Djarju ta’ Swor Fawstina – It-2 Pitazz (par.591-600)

It-Tieni Pitazz – Paragrafi 591-600

BlSopockoStFaustina

591. Ġesu’, Int taf b’liema ħeġġa nixtieq ninħeba sabiex ħadd ma jsir jaf bija ħlief il-Qalb l-iżjed ħelwa Tiegħek. Jiena rrid inkun vjola ċkejkna, moħbija fil-ħaxix, li ħadd ma jaf biha fil-ġnien magħluq meraviljuż fejn jikbru ġilji u ward sbieħ. Il-warda sabiħa u l-ġilju sabiħ tista’ tarahom mill-bogħod, imma biex tara vjola ċkejkna, trid titbaxxa sewwa; tinduna biha biss meta xxommha. O, kemm jiena kuntenta li nista’ ninħeba b’dan il-mod! O Għarus divin tiegħi, il-fjur ta’ qalbi u l-fwieħa tal-imħabba safja tiegħi huma għalik. Ruħi tinsab mgħaddsa fik, Alla Etern. Minn dak il-waqt meta Inti stess ġbidtni lejk, O Ġesu’ tiegħi, iktar ma sirt nafek, xtaqtek b’ħeġġa akbar.

592. Jiena tgħallimt fil-Qalb ta’ Ġesu’ li fil-ġenna wkoll hemm ġenna li fiha jistgħu jidħlu biss l-erwieħ magħżulin. Ma nistgħux nifhmu l-hena li fih ir-ruħ tinsab mgħaddsa. O Alla tiegħi, kemm nixtieq nista’ niddeskrivi din il-ħaġa, ukoll bl-iċken mod. Id-divinita’ Tiegħu tgħaddi minn ġol-erwieħ u huma jgħaddu minn dija għal dija, dawl li ma jinbidel qatt, imma li qatt ma jkun monotonu, dejjem ġdid għalkemm qatt ma jinbidel. O Trinita’ Qaddisa, għarraf lilek innifsek lill-erwieħ!

593. O Ġesu’ tiegħi, m’hemm xejn aħjar mill-umiljazzjonijiet għar-ruħ. Fid-disprezz jinsab is-sigriet tal-hena, meta r-ruħ tintebaħ li, waħedha, hi biss miżerja u xejn, u li hi – għandha x’għandha tajjeb – dan kollu hu don ta’Alla. Meta r-ruħ tara li kollox ġie mogħti lilha b’xejn u li l-unika ħaġa li hi għandha li hi tagħha hi biss il-miżerja tagħha stess, dan hu li jżommha f’att kontinwu ta’ qima umli quddiem il-majesta’ ta’ Alla. U Alla, meta jara r-ruħ b’din id-dispożizzjoni, jibqa’ jiġri warajha bil-grazzji Tiegħu. Filwaqt li r-ruħ tkompli togħdos iktar fil-fond fl-abbis tax-xejn u tal-bżonn tagħha, Alla juża s-setgħa bla tarf Tiegħu sabiex jgħolliha. Jekk teżisti ruħ verament ferħana f’din id-dinja, din tista’ tkun biss ruħ li hi tassew umli. Għall-ewwel, l-egoiżmu tar-ruħ ibati ħafna minħabba din il-ħaġa, imma wara lir-ruħ tkun issieltet bil-kuraġġ, Alla jagħtiha ħafna dawl li, permezz tiegħu, hi tara kif kollox miżerja u mimli qerq. Fil-qalb tagħha hemm Alla biss. Ruħ umli ma tafdax fiha nnfisha, imma tpoġġi l-fiduċja kollha tagħha f’Alla. Alla jiddefendi r-ruħ umli u jidħol fis-sigrieti tagħha, u r-ruħ tgħammar f’hena li ħadd ma jista’ jgħaddih u ħadd ma jista’ jifhmu.

