Djarju ta’ Swor Fawstina – It-2 Pitazz (par.681-690)

It-Tieni Pitazz – Paragrafi 681-690

św.-Faustyna-Kowalska

681. + Fost l-ikbar turmenti, jiena niffissa l-ħarsa ta’ ruħi fuq Ġesu’ Msallab; ma nistenniex għajnuna mingħand n-nies, imma npoġġi l-fiduċja tiegħi f’Alla. Fil-ħniena bla tarf Tiegħu tinsab it-tama kollha tiegħi.

682. + Iktar ma nħoss lil Alla jibdilni, iktar nixtieq nintilef fis-skiet. L-imħabba ta’ Alla qiegħda taħdem fil-profondita’ ta’ ruħi. Jiena qiegħda nara li l-missjoni li l-Mulej afdali f’idejja qiegħda tibda.

683. + Darba, meta kont qiegħda nitlob bil-qalb lill-Qaddisin Ġiżwiti, f’daqqa waħda rajt lill-Anġlu Kustodju tiegħi, li ħadni quddiem it-tron ta’ Alla. Għaddejt minn ġo folol kbar ta’ qaddisin, u għaraft ħafna minnhom, għax kont nafhom mis-santi tagħhom. Rajt ħafna Ġiżwiti, li staqsewni minn liema kongregazzjoni kont. X’ħin weġibthom, staqsewni, “Min hu d-direttur spiritwali tiegħek?” Jiena weġibt li kien Patri A. . . Meta riedu jgħidu xi ħaġa oħra, l-Anġlu Kustodju tiegħi għamilli sinjal biex niskot, u jiena wasalt quddiem it-tron ta’ Alla. Rajt dawl kbir li ħadd ma jista’ jilħqu u rajt post iddestinat għalija, qrib ta’ Alla. Iżda l-Anġlu Kustodju tiegħi qalli, “Hawn hu t-tron tiegħek, għall-fedelta’ tiegħek sabiex inti twettaq ir-rieda ta’ Alla.

684. + Siegħa Adorazzjoni. – Il-Ħamis. Waqt din is-siegħa ta’ talb, Ġesu’ ppermettieli nidħol fiċ-Ċenaklu, u jiena kont xhud ta’ dak li ġara hemmhekk. Iżda, kont kommossa għall-aħħar meta, qabel il-Konsagrazzjoni, Ġesu’ għolla għajnejh lejn is-sema u daħal f’konverżazzjoni misterjuża ma’ Missieru. Fl-eternita’ biss aħna għad nifhmu verament dak il-waqt. Għajnejh kienu bħal żewġ fjammi; wiċċu kien jiddi, abjad bħas-silġ; ġismu kollu mimli majesta’, ruħu mxennqa għall-aħħar. Filwaqt tal-Kongregazzjoni, l-imħabba baqgħet mistrieħa u mimlija sa xfar – is-sagrifiċċju kkunsmat bis-sħiħ. Issa ser titwettaq biss iċ-ċerimonja esterna tal-mewt – qerda esterna; l-essenza (tagħha) tinsab fiċ-Ċenaklu. Qatt f’ħajti kollha ma kont fhimt dan il-misteru daqshekk profondament daqs f’dik is-siegħa ta’ adorazzjoni. O, b’liema ħerqa nixtieq li d-dinja kollha ssir taf dan il-misteru bla tarf!

685. Wara s-siegħa Adroazzjoni, meta mort fiċ-ċella tiegħi, f’daqqa waħda tgħallimt kemm Alla kien offiż b’ċerta persuna, li kienet qrib ta’ qalbi. X’ħin rajt dan, qalbi ġiet minfuda bl-uġigħ, u ntfajt fit-trab quddiem il-Mulej, nittallab il-ħniena Tiegħu. Għal sagħtejn, bid-dmugħ, talb u flaġellazzjoni, jiena ma ħallejtx isir id-dnub, u sirt naf li l-ħniena ta’ Alla kienet għannqet dik ir-ruħ imsejkna. O, il-prezz ta’ dnub wieħed biss!

