaqt jinħallu l-ktajjen.”

Imma ruħi mxennqa ma tismax dan il-kliem,
Bil-ħerqa tixxennaq għall-Mulej u Alla tagħha,
U ma tifhimx il-lingwa li jitkellmu l-bnedmin,
Għax hi nnamrat Miegħu biss.

Ruħi mxennqa, miġruħa bl-imħabba,
Tgħaddi bil-qawwa minn ġol-ħolqien kollu
U tingħaqad mal-eternita’ infinita’
Mal-Mulej li miegħu qalbi tgħarrset.

Ħalli lil ruħi mxennqa, O Alla,
Tegħreq fl-Essenza Tiegħek Divina ta’ Tliet Persuni,
Aqtagħli x-xewqat tiegħi, li qiegħda nitlobhomlok bl-umilta’
B’qalb li qiegħda tfur bin-nar tal-imħabba.

1305. Ġiet ċerta persuna għandna llum u talbet li tidħol bħala waħda mill-istudenti tagħna. Imma ma setgħux idaħħluha. Hi kellha bżonn kbir tad-dar tagħna. Waqt li kont qiegħda nitkellem magħha, ġiet imġedda ġo fija l-Passjoni ta’ Ġesu’. X’ħin telqet, ħadt fuqi nnifsi waħda mill-mortifikazzjonijiet l-iktar iebsa. Iżda, darb’ oħra ma nħallix ruħ bħal dik taħrab. Għal tlett ijiem batejt ħafna minħabba fiha. Kemm jiddispjaċini li l-istituzzjonijiet tagħna tant huma żgħar u ma jistgħux jakkomdaw numru ikbar ta’ erwieħ, Ġesu’ tiegħi, Inti taf kemm nitnikket minħabba kull nagħġa mitlufa . . .

1306. + O umilta’, fjura sabiħa, jiena nista’ nara kemm huma ftit dawk l-erwieħ li għandhom lilek f’qalbhom. Forsi għax inti daqshekk sabiħa u fl-istess ħin daqshekk diffiċli li wieħed jakkwistak? O iva, hekk hu, kemm waħda u kemm l-oħra. Alla wkoll jieħu pjaċir kbir biha. Il-bibien tal-ġenna jinsabu miftuħin għal ruħ li hi umli, u baħar ta’ grazzji jinżel igelgel fuqha. O kemm hi sabiħa ruħ umli! Minn ġewwa l-qalb tagħha, bħal minn ċensier, titla fwieħa varjata u mill-isbaħ li tinfed is-smewwiet u tilħaq lil Alla nnifsu, filwaqt li timlielu l-Qalb l-iżjed Imqaddsa Tiegħu bil-ferħ. Alla ma jiċħad xejn lil ruħ bħal din; għandha qawwa tal-għaġeb u tinfluwenza d-destin tad-dinja kollha. Alla jgħolli lil ruħ bħal din sal-istess tron Tiegħu, u iktar ma hi tumilja ruħha, iktar Alla jinżel ‘l isfel sa fejn tkun hi, jiġri warajha bil-grazzji Tiegħu u jakkumpanjaha f’kull waqt bis-Setgħa Tiegħu bla tarf. Ruħ bħal din hi maqgħuda ma’ Alla b’mod l-iktar profond. O umilta’, niżżel l-għeruq fondi ġewwa fija, kollni kemm jiena. O verġni l-iktar safja, imma wkoll l-iktar umli, għinni nikseb umilta’ profonda. Issa nista’ nifhem għaliex hemm daqshekk ftit qaddisin; dan għax verament huma ftit dawk l-erwieħ li huma profondament umli.

1307. Imħabba Eterna, Profondita’ ta’ Ħniena, O Qdusija ta’ Tliet Persuni imma fl-istess waqt Alla wieħed, b’qalb mimlija mħabba għal kulħadd, bħala Missier tajjeb Inti ma tistmell lil ħadd. O Mħabba ta’ Alla, Għajn Ħajja, xxerred lilek innifsek fuqna, ħlejjaq indenji Tiegħek. Jalla l-miżerja tagħna ma żżommx lura l-gliegel ta’ mħabbtek, għax tabilħaqq m’hemm l-ebda limitu għall-ħniena Tiegħek.

1308. + Ġesu’, innutajt li donnok m’għadekx daqshekk moħħok fija. Iva, binti, minfloki issa hemm d-direttur spiritwali tiegħek (Patri Andrasz). Hu qed jieħu ħsiebek skont ir-rieda Tiegħi. Irrispetta kull kelma li jgħidlek bħallikieku kienet Tiegħi. Huwa l-velu li qiegħed ninħeba warajh. Id-direttur tiegħek u Jiena, aħna ħaġa waħda; kliemu huwa kliemi.

1309. X’ħin nagħmel it-Triq tas-Salib, inħossni kommossa ħafna x’ħin nasal fit-tnax –il stazzjon. Hawnhekk nieqaf naħseb fuq is-setgħa bla tarf tal-ħniena ta’ Alla li għaddiet minn ġol-Qalb ta’ Ġesu’. F’din il-ferita miftuħa tal-Qalb ta’ Ġesu’ jiena npoġġi l-bnedmin imsejknin kollha . . . u dawk l-individwi li jiena nħobb, kull darba li jiena nagħmel it-Triq tas-Salib. Minn dik il-Għajn tal-Ħniena ħarġu ż-żewġ raġġi, jiġifieri, id-Demm u l-Ilma. Bl-immensita’ tal-grazzja tagħhom huma jgħarrqu d-dinja kollha . . .

1310. Meta xi ħadd ikun qed iħossu fjakk u marid, irid jisforza l-ħin kollu biex ilaħħaq ma’ dak li l-oħrajn ikunu qegħdin jagħmlu qishom mhumiex huma. Imma wkoll dawk l-affarijiet ta’ kuljum mhux dejjem wieħed jirnexxilu jagħmilhom. Imma xorta waħda ngħidlek grazzi, Ġesu’, ta’ kollox għax il-premju mhux ser jingħata għall-kobor tal-opri, imma għall-kobor tal-isforz. Dak li jitwettaq bi mħabba mhux ħaġa żgħira, O Ġesu’ tiegħi, għax għajnejk jaraw kollox. Ma nafx għaliex qed inħossni daqshekk ħażin filgħodu; irrid nagħmel l-almu tiegħi kollu biex inqum mis-sodda, xi drabi wkoll sal-punt tal-qlubija. X’ħin naħseb fit-Tqarbin Imqaddes nerġa’ nħoss daqsxejn iktar saħħa. U għalhekk, il-ġurnata tibda b’taqbida u tispiċċa b’taqbida. X’ħin immur biex nistrieħ, inħossni bħal suldat ġej mill-kamp tat-taqbida. Inti biss, Mulej u Mgħallem tiegħi, tkun taf x’kien fih dan il-jum.

Djarju ta’ Swor Fawstina – Ir-4 Pitazz (par.1281-1290)

Ir-Raba’ Pitazz – Paragrafi 1281-1290

ekai-pl_2

1281. Il-Mulej għarrafni li kelli nara lil ħija (Stanley) (nota211), imma ma stajtx nifhem kif kien ser jiġri dan jew għaliex hu kien ġej iżurni. Kont naf li Alla kien tah il-grazzja ta’ vokazzjoni reliġjuża, imma għal liema raġuni kien ġej iżurni? Iżda, jiena warrabt dawn il-ħsibijiet u emmint li jekk il-Mulej kien għarrafni li kien ġej, daqshekk kien biżżejjed għalija. Iffukajt il-ħsibijiet tiegħi fuq Alla u warrabt kull tħassib dwar il-ħlejjaq u afdajt f’kollox lill-Mulej.

1282. + Meta jiġu għandna l-istess foqra it-tieni darba, nittrattahom bi tjubija ikbar, u ma nħallihomx jindunaw li jien naf li huma ġew hawnhekk darb’oħra; (dan nagħmlu) biex ma jħossuhomx skomdi. U mbagħad huma jitkellmu miegħi bil-liberta’ dwar dak li jinkwetahom u dak li jeħtieġu.

Għalkemm Swor N. tgħidli li dak mhux il-mod kif għandi nġib ruħi mat-tallaba u hi ssabbtilhom il-bieb ma’ wiċċhom, meta hi ma tkunx hemm, jiena nimxi magħhom kif kieku kien jagħmel l-Imgħallem tiegħi. Xi drabi nagħtu iktar meta ma nagħtu xejn, milli meta nagħtu ħafna bla ebda manjieri.

1283. Il-Mulej spiss jagħtini għarfien ġewwa fija dwar il-persuni li jiena niltaqa’ magħhom ħdejn il-kanċell. Ruħ imsejkna riedet tgħidli xi ħaġa fuqha stess. Ħtaft l-opportunita’ biex infehemha, bid-delikatezza kollha, l-istat miżerabbli ta’ ruħha. Telqet disposta aħjar.

1284. 17 ta’ Settembru (1937). O Ġesu’, nara tant sbuħija mxerrda madwari, sbuħija li għaliha inroddlok ħajr il-ħin kollu. Imma nista’ nara li xi erwieħ huma bħall-ġebel, dejjem kesħin, bla ebda sentiment. Lanqas il-mirakli ma jirnexxilhomx iċaqalquhom. Għajnejhom dejjem imsammrin fuq saqajhom, u għalhekk jaraw biss lilhom infushom.

1285. Inti dawwartli ħajti bil-premura Tiegħek mimlija tenerezza u mħabba, iktar milli nista’ nifhem, għax jiena għad nifhem it-tjubija Tiegħek b’mod sħiħ biss meta jitneħħa l-velu. Nixtieq li ħajti kollha kemm hi tkun biss att wieħed ta’ radd il-ħajr lilek, O Alla.

1286. + Grazzi, O Alla, għall-grazzji kollha
Li inti xxerred fuqi bil-kotra bla waqfien,
Grazzji li jdawluni daqs id-dija tax-xemx,
Għax permezz tagħhom Inti turini t-triq iż-żgura.

Grazzi, Mulej, talli ħlaqtni,
Talli tajtni l-ħajja mix-xejn,
Talli stampajt id-divinita’ Tiegħek fuq ruħi,
Opra ta’ mħabba safja mimlija ħniena.

Grazzi, O Alla, tal-Magħmudija
Li daħħaltni fil-familja Tiegħek,
Don ikbar minn kull ħsieb jew espressjoni
Li jbiddili ruħi.

Grazzi, O Mulej, tal-Qrar,
Ta’ dik il-għajn li ma tieqaf qatt ta’ ħniena kbira,
Ta’ dak il-għajn ta’ grazzji li ħadd ma jifhimha
Li fiha erwieħ imtebbgħin bid-dnub jissaffew.

Grazzi, O Ġesu’, tat-Tqarbin,
Li fih Inti tagħtina lilek innifsek.
Inħoss lil Qalbek tħabbat ġewwa sidri
Filwaqt li Inti tagħmel li l-ħajja divina Tiegħek tinfetaħ ġewwa fija.

Grazzi, O Spirtu s-Santu, tas-Sagrament tal-Griżma tal-Isqof,
Li jagħmilini l-Kavallier Tiegħek
U jsaħħaħli ruħi f’kull waqt,
U jħarisni mill-ħażen.

Grazzi, O Alla, tal-grazzja tal-vokazzjoni,
Talli ssejjaħtli biex inservi lilek biss,
U mexxejtni sabiex nagħmlek l-unika mħabba tiegħi,
Unur ikbar milli ħaqqni għal ruħi.

Grazzi, O Mulej, għall-voti perpetwi,
Għal dik l-għaqda ta’ mħabba safja,
Talli ndenjajt ruħek tgħaqqad il-qalb safja Tiegħek ma’ tiegħi.
U talli għaqqadt qalbi ma’ Tiegħek b’rabta mill-iżjed safja.

Grazzi, O Mulej, tas-Sagrament tad-Dlik biż-żejt,
Li, fl-aħħar waqtiet tiegħi, jagħtini s-saħħa;
L-għajnuna tiegħi fil-ġlieda, il-gwida tiegħi għas-salvazzjoni,
Li tqawwili ruħi sakemm naslu għall-ferħ etern.

Grazzi, O Alla, tal-ispirazzjonijiet kollha
Lit-tjubija Tiegħek tfawwarni bihom,
Tad-dwal interjuri mogħtijin lil ruħi,
Li l-qalb tħosshom, imma m’hemmx kliem biex tesprimihom.

Grazzi, O Trinita’ Qaddisa, tal-kobor tal-grazzji
Li Inti tfawwarni bihom bla waqfien matul ħajti.
Il-gratitudni tiegħi għad tikber kif ifeġġ iż-żerniq etern,
Meta, għall-ewwel darba, jiena għad inkanta għall-glorja Tiegħek.

1287. + Minkejja l-paċi li hemm ġo qalbi, qiegħda kontinwament niġġieled taqbida mal-għadu ta’ ruħi. Kulma jmur, qiegħda niskopri n-nases tiegħu, u l-ġlieda terġa’ tixgħel mill-ġdid. Waqt intervalli ta’ kalma, jiena nħarreġ lili nnifsi u nishar, li ma jmurx il-għadu jaqbadni minix ipperparata. U meta jiena nara r-rabja kbira tiegħu, nibqa’ ġewwa l-fortizza; jiġifieri, fil-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesu’.

1288. 19 ta’ Settembru (1937). Illum, il-Mulej qalli, Binti, ikteb li Jiena nweġġa’ ħafna meta r-reliġjużi jirċievu s-Sagrament tal-Imħabba sempliċiment bi drawwa, bħallikieku ma jagħrfux dan l-ikel minn ikel ieħor. Jien la nsib fidi lanqas imħabba fil-qalb tagħhom. Jiena mmur għand erwieħ bħal dawn tassew kontra Qalbi. Kien ikun aħjar li kieku ma jirċevuni xejn.

1289. Ġesu’ l-aktar ħelu, kebbes imħabbti lejk u ibdilni fik. Qaddisni sabiex l-għemejjel tiegħi jkunu jistgħu jogħġbuk. Agħmel li dan isir bil-qawwa tat-Tqarbina li nirċievi kuljum. O kemm nixtieq li nkun mibdula għal kollox fik, O Mulej!

1290. 19 ta’ Settembru 1937. Illum, ħija Stanley ġie jżurni. Fraħt ħafna b’din ir-ruħ sabiħa, li wkoll għandha intenzjoni tiddedika ruħha għas-servizz ta’ Alla. Jiġifieri, Alla stess qed jiġbdu lejn imħabbtu. Domna nitkellmu fuq Alla, fuq it-tjubija Tiegħu. Waqt din il-konverżazzjoni miegħu, sirt naf kemm ruħu kienet togħġbu lil Alla. Il-Madre Superjura tatni l-permess narah aktar ta’ spiss. Meta talabni l-parir tiegħi dwar li jsir reliġjuż, jiena weġibt, “Żgur li inti taf l-iktar x’qed jitlob Alla mingħandek.” Jiena semmejt l-Ordni tal-Ġiżwiti, imma għidt, “Mur fejn joġħġob lilek.” Wegħedtu li ser nitlob għalih, u ddeċidejt li nagħmel novena lill-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesu’ bl-interċessjoni ta’ Dun Peter Skarga u wegħedt li nħabbarha fil-“Messaġġier tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesu’”, (nota212) għax għandu diffikultajiet kbar f’din il-ħaġa. Jiena fhimt li, f’każ bħal dan, iktar jiswa t-talb mill-pariri.

Djarju ta’ Swor Fawstina – Ir-4 Pitazz (par.1271-1280)

Ir-Raba’ Pitazz – Paragrafi 1271-1280

divine-mercy-sheila-diemert-e1498262383496

1271. Meta smajt kemm hi ħaġa perikoluża llum li tkun għassa mal-kanċell minħabba nkwiet rivoluzzjonarju u kemm hawn nies ħżiena li jobogħdu l-kunventi, dħalt ġewwa u mort nitkellem mal-Mulej u tlabtu li jagħmel b’mod li l-ebda persuna ħażina ma jkollha l-ardir tiġi ħdejn il-kanċell. Imbagħad smajt dan il-kliem: Binti, dak l-istess waqt li inti mort ħdejn il-kanċell Jiena poġġejt kerubin biex jgħasses fuqu. Kun fil-paċi. X’ħin mort lura mill-konverżazzjoni tiegħi mal-Mulej, rajt sħaba bajda żgħira u fiha kien hemm kerubin b’idejh magħqudin flimkien. Il-ħarsa tiegħu kienet bħal beraq, u jiena fhimt kif in-nar tal-imħabba ta’ Alla kien jinstab f’dik il-ħarsa . . .

1272. 14 ta’ Settembru 1937. L-Eżaltazzjoni tas-Salib Imqaddes. Illum stajt nara x’oppożizzjoni kbira qed isib dan is-saċerdot (Dun Sopocko) dwar din il-ħaġa kollha. Ukoll erwieħ devoti li huma ħerqana għall-glorja ta’ Alla qegħdin joħduha kontra tiegħu. Il-fatt li hu ma qata’ qalbu xejn minn dan kollu hu dovut għall-grazzja speċjali ta’ Alla.

1273. Ġesu’: Binti, taħseb inti li ktibt biżżejjed dwar il-ħniena Tiegħi? Dak li inti ktibt hu qatra waħda biss meta tqabbilha mal-oċejan. Jiena l-istess Imħabba u l-istess ħniena. M’hemm l-ebda miżerja li tista’ titqabbel mal-Ħniena Tiegħi, lanqas tista’ l-miżerja tasal sat-tarf tagħha, għax f’dak l-istess waqt li tkun qiegħda tingħata – hija tiżdied. Ir-ruħ li tafda fil-ħniena Tiegħi b’xortiha ħafna, għax Jiena stess nieħu ħsiebha.

