Djarju ta’ Swor Fawstina – Il-5 Pitazz (par.1471-1480)

Il-Ħames Pitazz – Paragrafi 1471-1480

10b403ad51b50b26d5cc1e2ad0c7db57

1471. Għalkemm qiegħda nħossni debboli, u n-natura tiegħi qiegħda tgħajjat għas-serħan, qiegħda nħoss l-ispirazzjoni tal-grazzja tgħidli nżomm sħiħ u nikteb, nikteb sabiex infarraġ lill-erwieħ, li jiena tant inħobb u li magħhom għad naqsam l-eternita’ kollha. U jiena nixtieq b’tant ħerqa li huma jkollhom il-ħajja eterna li din hi r-raġuni għaliex jiena nuża l-ħin liberu kollu tiegħi, ukoll jekk ikun żmien qasir, sabiex nikteb bil-mod li Ġesu’ jixtieq mingħandi.

1472. 8 ta’ Jannar. Waqt il-Quddiesa, kelli waqt wieħed ta’ għarfien dwar Dun S., li Alla qed jiġi mogħti glorja kbira permezz tal-isforzi tagħna t-tnejn. U għalkemm aħna ninsabu mbegħdin minn xulxin, spiss inkunu flimkien, għax ninsabu magħqudin b’għan wieħed.

1473. O Ġesu’ tiegħi, l-unika xewqa tiegħi, għalkemm illum xtaqt nirċevik b’ħeġġa ikbar minn qabel, madankollu, preċiżament illum, ruħi għandha nixfa ikbar mis-soltu. Il-fidi tiegħi tissaħħaħ iktar, u għalhekk il-frott tal-miġja Tiegħek, Mulej, ser ikun kotran. Għalkemm ħafna drabi Inti tiġi mingħajr ma tmissli s-sensi tiegħi u ssaltan biss f’ruħi, is-sensi wkoll xi kultant jifirħu bil-miġja Tiegħek.

1474. Spiss nitlob lill-Mulej Ġesu’ jagħtini fehma mdawla bil-fidi. Din il-ħaġa ngħidha lill-Mulej b’dan il-kliem: Ġesu’, agħtini l-fehma, fehma kbira, għal dan il-għan biss, biex inkun nista’ nifhmek aħjar; għax aktar ma nsir nafek, aktar inħobbok bil-ħeġġa, Ġesu’, nitolbok don qawwi tal-fehma, sabiex inkun nista’ nifhem ħwejjeġ divini u għoljin. Ġesu’, agħtini fehma ħajja, li biha nibda nagħraf l-Essenza Divina Tiegħek u l-ħajja ġewwinija Tiegħek ma’ Alla wieħed fi Tliet Persuni. Agħti lill-fehma tiegħi dawn il-kapaċitajiet u dispożizzjonijiet permezz tal-grazzja speċjali Tiegħek. Għalkemm jiena naf li hemm kapaċita’ permezz tal-grazzja mogħtija lili mill-Knisja, hemm ukoll teżor ta’ grazzji li Inti tagħtina, O Mulej, meta aħna nitolbuhomlok. Imma jekk it-talba tiegħi ma togħġbokx, mela nitolbok, tagħtinix l-inklinazzjoni biex nitlob b’dan il-mod.”

1475. Jiena nipprova li jkolli l-ikbar perfezzjoni possibbli sabiex inkun ta’ użu għall-Knisja. Ħafna ikbar hi r-rabta tiegħi mal-Knisja. Il-qdusija jew il-waqgħa ta’ kull ruħ individwali tħalli effett fuq il-Knisja kollha kemm hi. Meta noqgħod nosserva lili nnifsi u lil dawk il-persuni qrib tiegħi, nibda nifhem kemm għandi influwenza kbira fuq erwieħ oħrajn, mhux permezz ta’ xi għemejjel erojċi, għax dawn minnhom infushom jiġbdu l-attenzjoni, imma permezz ta’ azzjonijiet ċkejknin bħal mossa bl-idejn, ħarsa u ħafna affarijiet oħrajn li ma jingħaddux, li jkollhom effett fuq l-oħrajn u jirriflettu fl-erwieħ tal-oħrajn, bħalma osservajt jiena stess.

