Djarju ta’ Swor Fawstina – It-2 Pitazz (par.741-750)

It-Tieni Pitazz – Paragrafi 741-750

4-1.jpg

741. Illum, Anġlu ħadni fl-abbissi tal-infern. Huwa post ta’ torturi kbar; kemm hu kbir u mifrux li jaqtagħlek nifsek tarah! It-tipi ta’ torturi li jiena rajt: l-ewwel tortura li hi l-infern hi s-sens li wieħed jitlef lil Alla; it-tieni hi rimors fil-kuxjenza għal dejjem; it-tielet hi li dan l-istat qatt m’hu ser jinbidel; ir-raba’ hi n-nar li jinfed lir-ruħ mingħajr ma jeqridha – tbatija terribbli, għax dan hu nar kollu kemm hu spiritwali – imkebbes bil-korla ta’ Alla; il-ħames tortura hi d-dlam il-ħin kollu u riħa terribbli li tifgak, u, minkejja d-dlam, ix-xjaten u l-erwieħ tal-mitlufin jaraw lil xulxin u l-ħażen kollu tagħhom u tal-oħrajn; is-sitt tortura hi l-kumpanija l-ħin kollu ta’ Satana; is-seba’ tortura hi d-disperazzjoni tal-biża’, il-mibgħeda ta’ Alla, kliem oxxen, dagħa u saħtiet. Dawn huma t-torturi li jbatu l-mitlufin kollha flimkien, imma dan mhux kollox. Hemm torturi speċjali li huma d-destin ta’ erwieħ partikolari. Dawn huma t-turmenti tas-sensi. Kull ruħ tgħaddi minn tbatijieti terribbli li ma tistax tiddeskrivihom, li għandhom x’jaqsmu mal-mod li bih tkun dinbet. Hemm għerien ta’ fosos ta’ torturi fejn forma waħda ta’ agunija tkun differenti mill-oħra. Kont immut biss nara dan it-torturi li kieku ma weżintnix is-setgħa bla tarf ta’ Alla. Il-midneb għandu jkun jaf li għad ibati torturi għall-eternita’ kollha f’dawk is-sensi li jkun għamel użu minnhom biex jidneb. Jiena qiegħda nikteb dan għax Alla kkmandani, sabiex l-ebda ruħ ma jkollha skuża tgħid li m’hemmx infern jew li ħadd qatt ma kien hemmhekk, u allura ħadd ma jista’ jgħid kif inhu.

Jiena, Swor Fawstina, b’ordni ta’ Alla, mort inżur l-abbissi tal-infern sabiex inkun nista’ nkellem lill-erwieħ dwaru u nixhed li jeżisti. Bħalissa ma nistax nitkellem dwaru; imma rċevejt ordni mingħand Alla li nħalli dan bil-miktub. Ix-xjaten kienu mimlijin mibgħeda għalija, imma kellhom jobduni għall-kmand ta’ Alla. Dak li jiena ktibt hu biss dell fqir tal-affarijiet li jiena rajt. Imma nnotajt ħaġa waħda: li l-parti l-kbira tal-erwieħ li jinsabu hemm huma dawk li ma kienux jemmnu li hemm infern. X’ħin erġajt ġejt f’tiegħi, bilkemm stajt nirkupra mill-qatgħa li ħadt. Kemm ibatu bl-ikrah l-erwieħ hemmhekk! B’riżultat ta’ dan, nitlob iktar bil-ħeġġa għall-konverżjoni tal-midinbin. Nitlob bla waqfien il-ħniena ta’ Alla għalihom. O Ġesu’ tiegħi nippreferi nkun fl-agunija sal-aħħar tad-dinja, fost l-ikbar tbatijiet, milli noffendik bl-iċken dnub.

+
Ġ.M.Ġ.

742. Binti, jekk Jiena qed nitlob permezz tiegħek li l-bnedmin iqimu l-ħniena Tiegħi, int trid tkun l-ewwel waħda li tingħaraf permezz ta’ din il-fiduċja fil-ħniena Tiegħi. Jiena qed nitlob mingħandek għemejjel ta’ ħniena, li għandhom jiġu mill-imħabba li inti għandek Għalija. Inti għandek turi ħniena lejn il-proxxmu tiegħek dejjem u kullimkien. Int m’għandekx tibqa’ lura minn dawn jew tipprova tiskuża jew tassolvi lilek innifsek minn dan.