1274. Jiena ngħaddi minn turmenti kbar f’ruħi meta nara kif Alla jinsab offiż. Illum indunajt li dnubiet mejta kienu qegħdin jiġu mwettqa mhux bogħod mid-dar tagħna. Kien filgħaxija. Tlabt bil-qalb fil-kappella, u mbagħad mort nifflaġella lili nnifsi. X’ħin inżilt għarkobtejja biex nitlob, iżda, il-Mulej ippermettieli jkolli esperjenza kif tbati ruħ li tiġi mwarrba minn Alla. Deherli li qalbi ġiet imċarrta biċċiet, u fl-istess waqt fhimt kemm ruħ bħal din tferi lill-Qalb l-iżjed ħanina ta’ Ġesu’. Il-ħlejqa msejkna ma tkunx trid taċċetta l-ħniena ta’ Alla. Iktar ma’ Alla jiġri wara ruħ bil-ħniena Tiegħu, iktar ikun ġust magħha.

1275. Segretarja Tiegħi, ikteb li Jien iktar ġeneruż mal-midinbin milli mal-ġusti. Kien minħabba fihom li Jiena nżilt mis-sema; kien minħabba fihom li xtered Demmi. Għidilhom ma jibżgħux jersqu lejja; huma l-iktar li jeħtieġu l-ħniena Tiegħi.

1276. 16 ta’ Settembru 1937. Illum xtaqt ħafna nagħmel Siegħa Adorazzjoni quddiem Ġesu’ Sagramentat, imma din ma kenitx ir-rieda ta’ Alla. Fit-tmienja qabadni wġigħ hekk ikrah li kelli mmur nimtedd minnufih. Għal tliet sigħat sħaħ domt mifnija bl-uġigħ; jiġifieri, sal-ħdax ta’ bil-lejl. L-ebda mediċina ma ħadmet fuqi, u kulma niżżilt erġajt tellajtu. F’xi ħinijiet, l-uġigħ wassalni li nintilef minn sensija. Ġesu’ għeni nifhem li b’dan il-mod jiena kont qiegħda nieħu sehem fl-Agunija Tiegħu fl-Ort, u li Huwa stess kien ippermetta dawn it-tbatijiet sabiex joffri riparazzjoni lil Alla għall-erwieħ li ġew maqtulin fil-ġuf ta’ ommijiet ħżiena. Jiena issa għaddejt minn dawn it-tbatijiet tliet darbiet. Dejjem jibdew fit-tmienja ta’ filgħaxija u jibqgħu sejrin sal-ħdax. L-ebda mediċina ma tista’ ttaffi dawn it-tbatijiet. X’ħin jaslu l-ħdax, jieqfu waħedhom u jiena norqod dak il-ħin stess. L-għada inħossni fjakka ħafna.

Din il-ħaġa ġratli l-ewwel darba meta kont is-sanatorju. It-tobba ma setgħu jifhmu xejn minn dak li kien qed jiġri, u l-ebda njezzjoni jew mediċina ma setgħet tgħinni bl-ebda mod u jiena stess ma kellix l-ebda idea x’kienu dawk it-tbatijiet. Għidt lit-tabib li qatt qabel f’ħajti ma kont għaddejt minn tbatijiet bħal dawn u hu ddikjara li ma kienx jaf x’tip ta’ wġigħ kien dan. Imma issa nista’ nifhem x’tip ta’ wġigħ dan hu, għax il-Mulej stess għarrafni b’dan . . . Pero’ meta noqgħod naħseb li forsi jista’ jkolli nbati b’dan il-mod darb’oħra, nibda nirtogħod. Imma ma nafx jekk għadx ikolli nbati b’dan il-mod darb’oħra; dan inħallih f’idejn Alla. Dak li Alla jogħġbu jibgħatli, naċċettah b’sottomissjoni u mħabba. Li kieku nista’ nsalva mqar ruħ waħda biss mill-qtil permezz ta’ dawn it-tbatijiet!

1277. L-għada ta’ dawn it-tbatijiet, inkun nista’ nħoss l-istat tal-erwieħ u x’inhi d-diżpożizzjoni tagħhom lejn Alla; inkun mimlija bl-għerf veru.

1278. Jiena nitqarben bħall-anġli, biex ngħidu hekk. Ruħi timtela bid-dawl ta’ Alla u tmantni lilha nnfisha minnu. Is-sentimenti tiegħi qishom mejtin. Din hija għaqda spiritwali biss flimkien ma’ Alla; predominanza tal-ispirtu fuq in-natura.

1279. Il-Mulej tani għarfien tal-grazzji li ilu jagħtini bix-xaba’. Dan id-dawl daħal ġewwa fija sa ġewwanett, u jiena bdejt nifhem x’favuri li ħadd ma jista’ jimmaġinhom Alla ilu jagħtini. Bqajt fiċ-ċella tiegħi għal att twil ta’ radd il-ħajr, mixħuta wiċċi mal-art bid-dmugħ ta’ radd il-ħajr nieżel minn għajnejja. Ma stajtx inqum mill-art għax, kull meta bdejt nipprova, id-dawl ta’ Alla tani għarfien ġdid tal-grazzja Tiegħu. Kien biss mat-tielet darba li ppruvajt, li stajt inqum. Ladarba jiena kont bintu, ħassejt li kull ma kellu l-Missier tas-Sema kien tiegħi wkoll. Huwa stess refagħni mill-art u tellagħni sa Qalbu. Ħassejt li kulma jeżisti kien tiegħi b’mod esklużiv, imma ma kelli l-ebda xewqa għal dak kollu, għax Alla waħdu Hu biżżejjed għalija.

1280. Illum sirt naf b’liema stmellija l-Mulej imur għand ċerta ruħ fit-Tqarbin Imqaddes. Huwa jmur f’dik il-qalb qiesu sejjer f’ħabs mudlam, fejn ser ikollu jissaporti torturi u dieqa ta’ qalb. Jiena bqajt nitolbu maħfra u noffri riparazzjoni għall-offiża.

Djarju ta’ Swor Fawstina – Ir-4 Pitazz (par.1251-1260)

Ir-Raba’ Pitazz – Paragrafi 1251-1260

sopocko_new1

1251. 22 ta’ Awissu. Dalgħodu ġiet iżżurni Santa Barbara, Verġni u rrakmandatli nitqarben għal disat ijiem għall-bżonnijiet ta’ pajjiżi u b’hekk intaffi l-korla ta’ Alla. Din il-verġni kienet liebsa kuruna magħmula minn kwiekeb u f’idejha kellha xabla. Il-kuruna kienet tiddi l-istess bħax-xabla. Liebsa l-abjad u b’xagħarha twil, tant kienet sabiħa li , li kieku mhux diġa’ kont naf lill-Verġni Marija, kont naħseb li kienet Hi. Issa jiena nista’ nifhem li kull verġni għandha sbuħija speċjali li hi tagħha biss; sbuħija ċara toħroġ tiddi minn kull waħda minnhom.

1252. + 25 ta’ Awissu 1937. Illum wasal ir-Reverendu Dun Sopocko u ser jibqa’ magħna sat-30 tax-xahar. Kont ferħana ħafna, għax Alla biss jaf x’ħerqa għandi biex narah minħabba l-Opra li Alla qed iwettaq permezz tiegħu, u dan kollu, għalkemm iż-żjara kien fiha xi aspetti koroh ukoll.

1253. + Waqt li kien qed iqaddes, waqt l-elevazzjoni rajt lill-Mulej Ġesu’ Msallab jaqla’ idu l-leminija mis-salib, u d-dawl li kien ħiereġ mill-pjaga kien qed imisslu driegħu. Din il-ħaġa ġrat waqt tliet quddisiet, u jiena fhimt li Alla kien ser jagħtih is-saħħa sabiex hu jwettaq din l-opra minkejja diffikultajiet u oppożizzjoni. Din ir-ruħ li togħġob lil Alla tinsab imsallba b’ħafna tbatijiet, imma jiena xejn ma nistgħaġeb b’dan, għax Alla hekk jimxi ma’ dawk li Hu jħobb b’mod speċjali.

1254. + Illum, id-29, irċevejt permess (nota207) biex ikolli konverżazzjoni itwal mar-Reverendu Dr. Sopocko. Sirt naf li, għalkemm hemm xi diffikultajiet, l-opra miexja ‘l quddiem, u li l-Festa tal-Ħniena diġa’ tinsab miexja ‘l quddiem ħafna. Mhux se jgħaddi ħafna żmien qabel ma ssir realta’, imma għad hemm bżonn ta’ ħafna talb sabiex ċerti diffikultajiet jispiċċaw.

1255. “Għal dak li għandu x’jaqsam miegħek, Sor, hi ħaġa tajba li inti bqajt fi stat ta’ indifferenza qaddisa f’dak kollu li għandu x’jaqsam mar-rieda ta’ Alla, u li inti qiegħda żżomm stat aktar bilanċjat. Jekk jogħġbok agħmel mill-aħjar biex iżżomm din il-kalma. Issa, għal dak kollu li għandu x’jaqsam ma’ dawn l-affarijiet, inti għandek tiddependi għal kollox minn Patri Andrasz; jiena u hu naqblu f’kollox. Tagħmel xejn waħdek, Sor, imma f’kollox ħu l-parir tad-direttur spiritwali tiegħek. Nitolbok iżżomm il-kalma kemm jista’ jkun. Ħaġ’oħra – jiena qed nistampa l-kurunella li għandha tkun fuq wara tax-xbieha, kif ukoll l-invokazzjonijiet li qishom litanija; dawn ukoll jitpoġġew fuq wara. Ġiet stampata wkoll xbieha kbira, u magħha ftit paġni li fihom in-Novena tal-Ħniena Divina. (nota208) Itlob, Sor, sabiex din ikollha l-approvazzjoni.”

1256. 30 (ta’ Awissu). Ir-Reverendu Dun Sopocko telaq dalgħodu. X’ħin kont mitlufa għal kollox f’talba ta’ radd il-ħajr għall-grazzja kbira li jiena kont irċevejt mingħand Alla; jiġifieri l-grazzja li nara s-saċerdot, jiena ngħaqadt b’mod speċjali mal-Mulej li qalli, Huwa saċerdot skont il-Qalb Tiegħi; l-isforzi tiegħu jogħġbuni. Inti qiegħda tara, li r-rieda Tiegħi jeħtieġ li ssir u dak li Jiena wegħdtek, Jiena ser nagħmlu. Permezz tiegħu, Jiena nxerred il-faraġ lill-erwieħ li jkunu qegħdin ibatu u li jkunu jinsabu nkwetati. Permezz tiegħu għoġobni nxandar il-qima lejn il-ħniena Tiegħi. U permezz ta’ din l-opra tal-ħniena iktar erwieħ għad jersqu qrib Tiegħi milli kieku kienu jagħmlu, ukoll li kieku kellu jagħti l-assoluzzjoni lejl u nhar għall-bqija ta’ ħajtu, għax permezz t’hekk, kien jaħdem biss għall-bqija ta’ ħajtu; filwaqt li grazzi għal din l-opra tal-ħniena, huwa ser jibqa’ jaħdem sal-aħħar tad-dinja.

1257. Kont iddeċidejt li nagħmel novena għall-intenzjoni li nkun nista’ narah, imma lanqas biss kont spiċċajtha meta Alla tani dik il-grazzja.

1258. O Ġesu’ tiegħi, kemm ftit approfittajt minn din il-grazzja, imma dan ma kienx jiddependi minni, għalkemm jekk tħares lejha minn angolu ieħor, kien jiddependi ħafna.

1259. + Waqt din il-konverżazzjoni, sirt naf ir-ruħ itturmentata tiegħu. Din ir-ruħ imsallba tixbah lis-Salvatur. Fejn hu jistenna, bir-raġun, li jsib il-konsolazzjoni, isib is-salib. Jgħix fost ħafna ħbieb, imma m’għandu lil ħadd ħlief lil Ġesu’. Dan hu l-mod kif Alla jneżża’ lir-ruħ li Hu jħobb b’mod speċjali.

1260. Illum smajt dan il-kliem: Binti, dejjem ġib ruħek bħal tifla żgħira ma’ dawk li jirrapreżentawni; jekk ma tagħmilx hekk inti ma tiġbed l-ebda ġid spiritwali mill-grazzji li Jiena nagħtik permezz tagħhom.

Djarju ta’ Swor Fawstina – Ir-4 Pitazz (par.1241-1250)

Ir-Raba’ Pitazz – Paragrafi 1241-1250

marrying-the-rosary-to-the-divine-mercy-chaplet-on-divine-mercy-sunday-e1498214480266

1241. + O Ġesu’ tiegħi, meta xi ħadd ikun kattiv jew ma jġibx ruħu tajjeb magħna, ikun biżżejjed diffiċli għalina li nissaportu din it-tip ta’ tbatija. Imma din ħaġa żgħira ħafna ħdejn tbatija li jiena ma nistax nissaporti; jiġifieri, dak li jiena nħoss meta xi ħadd juri tjubija miegħi u mbagħad ipoġġili nases quddiem saqajja ma’ kull pass li nagħmel. Kemm trid ikollok rieda qawwija biex tħobb ruħ bħal din għall-imħabba ta’ Alla. Ħafna drabi trid tagħmel att erojku sabiex tħobb ruħ bħal din bħalma jrid Alla. Jekk il-kuntatt ma’ persuna bħal din ma jkunx ta’ spiss, tkun ħaġa iktar faċli li tissaportiha, imma meta wieħed ikun qed jgħix f’kuntatt mill-qrib ma’ din il-persuna u jkollu din l-esperjenza ma’ kull pass li jagħmel, l-isforz li jkun irid jagħmel ikun kbir ħafna.

1242. Ġesu’ tiegħi, infidni sa ġewwanett sabiex jiena nkun nista’ nirriflettik f’ħajti kollha. Iddivinizzani sabiex l-għemejjel tiegħi jkollhom valur sopranaturali. Agħmel li jiena jkolli mħabba, mogħdrija u ħniena għal kull ruħ bla ebda eċċezzjoni. O Ġesu’ tiegħi, kull wieħed u kull waħda mill-qaddisin Tiegħek jirriflettu waħda mill-virtujiet tiegħek; jiena nixtieq nirrifletti l-qalb Tiegħek, mimlija mogħdrija u ħniena; irrid nagħtiha glorja. Ħalli l-ħniena Tiegħek, O Ġesu’ tiġi stampata fuq qalbi u ruħi bħal siġill, u din tkun is-sinjal tas-sbuħija tiegħi f’din il-ħajja u fil-ħajja li ġejja. Li nigglorifika l-ħniena Tiegħek hi l-ħidma esklussiva ta’ ħajti.

15 ta’ Awissu 1937. It-Twissijiet ta’ Patri Andrasz.

1243. “Dawn iż-żminijiet ta’ nixfa meta wieħed ikun konxju ħafna tal-miżerja tiegħu, li Alla jkun ippermetta, lir-ruħ jippermettulha ssir taf kemm hu ftit dak li kapaċi tagħmel waħedha. Dan jgħallmek kemm għandek tapprezza l-grazzji ta’ Alla. It-tieni punt hu fedelta’ fl-eżerċizzi u d-dmirjiet kollha, fedelta’ f’kollox, bħalma jiġri fi żminijiet ta’ ferħ. It-tielet punt hu li f’dawn l-affarijiet li qed nitkellmu dwarhom, trid tkun ubbidjenti għal kollox lejn l-Arċisqof (Jalbrzykowski) għalkemm, minn żmien għall-ieħor, tista’ tfakkru dwar din il-ħaġa, imma bil-kalma kollha. Xi kultant, ikun hemm bżonn daqsxejn verita’ qarsa.”

Fi tmiem il-konverżazzjoni, tlabt is-saċerdot jippermettili nikkomunika ma’ Ġesu’ bħalma kont nagħmel qabel. Huwa wieġeb: “Jiena ma nistax nagħti ordnijiet lill-Mulej Ġesu’, imma jekk Hu stess jiġbdek lejh, inti tista’ timxi wara dak li jiġbdek. Iżda, ftakar dejjem li għandek turih qima kbira, għax il-Mulej hu tassew kbir. Jekk inti f’dan kollu qiegħda tassew tfittex ir-rieda ta’ Alla u tixtieq twettaqha, tista’ tkun fil-paċi; il-Mulej mhux ser jippermetti l-ebda tip ta’ żball. Dwar il-mortifikazzjonijiet u t-tbatijiet, int trid tgħidli darb’oħra kif qiegħda tgħixhom. Poġġi lilek innifsek f’idejn l-omm l-iżjed Qaddisa.”

1244. 15 ta’ Awissu 1937. Waqt il-meditazzjoni, il-preżenza ta’ Alla mlietni b’mod qawwi ħafna, u kont konxja tal-ferħ tal-Verġni Marija meta ġiet mtellgħa fis-sema. Lejn it-tmiem taċ-ċerimonja li saret ad unur Omm Alla, rajt lill-Verġni Marija, u hija qaltli, O, kemm togħġobni l-qima ta’ mħabbtek! U f’dak il-waqt Hija għattiet lis-sorijiet kollha tal-Kongregazzjoni tagħna bil-mantell tagħha. B’idha l-leminija, Hija għafset magħha lill-Madre Ġenerali Michael, u b’idha x-xellugija Hija għafset lili, filwaqt lis-sorijiet kollha kienu jinsabu f’riġlejha, mgħottijin bil-mantell tagħha. Imbagħad Omm Alla qalet, Kull min jippersevera bil-ħerqa sal-mewt fil-Kongregazzjoni Tiegħi ma jsofrix in-nar tal-Purgatorju, u jiena nixtieq li kull waħda tingħaraf minn dawn il-virtujiet: umilta’ u manswetudni; kastita’ u mħabba ta’ Alla u għall-proxxmu; mogħdrija u ħniena. Wara dan il-kliem, il-Kongregazzjoni kollha għebet minn quddiem għajnejja, u jiena bqajt waħdi flimkien mal-Omm l-iżjed Qaddisa li wissietni dwar ir-rieda ta’ Alla u kif għandi napplikaha f’ħajti u nissottometti ruħi kollni kemm jien għad-digrieti Tiegħu l-iżjed qaddisa. Impossibli għalija li jiena nogħġob lil Alla mingħajr ma nobdi r-rieda qaddisa Tiegħu. Binti, nirrikmandalek bil-qawwa kollha li inti twettaq bil-fedelta’ x-xewqat kollha ta’ Alla, għax din il-ħaġa togħġob ħafna lill-qdusija Tiegħu. Għandi xewqa kbira li tingħaraf għal din il-fedelta’ fit-twettiq tar-rieda ta’ Alla. Poġġi r-rieda ta’ Alla qabel is-sagrifiċċji u l-olokawsti kollha. Filwaqt li l-Omm tagħna tas-Sema kienet qiegħda titkellem miegħi, għarfien profond ta’ din ir-rieda ta’ Alla beda dieħel ġewwa ruħi.

