Djarju ta’ Swor Fawstina – It-2 Pitazz (par.961-970)

It-Tieni Pitazz – Paragrafi 961-970

35

961. + Dalgħodu wara li spiċċajt mill-eżerċizzi spiritwali, qbadt mill-ewwel naħdem il-ganċ. Ħassejt il-kalma ġewwa qalbi; ħassejt li kien Ġesu’ jistrieħ hemm ġew. Meta sirt konxja b’mod hekk profond u ħelu tal-preżenza ta’ Alla ħassejtni mbuttata li ngħid lill-Mulej, “O Trinita’ Santissima li qed tgħammar ġewwa qalbi, nitolbok: agħti l-grazzja tal-konverżjoni lil daqstant erwieħ daqskemm jiena sejra nagħmel ponti llum b’dan il-ganċ.” Umbagħad smajt dan il-kliem ġewwa ruħi: Binti, qiegħda titlobni wisq. “Ġesu’, Inti taf li għalik hi ħaġa eħfef tagħti ħafna milli tagħti ftit.” Dan hu minnu, hija ħaġa inqas diffiċli għalija li nagħti lir-ruħ ħafna milli ftit, imma kull konverżjoni ta’ ruħ midinba teħtieġ sagrifiċċju. “Mela, Ġesu’, jiena qiegħda noffrilek din il-biċċa xogħol li qiegħda nagħmel b’qalbi kollha; f’għajnejja din l-offerta ma tidhirx li hi daqshekk ċkejkna għal għadd hekk kbir ta’ erwieħ. Inti taf Ġesu’, li għal tletin sena sħaħ Inti kont qed issalva l-erwieħ preċiżament b’dan it-tip ta’ xogħol. U la l-ubbidjenza qaddisa ma tippermettilix nagħmel penitenzi u mortifikazzjonijiet kbar, għalhekk jiena qiegħda nitolbok, Mulej, li taċċetta dawn l-affarijiet ċkejknin li mhuma xejn fihom infushom imma li huma mmarkati bis-siġill tal-ubbidjenza bħallikieku kienu affarijiet kbar.” Imbagħad smajt vuċi ġewwa ruħi: Binti l-għażiża, nilqa’ t-talba tiegħek.

962. + Spiss nara ċerta persuna li hi għażiża f’għajnejn Alla. Il-Mulej għandu mħabba kbira għalih, mhux biss għax hu qed jagħmel ħiltu kollha biex ixerred il-qima lejn il-ħniena ta’ Alla, imma wkoll għax hu għandu mħabba għall-Mulej Alla, għalkemm mhux dejjem iħoss din l-imħabba f’qalbu u kważi dejjem jinsab fil-Ġetsemani. Imma din il-persuna dejjem togħġbu lil Alla, u l-paċenzja kbira tiegħu għad tegħleb id-diffikultajiet kollha.

963. + O, li kieku r-ruħ li qiegħda ssofri kienet taf kemm hi maħbuba minn Alla, kienet tmut bil-ferħ u eċċess ta’ hena! Xi darba, għad insiru nafu l-valur tat-tbatija, imma mbagħad m’għadx inkunu kapaċi nbatu. Il-mument ta’ issa hu tagħna.

964. 17 ta’ Frar 1937. Dalgħodu waqt il-Quddiesa, rajt lil Ġesu’ qed ibati. Il-Passjoni tiegħu ġiet stampata fuq ġismi b’mod inviżibbli, imma xorta waħda bl-uġigħ kollu li Hu kien ħass.

965. Ġesu’ ħares lejja u qalli, L-erwieħ jintilfu minkejja l-Passjoni ħarxa Tiegħi. Jiena qiegħed nagħtihom l-aħħar tama ta’ salvazzjoni: jiġifieri, il-Festa tal-Ħniena Tiegħi. Jekk huma ma jadurawx il-ħniena Tiegħi, huma jintilfu għall-eternita’. Segretarja tal-ħniena Tiegħi, ikteb, għid lill-erwieħ b’din il-ħniena kbira Tiegħi, għax il-jum tal-biża’ il-jum tal-Ġustizzja Tiegħi, jinsab fil-qrib.

966. + Illum, smajt dan il-kliem ġewwa ruħi: Binti, wasal iż-żmien meta inti trid tibda taħdem; Jiena qiegħed miegħek. Hemm lesti għalik persekuzzjonijiet u tbatijiet kbar, imma għandu jfarrġek il-ħsieb li ħafna erwieħ għad jiġu salvati u mqaddsin permezz ta’ din l-opra.