594. Darba filgħaxija, waħda mis-sorijiet li kienu mietu, u li kienet ġiet iżżurni xi drabi, dehritli. L-ewwel darba li kont rajtha, kienet qiegħda ssofri ħafna, u mbagħad bil-mod il-mod dawn it-tbatijiet bdew jonqsu; din id-darba kienet qiegħda tirradja bil-ferħ, u qaltli li kienet diġa’ fil-ġenna. Hija qaltli li Alla kien ipprova d-dar tagħna bit-tribulazzjoni għax il-Madre Ġenerali (Michael) kienet ċediet għad-dubji, u ma kenitx emmnet dak li jiena kont għidt dwar din ir-ruħ. U iktar minn dan, bħala sinjal li issa hi biss kienet fil-ġenna, Alla kien ser ibierek id-dar tagħna. Imbagħad resqet eqreb lejja, għannqitni bis-sinċerita’ u qaltli, “Issa jeħtieġli mmur.” Jiena fhimt kemm huma maqgħudin mill-qrib flimkien it-tlett stadji tal-ħajja tar-ruħ; jiġifieri, il-ħajja fl-art, fil-purgatorju u fil-ġenna (ix-Xirka tal-Qaddisin).

595. Ħafna drabi ntbaħt li Alla jipprova ċerti nies minħabba dawk l-affarijiet li kien kellimni dwarhom, għax in-nuqqas ta’ fiduċja ma togħġbux lil Ġesu’. Darba, meta rajt li Alla kien ipprova ċertu Arċisqof (Jalbrzykowski), għax hu ma kienx jaqbel mal-kawża u ma kellux fiduċja fiha, jiena ħassejt għalih u tlabt lil Alla għalih, u Alla taffielu t-tbatija tiegħu. Lil Alla ma jogħġbux in-nuqqas ta’ fiduċja fih, u din hi r-raġuni għax xi erwieħ jitilfu ħafna grazzji. In-nuqqas ta’ fiduċja tweġġa’ l-Qalb l-iżjed ħelwa Tiegħu, li hi mimlija tjubija u mħabba għalina li ħadd ma jista’ jifhimha. Saċerdot għandu xi drabi juri nuqqas ta’ fiduċja sabiex ikun aktar ċert li d-doni li xi ruħ magħżula tkun rċeviet ikunu ġenwini; u meta hu jagħmel dan sabiex imexxi lir-ruħ għal għaqda profonda ma’ Alla, hu għad jirċievi premju tassew kbir u li ħadd ma jista’ jifhmu. Imma hemm differenza kbira bejn din il-ħaġa u nuqqas ta’ rispett u ta’ fiduċja fil-grazzji divini fir-ruħ sempliċiment għax wieħed ma jistax jifhem u jidħol ġo dawn l-affarijiet b’moħħu, u din tal-aħħar ma togħġbux lill-Mulej. Jiena tassew nitħassar lil dawk l-erwieħ li jitaqgħu ma’ saċerdoti li m’għandhomx esperjenza.

596. Darba, ċertu saċerdot (Dun Sopocko) (nota124) talabni nitlob għalih. Jiena wegħedtu li nitlob, u tlabtu jagħtini mortifikazzjoni. Meta rċevejt il-permess li nagħmel ċerta mortifikazzjoni, ħassejt xewqa kbira li niċċaħħad mill-grazzji kollha li t-tjubija ta’ Alla kellha f’moħħha li tagħtini dak inhar sabiex Hu jiffavorixxi lil dak is-saċerdot, u jiena tlabt lill-Mulej Ġesu’ li jagħti lili t-tbatijiet u s-swat kollu, kemm minn barra kemm spiritwali li s-saċerdot kieku kien ikollu jbati dak inhar. Alla wieġeb it-talba tiegħi b’mod parzjali u, f’daqqa waħda, kull tip ta’ diffikulta’ u kuntrarju bdew jinqalgħu minn ma nafx fejn, tant li waħda mis-sorijiet għaddiet rimarka b’vuċi tinstema’ li l-Mulej Ġesu’ kellu x’jaqsam f’din il-ħaġa għax kulħadd kien qed jipprova lil Swor Fawstina. L-akkużi li saru tant kienu bla ebda bażi li dak li qalu xi sorijiet, oħrajn ċaħduh, filwaqt li jiena offrejt dan kollu fis-skiet għas-saċerdot.