1245. Ġesu’ tiegħi, għaxqa ta’ qalbi, meta ruħi timtela’ bid-divinita’ Tiegħek, jiena naċċetta l-ħelu u l-morr xorta waħda. It-tnejn li huma għad jgħaddu. Kulma nżomm ġewwa ruħi hi l-imħabba ta’ Alla. Għal din il-ħaġa nagħmel kull sforz; mill-bqija, kollox jiġi wara.

1246. 16 (ta’ Awissu 1937). Wara t-Tqarbin rajt lill-Mulej Ġesu’ fil-majesta’ kollha Tiegħu, u Hu qalli, Binti, matul dawk il-ġimgħat meta inti la rajtni u lanqas ħassejt il-preżenza Tiegħi, Jiena kont magħqud miegħek b’mod iżjed profond milli f’dawk iż-żminijiet (meta kellek esperjenza) ta’ estasi. U l-fedelta’ u l-fwieħa tat-talb tiegħek waslu Għandi. Wara dan il-kliem, ruħi ġiet imfawra bil-konsolazzjoni ta’ Alla. Lil Ġesu’ ma rajtux, u kien hemm biss kelma waħda li stajt nlissen u din kienet: “Ġesu’”. U wara li lissint dak l-Isem, ruħi reġgħet imtliet bid-dawl u b’ġabra ikbar, li damu għaddejjin għal tlett ijiem. Iżda, minn barra bqajt nista’ nkompli bid-dmirijiet tiegħi tas-soltu.

Kollni kemm jiena ġejt imqanqla sa mill-qiegħ nett ta’ qalbi. Il-kobor ta’ Alla ma jbeżżagħnix, imma jferraħni. Meta nagħtih glorja, jiena stess nintrefa’ ‘l fuq. Meta narah kuntent, jiena stess insir kuntenta, għax kulma hemm ġo fih jerġa’ jinżel lura fuqi.

1247. Sirt naf bl-istat ta’ ċerta ruħ u x’kien hemm f’dik ir-ruħ li lil Alla ma kienx jogħġbu. Insir naf bih b’dan il-mod: f’daqqa waħda nħoss l-uġigħ f’idejja, f’saqajja u f’ġenbi, f’dawk il-postijiet fejn l-idejn, is-saqajn u l-ġenb tas-Salvatur ġew minfuda. F’dak l-istess waqt, jiena nirċievi għarfien tal-istat tar-ruħ u x’inhu d-dnub li tkun wettqet.

1248. Inħoss xewqa li nagħmel tpattija lill-Mulej Ġesu’ b’mod li jaqbel (mal-offiża). Illum ilbist iċ-ċilizju għal seba’ sigħat sabiex naqla’ l-grazzja tal-indiema għal dik ir-ruħ. Fis-seba’ siegħa ħassejt serħan filwaqt lir-ruħ ħasset ġewwa fiha maħfra għad-dnub tagħha, għalkemm kienet għadha ma marritx tqerr. Biex inpatti għad-dnubiet tal-ġisem, jiena nimmortifika l-ġisem u nsum sakemm ikolli permess. Biex inpatti għad-dnubiet tas-suppervja, jiena nitlob b’moħħi jmiss mal-art. Biex inpatti għad-dnubiet tal-mibgħeda, jiena nitlob u nagħmel xi opra tajba għall-persuna li jiena nsibha diffiċli. U b’dan il-mod jiena npatti skont in-natura tad-dnub li jiena nkun konxja minnu.

1249. 19 (ta’ Awissu 1937). Illum waqt l-adorazzjoni, il-Mulej tani x’nifhem kemm jixtieq lir-ruħ tingħaraf mill-opri tagħha ta’ mħabba. U fl-ispirtu stajt nara kemm hemm erwieħ qegħdin jgħajtulna, “Agħtuna lil Alla.” U d-demm tal-Appostli beda jbaqbaq ġewwa fija. Minix sejra nkun xħiħa bih; ser inxerrdu kollu sal-inqas qatra għall-erwieħ immortali. Għalkemm forsi Alla dan mhux ser jippretendih fis-sens fiżiku, huwa possibli fl-ispirtu u l-mertu m’hu xejn inqas.

1250. Illum irrealizzajt li ma kellix nitlob ċertu permess, imma kelli nġib ruħi f’din il-ħaġa bħalma kienet tippretendi mingħandi Omm Alla. Għalissa, m’hemmx bżonn l-ebda spjegazzjonijiet; erġajt ninsab fil-paċi. Din l-ispirazzjoni rċevejtha filwaqt li kont sejra nagħmel l-eżami tal-kuxjenza u kont inkwetata ħafna għax ma kontx naf x’kelli nagħmel. Id-dawl divin jista’ jagħmel iktar f’mument wieħed milli nista’ nagħmel jiena meta ngħeja lili nnifsi ġurnata wara l-oħra.

Djarju ta’ Swor Fawstina – It-3 Pitazz (par.1221-1230)

It-Tielet Pitazz – Paragrafi 1221-1230

divine-mercy

1221. O Ġesu’ l-aktar Ħanin, Int stess għidt, “Itgħallmu minni, għax Jiena ta’ Qalb ħelwa u umli.” Ilqa’ fil-għamara tal-Qalb Tiegħek l-iżjed Ħanina l-bnedmin kollha ta’ qalb ħelwa u umli u l-erwieħ tat-tfal ċkejknin. Dawn l-erwieħ isaħħru s-smewwiet, u huma l-maħbubin tal-Missier fis-sema. Qishom bukkett fjuri ta’ riħa ħelwa quddiem it-Tron ta’ Alla; Alla nnifsu jitpaxxa bil-fwieħa tagħhom. Dawn l-erwieħ jgħammru għal dejjem fil-Qalb l-iżjed ħanina Tiegħek, O Ġesu’, u jtennu bla waqfien għanja ta’ mħabba u ta’ ħniena.

1222. Ruħ li verament ħelwa u umli,
Diġa’ minn fuq din l-art tieħu nifs tal-arja tal-ġenna
U bil-fwieħa tal-qalb umli tagħha
Il-Ħallieq innifsu jitpaxxa biha.

1223. Missier Etern, dawwar il-ħarsa ħanina Tiegħek fuq il-bnedmin ta’ qalb ħelwa u umli, u fuq l-erwieħ tat-tfal ċkejknin, li jinsabu miġburin fil-għamara tal-Qalb l-iżjed ħanina ta’ Ġesu’. Dawn l-erwieħ l-iktar li jixbhu lil Ibnek l-għażiż. Il-fwieħa tagħhom titla’ mill-art sat-tron Tiegħek fis-sema. Missier ta’ ħniena u ta’ kull tjieba, nitolbok f’ġieħ l-imħabba li Inti għandek għal dawn l-erwieħ u f’ġieħ il-għaxqa li Inti ssib fihom: bierek id-dinja kollha sabiex il-bnedmin kollha flimkien jgħannu t-tifħir tal-ħniena Tiegħek għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Is-Seba’ Jum

1224. Illum ġibli l-erwieħ li jqimu u jsebbħu l-ħniena Tiegħi b’mod speċjali u għaddashom fil-ħniena tiegħi. Dawn l-erwieħ tnikktu ħafna minħabba l-Passjoni li ġarrabt u daħlu fil-fond tal-Ispirtu Tiegħi. Huma xbihat ħajjin tal-Qalb ħanina Tiegħi. Dawn l-erwieħ għad jiddu b’dija speċjali fil-ħajja li ġejja. Ħadd minnhom mhu ser imur fin-nar tal-infern. Fis-siegħa ta’ mewthom, Jiena ser niddefendi b’mod partikulari lil kull wieħed u waħda minnhom.

1225. O Ġesu’ l-aktar ħanin, li Qalbek hija l-istess Imħabba, ilqa’ ġewwa l-Qalb l-iżjed ħanina Tiegħek l-erwieħ ta’ dawk li jsebbħu u jqimu b’mod partikulari l-kobor tal-ħniena Tiegħek. Dawn l-erwieħ huma setgħana bl-istess setgħa ta’ Alla nnifsu. Huma jibqgħu mexjin ‘l quddiem fost l-hemm u t-tbatijiet kollha li jkollkom iġarrbu, għax jafdaw fil-ħniena Tiegħek. Dawn l-erwieħ huma maqgħudin Miegħek, O Ġesu’ u qed jerfgħu fuq spallejhom l-umanita’ kollha. Dawn l-erwieħ ma jiġux iġġudikati severament, imma l-ħniena Tiegħek tħaddanhom waqt li jkunu qed iħallu din il-ħajja.

Ruħ li tfaħħar it-tjieba tal-Mulej tagħha
Hi speċjalment maħbuba Minnu.
Hija tinsab dejjem qrib il-għajn ħajja
U tiġbed il-grazzji mill-Ħniena Divina.

Missier Etern , dawwar ħarstek ħanina fuq l-erwieħ li jsebbħu u jqimu l-akbar attribut Tiegħek, dik tal-ħniena Tiegħek bla qjies, u li jinsabu magħluqin fil-Qalb l-iżjed ħanina ta’ Ġesu’. Dawn l-erwieħ huma Vanġelu ħaj; idejhom huma mimlijin b’għemejjel ta’ ħniena u l-ispirtu tagħhom imfawwar bil-ferħ, qed ikanta kantiku ta’ ħniena Lilek, O l-aktar Għoli! Nitolbok, O Alla, urihom il-ħniena Tiegħek skont it-tama u l-fiduċja li huma wrew Fik. Ħalli sseħħ fihom il-wegħda ta’ Ġesu’, meta qal, L-erwieħ li jqimu l-ħniena Tiegħi, Jiena stess niddefendihom f’ħajjithom u speċjalment fis-siegħa ta’ mewthom, għall-glorja Tiegħi. Ammen

It-Tmien Jum

1226. Illum ġibli l-erwieħ li jinsabu fil-ħabs tal-Purgatorju, u għaddashom fl-abbiss tal-ħniena Tiegħi. Ħalli Demmi li xerridt bil-kotra jtaffi l-ħruq tan-nirien li qed ibatu. Dawn l-erwieħ kollha huma maħbubin ħafna Minni. Huma qed iħallsu l-prezz tal-ġustizzja Tiegħi. Inti tista’ sserraħhom. Agħmel ħiltek biex tirbaħ l-indulġenzi kollha miġburin fit-teżor tal-Knisja Tiegħi, u offrihom għal dawn l-erwieħ. O, li kieku taf x’turmenti qed isofru, toffri l-ħin kollu għalihom il-karita’ spiritwali u tħallas id-dejn li huma għandhom mal-ġustizzja Tiegħi.

1227. O Ġesu’ l-aktar ħanin, Inti nnifsek għidt li trid issawwab il-ħniena ; għalhekk qed indaħħal fl-għamara tal-Qalb l-iżjed ħanina Tiegħek l-erwieħ tal-Purgatorju, li huma tant maħbubin minnek; iżda fl-istess ħin ikollhom iħallsu d-dejn li baqagħlhom mal-ġustizzja Tiegħek. Agħmel lix-xmajjar ta’ Demm u Ilma li ħarġu minn Qalbek jitfu l-fjammi tan-nar li jippurifka, sabiex hemmhekk ukoll tiġi meqjuma l-qawwa tal-ħniena Tiegħek.

Minn ġos-sħana terribbli tan-nar li jsaffi
Titla’ karba l-ħniena Tiegħek,
U huma jirċievu faraġ, serħan u mistrieħ
Fix-xmara mħallta bid-Demm u Ilma

Missier Etern, ħares bil-ħniena l-erwieħ li qed isofru fil-Purgatorju u li jinsabu miġburin fil-Qalb tant ħanina ta’ Ġesu’. Nitolbok, f’ġieħ il-Passjoni ħarxa ta’ Ġesu’ Ibnek, f’ġieħ l-imrar li fawwarlu r-ruħ l-iżjed qaddisa Tiegħu, uri l-ħniena Tiegħek ma’ dawn l-erwieħ li qegħdin taħt il-ħaqq ġust Tiegħek. Tħarisx lejhom ħlief permezz tal-Pjagi ta’ Ġesu’, Ibnek l-għażiż, għax aħna nemmnu bis-sħiħ li m’hemm l-ebda tarf għat-tjieba u l-ħniena Tiegħek.

Id-Disa’ Jum

1228. Illum ġibli l-erwieħ li waqgħu fil-bruda u għaddashom fl-abbiss tal-ħniena Tiegħi. Dawn l-erwieħ iweġġgħuli Qalbi b’mod l-iktar kiefer. Fil-Ġnien taż-Żebbuġ ruħi ġarrbet stmerrija tal-biża’ minħabba l-erwieħ bierda. Kienu dawn l-erwieħ li ġegħluni ngħid: “Missier, warrab minni dan il-kalċi, jekk din hi r-Rieda Tiegħek.” L-aħħar tama ta’ salvazzjoni għalihom hi li jirrikorru għall-ħniena Tiegħi.

1229. Ġesu’ l-aktar ħanin, Inti l-istess mogħdrija. Qed inġiblek l-erwieħ bierda biex iddaħħalhom fl-għamara tal-Qalb l-iżjed ħanina Tiegħek. Kebbes mill-ġdid, f’dan in-nar ta’ mħabbtek safja, lil dawn l-erwieħ li l-bruda għamlithom qishom iġsma mejta li jġegħluk tistmellhom. O Ġesu’, l-aktar ħanin, ħaddem il-qawwa tal-ħniena Tiegħek u ħeġġiġhom bi mħabbtek; u sawwab fuqhom id-don tal-imħabba qaddisa, għax kollox hu fis-setgħa Tiegħek.

In-nar u s-silġ ma jistgħux jingħaqdu;
Jew jintefa’ n-nar, jew jinħall is-silġ.
Imma bil-ħniena Tiegħek, O Alla,
Inti tista’ tpatti għal kulma jonqos.

Missier Etern, dawwar il-ħarsa ħanina Tiegħek fuq l-erwieħ bierda, li madankollu jinsabu mħaddna fil-Qalb l-iżjed ħanina ta’ Ġesu’. Missier tal-ħniena nitolbok f’ġieħ il-Passjoni ħarxa ta’ Ibnek u l-agunija li bata fuq is-Salib tul tliet sigħat, agħmel li dawn l-erwieħ ukoll jigglorifikaw l-abbiss tal-ħniena Tiegħek . . .

1230. O jum etern, O Jum tant mixtieq,
Għajnejja qegħdin ifittxuk bil-għatx u bix-xenqa.
Dalwaqt l-imħabba ser iċċarrat il-velu,
U inti tkun is-salvazzjoni tiegħi.

O jum mill-isbaħ, waqt li bħalu m’hawnx.
Meta jiena għad nara lil Alla tiegħi għall-ewwel darba,
L-Għarus ta’ ruħi u Sid is-sidien,
U l-biża’ ma xxekkilx lil ruħi.

O jum mill-iktar solenni, O Jum ta’ dija qawwija,
Meta r-ruħ għad issir taf lil Alla fis-Setgħa Tiegħu bla Tarf
U tegħreq kollha kemm hi fi mħabbtu,
Għax taf li spiċċaw il-miżerji tal-eżilju.

O jum ta’ ferħ, O jum imbierek,
Meta qalbi għad taqbad għalik b’nar etern,
Għax issa wkoll jiena nħoss il-preżenza Tiegħek, għalkemm minn ġol-velu.
Fil-ħajja u l-mewt, O Ġesu’, Inti l-estasi u l-għaxqa tiegħi.

O jum, li bih jiena ħlomt tul ħajti kollha,
Ili nistenniek ħafna, O Alla,
Għax Inti biss li jiena nixtieq.
Inti l-uniku u l-waħdieni ta’ qalbi; ħliefek xejn ma jiswa.

O jum ta’ għaxqa, jum ta’ hena etern,
Alla ta’ majesta’ kbira, l-Għarus maħbub tiegħi,
Inti taf li xejn ma jista’ jissodisfa lill-qalb verġni.
Fuq il-Qalb ħanina Tiegħek jiena nserraħ ġbini.

(Tmiem it-Tielet Pitazz)

Djarju ta’ Swor Fawstina – It-3 Pitazz (par.1211-1220)

It-Tielet Pitazz – Paragrafi 1211-1220

mercytothew

1211. O Ġesu’ l-aktar Ħanin, li l-veru natura Tiegħek hi li jkollok mogħdrija lejna u li taħfrilna, la tħarisx lejn dnubietna imma lejn il-fiduċja li aħna għandna fit-tjieba Tiegħek bla qjies. Ilqagħna lkoll f’dak il-post f’Qalbek wisq ħanina, u tħallina qatt naħarbu minnha. Dan nitolbuhulek f’ġieħ l-Imħabba li tgħaqqdek mal-Missier u mal-Ispirtu s-Santu.

O Setgħa bla tarf tal-Ħniena Divina,
Salvazzjoni ta’ poplu midneb,
Inti baħar ta’ ħniena u mogħdrija;
Inti tgħin lil dawk li jitolbuk bl-umilta’.

