Djarju ta’ Swor Fawstina – L-1 Pitazz (par.1-10)

L-Ewwel Pitazz – Paragrafi 1-10

HelenaKowalskaaEng

1. O Mħabba Eterna, Inti tordna li għandha tiġi mpittra x-Xbieha Mqaddsa Tiegħek! (nota1)
U tirrivelalna l-għajn tal-ħniena li aħna ma nistgħux nimmaġinawha,
Inti tbierek lil kull min jersaq lejn ir-raġġi Tiegħek,
U ruħ li hi kollha kemm hi sewda tinbidel u ssir bajda silġ.
O Ġesu’ ħelu, hawnhekk (nota2) Inti waqqaft it-tron tal-ħniena Tiegħek
Sabiex Inti ġġib il-ferħ u t-tama lill-bniedem midneb.
Mill-Qalb miftuħa Tiegħek, bħallikieku minn għajn safja,
Inixxi l-faraġ lill-qalb u lir-ruħ niedma.

Jalla t-tifħir u l-glorja għal din ix-xbieha
Qatt ma jieqfu ħerġin minn ruħ il-bnedmin.
Jalla t-tifħir tal-ħniena ta’ Alla joħroġ minn kull qalb,
Issa, u f’kull siegħa, u għal dejjem ta’ dejjem.

O Alla tiegħi

2. Meta nħares fil-ġejjieni, jiena nitbeżża’,
Imma għalfejn naqbeż fil-ġejjieni?
Il-mument ta’ issa biss huwa prezzjuż għalija,
Għax il-ġejjieni forsi għad qatt ma jkollu l-ebda ċans jidħol ġewwa ruħi.
M’għandhiex ħaġa taħt il-kontroll tiegħi.
Li jien nibdel, nirranġa jew inżid mal-imgħoddi:
Għax la l-għorrief u lanqas il-profeti ma kellhom il-ħila jagħmlu dan.
U għalhekk dak li ġara fl-imgħoddi hemm bżonn li jiena nafdah f’idejn Alla.

O waqt preżenti, inti tiegħi, kollok kemm int.
Jiena nixtieq li nużak bl-aħjar mod li nista’.
U għalkemm jiena dgħajfa u ċkejkna,
Inti tagħtini b’xejn il-grazzji tas-setgħa bla taf Tiegħek.
U għalhekk jiena nafda fil-ħniena tiegħek,
Nimxi l-mixja tal-ħajja bħal tarbija żgħira,
Noffrilek kuljum din il-qalb
Taqbad bl-imħabba għall-ikbar glorja Tiegħek.
+
Ġ.M.Ġ
(Ġesu’, Marija, Ġużeppi)

3. Alla u l-erwieħ
Sultan tal-ħniena, mexxi r-ruħ tiegħi
Swor M. Fawstina
tas-Sagrament Imqaddes

Vilnius, 28 ta’ Lulju 1934
4. O Ġesu’ tiegħi, minħabba l-fiduċja tiegħi fik,
Jiena ninseġ eluf ta’ girlandi, u jiena naf
Li kollha kemm huma għad iwarrdu.
Meta x-xemx ta’ Alla għad tiddi fuqhom.

+ O Sagrament kbir u Divin
Li taħbi lil Alla tiegħi!
Ġesu’, kun miegħi f’kull waqt,
U l-ebda biża’ ma jidħol ġewwa qalbi.

+ Vilnius, 28 ta’ Lulju 1934
Ġ.M.Ġ + l-Ewwel Pitazz

Alla u l-erwieħ

5. Ħallina nadurawk, O l-aktar qaddisa Trinita’, issa u għal dejjem. Ħallina nadurawk fl-opri kollha Tiegħek u fil-ħlejjaq kollha Tiegħek. Jalla l-kobor tal-ħniena tiegħek jiġbed l-ammirazzjoni u jiġi gglorifikat, O Alla.

6. Jiena għandi nikteb (nota3) dwar il-laqgħat li ruħi jkollha miegħek, O Alla, fil-waqtiet speċjali meta inti tiġi żżurni. Jiena għandi nikteb dwarek; jiena li ma nistax nifhem il-ħniena tiegħek għar-ruħ imsejkna tiegħi. Ir-rieda mqaddsa tiegħek hija l-ħajja ta’ ruħi. Jiena lqajt din l-ordni permezz ta’ dak li għalija hu r-rappreżentant Tiegħek hawn f’din id-dinja, dak li jfissirli r-rieda mqaddsa Tiegħek. Ġesu’, Inti qiegħed tara kemm hi ħaġa iebsa għalija li nikteb, kemm ma nafx inniżżel b’mod ċar l-esperjenza li jien inkun għaddejja minnha fir-ruħ tiegħi. O Alla, tista’ l-pinna tikteb dak li ħafna drabi m’hemmx kliem li bih jista’ jitfisser? Imma Inti qiegħed tagħtini l-ordni li nikteb, O Alla; dak huwa biżżejjed għalija.