1476. O, kemm hi ħaġa tajba li r-regola tagħna titlob li jkun hemm skiet assolut fid-dormitorju (kmamar tas-sodda komuni) u ma tħalliniex noqogħdu hemm sakemm ma jkunx assolutament meħtieġ. Bħalissa għandi kamra ċkejkna fejn norqdu tnejn minna, imma meta kont marida u kelli noqgħod fis-sodda, skoprejt kemm idejjaqt jekk ikun hemm xi ħadd fil-kamra tas-sodda l-ħin kollu. Swor N. (nota228) kellha xi xogħol tal-idejn x’tagħmel u baqgħet fil-kamra tas-sodda kważi l-ħin kollu, u S. (nota229) oħra kienet tiġi biex tgħallimha kif għandha taħdmu. Diffiċli tiddeskrivi kemm tgħajjik din il-ħaġa, speċjalment meta tkun marida u tkun għaddejt xi lejl muġugħa. Kull kelma tħalli effett x’imkien fil-moħħ, speċjalment meta l-għajnejn jitqalu bin-ngħas. O regola, kemm hemm imħabba fik . . .

1477. Meta, waqt il-Vespri, kien qed jitkanta l-Magnificat, u waslu fil-kliem “Hu wera s-saħħa ta’ driegħu”, spirtu profond ta’ ġabra dar madwar ruħi, u jiena fhimt li l-Mulej ser iwettaq xogħlu ġewwa ruħi dalwaqt. (nota230) Issa ma nistagħġibx li l-Mulej ma wrinix kollox mill-ewwel.

1478. + Għaliex Inti qalbek sewda llum, Ġesu’? Għidli, min hu l-kawża ta’ dan-niket Tiegħek? U Ġesu’ weġibni, Erwieħ magħżulin li m’għandhomx l-ispirtu Tiegħi, li jgħixu skont l-ittra (ara 2 Kor 3:6) u li poġġew l-ittra qabel l-ispirtu Tiegħi, qabel l-ispirtu ta’ mħabba.

Jiena waqqaft il-liġi Tiegħi kollha fuq l-imħabba, u madankollu ma nistax nara l-ebda mħabba, lanqas fl-ordnijiet reliġjużi. Għal din ir-raġuni Qalbi hi mimlija niket.

+
Ġ.M.Ġ

1479. O Ġesu’ tiegħi, għalkemm fl-imrar terribbli u fl-uġigħ
Xorta waħda nħoss it-tmellisa tal-Qalb Divina Tiegħek.
Bħal omm twajba, Inti tagħfasni ma’ sidrek
U issa wkoll Inti tagħtini l-esperjenza ta’ x’hemm moħbi wara l-velu.

O Ġesu’ tiegħi, f’dan il-baħħ u l-biża’ li hawn madwari,
Qalbi għadha tħoss is-sħana tal-ħarsa Tiegħek,
Li l-ebda tempesta ma tista’ tneħħili minn quddiemi,
Filwaqt li Inti serraħli moħħi mill-imħabba kbira Tiegħek, O Alla.

O Ġesu’ tiegħi, fost il-miżerji kbar ta’ din il-ħajja,
Inti tiddi bħal kewkba, O Ġesu’, u tħarisni mill-għarqa.
U għalkemm kbar huma l-miżerji tiegħi,
Jiena għandi fiduċja kbira fil-qawwa tal-ħniena Tiegħek.

O Ġesu’ moħbi, fost il-ħafna taqbid tal-aħħar siegħa tiegħi,
Jalla tinxered fuq ruħi s-setgħa bla tarf tal-grazzja Tiegħek,
Sabiex filwaqt tal-mewt jiena nkun nista’ nħares lejk
U narak wiċċ imb’wiċċ, bħalma jagħmlu l-magħżulin fil-ġenna.

O Ġesu’ tiegħi, fost il-perikli li hawn madwari,
Jiena ngħaddi ħajti ngħajjat bil-ferħ, rasi merfugħa ‘l fuq,
Għax mal-Qalb Tiegħek hekk mimlija mħabba, O Ġesu’,
Jitfarrku l-għedewwa kollha u jintemm id-dlam kollu.

1480. + Ġesu’, aħbini fil-ħniena Tiegħek u ħarisni minn dak kollu li jista’ jbeżżgħali ruħi. Tħallix li tkun diżappuntata l-fiduċja tiegħi fil-ħniena Tiegħek. Għattini u ħarisni bis-Setgħa Tiegħek bla tarf, u ġġudikani wkoll bil-ħniena.