967. + Meta bdejt naħdem u nenfasizza kliem il-Mulej billi niġbed linja taħthom u kont qed nara kollox, ħaġa wara l-oħra, wasalt fil-paġna fejn kont immarkajt il-parir u l-istruzzjonijiet li kien tani Parti Andrasz. Ma kontx naf x’ser naqbad nagħmel, jekk għandix niġbed linja taħthom jew le, u mbagħad smajt dan il-kliem ġewwa ruħi, Iġbed linja, enfasizza, għax dan il-kliem huma Tiegħi; jiena ssellift xofftejn il-ħabib ta’ Qalbi sabiex inkellmek u nassigurak. Inti għandek tosserva dawn l-istruzzjonijiet sa mewtek. Ma tagħtini l-ebda gost li kieku kellek ma tobdix dawn l-istruzzjonijiet. Kun af li kont Jiena li poġġejtu bejni u bejn ruħek. Qed nagħmel hekk biex inti tkun fil-paċi u ma tagħmilx żbalji.

968. Ladarba Jiena poġġejtek fil-kura speċjali ta’ dan is-saċerdot, inti b’dan il-mod ġejt eżentata milli tagħti rendikont dettaljat lis-superjuri tiegħek dwar ir-relazzjoni Tiegħi miegħek. Fl-affarijiet l-oħrajn kollha, qisek tifla mas-superjuri tiegħek, imma nagħmel x’nagħmel Jiena fil-fond ta’ ruħek, inti għandek tgħidu biss lis-saċerdoti, bis-sinċerita’ kollha.

U nnutajt li minn mindu Alla tani direttur spiritwali, ma talabnix nirraporta kollox lis-superjuri tiegħi, bħalma kien jagħmel qabel, imma dak biss li għandu x’jaqsam ma’ affarijiet esterni; dan kollu apparti, id-direttur biss jafha lil ruħi. Li jkollok direttur spiritwali hi grazzja speċjali mingħand Alla. O, kemm huma ftit l-erwieħ li rċevewha! Ir-ruħ tibqa’ l-ħin kollu fil-paċi fost l-ikbar diffikultajiet. Kuljum wara t-Tqarbin, inrodd ħajr lill-Mulej Ġesu’ għal din il-grazzja, u kuljum nitlob lill-Ispirtu s-Santu jdawwallu moħħu. Ħassejt bis-sħiħ ġewwa ruħi l-qawwa li għandu kliem id-direttur. Imbierka l-ħniena ta’ Alla għal din il-grazzja!

969. + Illum mort nagħmel meditazzjoni quddiem is-Sagrament Imqaddes (fil-kappella tas-sanatorju). X’ħin ersaqt lejn l-altar, il-preżenza ta’ Alla mlietli ruħi, ġejt mitfugħa fl-oċejan tad-divinita’ Tiegħu, u Ġesu’ qalli, Binti, dak kollu li jeżisti jinsab f’idejk. Jien weġibt lill-Mulej, “Qalbi ma trid xejn ħliefek biss, O Teżor ta’ qalbi. Għar-rigali kollha li Inti tagħtini, grazzi, O Mulej, imma jiena nixtieq biss il-Qalb Tiegħek. Għalkemm is-smewwiet huma ta’ kobor bla qies, għalija mhuma xejn mingħajrek. Inti taf tajjeb, O Ġesu’, li jiena nintilef minn sensija bix-xenqa li nħoss għalik.” Kun af, binti, li inti diġa’ qiegħda ttiegħem minn issa dak li erwieħ oħrajn għad jakkwistaw biss fl-eternita’.

970. U f’daqqa waħda, ruħi ġiet mdawla kollha kemm hi bl-għarfien ta’ Alla. O, li kieku stajt nesprimi mqar biċċa żgħira minn dak li tħoss ruħi meta hi tkun qiegħda tistrieħ qrib il-Qalb tal-Majesta’ li ħadd ma jista’ jifhimha! Ma nistax inpoġġiha fi kliem. Tkun biss xi ruħ li kellha esperjenza bħal din almenu darba f’ħajjitha, li tkun tista’ tagħrafha. X’ħin mort lura f’kamarti, ħassejtni qisni ġejja mill-ħajja reali għall-mewt. X’ħin ġie t-tabib jiċċekkjali l-polz, stagħġeb: “X’ġara, Sor? Qatt ma kellek il-polz jiġri hekk! Nixtieq insir naf x’ġiegħlu jiġri daqshekk.” Xi stajt ngħidlu jiena, jekk lanqas jiena stess ma kont naf li l-polz tiegħi kien qed jiġri daqshekk. Jiena naf biss ħaġa waħda, li qiegħed mmut bix-xewqa li għandi għal Alla, imma din il-ħaġa ma għidtilhux, għax kif tista’ l-mediċina tgħin f’każ bħal dan?