Djarju ta’ Swor Fawstina – Il-5 Pitazz (par.1541-1550)

Il-Ħames Pitazz – Paragrafi 1541-1550

zd3

1541. Binti, ħajjar lill-erwieħ jgħidu l-kurunella li Jiena tajtek. Jiena nieħu gost nagħtihom dak kollu li huma jitolbuni permezz tal-kurunella. Meta midinbin b’qalbhom iebsa jgħiduha, Jiena nimlielhom ruħhom bil-paċi, u s-siegħa tal-mewt tagħhom tkun waħda hienja.

Ikteb dan għall-erwieħ li jinsabu għaddejjin mill-għawġ: meta ruħ tinduna bis-serjeta’ l-gravita’ tad-dnubiet tagħha, meta l-abbiss kollu tal-miżerja li fih hi ntefgħet jidher quddiem għajnejha, hi m’għandhiex tiddispra, imma bil-fiduċja għandha tintefa’ f’dirgħajn il-ħniena Tiegħi, bħalma tarbija tintefa’ f’dirgħajn l-omm maħbuba tagħha. Dawn l-erwieħ għandhom dritt ta’ prijorita’ fuq il-Qalb ħanina Tiegħi; huma l-ewwel li jilħqu l-ħniena Tiegħi. Għidilhom li l-ebda ruħ li sejħet il-ħniena Tiegħi ma ġiet iddiżapuntata jew umiljata. Jiena nitpaxxa b’mod speċjali b’ruħ li poġġiet il-fiduċja tagħha fit-tjubija Tiegħi. Ikteb illi meta huma jgħidu din il-kurunella fil-preżenza tal-moribond, Jiena nidħol bejn Missieri u l-moribond mhux bħala Mħallef Ġust iżda bħala Salvatur mimli ħniena.

1542. F’dak il-waqt, il-Mulej tani x’nifhem kemm Hu għajjur għal qalbi.

Ukoll fost is-sorijiet inti tħossok waħdek. Kun af mela li Jiena rridek tingħaqad miegħi iktar mill-qrib. Jiena jimpurtani minn kull taħbita ta’ qalbek. Kull ċaqliqa ta’ mħabbtek hi riflessa fil-Qalb Tiegħi. Jiena għatxan għal imħabbtek. “Iva, O Ġesu’, imma anke qalbi ma tkunx kapaċi tgħix mingħajrek; għax ukoll li kieku l-qlub tal-ħlejjaq kollha kellhom jiġu offruti lili, ma jissodisfawx il-profondita’ ta’ qalbi.”

1543. Illum għall-ħabta ta’ filgħaxija, il-Mulej qalli, Intelaq f’idejja kollok kemm int fis-siegħa tal-mewt, u Jiena nippreżentak lil Missieri bħala għarusa Tiegħi. U issa nirrikkmandalek li inti tgħaqqad, b’mod speċjali, ukoll l-iċken għemejjel tiegħek mal-merti Tiegħi, u mbagħad Missieri jħares lejhom bi mħabba bħallikieku kienu Tiegħi stess.

1544. Tbiddilx l-eżami partikulari tiegħek li Jiena tajtek permezz ta’ Patri Andrasz; jiġifieri, li Inti tingħaqad Miegħi l-ħin kollu. Dan hu li Jiena qed nitlob mingħandek b’mod ċar illum. Kun tifla ċkejkna ma’ dawk li qegħdin f’ismi għax Jiena nissellef xofftejhom biex inkellmek, sabiex inti ma jkollokx dubji fuq xejn.

1545. Saħħti ġiet ‘l quddiem mhux ħażin. Inżilt fir-refettorju u fil-kappella llum. Għadni ma nistax inkompli bid-dmirijiet tiegħi u, għalhekk qed nibqa’ fiċ-ċella tiegħi naħdem bin-newl li ninseġ bl-id (nagħmel il-borduri għall-bċejjeċ tal-għażel li jintużaw fuq l-altar). Dan ix-xogħol jogħġobni ħafna, imma wkoll b’xogħol hekk ħafif, ngħejja mill-ewwel. Nista’ nara kemm jiena dgħajfa. M’hemmx waqtiet li mhumiex importanti f’ħajti, għax kull mument ta’ ħajti mimli bit-talb, bit-tbatija u bix-xogħol. Jekk mhux b’mod wieħed b’xi ieħor, jiena nagħti glorja lil Alla; u li kieku Alla kellu jagħtini ħajja oħra, ma nafx jekk kontx nużaha b’xi mod aħjar . . .