Missier Etern, dawwar il-ħarsa ħanina Tiegħek fuq l-umanita’ kollha u l-iktar fuq l-imsejkna midinbin, li dawn huma miġburin ilkoll fil-Qalb l-iżjed ħanina ta’ Ġesu’. F’ġieħ il-Passjoni ħarxa Tiegħu, urina l-ħniena Tiegħek, sabiex inkunu nistgħu nfaħħru l-qawwa bla qjies tal-ħniena Tiegħek għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

It-Tieni Jum

1212. Illum ġibli l-erwieħ tas-saċerdoti u r-reliġjużi u għaddashom fil-ħniena Tiegħi bla qjies. Kienu huma li tawni s-saħħa biex nissaporti il-Passjoni ħarxa li batejt. Permezz tagħhom, tinżel il-ħniena Tiegħi tgelgel fuq l-umanita’.

1213. O Ġesu’ l-iktar ħanin, li minnek ġej dak kollu li hu tajjeb, kattar il-grazzja Tiegħek fina, sabiex aħna nkunu nistgħu nwettqu xogħol siewi ta’ ħniena, u dawk kollha li jarawna, jagħtu glorja lill-Missier tal-ħniena li Hu fis-smewwiet.

L-għajn tal-imħabba ta’ Alla
Tgħammar fi qlub safjin,
Maħsulin fil-baħar tal-ħniena,
Tlellex bħal kwiekeb, tiddi bħas-sebħ.

Missier Etern, dawwar il-ħarsa ħanina Tiegħek lejn dawk li Inti għażilt fil-għalqa Tiegħek – fuq l-erwieħ tas-saċerdoti u r-reliġjużi; u ikisihom bil-qawwa tal-Barka Tiegħek. F’ġieħ l-imħabba tal-Qalb ta’ Ibnek fejn hemm jinsabu miġburin, agħtihom is-setgħa u d-dawl Tiegħek, ħalli jkunu jistgħu jmexxu lill-oħrajn fit-triq tas-salvazzjoni, u hekk b’vuċi waħda jkantaw tifħir lill-ħniena bla qjies Tiegħek għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

It-Tielet Jum

1214. Illum ġibli l-erwieħ kollha devoti u fidili u għaddashom fl-oċejan tal-ħniena Tiegħi. Dawn l-erwieħ tawni faraġ fit-triq tas-Salib. Kienu dik il-qatra ta’ faraġ f’nofs oċejan ta’ niket aħrax.

1215. O Ġesu’ l-aktar ħanin, mit-teżor tal-ħniena Tiegħek, Inti tqassam il-grazzji Tiegħek b’abbundanza fuq kull wieħed u waħda minna. Ilqagħna f’dak il-post ta’ Qalbek wisq ħanina u tħallina qatt naħarbu minnha. Din il-grazzja nitolbuhielek f’ġieħ dik l-imħabba kbira u tal-għaġeb li għandek tkebbes f’Qalbek għall-Missier tas-Sema.

Il-mirakli tal-ħniena huma impenetrabbli
La l-midneb lanqas il-ġust ma jifhimhom.
Meta Inti titfa’ fuqna ħarsa ta’ ħniena,
Inti tiġbidna lkoll aktar qrib ta’ Mħabbtek.

Missier Etern, dawwar il-ħarsa ħanina Tiegħek lejn l-erwieħ fidili, bħala l-wirt ta’ Ibnek. F’ġieħ il-Passjoni ħarxa Tiegħu, berikhom u ħarishom dejjem. B’hekk huma qatt ma jonqsu mill-imħabba jew jitilfu t-teżor tal-fidi mqaddsa, imma mal-qtajja’ tal-Anġli u l-Qaddisin, jkunu jistgħu ifaħħru l-ħniena Tiegħek bla qjies għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Ir-Raba’ Jum

1216. Illum ġibli lil dawk li ma jemmnux Fija u lil dawk li għadhom ma jafunix. Kont qed naħseb fihom ukoll matul il-Passjoni ħarxa Tiegħi, u l-ħerqa li biha għad jitkebbsu kienet ta’ faraġ għal Qalbi. Għaddashom fl-oċejan tal-ħniena Tiegħi.

1217. O Ġesu’ l-iktar ħanin, Inti d-Dawl tad-dinja kollha. Ilqa’ fil-kenn tal-Qalb Tiegħek kollha ħniena l-erwieħ ta’ dawk li s’issa għadhom ma jemmnux Fik jew ma jafukx. Agħmel lir-raġġi tal-grazzja Tiegħek idawwluhom, sabiex huma wkoll, flimkien magħna, ifaħħru l-għeġubijiet tal-ħniena Tiegħek; u la tħallihomx jitbiegħdu mill-Qalb l-iżjed Ħanina Tiegħek.

Jalla d-dawl ta’ Mħabbtek
Idawwal lill-erwieħ li jinsabu fid-dlam;
Agħmel li dawn l-erwieħ għad isiru jafuk
U, flimkien magħna, ifaħħru l-ħniena Tiegħek.

Missier Etern, itfa’ ħarstek ħanina fuq l-erwieħ ta’ dawk li ma jemmnux f’Ibnek, u ta’ dawk li għadhom ma jafukx, imma li diġa’ jinsabu fil-Qalb l-iżjed ħanina ta’ Ġesu’. Ressaqhom lejn id-dawl tal-Vanġelu. Dawn l-erwieħ ma jafux xi jfisser il-ferħ kbir li jħobbuk. Agħmel li dawn ukoll ifaħħru it-tjieba tal-ħniena Tiegħek bla qjies għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Il-Ħames Jum

1218. Illum ġibli l-erwieħ tal-insara li huma mifrudin minn xulxin, u għaddashom fl-oċejan tal-ħniena Tiegħi. Matul il-Passjoni ħarxa Tiegħi huma qattawli Ġismi u Qalbi; jiġfieri, il-Knisja Tiegħi. Meta jerġgħu jidħlu fil-għaqda mal-Knisja, l-ġrieħi Tiegħi jfiequ, u b’hekk huma jtaffuli l-Passjoni Tiegħi.

1219. O Ġesu’ l-aktar ħanin, Inti li Int l-istess Tjieba, ma tiċħadx id-dawl lil min jitolbok. Ilqa’ fil-Qalb l-iżjed ħanina Tiegħek lill-erwieħ ta’ ħutna mifrudin minna. Agħtihom id-Dawl Tiegħek biex jerġgħu lura għall-għaqda mal-Knisja u tħallihomx jitbiegħdu iżjed mill-kenn ta’ Qalbek mimlija mogħdrija; imma agħmel b’mod li huma wkoll jibdew ifaħħru l-kobor tal-ħniena Tiegħek.

Ukoll għal dawk li ċarrtu l-libsa tal-għaqda Tiegħek,
Għajn ta’ ħniena tgelgel minn ġo Qalbek
Is-Setgħa bla tarf tal-Ħniena Tiegħek, O Alla,
Tista’ tmexxi lil dawn l-erwieħ ukoll ‘il barra mit-triq żbaljata.

Missier Etern, itfa’ l-ħarsa ħanina Tiegħek fuq l-erwieħ ta’ ħutna mifrudin, dawk li ħlew il-ġid u l-grazzji li Inti sawwabt fuqhom, billi webbsu rashom fl-iżbalji tagħhom. Tħarisx lejn l-iżbalji tagħhom, imma ilqa’ l-imħabba ta’ Ibnek l-għażiż bil-Passjoni ħarxa li ġarrab minħabba fihom, ladarba huma wkoll qegħdin fil-Qalb l-iżjed ħanina ta’ Ġesu’. Agħmel li huma wkoll jigglorifkaw l-ħniena kbira Tiegħek għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Is-Sitt Jum

1220. Illum ġibli l-erwieħ ta’ qalb ħelwa u umli u t-tfal iċ-ċkejknin, u għaddashom fil-ħniena Tiegħi. Dawn l-erwieħ l-iktar li jixbħu lil Qalbi. Huma tawni s-saħħa fil-ħin tal-agunija ħarxa Tiegħi. Jiena rajthom bħal anġli tal-art, li jishru mal-Altari Tiegħi. Insawwab fuqhom xmajjar sħaħ ta’ grazzji. Ir-ruħ umli biss tista’ tilqa’ l-grazzja Tiegħi. Għandi fiduċja kbira f’dawn l-erwieħ umli.

Djarju ta’ Swor Fawstina – It-3 Pitazz (par.1201-1210)

It-Tielet Pitazz – Paragrafi 1201-1210

868dd85178d98849bff2399a2f5fce6f-e1499794919178.jpg

1201. Iżda tant qiegħda nħossni marida hawnhekk, li jkolli noqgħod fis-sodda. Inħoss uġigħ stramb u qawwi ma’ sidri kollu; lanqas nista’ nċaqlaq idi. Lejl minnhom, kelli noqgħod ma niċċaqlaqx, għax deherli li jekk kont ser niċċaqlaq, kulma għandi fil-pulmuni kien ser jiċċarrat. Il-lejl ma kien ser jispiċċa qatt. Ingħaqadt ma’ Ġesu’ Msallab, u tlabt lill-Missier tas-sema għall-midinbin. Jgħidu li l-mard tal-pulmun ma jikkawżax uġigħ hekk qawwi, imma jiena qiegħda nbati dan l-uġigħ qawwi l-ħin kollu. Saħħti tant marret lura hawnhekk li jkolli noqgħod fis-sodda, u Swor N. (probabilment Swor Helen) (nota203) tgħid li minix ser niġi għall-aħjar, għax il-klima ta’ Rabka mhix tajba għal kull persuna li tinsab marida.

1202. Lanqas stajt immur il-Quddies jew nitqarben illum imma, fost it-tbatijiet tar-ruħ u l-ġisem, bqajt intenni, “ Tkun magħmula r-rieda tal-Mulej. Jiena naf li l-ġenerożita’ Tiegħek m’għandhiex limiti.” Imbagħad smajt anġlu li kanta l-istorja ta’ ħajti kollha u kulma kien fiha. Kont sorpriża, imma ssaħħaħt ukoll.

1203. San Ġużepp ħeġġiġni biex ikolli devozzjoni lejh il-ħin kollu. Hu stess qalli ngħid tliet darbiet (il-Missierna, is-Sliema, u l-Glorja) u l-Memorare (nota204) darba kuljum. Hu ħares lejja bi tjubija kbira u tani x’nifhem kemm hu qiegħed jgħin f’din l-opra (tal-ħniena). Hu wegħedni din l-għajnuna speċjali u l-ħarsien tiegħu. Jiena nitlob it-talb li qalli ngħid kuljum u nħoss il-ħarsien speċjali tiegħu.

1 ta’ Awissu 1937. Irtir ta’ ġurnata.

1204. Irtir ta’ tbatija. O Ġesu’, f’dawn il-jiem ta’ tbatija, m’inix kapaċi nitlob bl-ebda mod. Id-dwejjaq żdiedu f’ruħi u f’ġismi. O Ġesu’ tiegħi, Inti tista’ tara li bintek tinsab fit-triq tan-niżla. M’inix qiegħda nisforza lili nnifsi iktar, imma qiegħda sempliċiment nissottometti r-rieda tiegħi għar-rieda ta’ Ġesu’. O Ġesu’, Inti dejjem Ġesu’ għalija.

1205. Meta mort inqerr, lanqas biss kont naf kif kelli nqerr. Iżda, is-saċerdot (probabilment Patri Casimir Ratkiewicz) (nota205) għaraf il-kundizzjoni ta’ ruħi mill-ewwel u qalli, “Minkejja kollox, inti tinsab miexja fit-triq tas-salvazzjoni; tinsab miexja fit-triq it-tajba, imma Alla jista’ jħallilek ruħek f’din id-dalma sal-mewt, u jista’ jkun li d-dawl ta’ qabel ma jerġa’ jiġi lura qatt. Imma f’kollox intelaq għar-rieda ta’ Alla.”

1206. Illum bdejt novena lill-Madonna Mtellgħa s-Sema għal tliet intenzjonijiet: l-ewwel, li nkun nista’ nara lir-Reverendu Dr Sopocko; it-tieni, li Alla jħaffef biex iwassal din l-opra; u t-tielet, għall-intenzjoni ta’ pajjiżi.

1207. 10 ta’ Awissu. Illum sejra lura Krakovja, fil-kumpanija ta’ waħda mis-sorijiet. Ruħi tinsab imgeżwra fit-tbatija. Jiena kontinwamet ningħaqad Miegħu permezz ta’ att tar-rieda tiegħi. Huwa s-saħħa u l-qawwa tiegħi.

1208. Tkun imbierek, O Alla, għal dak kollu li inti tibgħatli. Xejn taħt il-kappa tax-xemx ma jiġri mingħajr ir-rieda Tiegħek. Ma nistax ninfed is-sigrieti Tiegħek f’dak li għandu x’jaqsam miegħi, imma nagħfas xofftejja mal-kalċi li Inti qed toffrili.

1209. Ġesu’, jiena nafda Fik.

Novena lill-Ħniena Divina (nota206)
li Ġesu’ qalli niktibha u nagħmilha qabel il-Festa tal-Ħniena.
Din tibda fil-jum tal-Ġimgħa l-Kbira.

Jiena nixtieq li matul dawn id-disat ijiem inti ġġib l-erwieħ fejn l-għajn tal-ħniena Tiegħi, sabiex huma jieħdu minnha saħħa u serħan u dawk il-grazzji kollha li jkollhom bżonn fit-tbatijiet tal-ħajja u, l-aktar, fis-siegħa tal-mewt.

Kuljum inti ġġib f’Qalbi grupp differenti ta’ erwieħ, u inti ddaħħalhom f’dan l-oċejan tal-ħniena Tiegħi, u Jiena nieħu dawn l-erwieħ kollha fid-dar ta’ Missieri. Inti tagħmel dan f’din il-ħajja u f’dik li ġejja; Jiena ma niċħad xejn lil ebda ruħ li inti ġġib fejn l-għajn tal-ħniena Tiegħi. Kuljum inti titlob lil Missieri, grazzji għal dawn l-erwieħ, f’ġieħ il-Passjoni ħarxa Tiegħi.

Jiena weġibt, “Ġesu’, jiena ma nafx kif għandi nagħmel din in-Novena jew liema erwieħ għandi nġiblek l-ewwel fil-Qalb l-iktar ħanina Tiegħek.” Ġesu’ wieġeb li Hu kien ser jgħidli liema erwieħ kelli nġiblu kuljum fil-Qalb Tiegħu.

L-Ewwel Jum

1210. Illum ġibli l-umanita’ kollha, l-aktar il-midinbin kollha, u għaddashom fl-oċejan tal-ħniena Tiegħi. B’dal-mod tfarraġni min-niket li jkolli minħabba t-telfa tal-erwieħ.

Djarju ta’ Swor Fawstina – It-3 Pitazz (par.1191-1200)

It-Tielet Pitazz – Paragrafi 1191-1200

19398827_744342325752692_643308056_n

1191. Sakemm nibqgħu ngħixu, tibqa’ tikber ġewwa fina l-imħabba ta’ Alla. Sakemm immutu, għandna nibqgħu nissieltu għall-imħabba ta’ Alla. Tgħallimt mill-esperjenza li erwieħ li jgħixu fl-imħabba jintgħarfu minn din il-ħaġa: li huma jkollhom dawl kbir dwar l-affarijiet ta’ Alla kemm ġewwa ruħhom stess kif ukoll fl-erwieħ tal-oħrajn. U erwieħ sempliċi, bla ebda edukazzjoni, huma tal-għaġeb fl-għerf li jkollhom.

1192. Fl-erbatax l-istazzjon, tiġini sensazzjoni li Ġesu’ niżel ġol-art.

Meta ruħi tkun tinsab imdejqa, jiena nibda naħseb biss b’dan il-mod: Ġesu’ Hu tajjeb u kollu ħniena, u wkoll li kieku l-art kellha ċċedi taħt saqqajja; jiena ma niqafx nafda fih.

1193. Illum, jiena smajt dan il-kliem: Binti, għaxqa tal-Qalb Tiegħi, Jiena nħares ġewwa ruħek bi pjaċir. Jiena nagħti ħafna grazzji minħabba fik biss. Jiena wkoll inżomm lura l-kastigi Tiegħi minħabba fik biss. Inti żżommni lura, u Jiena ma nistax niġġustifika dak li l-ġustizzja Tiegħi qiegħda titlob. Inti torbotli idejja bi mħabbtek.

1194. 13 ta’ Lulju 1937. Illum, Ġesu’ tani d-dawl dwar kif għandi nġib ruħi ma’ waħda mis-sorijiet li kienet staqsietni dwar ħafna affarijiet spiritwali li dwarhom hi kellha d-dubji. Imma bażikament ma kenitx din il-biċċa xogħol; hija riedet biss issir taf l-opinjoni tiegħi dwar dawn l-affarijiet biex ikollha xi ħaġa x’tgħid fuqi mas-sorijiet l-oħrajn. O, li kieku tenniet l-istess kliem li jiena kont għidtilha mingħajr tidwir u żidiet! Ġesu’ wissieni dwarha. Iddeċidejt li nitlob għaliha, għax it-talb biss jista’ jdawwal lil dik ir-ruħ.

1195. O Ġesu’ tiegħi, xejn ma jista’ jiġbed ‘l isfel l-idejali tiegħi; jiġifieri, l-imħabba li jiena għandi għalik. Għalkemm it-triq hi mimlija xewk, ma nibżax nimxi ‘l quddiem. Ukoll li kieku kellha tiksini ħalba silġ ta’ persekuzzjonijiet; ukoll li kieku ħbiebi jabbandunawni, ukoll li kieku kollox kellu jdur kontrija, u l-orizzont jiswied; ukoll li kieku kellha tfaqqa’ tempesta qalila, u jiena nħossni għal kollox waħdi u jkolli nħabbat wiċċi magħha kollha kemm hi; xorta waħda ma nitlifx il-paċi u nibqa’ nafda fil-ħniena Tiegħek, O Alla tiegħi, u t-tama tiegħi ma tkunx diżappuntata.