Jiena qed nagħtik tliet modi kif tista’ turi ħniena mal-proxxmu tiegħek: l-ewwel – bl-għemil; it-tieni – bil-kliem; it-tielet – bit-talb . F’dawn it-tliet gradi hemm il-milja tal-ħniena, u hija prova li ħadd ma jista jmeriha li wieħed ikun iħobbni. B’dan il-mezz ruħ tagħti glorja u qima lill-ħniena Tiegħi. Iva, l-Ewwel Ħadd tal-Għid hija l-Festa tal-Ħniena, imma jrid ikun hemm ukoll opri tal-ħniena, u Jiena rrid li tintwera qima lill-ħniena Tiegħi permezz taċ-ċelebrazzjoni solenni ta’ din il-Festa u permezz tal-qima tax-xbieha mpittra. Permezz ta’ din ix-xbieha, Jiena nagħti ħafna grazzji lill-erwieħ. Għandha tkun tifkira ta’ dak li titlob minn għandhom il-ħniena Tiegħi, għax ukoll fidi mill-aktar qawwija ma tiswa xejn mingħajr opri. O Ġesu’ tiegħi, Inti stess trid tgħinni f’kollox, għax Inti qed tara kemm jiena ċkejkna, u għalhekk jiena niddependi biss mit-Tjubija Tiegħek, O Alla.

+ Eżami Partikolari

Għaqda ma’ Kristu ħanin. Bil-qalb tiegħi ndur mad-dinja kollha, l-aktar dawk il-pajjiżi li mhumiex ċivilizzati jew fejn hemm il-persekuzzjoni. Jiena qed nitlob ħniena fuqhom.

743. Żewġ riżoluzzjonijiet ġenerali:

L-ewwel: Li nipprova nżomm skiet intern u nosserva r-regola tas-skiet strettament.

It-tieni: Fedelta’ mal-ispirazzjonijiet interni; inpoġġihom fil-prattika f’ħajti u fl-opri tiegħi skont il-parir tad-direttur spiritwali tiegħi.

F’din il-marda li għandi, nixtieq nigglorifika r-rieda ta’ Alla. Ser nipprova, sakemm inkun nista’ nieħu sehem fl-eżerċizzi kollha tal-komunita’. Nagħti ħajti bil-qalb lill-Mulej Ġesu’ għal kull dwejjaq u tbatija.

744. + Spiss inħoss li, barra minn Ġesu’, jiena ma nsib l-ebda għajnuna mingħand ħadd, għalkemm xi kultant ikolli ħafna bżonn ta’ xi ħadd li jiċċarali l-affarijiet dwar dak li jkun qed jitlob mingħandi l-Mulej.

Il-lejla, f’daqqa waħda rċevejt dawl mingħand Alla dwar ċerta ħaġa. Għal tnax-il sena kien ili naħseb fuq ċerta ħaġa u ma stajtx nifhimha. Illum, Ġesu’ għarrafni kemm kien għoġbu dan.

Il-Festa ta’ Kristu Re. (25 ta’ Ottubru 1936)

745. Waqt il-quddiesa, tant ħassejtni mdawra bin-nar kbir intern tal-imħabba ta’ Alla u x-xewqa li nsalva l-erwieħ li ma nafx kif inpoġġiha fil-kliem. Qiegħda naqbad kollni kemm jiena. Ser niġġieled kontra l-ħażen kollu bl-arma tal-ħniena. Qed tikkunsmani x-xewqa li nsalva l-erwieħ. Jiena naqsam it-tul u l-wisa’ kollha tal-art u nażżarda nibqa’ sejra sal-ibgħad trufijiet u l-artijiet l-iktar selvaġġi biex insalva l-erwieħ. Dan nagħmlu permezz tat-talb u s-sagrifiċċju. Irrid li kull ruħ tigglorifika l-ħniena ta’ Alla, li kull waħda tħoss l-esperjenza tal-effetti ta’ dik il-ħniena fuqha. Il-Qaddisin fil-ġenna jqimu l-ħniena tal-Mulej. Jiena rrid inqimha issa wkoll, hawn fl-art, u nxerred id-devozzjoni lejha bil-mod li Alla jitlob mingħandi.

746. Jiena fhimt li f’ċerti mumenti li jkunu mill-iktar diffiċli jiena ser inkun waħdi, abbandunata minn kulħadd, u jkolli nħabbat wiċċi mal-maltempati kollha u nissielet bis-saħħa kollha ta’ ruħi, ukoll ma’ dawk li stennejt l-għajnuna mingħandhom.