1546. Il-Mulej qalli, Kemm togħġobni mħabbtek. L-imħabba sinċiera tiegħek togħġob lill-Qalb Tiegħi bħall-fwieħa ta’ blanzun ta’ warda filgħodu, qabel max-xemx tkun neħħiet in-nida minn fuqha. Il-qalb friska tiegħek issaħħarni; din hi r-raġuni għaliex Jiena ningħaqad miegħek iktar mill-qrib milli ma’ l-ebda kreatura oħra . . .

1547. Illum rajt l-isforzi ta’ dan is-saċerdot (Dun Sopocko) dwar l-affarijiet ta’ Alla. Qalbu qiegħda tibda dduq dak li mela l-Qalb ta’ Alla waqt il-ħajja Tiegħu f’din l-art. Biex ipattulu għal dawn l-isforzi tiegħu – ingratitudni . . . Imma hu ħerqan ħafna għall-glorja ta’ Alla . . .

1548. 30 ta’ Jannar 1938. Irtir ta’ ġurnata.

Il-Mulej tani x’nifhem, waqt il-meditazzjoni li sakemm qalbi tibqa’ tħabbat f’sidri, jiena għandi nibqa’ dejjem nistinka sabiex inxerred is-Saltna ta’ Alla fl-art. Jiena għandi nissielet għall-glorja tal-Ħallieq tiegħi.

Jiena naf li għad nagħti lil Alla l-glorja li Hu jistenna mingħandi jekk jiena nipprova nikkopera bil-fedelta’ mal-grazzja ta’ Alla.

1549. Irrid ngħix fl-ispirtu ta’ fidi. Jiena naċċetta kollox li jiġrili bħallikieku ġie mogħti lili permezz tar-rieda ta’ Alla mimlija mħabba, għaliex Hu sinċerament iridni nkun ferħana. U għalhekk naċċetta b’sottomissjoni u gratitudni dak kollu li Alla jibgħatli. Ma nagħtix kas tal-vuċi tan-natura u dak li jgħidli l-egoiżmu tiegħi. Qabel kull azzjoni importanti, jiena nieqaf naħseb għal mument wieħed x’relazzjoni għandha mal-ħajja eterna u x’tista’ tkun ir-raġuni prinċipali tiegħi biex jiena nagħmilha: hija għall-glorja ta’ Alla, jew għall-aħjar ta’ ruħi, jew għall-aħjar tal-erwieħ tal-oħrajn? Jekk qalbi tgħid iva, jiena mbagħad xejn ma jċaqlaqni milli nwettaq dik l-azzjoni, u ma nagħtix kas ta’ ostakli jew sagrifiċċji. Xejn ma jbeżżgħani biex nabbanduna l-intenzjoni tiegħi. Għalija biżżejjed inkun naf li togħġob lil Alla. Mill-banda l-oħra, jekk insir naf li l-azzjoni m’għandha xejn x’taqsam ma’ dak li għadni kif semmejt, jiena nipprova ngħolliha għal sfera ogħla permezz ta’ intenzjoni tajba. U jekk insir naf li xi ħaġa ġejja mill-egoiżmu tiegħi, jiena nikkanċellaha mill-bidu.

1550. F’każijiet dubbjużi, ma nagħmel xejn, imma nfittex bl-iktar mod skrupluż kjarifika mis-saċerdoti, u l-aktar mid-direttur spiritwali tiegħi. Ma nagħtix spjegazzjonijiet biex niddefendi lili nnifsi meta xi ħadd iċanfarni jew jikkritikani, jekk xi ħadd ma jitlobnix direttament nagħti xhieda tal-verita’. B’paċenzja kbira, noqgħod nisma’ meta xi ħadd jiftaħ qalbu miegħi, naċċetta t-tbatijiet tagħhom, nagħtihom faraġ spiritwali, imma t-tbatijiet tiegħi stess jiena ngħarraqhom fil-Qalb l-iżjed ħanina ta’ Ġesu’. Jiena qatt ma nħalli l-profondita’ tal-ħniena Tiegħu, filwaqt li nieħu d-dinja kollha f’dak il-fond.