1196. Illum, x’ħin avviċinatni ċerta soru li kien imissha x-xogħol fir-refettorju (il-kamra fejn jieklu s-sorijiet, fejn is-sorijiet iservu fil-ħin tal-ikel skont kif imisshom), kelli esperjenza ta’ tbatija ħarxa fil-postijiet fejn jinsabu l-Pjagi. Ingħatajt l-għarfien tal-istat ta’ ruħha. Tlabt ħafna għaliha.

1197. F’daqqa waħda ikkalma l-maltemp. Illejl li għadda kien hemm maltempata terribbli. Baxxejt wiċċi mal-art u bdejt ngħid il-Litanija tal-Qaddisin. Qrib it-tmiem tal-Litanija, tant qabadni ngħas li ma stajt bl-ebda mod nispiċċa t-talba. Imbagħad qomt u għidt lill-Mulej, “Ġesu’, ikkalma t-tempesta, għax it-tifla Tiegħek mhix kapaċi titlob iżjed, u jiena għandi ħafna ngħas.” Wara dan il-kliem, ftaħt it-tieqa beraħ u lanqas biss użajt il-ganġetti biex ma ssabbatx. Swor N. (probabilment Swor Fabiola Pawluk) imbagħad qaltli, “Sor, x’inti tagħmel! Ir-riħ żgur ser iqaċċat dik it-tieqa!” Jiena għidtilha tmur torqod fil-paċi, u f’daqqa waħda t-tempesta waqfet għal kollox. L-għada, is-sorijiet kienu qegħdin jitkellmu fuq kif it-tempesta waqfet f’daqqa waħda, mingħajr ma kienu jafu dan x’kien ifisser. Jiena m’għidt xejn, imma biss ħsibt ġewwa fija: Ġesu’ u Fawstina ċ-ċkejkna jafu x’kien ifisser . . .

1198. L-20 (ta’ Lulju 1937). Illum sirt naf li għandi mmur Rabka. (nota202) Ma kellix nitlaq sal-5 ta’ Awissu, imma tlabt lill-Madre Superjura (Irene) biex tħallini mmur fil-pront. Ma kontx rajt lil Patri Andrasz xejn, u tlabtha tħallini nitlaq malajr kemm jista’ jkun. Il-Madre Superjura kienet daqsxejn sorpriża li jiena ridt nitlaq daqshekk malajr, imma jiena ma spjegajtx x’kienet ir-raġuni li ridt nagħmel din il-ħaġa. Dik tibqa’ sigrieta għal dejjem. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għamilt riżoluzzjoni u ser nibqa’ nżommha.

1199. 29 (ta’Lulju). Illum se nitlaq għal Rabka. Mort fil-kappella u tlabt lill-Mulej Ġesu’ jagħtini vjaġġ tajjeb. Imma f’ruħi kien hemm skiet u dlam. Ħassejtni waħdi għal kollox u ma kellix għand min (immur). Tlabt lil Ġesu’ jkun miegħi. Imbagħad ħassejt raġġ ċkejken ta’dawl ġewwa ruħi bħala sinjal li Ġesu’ kien miegħi imma, wara din il-grazzja, żdiedu d-dlam u d-dellijiet ġewwa ruħi. Imbagħad jiena għidt, “Tkun magħmula r-rieda Tiegħek, għax kollox possibli għalik.” X’ħin kont fuq it-tren u bdejt inħares mit-tieqa lejn il-kampanja sabiħa u lejn il-muntanji, bdew jikbru iżjed it-turmenti f’ruħi. Kif is-sorijiet tawni merħba u bdew iduru madwari u jilqgħuni, irduppjaw t-tbatijiet tiegħi.

1200. Xtaqt kieku nistaħba u nistrieħ għal ftit fis-solitudni, f’kelma waħda, li nkun waħdi. F’mumenti bħal dawn, l-ebda ħlejqa ma tkun kapaċi tfarraġni, u wkoll li kieku ridt ngħid xi ħaġa dwari, kont inġarrab mill-ġdid dieqa f’qalbi. Għalhekk, żammejt is-skiet f’mumenti bħal dawn, u ssottomettejt ruħi, għar-rieda ta’ Alla – u din il-ħaġa serrħitni. Jiena ma nitlob xejn mill-ħlejjaq u nikkomunika magħhom biss sakemm hemm bżonn. Ma nafdax fihom jekk dan ma jkunx għall-ikbar glorja ta’ Alla. Jiena nikkomunika mal-anġli. (ara Mt 18:10, Eż 23:20).

Djarju ta’ Swor Fawstina – It-3 Pitazz (par.1181-1190)

It-Tielet Pitazz – Paragrafi 1181-1190

image-3

1181. X’ħin kont qrib tal-Mulej, Hu qalli, Għaliex qed tibża’ tibda l-opra li Jiena kkmandajtek tagħmel? Jiena weġibt, “Għaliex tħallini waħdi f’waqtiet bħal dawn, Ġesu’, u għaliex ma nkunx nista’ nħoss il-preżenza Tiegħek?” Binti, għalkemm inti ma tindunax bija fil-fond l-iktar sigriet ta’ qalbek , xorta waħda ma tistax tgħid li Jiena ma ninsabx hemmhekk. Jiena nneħħilek biss is-sens li inti ma tkun konxja tal-preżenza Tiegħi, u dan m’għandux ikun ostaklu biex inti twettaq ir-rieda Tiegħi. Jiena dan nagħmlu sabiex nilħaq l-iskopijiet Tiegħi li ħadd ma jifhimhom, u li inti għad issir tafhom iżjed tard.

Binti, kun af bla ebda dubju, u darba għal dejjem, li d-dnub mejjet biss ikeċċini minn ġor-ruħ, u xejn iżjed.

1182. + Illum il-Mulej qalli, Binti, pjaċir u għaxqa Tiegħi, xejn m’hu ser iwaqqafni milli nagħtik grazzji. Il-miżerja tiegħek ma ttellifx il-ħniena Tiegħi. Binti, ikteb li iktar ma tkun kbira l-miżerja tar-ruħ, iktar għandha dritt fuq il-ħniena Tiegħi; (ħajjar) lill-erwieħ kollha sabiex jafdaw fl-abbiss bla qiegħ tal-ħniena Tiegħi, għax Jiena rrid insalvahom kollha kemm huma. Fuq is-salib, il-lanza fetħet beraħ l-għajn tal-ħniena Tiegħi għall-erwieħ kollha – Jiena ma ħallejt barra lil ħadd!

1183. O Ġesu’, irrid ngħix il-mument ta’ issa, ngħix bħallikieku dan kien l-aħħar jum ta’ ħajti. Irrid nuża kull mument b’mod skrupluż għall-ikbar glorja ta’ Alla, nuża kull ċirkustanza għall-ġid ta’ ruħi. Irrid inħares lejn kollox, mill-att li xejn ma jiġri mingħajr ir-rieda ta’ Alla.

Alla ta’ ħniena bla tarf, għannaq id-dinja u ferra’ Lilek innifsek fuqna permezz tal-Qalb ħanina ta’ Ġesu’.

1184. F’okkażjoni li ġrat qabel.

Filgħaxija, rajt lill-Mulej Ġesu’ fuq is-salib. Id-Demm l-iżjed Qaddis Tiegħu ħiereġ igelgel minn idejh, saqajh u ġenbu. Ftit wara, Ġesu’ qalli, Dan kollu għas-salvazzjoni tal-erwieħ. Aħseb sewwa, binti, dwar x’inti tagħmel għas-salvazzjoni tagħhom. Jiena weġibt, Ġesu’, meta jiena nħares lejn it-tbatija Tiegħek, nista’ nara li dak li jiena qiegħda nagħmel għas-salvazzjoni tal-erwieħ tista’ tgħid ma jiswa xejn.” U l-Mulej qalli, Kun af, binti, li l-martirju tiegħek fis-skiet minn jum għall-ieħor f’sottomissjoni sħiħa għar-rieda Tiegħi qiegħed idaħħal ħafna erwieħ fil-ġenna. U meta jidhirlek lit-tbatija tiegħek tkun qed tegħleb lil saħħtek, ikkontempla l-Pjagi Tiegħi, u inti jirnexxilek togħla ‘l fuq mid-disprezz u l-ġudizzju uman. Il-meditazzjoni fuq il-Passjoni Tiegħi tgħinek togħla ‘l fuq minn kollox. Fhimt ħafna affarijiet li qabel ma kienx irnexxieli nifhimhom.

1185. 9 ta’ Lulju 1937. Illejla, waħda mis-sorijiet mejtin ġiet u talbitni jum wieħed ta’ sawm u qaltli noffri l-eżerċizzi (spiritwali) tiegħi kollha dakinhar għaliha. Jiena weġibt li hekk kont sejra nagħmel.

1186. Minn kmieni l-għada filgħodu, offrejt kollox għall-intenzjoni tagħha. Waqt il-Quddiesa, kelli esperjenza qasira tat-turmenti tagħha. Kelli esperjenza ta’ xenqa hekk kbira għal Alla li ħassejtni qisni qiegħda mmut bix-xewqa li kelli li ningħaqad miegħu. Din il-ħaġa ftit damet, imma fhimt xi jħossu l-erwieħ tal-purgatorju bix-xewqa li għandhom.

1187. X’ħin spiċċat il-Quddiesa, fil-pront tlabt il-permess tal-Madre Superjura sabiex insum, imma ma tatulix minħabba l-mard tiegħi. X’ħin dħalt fil-kappella, smajt dan il-kliem: “Li kieku int somt Sor, ma kienx ikolli serħan sa filgħaxija, imma minħabba l-ubbidjenza tiegħek, li ma ħallitekx issum, kelli serħan fil-pront. L-ubbidjenza għandha ħafna qawwa.” Wara dan il-kliem smajt: “Jalla Alla jippremjak.”

1188. Ta’ spiss nitlob għall-Polonja, imma nara li Alla hu nkurlat sewwa magħha minħabba l-ingratitudni tagħha. (nota201) Jiena nuża s-saħħa kollha ta’ ruħi biex niddefendiha. Il-ħin kollu nfakkar lil Alla fil-wegħdiet tal-ħniena Tiegħu. Meta jiena nara l-korla Tiegħu, nintefa’ bil-fiduċja fl-abbiss tal-ħniena Tiegħu, u nitfa’ ġo fih lill-Polonja kollha, u mbagħad Hu ma jkunx jista’ juża l-ġustizzja Tiegħu. Pajjiżi, kemm tiswieli! Ma tgħaddix ġurnata li fiha jiena ma nitlobx għalik.

1189. (Sentenza minn San Vinċenz de Paule: “Il-Mulej dejjem imidd idu għal xi opra meta jneħħi min-nofs il-mezzi kollha umani u jikkmandana nagħmlu xi ħaġa li hi akbar minn saħħitna.”)

1190. + Ġesu’. – Mill-pjagi Tiegħi kollha, bħal minn għejjun, toħroġ tgelgel il-ħniena għall-erwieħ, imma l-pjaga fil-Qalb Tiegħi hi l-għajn ta’ ħniena bla tarf. Minn din il-għajn joħorġu l-grazzji kollha għall-erwieħ. Il-fjammi tal-kompassjoni jaħarquni. Għandi xewqa kbira li nferragħhom fuq l-erwieħ. Kellem lid-dinja kollha dwar il-ħniena Tiegħi.

Djarju ta’ Swor Fawstina – It-3 Pitazz (par.1171-1180)

It-Tielet Pitazz – Paragrafi 1171-1180

faustina_portrait_bordered_use

1171. Illum Swor Jolanta (nota199) talbitni nagħmel patt magħha: hi titlob għalija, u jien nitlob għat-tfajliet fil-klassi tagħha f’Vilnius. Ngħid għalija, jiena dejjem nitlob għall-ħidma tagħna, imma ddeċidejt li nitlob għall-klassi f’Vilnius għal xahrejn, u Swor Jolanta ser tgħid tliet Ave Marijiet lill-Verb Inkarnat kuljum bl-intenzjoni li jiena jkolli ġid spiritwali mill-grazzja ta’ Alla. Il-ħbiberija tagħna niżlet iktar fil-fond.

1172. 1 ta’ Lulju 1937. Ix-xahar ta’ Lulju.

Illum waqt l-Anġelus, il-Mulej tani għarfien tal-imħabba li Alla għandu għall-bnedmin, imħabba li ħadd ma jista’ jifhimha. Hu jgħollina ‘l fuq sa fejn jinsab Hu fid-divinita’ Tiegħu. L-uniċi motivi Tiegħu huma l-imħabba u l-ħniena bla tarf. Għalkemm Inti tgħarrafna b’dan il-misteru permezz ta’ anġlu, Inti stess twettqu.

1173. Minkejja l-paċi profonda li ruħi qiegħda tgawdi, jiena qiegħda nissielet il-ħin kollu, u ħafna drabi tkun ġlieda ħarxa għalija li nimxi bil-fedelta’ fit-triq tiegħi; jiġifieri, it-triq li l-Mulej Ġesu’ jridni nimxi fiha. U t-triq tiegħi hi li dejjem u f’kollox inkun fidila lejn ir-rieda ta’ Alla, l-aktar billi nkun fidila għall-ispirazzjonijiet li jkolli ġewwa fija sabiex inkun strument sensittiv f’idejn Alla biex titwettaq l-opra tal-ħniena Tiegħu bla tarf.

1174. 4 ta’ Lulju 1937. L-ewwel Ħadd tax-xahar.
L-irtir ta’ kull xahar.

Illejla, ħejjejt ruħi bi premura kbira u domt nitlob lill-Ispirtu s-Santu sabiex jindenja ruħu jagħtini d-dawl Tiegħu u joħodni taħt il-gwida speċjali Tiegħu; (tlabt) ukoll lill-Madonna, lill-Anġlu Kustodju tiegħi, u lill-qaddisin patruni tagħna. (nota200)

1175. Frott tal-Meditazzjoni.

Kwalunkwe ħaġa li Ġesu’ kien jagħmel, kien jagħmilha sewwa. Hu baqa’ għaddej, jagħmel it-tajjeb. Il-mod kif kien iġib ruħu kien mimli tjubija u ħniena. Kien imidd il-passi Tiegħu fit-triq tal-kompassjoni. Lejn l-għedewwa Tiegħu Hu wera tjubija, qalb tajba u kien jifhimhom, u lejn dawk fil-bżonn l-għajnuna u l-konsolazzjoni. Iddeċidejt li nirrifletti bil-fedelta’ ġewwa fija dawn il-karatteristiċi ta’ Ġesu’ matul dan ix-xahar, ukoll jekk dan kien jiswieli ħafna.

1176. Waqt l-Adorazzjoni, smajt vuċi ġewwa ruħi: Dawn l-isforzi tiegħek, binti, lili jogħġbuni; huma l-għaxqa ta’ Qalbi. Jiena nista’ nara kull moviment tal-qalb tiegħek, li bih inti tagħtini qima.

Eżami Partikulari

1177. Kontinwazzjoni tal-istess ħaġa: li ningħaqad ma’ Kristu ħanin. F’ġieħ il-Passjoni ħarxa Tiegħu, jiena ser nitlob lill-Missier tas-Sema għad-dinja kollha. Punt tar-regola: osservanza stretta tas-skiet.

Irrid ngħarbel fil-fond tal-esseri tiegħi u nrodd ħajr lil Alla għal kollox, filwaqt li ningħaqad ma’ Ġesu’. Miegħu, fih, u permezz Tiegħu, jiena nagħti glorja lil Alla.

1178. O Mulej, Imħabba tiegħi, jiena nroddlok ħajr għal dan il-jum meta Inti ppermettejtli niġbed teżor ta’ grazzji mill-għajn tal-ħniena Tiegħek bla tarf. O Ġesu’, mhux illum biss, imma f’kull mument, jiena niġbed mill-ħniena Tiegħek bla tarf dak kollu lir-ruħ u l-ġisem jistgħu jixtiequ.

1179. 7 ta’ Lulju 1937. Fi żminijiet ta’ dubju: jiġifieri, meta r-ruħ hi dgħajfa, ħalli titlob lil Ġesu’ stess sabiex jaħdem Hu. Għalkemm taf li hi għandha taħdem permezz tal-grazzja ta’ Alla, xorta waħda f’ċerti żminijiet, ikun aħjar li tħalli l-ħidma kollha f’idejn Alla.

1180. 15 ta’ Ġunju (Lulju) 1937. Darba, sirt naf li kelli niġi trasferita għal dar oħra. Sirt naf b’din il-ħaġa b’mod għal kollox interjuri. Fl-istess ħin, smajt vuċi ġewwa ruħi: Tibżax, binti, hija r-rieda Tiegħi li inti tibqa’ hawn. Il-pjanijiet umani għad jiġu mfixklin, ladarba jridu jikkonformaw mar-rieda Tiegħi.

Djarju ta’ Swor Fawstina – It-3 Pitazz (par.1161-1170)

It-Tielet Pitazz – Paragrafi 1161-1170

biogfaustyna

1161. Illum, ruħi batiet tant agunija li jiena bdejt nilmenta mal-Mulej Ġesu’, “Ġesu’, kif tista’ tħallini waħdi? Lanqas pass wieħed ‘il quddiem waħdi ma nista’ nagħmel. Inti ħadtli l-konfessur tiegħi, u Inti stess qed tistaħba minni. Inti żgur taf, Ġesu’ li waħdi jiena ma nafx xejn ħlief li naħli l-grazzji Tiegħek, Ġesu’, trid tirranġa l-affarijiet sabiex Patri Andrasz jerġa’ jiġi lura.” Imma komplejt inħoss dieqa ta’ qalb.