Varsavja, 1 ta’ Awissu 1925
Dħul fil-Kunvent

7. Minn meta kelli 7 snin, ħassejt ġewwa fija s-sejħa żgura ta’ Alla, il-grazzja ta’ vokazzjoni għall-ħajja reliġjuża. Kien fis-seba’ sena ta’ ħajti li, għall-ewwel darba, jiena smajt il-leħen ta’ Alla ġewwa ruħi; jiġifieri, stedina għal ħajja iktar perfetta. Imma jiena mhux dejjem obdejt is-sejħa tal-grazzja. Ma ltqajt ma’ ħadd li seta’ jfehmni dawn il-ħwejjeġ.

8. It-tmintax-il sena ta’ ħajti. Appell mill-qalb lill-ġenituri tiegħi biex jagħtuni l-permess nidħol fil-kunvent. Il-ġenituri tiegħi rrifjutaw kategorikament. Wara li din it-talba tiegħi ma ġietx milqugħa jiena ngħatajt għall-ħwejjeġ fiergħa tal-ħajja, u ma tajt ebda importanza lis-sejħa tal-grazzja, għalkemm ruħi ma sabet l-ebda sodisfazzjon fl-ebda waħda minn dawn l-affarijiet. Is-sejħa bla ebda waqfien tal-grazzja kienet qed tikkaġunali dieqa kbira; iżda ppruvajt inrażżan din is-sejħa divina permezz tad-divertiment. Ġewwa fija, jiena kont qiegħda naħrab minn Alla, billi ndur b’qalbi kollha lejn il-ħlejjaq. Imma l-grazzja ta’ Alla rebħet ġewwa ruħi.

9. Darba kont qiegħda f’ballu (probabilment f’Lodz) ma’ waħda minn ħuti. Filwaqt li kulħadd kien qiegħed jieħu gost, ruħi kienet għaddejja minn turmenti kbar. Meta bdejt niżfen, f’daqqa waħda jiena rajt lil Ġesu’ maġenbi, Ġesu’ ttorturat bl-uġigħ, imneżża’ minn ħwejjġu, miksi kollu kemm hu ġrieħi, u Hu qalli dan il-kliem: Kemm ser indum nissaportik u kemm ser idum tgħidli le? F’dak il-waqt waqfet il-mużika ħelwa, u l-kumpanija li kelli għebet minn quddiem għajnejja; bqajna Ġesu’ u jiena. Poġġejt bil-qiegħda maġenb oħti l-għażiża, taparsi għandi wġigħ ta’ ras sabiex nostor dak li kien qiegħed jiġri ġewwa ruħi. Wara ftit, ħriġt ‘il barra mingħajr ħadd ma nduna, ħallejt lil oħti u ‘l-ħbieb tiegħi kollha warajja u qbadt it-triq lejn il-Katidral ta’ San Santislaws Kostka.

Kien diġa’ beda jbexbex; kien hemm ftit nies biss fil-katidral. Fil-waqt li ma tajt l-ebda kas ta’ dak li kien qiegħed jiġri madwari, intfajt wiċċi fl-art quddiem is-Sagrament Imqaddes u tlabt lill-Mulej li, fil-ħniena Tiegħu, jgħinni nifhem x’kelli nagħmel wara din l-esperjenza.

10. Imbagħad smajt il-kliem: Mur mill-ewwel f’Varsavja; hemmhekk inti tidħol f’kunvent. Wara t-talb tiegħi jiena qomt bilwieqfa, mort id-dar, u ħadt ħsieb xi affarijiet li kelli bżonn nirranġa. Mill-aħjar li stajt, jien afdajt f’oħti billi tarraftilha dak li kien ġara ġewwa ruħi. Jien għidtilha ssellem għalija lill-ġenituri tagħna, u b’dan il-mod, bil-libsa ta’ fuqi biss, u b’xejn iktar, jien wasalt Varsavja.