Imma minix waħdi, għax Ġesu’ hu miegħi, u miegħu jiena ma nibża’ minn xejn. Jiena konxja fuq li konxja ta’ kollox, u naf Alla x’qed jitlob mingħandi. Tbatija, disprezz, żufjett, pereskuzzjoni u umiljazzjoni ser ikunu x-xorti tiegħi l-ħin kollu. Ma naf l-ebda triq oħra. Għal imħabba sinċiera – ingratitudni; din hija triqti, immarkata bil-passi ta’ Ġesu’.

Ġesu’ tiegħi, saħħa tiegħi u l-unika tama tiegħi, fik biss tinsab it-tama tiegħi kollha. Il-fiduċja tiegħi mhix ser tibqa’ b’xejn.

747. Il-jum tat-tiġdid tal-voti. (Il-Ġimgħa, 30 ta’ Ottubru, 1936). Il-preżenza ta’ Alla qiegħda timlieli ruħi, mhux biss b’mod spiritwali, imma nħossha wkoll b’mod fiżiku.

748. 2 ta’ Novembru, (1936). Filgħaxija wara l-Vespri, mort iċ-ċimiterju (fil-ġnien tas-sorijiet). Kien ili ftit nitlob meta rajt waħda mis-sorijiet tagħna, li qaltli, “Aħna qegħdin fil-kappella.” Fhimt li kelli mmur fil-kappella u noqgħod hemmhekk nitlob u nakkwista l-indulġenzi. L-għada, waqt il-Quddiesa, rajt tliet ħamimiet bojod jittajru minn fuq l-altar lejn il-ġenna. Fhimt li mhux biss it-tlett erwieħ li kont rajt kienu marru l-ġenna, imma wkoll ħafna oħrajn li kienu mietu barra mill-konfini tal-istitut tagħna. O, kemm hu twajjeb u ħanin il-Mulej!

749. Konverżazzjoni ma’ Patri Andrasz, fi tmiem l-irtir. Bqajt mistagħġba ħafna b’ħaġa li nnotajt waqt kull konverżazzjoni li matulha jiena kont tlabt parir u gwida mingħand Patri Andrasz u din hi: innutajt li Patri Andrasz wieġeb il-mistoqsijiet kollha dwar l-affarijiet li l-Mulej kien talab mingħandi b’mod hekk ċar u b’tant ċertezza li bħallikieku kien għaddej minn dan kollu hu stess. O Ġesu’ tiegħi, li kieku kien hemm iktar diretturi spiritwali ta’ dan it-tip, l-erwieħ li jkollhom gwida bħal din malajr jilħqu l-quċċata tal-qdusija u ma jaħlux grazzji hekk kbar! Nagħti ħajr il-ħin kollu lil Alla għal grazzja hekk kbira; jiġifieri, li fit-tjubija kbira Tiegħu għoġbu jpoġġi dawn il-kolonni ta’ dawl fil-mogħdija tal-ħajja spiritwali tiegħi. Huma jdawluli t-triq biex jiena ma nitfixkilx jew inżomm lura fi triqti lejn l-għaqda intima mal-Mulej. Għandi mħabba kbira għall-Knisja, li teduka l-erwieħ u tmexxihom lejn Alla.

750. 31 ta’ Ottubru 1936. Konverżazzjoni mal-Madre Ġenerali (Michael)

Meta tkellimt mal-Madre Ġenerali fuq il-kwistjoni li nitlaq mill-Ordni, irċevejt din it-tweġiba: “Jekk Ġesu’ qed jitlob mingħandek li inti tħalli din il-Kongregazzjoni, għandu jagħti xi sinjal li din hi r-rieda Tiegħu. Sor, itlob għal sinjal bħal dan, għax qiegħda ninkwieta li inti vittma ta’ xi illużjoni. Mill-banda l-oħra, ma nixtieqx infixkel jew neħodha kontra r-rieda ta’ Alla, għax jiena wkoll irrid nagħmel ir-rieda ta’ Alla.” U b’hekk ftehemna li jiena kelli nibqa’ kif kont, sakemm il-Mulej kellu jgħarraf lill-Madre Ġenerali li Hu riedni nitlaq minn din il-Kongregazzjoni. U b’dan il-mod ħallejna din il-ħaġa tistenna ftit ieħor.