1162. Ġietni f’moħħi mmur għand xi saċerdot u ngħidlu bid-dwejjaq tiegħi kif ukoll b’xi ispirazzjonijiet diversi, sabiex hu jkun jista’ jagħtini s-soluzzjoni; jiena għidt lill-Madre Superjura (Irene) b’din l-idea. Il-Madre wieġbet, “Qed nifhem, Sor, li int għaddejja minn żmien diffiċli, imma bħalissa, verament ma naf bl-ebda saċerdot li jgħodd għalik. Hekk jew hekk, Patri Andrasz dalwaqt jiġi lura. Mela, għalissa, mur u għid kollox lill-Mulej Ġesu’.”

1163. X’ħin mort nitkellem ftit mal-Mulej, smajt vuċi ġewwa ruħi . . . Tiegħi. Minix ser nagħtik il-grazzja li turi lilek innifsek lil xi ħaddieħor u wkoll li kieku kellek tikxef lilek innifsek, Jiena ma nagħtix lil dak is-saċerdot il-grazzja li jkun jeħtieġ biex jifhmek. F’dan iż-żmien, hija x-xewqa Tiegħi li inti tissaporti lilek innifsek bil-paċenzja. Binti, mhix ir-rieda Tiegħi li inti tgħid lil kulħadd bid-doni li Jiena tajtek. Jiena afdajtek fil-kura tal-ħabib tal-Qalb Tiegħi, u taħt id-direzzjoni tiegħu ruħek għad twarrad. Jiena tajtu d-dawl li hu jagħraf il-ħajja Tiegħi f’ruħek.

1164. Binti, meta Jiena kont ninsab quddiem Erodi, ksibtlek grazzja; jiġifieri, li inti tkun kapaċi togħla ‘l fuq mid-disprezz uman u timxi bil-fedelta’ fil-passi Tiegħi. Żomm is-skiet meta ma jkunux iridu jammettu u jaċċettaw il-verita’ tiegħek, għax ikun f’dak il-waqt li inti titkellem b’elokwenza ikbar.

1165. Kun af din il-ħaġa, binti: jekk inti tissielet għall-perfezzjoni inti tqaddes ħafna erwieħ; u jekk inti ma titqabadx għall-qdusija, bl-istess raġunar, ħafna erwieħ jibqgħu imperfetti. Kun af li l-perfezzjoni tagħhom tiddependi mill-perfezzjoni tiegħek, u l-patri l-kbira tar-responsabbilta’ għal dawn l-erwieħ taqa’ fuqek.

1166. Imbagħad Hu qalli, Tibżax, binti; imma ibqa’ fidila biss għall-grazzja Tiegħi . . .

1167. Satana ammetta miegħi li jiena l-mira tal-mibgħeda tiegħu. Huwa qalli li “elf ruħ jagħmluli inqas ħsara milli tagħmel inti meta inti titkellem dwar il-ħniena kbira tas-Setgħani.” L-ikbar midinbin jerġgħu jiksbu l-fiduċja u jerġgħu lura għand Alla, u jiena nitlef kollox. Imma iktar minn hekk, inti tippersegwitani personalment b’dik il-ħniena bla tarf tas-Setgħani.” Jiena ħadt nota tal-mibgħeda kbira li Satana għandu għall-Ħniena ta’ Alla. Ma jridx jammetti u jaċċetta li Alla Hu tajjeb.

1168. 29 ta’ Ġunju 1937. Waqt il-kolazzjon illum Patri Andrasz sellem lill-komunita’ kollha bit-telefon. Diġa’ ġie lura (minn Ruma), u llum stess wara nofs inhar ġie jarana. Is-sorijiet li pprofessaw, in-novizzi, u ż-żewġ gruppi ta’ studenti nġabru fil-bitħa (il-grawnd tat-tfajliet quddiem il-bini) u qagħdu jistennew lil dan is-saċerdot, missierna l-għażiż. It-tfal tawh merħba bil-kant u l-poeżiji, u mbagħad tlabnieh ikellimna dwar Ruma u l-ħafna affarijiet sbieħ li hu kien ra hemmhekk. Dam jitkellem iktar minn sagħtejn, u minħabba f’hekk ma kienx għad baqa’ ħin biex nitkellmu waħedna.

1169. Illum, ruħi daħlet f’għaqda mill-qrib mal-Mulej. Hu għarrafni kif jiena għandi dejjem nintelaq fir-rieda qaddisa Tiegħu: F’waqt wieħed, Jiena nista’ nagħtik iżjed milli inti kapaċi tixtieq.

1170. 30 ta’ Ġunju 1937. Illum, il-Mulej qalli, Jiena ridt neżalta lil din il-Kongregazzjoni ħafna drabi, imma ma nistax nagħmlu dan minħabba s-suppervja tagħha. Kun af, binti, li Jiena ma nagħtix il-grazzji Tiegħi lill-erwieħ suppervi, u Jiena saħansitra noħdilhom il-grazzji li nkun tajthom.

Djarju ta’ Swor Fawstina – It-3 Pitazz (par.1151-1160)

It-Tielet Pitazz – Paragrafi 1151-1160

3b59545b2d0be0ec97732f52300d207c

1151. + Meta l-uġigħ jiskili ruħi
U x-xefaq jiswied bħal bid-dalma tallejl,
U l-qalb tiċċarrat bit-tortura tat-tbatija,
Ġesu’ Msallab, Inti s-saħħa tiegħi.

Meta r-ruħ, imdallma bl-uġigħ,
Titqabad f’battalja mingħajr waqfien,
U l-qalb tkun tinsab fl-agunija u t-tortura,
Ġesu’ Msallab, Inti t-tama tas-salvazzjoni tiegħi.

U hekk jgħaddu l-ġranet,
Waqt lir-ruħ tgħum f’baħar ta’ mrar,
U l-qalb tinħall fi dmugħ,
Ġesu’ Msallab, Inti tiddi għalija ż-żerniq.

U meta tfur it-tazza tal-imrar,
U kollox idur kontrieha,
U r-ruħ tinżel fil-Ġnien taż-Żebbuġ
Ġesu’ Msallab, fik insib difiża tiegħi.

Meta r-ruħ, konxja mill-innoċenza tagħha,
Taċċetta dawn id-digrieti mingħand Alla,
Imbagħad il-qalb tista’ tpatti l-weġgħat bi mħabba.
Ġesu’ Msallab, biddel id-dgħjufija tiegħi f’setgħa bla tarf.

1152. Mhix ħaġa faċli tissaporti t-tbatijiet bil-ferħ, l-aktar dawk li ma jkunx jistħoqqluna. In-natura dgħajfa tagħna tirribella, u għalkemm l-intellett u r-rieda huma ‘l fuq mit-tbatija, għax kapaċi jagħmlu l-ġid lil dawk li jgħabbuhom bit-tbatija, xorta waħda l-emozzjonijiet iqajmu ħafna storbju u, bħal spirti bla kwiet, jattakkaw l-intellett u r-rieda. Imma meta jaraw li ma jistgħu jagħmlu xejn waħedhom, jikkwetaw u jissottomettu ruħhom għall-intellett u r-rieda. Bħal xi ħaġa li tbeżża’ jidħlu jgħaġġlu u jqajmu ħafna nkwiet, moħħhom li jġegħluk tobdi lilhom biss sakemm ma jżommuhomx f’posthom l-intellett u r-rieda.

1153. 23 ta’ Ġunju (1937). Kif kont qiegħda nitlob quddiem is-Sagrament Imqaddes, it-tbatijiet fiżiċi tiegħi f’daqqa waħda waqfu, u smajt din il-vuċi ġewwa ruħi: Qiegħda tara Jiena nista’ nagħtik kollox f’mument wieħed. Jiena ‘l fuq mil-liġijiet kollha.

24 ta’ Ġunju. Wara t-Tqarbin, smajt dan il-kliem: Kun af, binti, li f’mument wieħed Jiena nista’ nagħtik dak kollu li hemm bżonn għat-twettiq ta’ din l-opra. Wara dan il-kliem, dawl straordinarju baqa’ ġewwa ruħi, u dak kollu li Alla kien qed jitlob deher f’għajnejja hekk sempliċi li wkoll tifla żgħira setgħet tagħmlu.

1154. 27 (ta’ Ġunju ). Illum, rajt il-kunvent tal-Kongregazzjoni l-ġdida. Kien bini kbir u spazjuż . Bdejt minn kamra għall-oħra, nosserva kollox. Rajt li l-Providenza ta’ Alla kienet ħasbet għal dak kollu li kien hemm bżonn. Il-persuni li kienu qegħdin jgħixu f’dan il-kunvent ma kinux lebsin ta’ sorijiet, imma spirtu għal kollox reliġjuż kien qed isaltan hemm ġewwa, u jiena kont qiegħda norganizza kollox preċiż bħalma ried il-Mulej. F’daqqa waħda, smajt ċanfira mingħand waħda mis-sorijiet tagħna, “Sor, kif tista’ twettaq opri bħal dawn?” Jiena weġibt li mhux jiena kont qiegħda nwettqu imma l-Mulej li kien qed jaħdem permezz tiegħi, u li jiena kelli l-awtorizzazzjoni għal kollox. Waqt il-Quddies, irċevejt dawl u għarfien profond dwar din il-opra kollha, u ma’ baqa’ l-ebda dell ta’ dubju f’ruħi.

1155. Il-Mulej bħal speċi tani għarfien tar-rieda Tiegħu taħt tliet aspetti, imma kollha jinġabru waħda. (nota198)

L-ewwel waħda hi li l-erwieħ li huma maqtugħin mid-dinja għad ikunu jaqbdu bħala offerta quddiem it-tron ta’ Alla u jittallbu ħniena għad-dinja kollha . . . u permezz tat-talb tagħhom jakkwistaw barkiet għas-saċerdoti, u permezz tat-talb tagħhom huma jħejju d-dinja għall-aħħar miġja ta’ Ġesu’.

1156. It-tieni waħda hi t-talb maqgħud mal-att tal-ħniena. B’mod partikolari, dawn jiddefendu l-erwieħ tat-tfal mill-ispirtu tal-ħażen. Talb u atti l-ħniena huma kulma jeħtieġu jagħmlu dawn l-erwieħ, u wkoll l-ifqar persuni jistgħu jingħaddu magħhom. U f’din id-dinja egoista huma jippruvaw iqanqlu l-imħabba, il-ħniena ta’ Ġesu’.

1157. It-tielet hija talb u atti tal-ħniena, mingħajr l-obbligu tal-voti. Imma meta huma jagħmlu dan, dawn il-persuni jkollhom sehem mill-merti u l-privileġġi kollha tal-(Kongregazzjoni) kollha. Kulħadd fid-dinja jista’ jkun f’dan il-grupp.

1158. Membru ta’ dan il-grupp irid jagħmel almenu att wieħed ta’ ħniena kuljum; almenu wieħed, imma jista’ jagħmel ħafna iżjed, għax atti bħal dawn jista’ jagħmilhom faċilment kulħadd, ukoll l-ifqar fost l-fqar. Għax hemm tliet modi kif wieħed jista’ jagħmel att ta’ ħniena: kelma ta’ ħniena, ta’ maħfra u faraġ; it-tieni mod, jekk ma tistax toffri lanqas kelma waħda, mela itlob – dik ukoll hi ħniena; u t-tielet mod, opri tal-ħniena. U meta jasal l-Aħħar Jum, niġu ġġudikati fuq dan, u fuq din l-bażi nirċievu l-verdett għall-eternita’.

1159. Infetħu bibien is-sema għalina. Ejjew nuru r-rieda li napprofittaw minnhom qabel ma jasal il-jum tal-ġustizzja ta’ Alla. U dak għad ikun jum tal-biża’!

1160. Meta darba jiena staqsejt lill-Mulej Ġesu’ kif jista’ jittollera tant dnubiet u delitti mingħajr ma jikkastighom, il-Mulej weġibni, Biex nikkastiga (lil dawn) għandi l-eternita’, u għalhekk Jiena qiegħed intawwal iż-żmien tal-ħniena minħabba (l-midinbin.) Imma ħażin għalihom jekk huma ma jgħarfux dan iż-żmien taż-żjara Tiegħi. Binti, segretarja tal-ħniena Tiegħi, id-dmir tiegħek mhux biss li tikteb dwar il-ħniena Tiegħi u xxandarha, imma wkoll li tittallab għal din il-grazzja għalihom, sabiex huma wkoll jaslu li jigglorifkaw il-ħniena Tiegħi.

Djarju ta’ Swor Fawstina – It-3 Pitazz (par.1141-1150)

It-Tielet Pitazz – Paragrafi 1141-1150

divine_mercy

1141. Filgħaxija, tani x’nifhem kemm jgħaddu malajr l-affarijiet ta’ din id-dinja, u (kif) dak kollu li jidher kbir jgħib bħal duħħan, u lir-ruħ ma jagħtihiex liberta’, imma jgħejjiha. Imbierka r-ruħ li dawn l-affarijiet tifhimhom u tmiss mal-art b’sieq waħda biss. Is-serħan tiegħi jinsab filli nkun magħquda miegħek; kull ħaġa oħra tgħajjini. O, kif inħossni li jiena fl-eżilju! Nista’ nara li ħadd ma jifhem il-ħajja interjuri tiegħi. Inti biss tifhimni, Inti li tinsab moħbi ġewwa qalbi, imma xorta waħda Inti ħaj eternament.

1142. 4 ta’ Ġunju. Illum il-Festa tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesu’. Waqt il-Quddiesa, ġejt mogħtija l-għarfien tal-Qalb ta’ Ġesu’ u n-natura tan-nar ta’ mħabba li biha Hu jaqbad għalina u kif Hu Oċejan ta’ Ħniena. Imbagħad smajt vuċi: Appostlu tal-ħniena Tiegħi, xandar lid-dinja kollha l-ħniena Tiegħi bla tarf. Tħallix id-diffikultajiet li tiltaqa’ magħhom filwaqt li inti xxandar il-ħniena Tiegħi jaqtgħulek qalbek. Dawn id-diffikultajiet li qegħdin jaffettwawk hekk bl-ikrah hemm bżonnhom biex inti tkun tista’ titqaddes u bħala sinjal li din l-opra hi Tiegħi. Binti, ikteb b’mod diliġenti kull sentenza li Jiena ngħidlek dwar il-ħniena Tiegħi, għaliex din hi maħsuba għal għadd kbir tal-erwieħ li għad jieħdu ħafna ġid spiritwali minnha.

1143. + Waqt l-Adorazzjoni l-Mulej tani għarfien iktar profond ta’ affarijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ din l-opra.

1144. Illum, jiena tlabt il-maħfra tal-Mulej għall-offiżi kollha li saru fil-kunventi tagħna li minħabba fihom il-Qalb Divina Tiegħu qiegħda tbati.

1145. + 6 ta’ Ġunju (1937). L-ewwel Ħadd tax-xahar. Illum jiena għamilt l-irtir tiegħi ta’ kull xahar.

Dawl mill-meditazzjoni ta’ filgħodu: tagħmel x’tagħmel bija, Ġesu’, jiena nħobbok dejjem għax jiena Tiegħek. Ma jimpurtax jekk Inti tħallinix hawnhekk jew tpoġġini x’imkien ieħor; jiena Tiegħek.

Bi mħabba jiena nintelaq fid-digrieti l-iżjed għaqlin Tiegħek, O Alla, u r-rieda Tiegħek, O Mulej, hi l-ikel tiegħi ta’ kuljum. Inti, li taf kull taħbita ta’ qalbi, taf li hi tħabbat għalik biss, Ġesu’ tiegħi. Xejn ma jista’ jaqta’ x-xewqa tiegħi għalik. Qiegħda mmut għalik, Ġesu’. Meta ser toħodni fil-għamara Tiegħek? (ara Ġw 14:1-3)

1146. L-ikbar midinbin għandhom ipoġġu l-fiduċja tagħhom fil-ħniena Tiegħi. Għandhom id-dritt qabel oħrajn li jafdaw fl-abbiss tal-ħniena Tiegħi. Binti, ikteb dwar il-ħniena Tiegħi lejn l-erwieħ itturmentati. Erwieħ li jirrikorru lejn il-ħniena Tiegħi Jiena nieħu gost bihom. Lil dawn l-erwieħ Jiena nagħtihom iktar grazzji milli huma jifilħu jitolbu. Ma nistax nikkastiga wkoll lill-ikbar midneb jekk hu jirrikorri lejn il-ħniena Tiegħi, imma għall-kuntrarju Jiena niġġustifikah fil-ħniena Tiegħi li hi bla tarf u li ħadd ma’ jista jifhimha. Ikteb: qabel ma Jiena niġi bħal Imħallef ġust, l-ewwel niftaħ beraħ il-bieb tal-ħniena Tiegħi. Min ma jridx jgħaddi mill-bieb tal-ħniena Tiegħi ikollu jgħaddi mill-bieb tal-ġustizzja Tiegħi …

1147. Meta darba ħassejtni mweġġgħa minħabba ċerta ħaġa u lmentajt mal-Mulej, Ġesu’ wieġeb, Binti, għalfejn tagħti daqshekk importanza lit-tagħlim u t-tpaċpiċ tan-nies? Jiena nnifsi rrid ngħallmek; għalhekk nagħmel mod sabiex inti ma tkunx tista’ tattendi għal dawn il-konferenzi. F’mument wieħed, Jiena jirnexxieli ngħarrfek iktar milli l-oħrajn jistgħu jakkwistaw matul ħafna snin ta’ tħabrik.