686. + Settembru. L-ewwel Ġimgħa tax-xahar. Filgħaxija rajt lil Omm Alla b’sidirha mikxuf u minfud b’sejf. Kienet qiegħda tibki dmugħ mimli mrar u tħarisna mill-kastig terribbli ta’ Alla. Alla jrid jibgħat kastig terribbli fuqna, imma ma jistax għax Omm Alla qiegħda tħarisna. Biża’ terribbli mlieli ruħi. Bqajt nitlob bla waqfien għall-Polonja, għall-Polonja għażiża tiegħi, li hi tant ingrata lejn Omm Alla. Li kieku ma kienx għal Omm Alla, l-isforzi tagħna kollha ftit kienu jiswew. Jiena żidt it-talb u s-sagrifiċċji tiegħi għal pajjiżna l-għażiż, imma nista’ nara li jiena qatra quddiem mewġa ta’ ħażen. Kif tista’ qatra twaqqaf mewġa? Iva! Qatra waħedha m’hi xejn, imma flimkien miegħek, Ġesu’, jiena nibqa’ wieqfa bil-kuraġġ kollu kontra l-mewġa kollha tal-ħażen u wkoll kontra l-infern kollu. Is-setgħa Tiegħek bla tarf tista’ kollox.

687. Darba, filwaqt li kont miexja fil-kuridur sejra fil-kċina, smajt dan il-kliem ġewwa ruħi: Għid bla waqfien il-kurunella li Jiena għallimtek. Kull min jitlobha jirċievi ħniena kbira fis-siegħa ta’ mewtu. Is-saċerdoti jirrakkomandawha lill-midinbin bħala l-aħħar tama tagħhom ta’ salvazzjoni. Ukoll jekk ikun hemm midneb bl-iktar qalb iebsa, li kieku kellu jitlob din il-kurunella darba waħda biss, huwa jirċievi grazzja mill-ħniena infinita Tiegħi. Jiena nixtieq li d-dinja kollha ssir taf bil-ħniena infinita’ Tiegħi. Jiena nixtieq nagħti grazzji li ħadd ma jista’ jimmaġinahom lil dawk l-erwieħ li jafdaw fil-ħniena Tiegħi.

688. Ġesu’, Ħajja u Verita’, Mgħallem tiegħi, mexxi kull pass ta’ ħajti, sabiex nkun nista’ nġib ruħi skont ir-rieda mqaddsa Tiegħek.

689. + Darba, rajt it-tron tal-Ħaruf ta’ Alla u quddiem it-tron tlett Qaddisin: Stanislaw Kostka, Indri Bobola u l-Prinċep Każmiru, li kienu qegħdin jinterċedu għall-Polonja. F’daqqa waħda rajt ktieb kbir li qiegħed quddiem it-tron u ġie mogħti lili sabiex naqrah. Il-ktieb kien miktub bid-demm. Xorta waħda, jiena ma stajt naqra xejn ħlief l-isem, Ġesu’. Imbagħad smajt vuċi li qaltli, Is-siegħa tiegħek għadha ma waslitx. Imbagħad il-ktieb itteħdili, u smajt dan il-kliem: Inti għad tixhed għall-ħniena infinita’ Tiegħi. F’dan il-ktieb hemm miktubin l-ismijiet ta’ dawk l-erwieħ li gglorifkaw il-ħniena Tiegħi. Kont qegħda nfur bil-ferħ x’ħin rajt it-tjieba hekk kbira ta’ Alla.

690. + Darba sirt naf bil-kundizzjoni ta’ żewġ sorijiet reliġjużi li kienu qegħdin igergru ġewwa fihom minħabba kmand li s-superjura kienet tathom, u minħabba f’hekk Alla kien żamm milli jagħtihom ħafna grazzji speċjali. Qalbi kienet miġugħa x’ħin rat din il-ħaġa. Kemm hi ħaġa ta’ swied ta’ il-qalb, O, Ġesu’, meta aħna stess inkunu l-kawża li nintilfu l-grazzji. Kull min jifhem din il-ħaġa jkun dejjem fidil.