Imma dan ma kienx kollox; jiena bdejt ngħaddi mill-esperjenza ta’ tbatijiet interni. L-ewwel, qabditni dipressjoni u mibgħeda kontra s-sorijiet, imbagħad tip ta’ inċertezza bdiet tinkwetani. Ma stajtx ninġabar waqt it-talb, u moħħi bdew jhewden fuq diversi affarijiet. Meta, għajjiena mejta, dħalt fil-kappella, uġigħ stramb qabad lil ruħi u bdejt nibki bil-mod. Imbagħad jiena smajt vuċi ġewwa ruħi, tgħidli, Binti, għaliex qiegħda tibki? Fuq kollox, int stess offrejt li tieħu fuqek dawn it-tbatijiet. Kun af li dak li inti ħadt fuqek għal dik ir-ruħ hija biss porzjon żgħir. Huwa qed isofri ħafna aktar. U jiena staqsejt lill-Mulej, “Għaliex qed titrattah b’dan il-mod?” Il-Mulej weġibni li kien minħabba l-kuruna bi tlieta li kien hemm lesta għalih: dik tal-verġnita’, tas-saċerdozju u tal-martirju. F’dak il-waqt, ferħ kbir imlieli ruħi meta rajt il-glorja kbira li kien ser ikollu fil-ġenna. Dak il-ħin stess għidt it-Te Deum (nota125) għal din il-grazzja speċjali mingħand Alla. Jiġifieri, il-grazzja li jiena tgħallimt kif Alla jitratta lil dawk li Hu jkollu f’moħħu li jżommhom qrib Tiegħu. Għalhekk, it-tbatijiet kollha m’huma xejn ħdejn dak li hemm jistenniena fil-ġenna.

597. Darba, waqt il-Quddiesa, f’daqqa waħda rajt il- konfessur tiegħi (Dun Sopocko) iqaddes fil-Knisja ta’ San Mikiel, quddiem il-pittura ta’ Omm Alla. Kien fil-ħin ta’ l-Offertorju, u rajt lill-Bambin Ġesu’ imqabbad miegħu qiesu qed jaħrab minn xi ħaġa u jfittex kenn għandu. Imma meta wasal il-ħin għat-Tqarbin, bħas-soltu għeb. F’daqqa waħda, rajt il-Verġni Mbierka, tipproteġih bil-mantell tagħha u tgħidlu, Kuraġġ, Ibni, kuraġġ. Hija qalet xi ħaġa oħra li ma stajtx nismagħha.

598. O, b’liema ħeġġa nixtieq li kull ruħ tfaħħar il-ħniena Tiegħek. Imbierka r-ruħ li ssejjaħ il-ħniena tal-Mulej. Hija għad tara kif il-Mulej jiddefendiha bħall-glorja Tiegħu, bħalma Huwa qal. U min jażżarda jiġġieled kontra Alla? Intom erwieħ kollha, faħħru l-ħniena tal-Mulej billi tafdaw fil-ħniena Tiegħu tul ħajjitkom kollha u speċjalment fis-siegħa tal-mewt tagħkom. U tibża’ minn xejn, għażiża ruħ, int min int; iktar ma jkun kbir il-midneb, iktar ikollu d-dritt fuq il-ħniena Tiegħek, O Mulej. O tjubija li ħadd ma jista’ jifhimha! Alla hu l-ewwel wieħed li jitbaxxa lejn il-midneb. O Ġesu’, jiena nixtieq nigglorifika l-ħniena Tiegħek f’isem eluf ta’ erwieħ. Jiena naf tajjeb, O Ġesu’ tiegħi, li jiena għandi nkompli ngħid lill-erwieħ bit-tjieba Tiegħek, bil-ħniena Tiegħek li ħadd ma jista’ jifhimha.

599. Darba, wara li persuna talbitni nitlob, meta jiena ltaqajt mal-Mulej għidtlu, “Ġesu’, jiena nħobb b’mod speċjali lil dawk l-erwieħ li Inti tħobbhom.” U Ġesu’ wieġeb, U ngħid għalija Jiena nagħti grazzji speċjali lil dawk l-erwieħ li inti tinterċiedi għalihom.

600. B’liema mod tal-għaġeb Ġesu’ jiddefendini; din hija verament grazzja kbira ta’ Alla li issa jiena ili jkolli esperjenza tagħha għal żmien twil.