1148. 20 ta’ Ġunju (1937). Aħna nixbħu lil Alla l-iktar meta naħfru lill-proxxmu tagħna. Alla Hu Mħabba, Tjubija, u Ħniena …

Kull ruħ, u l-iktar ir-ruħ ta’ kull reliġjuża, għandha tirrifletti l-ħniena Tiegħi. Qalbi qiegħda tfur bil-kompassjoni u bil-ħniena għal kulħadd. Il-qalb tal-maħbuba Tiegħi trid tixbaħ lil Tiegħi; mill-qalb tagħha trid toħroġ l-għajn tal-ħniena Tiegħi għall-erwieħ; jekk ma jkunx hekk Jiena ma nagħrafhiex bħala Tiegħi.

1149. + Diversi drabi, jiena tgħallimt kif xi reliġjużi jiddefendu l-glorja tagħhom stess bl-iskuża li għandhom premura għall-glorja ta’ Alla, filwaqt li ma tkun xejn il-glorja ta’ Alla, imma l-glorja tagħhom infushom. O Ġesu’, kemm weġġgħetni din il-ħaġa! Liema sigrieti ser jikxef il-jum tal-ġudizzju Tiegħek! Kif jista’ xi ħadd jisraq id-doni ta’ Alla?

1150. Illum, jiena ħassejt ħafna niket minħabba ċerta persuna, li hi persuna lajka. Fuq il-bażi ta’ verita’ waħda, hija qalet ħafna affarijiet li ma kienux minnhom. U għax kulħadd emminhom u xterdu mad-dar kollha, x’ħin smajt dawn l-affarijiet, qalbi ħasset weġgħa. Kif jista’ xi ħadd jabbuża b’dan il-mod mit-tjubija tal-oħrajn? Imma ddeċidejt li ma ngħid l-ebda kelma biex niddefendi ruħi u li nibda nuri iktar tjubija lejn dik il-persuna. Sirt konxja, iżda, li ma kellix saħħa biżżejjed biex nissaporti bil-kalma, għax il-ħaġa baqgħet sejra ġimgħat sħaħ. X’ħin rajt it-tempesta qiegħda timla u li r-riħ kien beda jtajjar ir-ramel preċiż f’għajnejja mort quddiem is-Sagrament Imqaddes u għidt lill-Mulej, “Mulej Ġesu’, qiegħda nitolbok tagħtini s-saħħa tal-grazzja attwali Tiegħek, għax qiegħda nħoss li mhux ser jirnexxieli noħroġ ħajja minn din it-taqbida. Ipproteġini Int, Mulej!”

Imbagħad smajt il-kliem, Tibżax, Jiena qiegħed miegħek. X’ħin ħallejt l-altar, paċi u qawwa straordinarja mlewli ruħi, u t-tempesta li kienet għaddejja laqtet ma’ ruħi bħalma taħbat ma’ blata; u r-ragħwa tat-tempesta waqa’ fuq dawk li kienu bdewha. O, kemm Hu twajjeb il-Mulej, li jippremja lil kull wieħed u kull waħda skont ma huma jagħmlu! Kull ruħ għandha titlob għall-għajnuna tal-grazzja attwali, għax xi kultant il-grazzja ordinarja ma tkunx biżżejjed.

Djarju ta’ Swor Fawstina – It-3 Pitazz (par.1131-1140)

It-Tielet Pitazz – Paragrafi 1131-1140

OLYMPUS DIGITAL CAMERA

1131. Wara dan il-kliem, irċevejt għarfien ġewwa fija ta’ x’inhu l-ħolqien kollu quddiem Alla. Immensa, u li ħadd ma jista’ jifhimha, hi l-majesta’ Tiegħu. L-abbiss tal-ħniena Tiegħu hu l-fatt li Hu jitbaxxa lejna . . .

1132. Kollox għad jispiċċa f’dan il-wied tad-dmugħ,
Id-dmugħ jixxotta u l-uġigħ ma jibqax iżjed.
Ħaġa waħda biss għad tibqa’ –
L-imħabba għalik, O Mulej.

Kollox għad jispiċċa f’dan l-eżilju,
Il-provi u d-deżert tar-ruħ.
U għalkemm hi tgħix f’agunija perpetwa ,
Jekk Alla jkun magħha, xejn ma jċaqlaqha.

1133. 27 ta’ Mejju 1937. Festa ta’ Corpus Christi.

Waqt it-talb, smajt dan il-kliem: Binti, ħalli lil qalbek timtela bil-ferħ. Jiena, il-Mulej, qiegħed miegħek. Tibża’ minn xejn. Inti tinsab f’Qalbi. F’dak il-waqt, jiena sirt naf il-majesta’ kbira ta’ Alla, u fhimt li m’hemm xejn li tista’ tqabblu mal-iċken għarfien ta’ Alla. Il-kobor minn barra jispiċċa bħal għabra trab quddiem att wieħed ta’ għarfien iktar profond ta’ Alla.

1134. Il-Mulej ferra’ profondita’ hekk kbira ta’ paċi ġewwa ruħi li xejn ma jista’ jtellifha iżjed. Minkejja dak kollu li jkun qed jiġri madwari, jiena ma nitlef xejn mill-paċi tiegħi lanqas għal waqt wieħed. Ukoll li kieku d-dinja kollha kienet qiegħda titfarrak, dan ma jfixkilx il-profondita’ tas-skiet li hemm ġewwa fija u u li fih jistrieħ Alla. Il-ġrajjiet kollha, dak kollu li jiġri, jinsab taħt riġlu.

1135. Dan l-għarfien aktar fond ta’ Alla jagħtini liberta’ sħiħa u ħelsien spiritwali, u xejn ma jista’ jfixkel l-għaqda tiegħi miegħu mill-qrib, lanqas il-qawwiet tal-anġli. Inħossni tajba ħafna x’ħin inkun maqgħuda ma’ Alla. X’hena kbir jinsab f’li wieħed ikun konxju ta’ Alla f’qalbu u jgħix f’intimita’ miegħu mill-qrib.

1136. X’ħin waslet fid-dar tagħna l-purċissjoni minn Borek, (nota196) u ġabet lil Dak li kellu jiġi jgħammar fil-kappella tagħna, smajt vuċi ġejja minn ġewwa l-Ostja: Hawn jinsab il-mistrieħ Tiegħi. Waqt il-Barka, Ġesu’ għarrafni li dalwaqt kellu jseħħ mument solenni f’dan l-istess post. Jiena ninsab ferħan li nista’ nistrieħ ġewwa qalbek u xejn m’hu ser iżommni milli nagħtik il-grazzji. Ruħi qed tegħreq f’dan il-kobor ta’ Alla, nintilef fih, ninħall fih . . .

1137. 30 ta’ Mejju (1937). Illum qiegħda mmut bix-xewqa kbira li għandi għal Alla. Din ix-xenqa qiegħda timlieli ruħi kollha. Kemm qiegħda nħossu jagħfas fuqi l-eżilju. O Ġesu’, meta ser jasal dak il-mument li tant qiegħda nistennieh?

1138. 31 ta’ Mejju. Ir-ruħ ittorturata tiegħi ma ssib għajnuna mkien ħlief fik, O Ostja Ħajja. Jiena npoġġi l-fiduċja kollha tiegħi fil-qalb ħanina Tiegħek. Qiegħda nistenna bil-paċenzja l-kelma Tiegħek, Mulej.

1139. O, x’uġigħ tħoss qalbi meta nara soru li m’għandhiex l-ispirtu reliġjuż! Kif jista’ xi ħadd jogħġob lil Alla meta dak ix-xi ħadd ikun minfuħ bis-suppervja u bl-egoiżmu bl-iskuża li qiegħed jaħdem għall-glorja ta’ Alla, filwaqt li filfatt ikun qed ifittex il-glorja għalih innifsu? Meta nara ħaġa bħal din, tweġġagħni ħafna. Kif tista’ ruħ bħal din tkun maqgħuda mill-qrib ma’ Alla? Għaqda mal-Mulej hija mpossibli f’każ bħal dan.

1140. 1 ta’ Ġunju 1937. Illum kien hemm il-purċissjoni (nota197) ta’ Corpus Christi. Fl-ewwel altar, ħarġet fjamma mill-Ostja u nifdiltli qalbi, u smajt vuċi, Dan hu l-post fejn Jiena nista’ nistrieħ. Qalbi qabdet in-nar, u ħassejt li kont ġejt mibdula kollni kemm jiena fih.

Djarju ta’ Swor Fawstina – It-3 Pitazz (par.1121-1130)

It-Tielet Pitazz – Paragrafi 1121-1130

16582036289_eed1a44fcd_b

1121. 6 ta’ Mejju (1937). It-Tlugħ fis-Sema ta’ Ġesu’.

Minn kmieni dalgħodu, Alla messli ruħi. Wara t-Tqarbin, qgħadt nikkomunika għal ftit mal-Missier tas-Sema. Ruħi nġibdet fiċ-ċentru jaqbad u jikwi tal-imħabba. Jiena fhimt li l-ebda opri esterni ma tista’ xxebbaħhom mal-imħabba safja ta’ Alla … jiena rajt il-ferħ tal-Verb Inkarnat, u ġejt mgħaddsa fit-Trinita’ Divina. X’ħin erġajt ġejt f’tiegħi, xewqa kbira mlietli ruħi, u bdejt nixxennaq li ningħaqad ma’ Alla. Imħabba hekk tremenda għall-Missier tas-Sema dawritni li dan il-jum nista’ nsejjaħlu estasi ta’ mħabba bla ebda waqfien. L-univers kollu jidher f’għajnejja bħal qatra żgħira meta mxebbaħ ma’ Alla. M’hemm l-ebda hena ikbar milli meta Alla jgħarrafni ġewwa fija li kull taħbita ta’ qalbi togħġbu, u meta jurini li jħobbni b’mod speċjali. Din il-konvinzjoni qawwija li għandi ġewwa fija, li permezz tagħha Alla jassigurani mill-imħabba li għandu għalija u kemm togħġbu ruħi, iġġibli paċi profonda f’ruħi. Matul dan il-jum ma stajtx nieħu l-ebda ikel; ħassejtni mimlija sax-xifer bl-imħabba.

1122. Alla ta’ ħniena kbira, li ndenjajt ruħek tibgħatilna l-Iben Waħdieni Tiegħek bħala l-ikbar prova tal-imħabba u l-ħniena Tiegħek bla tarf, Inti ma tirrifjutax lill-midinbin; imma fil-ħniena infinita Tiegħek Inti ftaħtilhom ukoll it-teżori Tiegħek, teżori li minnhom huma jistgħu jieħdu bl-abbundanza, mhux biss ġustifikazzjoni, imma wkoll il-qdusija kollha li ruħ jista’ jkollha. Missier ta’ ħniena kbira, nixtieq li l-qlub kollha jduru bil-fiduċja lejn il-ħniena infinita Tiegħek. Ħadd ma jista’ jkun iġġustifikat quddiemek jekk ma jkunx akkumpanjat mill-ħniena Tiegħek bla tarf. Meta Inti turina l-misteru tal-ħniena Tiegħek għalina, l-eternita’ ma tkunx biżżejjed biex nirringrazzjawk b’mod xieraq għalih.

1123. O, kemm hi ħaġa ħelwa li jkollok fil-fond ta’ ruħek dak li l-Knisja tgħidilna li għandna nemmnu. Meta ruħi tkun tinsab mitlufa fl-imħabba, jiena nkun nista’ nsolvi l-mistoqsijiet l-iktar ikkumplikati malajr u b’mod ċar. L-imħabba biss hi kapaċi taqsam il-preċipizzji u l-qċaċet tal-muntanji. L-imħabba, għal darb’oħra, l-imħabba.

1124. + 12 (ta’ Mejju 1937). Dalma stramba xi kultant taqa’ fuq l-intellett tiegħi. Ninsab mgħaddsa fix-xejn kontra r-rieda tiegħi.

1125. 20 ta’ Mejju 1937. Meta għal xahar sħiħ kien ili ngawdi saħħti, ġieni f’moħħi li ma kontx naf x’kien jogħġob l-aktar lill-Mulej – inservih fil-mard jew fis-saħħa li jiena kont tlabtu għaliha – u jiena għidt lill-Mulej, “Ġesu’, agħmel bija kif jogħġbok,” u Ġesu’ reġa’ ħadni lura għall-kundizzjoni li kelli qabel.

1126. O kemm hi ħaġa ħelwa tgħix f’kunvent fost is-sorijiet, imma ma rridx ninsa li dawn l-anġli qegħdin f’iġsma umani.

1127. Darba, rajt lil Satana għaddej jgħaġġel ifittex xi waħda fost is-sorijiet, imma ma seta’ jsib lil ħadd. Ħassejt ispirazzjoni ġewwa fija li nikkmandah f’Isem Alla jistqarrli x’kien qed ifittex fost is-sorijiet. U hu stqarr, għalkemm kontra qalbu, “Qed infittex erwieħ li m’għandhomx x’jagħmlu.” (ara Sir 33:28, Prov 12:11). Meta rġajt ikkmandajtu jgħidli f’Isem Alla liema erwieħ fil-ħajja reliġjuża hu jista’ jilħaq b’mod l-iktar faċli, hu reġa’ qal kontra qalbu, “Erwieħ għażżenin li m’għandhomx x’jagħmlu.” Innutajt il-fatt li, bħalissa, ma kienx hemm erwieħ bħal dawn f’din id-dar. L-erwieħ imħabbtin u għejjenin għandhom jifirħu.

1128. 22 ta’ Mejju 1937. Tant hi sħana llum li diffiċli tissaportiha. Ilkoll ninsabu għatxana għax-xita, u tibqa’ ma tagħmilx. Għal xi jiem is-sema kien imsaħħab, imma m’għamlitx xita. X’ħin ħarist lejn il-pjanti, għatxana għax-xita, bdejt nitħassarhom, u ddeċidejt li ngħid il-kurunella sakemm il-Mulej jibgħatilna x-xita. Qabel l-ikel ta’ filgħaxija, is-sema nkesa bis-sħab, u xita qliel bdiet nieżla fuq l-art. Kien ili ngħid din it-talba bla heda għal tliet sigħat. U l-Mulej tani x’nifhem li nistgħu nakkwistaw kollox permezz ta’ din it-talba.

23 (ta’ Mejju). Il-Festa tas-Santissima Trinita’.

1129. Waqt il-Quddiesa, sibt ruħi f’daqqa waħba magħquda mas-Santissima Trinita’. Jiena għaraft il-majesta’ u l-kobor Tiegħu. Kont magħquda mat-Tliet Persuni. U ladarba kont magħquda ma’ Wieħed minn dawn il-Persuni l-iktar Venerabbli, kont fl-istess ħin magħquda maż-Żewġ Persuni l-oħrajn. Il-ferħ u l-hena li ruħi ħasset ma nistax niddeskrivihom. Jiddispjaċini li ma nistax inpoġġi fi kliem dak li m’għandux kliem.

1130. Smajt dan il-kliem: Għid lis-Superjura Ġenerali tafdak bħala l-bint l-iktar fidila fl-Ordni. (nota195)

Djarju ta’ Swor Fawstina – It-3 Pitazz (par.1111-1120)

It-Tielet Pitazz – Paragrafi 1111-1120

divine-mercy-e1458746983835-604x270

1111. Illum isir it-tiġdid; jiġifieri, il-professjoni tal-voti (nota193) waqt ċelebrazzjoni solenni. Filwaqt lis-sorijiet kienu qegħdin jagħmlu l-voti, smajt l-anġli jkantaw f’diversi toni, “Qaddis, Qaddis, Qaddis”, b’kant sabiħ li l-ebda lsien ta’ bniedem ma jista’ qatt iħabbatha magħhom.

1112. Wara nofs inhar, tkellimt mal-maħbuba Madre Direttriċi tan-Novizzi, Madre Mary Joseph. Imxejna darba madwar il-ġnien, u stajt nitkellem magħha, għalkemm b’mod pjuttost ġenerali. Hija dejjem l-istess maħbuba Madre Direttriċi tan-Novizzi, għalkemm fil-fatt m’għandhiex id-direttriċi, imma hi s-Superjura, u diġa’ għaddew għaxar snin minn mindu jiena għamilt il-voti tiegħi. Hija qaltli li hi ħaġa impossibli li reliġjuża tgħix mingħajr is-salib. Iżda, hija wrietni ċerta tbatija li jiena kont għaddejt minnha f’Varsavja, għalkemm jiena qatt ma kont għidtilha biha. Il-grazzji kollha li jiena rċevejt waqt in-novizzjat reġgħu ġew ċari quddiem l-għajnejn ta’ ruħi. O, kemm jiena grata lejha! Meta ruħi kienet mitfugħa fid-dlam, u deherli li kont ikkundannata, hija qalgħetni ‘l barra minn dak l-abbiss bis-saħħa tal-ubbidjenza.

1113. Ruħi ta’ spiss tkun imtaqqla bit-tbatija, u m’hemm l-ebda bniedem li jista’ jifhem dawn it-turmenti.

1114. 1 ta’ Mejju 1937. Illum ħassejt mill-qrib lil Ommi, l-Omm tiegħi s-Sema, għalkemm qabel kull Tqarbina jiena nitlob bil-ħerqa lil Omm Alla sabiex hija tgħinni nħejji ruħi għall-miġja ta’ Binha, u nħoss biċ-ċar il-ħarsien tagħha fuqi. Jiena nitlobha tkun hekk ġentili li tkebbes fija n-nar tal-imħabba ta’ Alla, bħal dak li kien jaqbad fil-qalb safja tagħha stess filwaqt tal-Inkarnazzjoni tal-Verb ta’ Alla.

1115. 4 ta’ Mejju. Illum mort nara lill-Madre Ġenerali (Michael) għal mument u staqsejtha, “Għażiża Madre, kellek xi ispirazzjoni dwar it-tluq tiegħi mill-kunvent?” Il-Madre Ġenerali wieġbet, “ S’issa, Sor, dejjem żammejtek, imma issa qiegħda nħallilek liberta’ sħiħa li inti tagħżel li tagħmel dak li trid; tista’ titlaq mill-Kongregazzjoni jew tibqa’.” Jiena mbagħad weġibt, “Tajjeb ħafna.” Ħsibt biex nikteb mill-ewwel lill-Papa nitolbu jeħlisni mill-voti tiegħi (nota194) X’ħin ħallejt lill-Madre Ġenerali, reġa’ waqa’ d-dlam għal darb’oħra fuqi ruħi, bħalma kien ġara fl-imgħoddi. Hi ħaġa stramba li, kull darba li nitlob permess biex nitlaq mill-Kongregazzjoni, din id-dalma timlieli ruħi, u nħossi qisni tħallejt kollni kemm jien waħdi. Filwaqt li kont għaddejja minn dan it-turment tal-ispirtu, iddeċidejt li mmur fil-pront għand il-Madre u ngħidilha bit-turmenti strambi u t-taqbida tiegħi. Il-Madre wieġbet, “Din tiegħek li titlaq hi tentazzjoni.” Wara li qgħadt nitkellem ftit magħha ħassejtni daqsxejn aħjar, imma id-dalma baqgħet. “Din il-Ħniena Divina hi ħaġa sabiħa, u żgur li hi opra kbira tal-Mulej, ladarba Satana ħadha daqstant kontrieha u jrid jeqridha.” Dan kien il-kliem tal-maħbuba Madre Ġenerali tagħna.

1116. Ħadd ma jista’ jifhem, lanqas jiena stess ma nista’ niddeskrivi t-turmenti tiegħi. Imma ma jistax ikun hemm tbatijiet ikbar minn din. It-tbatijiet tal-martri mhumiex ikbar għax, f’ħinijiet bħal dawn, il-mewt tkun għalija serħan. M’hemm xejn li jiena nista’ nqabbel dawn it-tbatijiet magħhom, din l-agunija bla tarf tar-ruħ.

1117. 5 ta’ Mejju (1937). Illum, jiena ftaħt qalbi xi ftit fil-qrar, għax bdejt naħseb li forsi din kienet it-tentazzjoni vera: li f’dak il-waqt li jiena nitlob il-permess li nitlaq mill-Kongregazzjoni jiena ngħaddi minn tbatija u dlam hekk kbar. Meta għidtlu dan, il-konfessur wieġeb li forsi ma kienx il-waqt magħżul minn Alla. “Trid titlob u tistenna bil-paċenzja, imma veru li hemm tbatijiet kbar jistennewk. Trid tissaporti ħafna tbatijiet u tegħleb ħafna diffikultajiet; dik ħaġa ċerta. Ikun aħjar tistenna u titlob ħafna għal għarfien iktar profond u għal dawl divin. Dawn huma affarijiet serji.”

1118. Alla tiegħi! F’dawn il-mumenti diffiċli d-direttur spiritwali tiegħi (Patri Andrasz) mhux qiegħed hawn, għax mar Ruma. Ġesu’, ladarba Inti ħadtuli, mexxini Inti stess, għax Inti biss taf kemm niflaħ nissaporti. Jiena nemmen fis-sod li Alla ma jistax jgħabbi fuqi iktar milli niflaħ nissaporti. Jiena nafda fil-ħniena Tiegħu.

1119. F’dawn il-waqtiet meta jiena nkun ninsab bejn art u sema, noqgħod bi kwieti, għax ukoll li kieku kelli nitkellem, min jista’ jifhem dak li nkun qed ngħid? L-eternita’ għad tikxef ħafna affarijiet li dwarhom bħalissa jiena qiegħda nżomm is-skiet . . .

1120. X’ħin ħriġt fil-ġnien, rajt kif kollox kien qed jarmi u jxerred il-ferħ tar-rebbiegħa. Is-siġar, imżejnin bil-fjuri, kienu qed jarmu fwieħa tal-ġenn. Kollox kien qed jaqbeż bil-ferħ, u l-għasafar kienu qegħdin ikantaw u jpespsu l-adorazzjoni tagħhom lil Alla u bil-kant tagħhom, qaluli “Ifraħ u kun kuntenta, Swor Fawstina”; imma ruħi tibqa’ fit-tortura u fid-dlam. Ruħi tant hi sensittiva għat-tpespis tal-grazzja li taf kif għandha titkellem mal-ħolqien kollu u ma’ kulma hawn madwari, u jiena naf għaliex Alla żejjen l-art b’dan il-mod . . . Imma qalbi ma tistax tifraħ għax il-Maħbub tiegħi nħbieli, u minix sejra nistrieħ qabel ma nsibu . . . ma nafx ngħix mingħajr Alla, imma nħoss ukoll li Alla, għalkemm Hu assolutament m’għandu bżonn ta’ ħadd, ma jistax ikun kuntent mingħajri . . .

Djarju ta’ Swor Fawstina – It-3 Pitazz (par.1101-1110)

It-Tielet Pitazz – Paragrafi 1101-1110

divine-mercy-icon-e1498218811863

23 ta’ April 1937. Illum jiena bdejt irtir ta’ tlett ijiem. (nota190)

1101. Filgħaxija smajt dan il-kliem ġewwa ruħi: Binti, kun af li Jiena ser inkellmek b’mod speċjali permezz ta’ dan is-saċerdot (Patri Plaza (nota191)) sabiex inti ma ċċedix għad-dubji dwar ix-xewqat Tiegħi. Diġa’ waqt l-ewwel meditazzjoni ruħi ġiet milquta minn dan il-kliem tas-saċerdot: Jiena m’għandix neħodha kontra r-rieda ta’ Alla u l-pjanijiet ta’ Alla, ikunu x’ikunu; u malli jiena nkun konvinta miċ-ċertezza u l-awtentiċita’ tar-rieda ta’ Alla għandi d-dmir li nwettaqha. Tkun xi tkun ir-rieda ta’ Alla, ladarba sirt naf x’inhi, għandi nwettaqha u ħadd ma jista’ jħollni minnha. Din hi biss ġabra qasira ħafna, imma l-meditazzjoni sħiħa ġiet imnaqqxa f’ruħi, u m’għandi l-ebda dubju dwar xejn. Jiena naf Alla x’irid mingħandi, u x’għandi nagħmel.

1102. Ikun hemm f’ħajti, żminijiet u waqtiet ta’ dawl spiritwali; jiġifieri, dawl divin, meta r-ruħ tirċievi tagħlim ġewwa fiha dwar affarijiet li ma tkunx qrathom fl-ebda ktieb u li l-ebda persuna ma tkun għallmithomlha. Ikun hemm żminijiet ta’ għarfien kbir interjuri li Alla stess jagħti lir-ruħ. Dawn huma misteri kbar … jiena spiss nirċievi dawl u għarfien dwar il-ħajja interjuri ta’ Alla u tad-diżposizzjoni intima ta’ Alla, u din il-ħaġa timlieni b’fiduċja li ma tistax titfisser bil-kliem u b’hena li ma nistax inżommu ġewwa fija; nixtieq ninħall fih kompletament.

1103. + L-essenza tal-imħabba hi s-sagifiċċju u t-tbatija. Il-verita hi mlibbsa kuruna tax-xewk. It-talb jinvolvi l-intellett, ir-rieda u l-emozzjonijiet.

1104. Illum kien hemm tagħlim sabiħ (minn Patri Plaza) fuq it-tjubija u l-ħniena ta’ Alla. Waqt din il-konferenza ruħi kellha esperjenza tal-fjammi tal-imħabba ta’ Alla, u jiena fhimt li l-kelma ta’ Alla hi kelma ħajja.

1105. L-eżami partikulari tiegħi għadu l-istess wieħed; jiġifieri, għaqda ma’ Kristu ħanin, u s-skiet. Il-fjura li jiena se npoġġi f’riġlejn l-Omm ta’ Alla f’Mejju se tkun li nżomm silenzju.

1106. + Il-virtu’ mingħajr prudenza mhix virtu’. Għandna nitolbu ta’ spiss lill-Ispirtu Qaddis għal din il-grazzja tal-prudenza. Il-prudenza tikkonsisti fl-għaqal, riflessjoni bil-ħsieb u riżoluzzjoni kuraġġuża. Id-deċiżjoni aħħarija dejjem trid tkun f’idejna. Irridu niddeċiedu; aħna nistgħu u għandna nfittxu li nieħdu parir u li jkollna d-dawl …

1107. Illum waqt il-meditazzjoni, Alla tani dawl interjuri u stajt nifhem x’inhi l-qdusija u f’hiex tikkonsisti, għalkemm dawn l-affarijiet smajthom ħafna drabi f’konferenzi, ir-ruħ tkun tista’ tifhimhom mod ieħor meta ssir tafhom permezz tad-dawl ta’ Alla li jdawwalha.

La grazzji, lanqas rivelazzjonijiet, la estasi lanqas id-doni mogħtija lir-ruħ ma jagħmluha perfetta, imma pjuttost l-għaqda intima tar-ruħ ma’ Alla. Dawn id-doni huma biss ornamenti tar-ruħ, imma mhumiex la l-essenza tagħha lanqas il-perfezzjoni tagħha. Il-qdusija u l-perfezzjoni tiegħi huma mibnija fuq l-għaqda intima tar-rieda tiegħi mar-rieda ta’ Alla. Alla qatt ma jisforza r-rieda ħielsa tagħna. Jiddependi minna jekk irridux nirċievu l-grazzja ta’ Alla jew le. Jiddependi minna jekk aħna nikkoperawx magħha jew naħluha.

1108. Fl-aħħar konferenza ta’ filgħaxija, li kienet tħejjija għat-tiġdid tal-voti, is-saċerdot kien qed jitkellem fuq il-hena li joħroġ mit-tliet voti, u fuq il-premju li jiġi meta dawn jiġu osservati bil-fedelta’. F’daqqa waħda, ruħi ġiet mitfugħa f’dalma kbira interjuri. Ruħi mtliet bl-imrar minflok bil-ferħ, u qalbi ġiet minfuda b’uġigħ qawwi. Tant ħassejtni miżerabbli u minix denja ta’ din il-grazzja u kif kont konxja tal-miżerja tiegħi u tan-nuqqas ta’ mertu tiegħi ma kontx nażżarda biss nersaq lejn saqajn l-iżgħar postulanta biex inbushom. Rajt il-postulanti, fl-ispirtu, sbieħ u jogħġbu lill-Mulej; u jien, abbiss ta’ miżerja. Wara l-konferenza, intfajt f’riġlejn Alla moħbi, fost dmugħ u wġigħ. Intfajt fil-baħar tal-ħniena infinita ta’ Alla, u hemmhekk biss stajt ikolli esperjenza ta’ serħan u nħoss l-ħniena Tiegħu ta’ setgħa bla tarf li kienet qiegħda madwari.

1109. + 30. Dan hu l-jum tat-tiġdid tal-voti.

Fil-pront malli qomt, il-preżenza ta’ Alla daret madwari, ħassejtni li jiena kont it-tifla ta’ Alla. Imħabba divina ġiet imferra’ ġewwa ruħi, u Alla wrieni kif kollox kien jiddependi mir-rieda Tiegħu. Huwa qalli il-kliem: Irrid nagħti maħfra sħiħa lill-erwieħ li jqerru u jitqarbnu fil-Festa tal-Ħniena Tiegħi. Imbagħad qalli, Binti, tibża’ minn xejn. Jiena dejjem miegħek, ukoll jekk inti taħseb li minix. L-umilta’ tiegħek tiġbidni ‘l isfel mit-tron għoli Tiegħi, u Jiena ningħaqad mill-qrib miegħek.

1110. 29 (ta’ April 1937). Il-Mulej għarrafni dwar id-diskussjonijiet (nota192) li kienu għaddejjin fil-Vatikan dwar din il-Festa. Id-dinjatarju Pacelli ħadem ħafna fuq din il-ħaġa.

Djarju ta’ Swor Fawstina – It-3 Pitazz (par.1091-1100)

It-Tielet Pitazz – Paragrafi 1091-1100

2009033733

1091. Imbagħad smajt dan il-kliem: Mur għid lis-superjura li erġajt ħadt saħħtek.

Jiena la naf, lanqas nistaqsi kemm ser indum f’saħħti. L-unika ħaġa li naf li bħalissa qiegħda ngawdi saħħti. Il-futur mhux tiegħi. Jiena tlabt għal din is-saħħa bħala sinjal tar-rieda ta’ Alla u mhux biex infittex serħan mit-tbatija tiegħi.

1092. 16 ta’ April 1937. Illum, filwaqt li għaddiet minn fuqi l-Majesta’ ta’ Alla, ruħi fehmet li l-Mulej, għalkemm Hu tant kbir, jitpaxxa b’erwieħ umli. Iktar mar-ruħ iċċekken lilha nfisha, iktar tkun kbira t-tjubija li biha l-Mulej jersaq lejha. Hu jingħaqad mill-qrib magħha u jgħolliha sal-istess tron Tiegħu. Imbierka r-ruħ li l-Mulej innifsu iħarisha. Jiena sirt naf li l-imħabba biss għandha valur; l-imħabba hi kobor; xejn, l-ebda ħidma, ma tista’ tqabbilha ma’ att wieħed ta’ mħabba pura ta’ Alla.

1093. + O Ġesu’, għattini bil-ħniena Tiegħek u wkoll iġġudikani bil-ħniena, għax jekk ma tagħmilx hekk il-Ġustizzja Tiegħek bid-dritt kollu tista’ tasal sabiex tikkundannani.

1094. 17 ta’ April. Illum waqt taħdita kateketika (mogħtija minn Dun Theodore) (nota189) kelli konferma ta’ dak li jiena kont fhimt ġewwa fija u li jiena kont għext bih għal xi żmien; jiġifieri, li jekk ruħ tkun tħobb lil Alla sinċerament u tkun maqgħuda miegħu b’mod intimu, imbagħad, ukoll, jekk dik ir-ruħ tkun qiegħda tgħix fost ċirkustanzi esterni diffiċli, xejn ma jkun jista’ jtellef il-ħajja interjuri tagħha; u f’nofs il-korruzzjoni, tista’ tibqa’ safja u bla mittiefsa; għax l-imħabba kbira ta’ Alla tagħtiha s-saħħa għat-taqbida u Alla wkoll iħares b’mod speċjali, ukoll b’mod mirakoluż, lir-ruħ li tħobbu sinċerament.

1095. Meta darba Alla tani għarfien ġewwa fija li jiena qatt ma kont tlift l-innoċenza tiegħi, u li minkejja l-perikli kollha li fihom kont sibt ruħi, Huwa stess kien qiegħed iħarisni sabiex il-verġnita’ ta’ ruħi u ta’ qalbi setgħu jibqgħu sħaħ, jiena għaddejt il-ġurnata nrodd ħajr lil Alla ġewwa fija bil-ħerqa. Irringrazzjajt lil Alla li Hu kien għoġbu jħarisni mill-ħażen, u għal dan ukoll: li jiena kont sibt grazzja f’għajnejh, li Hu stess kien assigurani minn dan.

1096. U xi ftit snin wara, Huwa ndenja ruħu jikkonfermani f’din il-grazzja, u minn dak iż-żmien ma kellix iktar esperjenza tar-ribelljoni tas-sensi kontra r-ruħ. Fuq din il-ħaġa ktibt b’iktar dettall x’imkien ieħor fid-djarju tiegħi (ara paragrafu Nr. 40). Kull darba li niftakar f’din il-grazzja li ħadd ma jista’ jifhimha, fjamma ġdida ta’ mħabba u gratitudni lejn Alla toħroġ minn ġewwa qalbi; u din l-istess imħabba twassalni sabiex jiena ninsa lili nnifsi kompletament.

1097. Minn dak iż-żmien, ili ngħix taħt il-mant verġinali ta’ Omm Alla. Hi ilha tħarisni u tgħallimni. Jiena ninsab fil-paċi, qrib il-Qalb Immakulata tagħha. Għax jiena daqshekk dgħajfa u bla esperjenza, nitgeddes bħal tifla ċkejkna qrib il-Qalb Tagħha.

1098. Għalkemm Alla kkonfermani f’din il-virtu’, jiena, iżda, qiegħda għassa l-ħin kollu, u nibża’ wkoll minn delli stess, imma dan biss għax jiena sirt inħobb lil Alla b’mod intensiv.

1099. Din il-grazzja tahieli Alla preċiżament għax jiena l-iktar waħda dgħajfa fost il-bnedmin kollha; din hi r-raġuni għaliex Dak li hu ta’ setgħa bla tarf dawwarni bil-ħniena speċjali Tiegħu.

1100. 24 ta’ April. Sirt sensittiva għal kull grazzja kbira minn qabel; xenqa u xewqa stramba għal Alla jiġu fuqi, u mbagħad jiena noqgħod nistenna l-grazzja. U iktar ma tkun kbira l-grazzja, iktar ikun ċar dak li jiena nħoss minn qabel, u iktar tkun qalila t-taqbida tiegħi mal-għadu tas-salvazzjoni tiegħi.

Xi drabi ruħi tkun tinsab f’kundizzjoni li nista’ niddeskriviha biss permezz ta’ tixbiha: hemm żewġt iħbieb kbar, u wieħed qed jagħmel festa kbira u stieden lill-ieħor; it-tnejn li huma qegħdin jistennewha bil-ħerqa; imma l-ħin tal-festa ġie deċiż. Insomma, dawk il-mumenti preċiżi qabel ma jiena nirċievi l-grazzja tant huma qawwijin li hu diffiċli tiddeskrivihom. Huma mmarkati b’xenqa mimlija wġigħ u nar tal-imħabba. Jiena nista’ nħoss li l-Mulej hemm qiegħed, imma ma nistax inkun mitlufa fih b’mod assolut, għax is-siegħa ġiet deċiża. Ta’ spiss, qabel mument bħal dan ta’ grazzja, jiena nħossni kompletament fqira fil-moħħ, fir-rieda u fil-qalb. Inkun mitluqa waħdi, u noqgħod nistenna lil Alla Wieħed. Huwa stess iwettaq dan fija qabel ma jiġi.