Djarju ta’ Swor Fawstina – L-1 Pitazz (par.361-370)

L-Ewwel Pitazz – Paragrafi 361-370

Uroczystosc-sw-Faustyny-w-Lagiewnikach

Trinita’ Qaddisa, Alla wieħed,

361. li ħadd ma jista’ jifhem l-kobor tal-ħniena Tiegħek għall-ħlejjaq, u l-aktar għall-imsejkna midinbin, Int għarraft l-abbiss tal-ħniena Tiegħek, li l-ebda moħħ ma jista’ jifhimha jew ikejjilha, la moħħ ta’ bniedem u lanqas ta’ anġlu. Ix-xejn u l-miżerja tagħna jinsabu mgħarrqin fil-kobor Tiegħek. O tjubija infinita, min qatt jista’ jfaħħrek biżżejjed? Tista’ tinstab xi ruħ li tifhmek fl-Imħabba Tiegħek? O Ġesu’, hemm erwieħ bħal dawn, imma huma ftit.

362. + Darba waqt il-meditazzjoni ta’ filgħodu, smajt dan il-leħen: Jiena stess id-direttur tiegħek. Jiena kont, Jiena Hu, u Jiena nibqa’. U ladarba inti tlabt għajnuna viżibbli, Jiena għażiltlek u tajtek direttur ukoll qabel ma tlabtni għax kien hemm bżonn ta’ dan għax-xogħol Tiegħi. Kun af li n-nuqqasijiet tiegħek li tagħmel kontrieh iweġġgħuli Qalbi. Oqgħod attenta l-aktar li ma tagħmilx ta’ rasek; ukoll l-iċken ħaġa għandu jkollha s-siġill tal-ubbidjenza.

B’qalb mgħaffġa u umiljata, tlabt maħfra mingħand Ġesu’ għal dawn id-difetti. Tlabt skuża lid-direttur spiritwali tiegħi u ddeċidejt li aħjar ma nagħmel xejn milli nagħmel ħafna affarijiet b’mod ħażin.

363. O Ġesu’ twajjeb, grazzi tal-grazzja kbira li Inti għarraftni jiena x’jiena fil-verita’: miżerja u dnub, u xejn iżjed minn dan. Jiena ħaġa waħda biss nista’ nagħmel waħdi, u din hi noffendik O Alla tiegħi, għax miżerja ma tista’ tagħmel xejn waħedha ħlief toffendi, O Tjubija bla qjies!

364. Darba, talbuni nitlob għal ċerta ruħ. Iddeċidejt mill-ewwel nagħmel novena lill-Mulej Ħanin u magħha żidt mortifikazzjoni – li kienet, li nilbes il-ktajjen fuq riġlejja t-tnejn matul il-Quddiesa kollha. Kont diġa’ qiegħda nagħmel din il-ħaġa għal tlett ijiem meta mort inqerr u għidt lid-direttur spiritwali tiegħi li kont bdejt nagħmel din il-ħaġa. Kont ħsibt li ma kellux oġġezzjoni, imma smajt il-kuntrarju; jiġifieri, li ma kelli nagħmel xejn mingħajr permess. O Ġesu’ tiegħi, mela rġajna għar-ras iebsa, li tgħaddi tiegħi! Imma l-waqgħat tiegħi ma jaqtgħulix qalbi; jiena naf tajjeb li jiena (l-stess) miżerja. Minħabba l-kundizzjoni ta’ saħħti ma qlajtx dan il-permess, u d-direttur spiritwali tiegħi wera ruħu sorpriż li kont qiegħda nippermetti lili nnifsi mortifikazzjonijiet ikbar mingħajr il-permess tiegħu. Tlabt skuża li kont għamilt ta’ rasi, jew aħjar li kont ħsibt li kelli l-permess, u tlabtu jibdilli din il-mortifikazzjoni u jagħtini oħra.

365. Id-direttur spiritwali tiegħi bidihieli f’mortifikazzjoni interna, din kienet li matul il-Quddiesa kelli nimmedita fuq ir-raġuni għaliex il-Mulej Ġesu’ kien issottometta ruħu għall-magħmudija. Il-meditazzjoni ma kenitx mortifikazzjoni għalija, għaliex li naħseb fuq Alla għalija huwa pjaċir u mhux mortifikazzjoni; imma kien fiha mortifkazzjoni tar-rieda għax ma kontx qiegħda nagħmel (sempliċiment) dak li rrid, imma dak li qaluli nagħmel; u hija f’din il-ħaġa li tikkonsisti l-mortifikazzjoni interna. Meta ħriġt mill-konfessinarju u bdejt ngħid il-penitenza, smajt dan il-kliem: Jiena tajt il-grazzja li inti tlabt għal dik ir-ruħ, imma mhux minħabba l-mortifikazzjoni li għażilt għalik innifsek. Hija aktar minħabba l-att tiegħek ta’ ubbidjenza sħiħa lejn ir-rappreżentant Tiegħi, li Jiena tajt din il-grazzja, lil dik ir-ruħ li inti tlabt il-ħniena għaliha u qbiżt għaliha. Kun af li meta timmortifika r-rieda tiegħek stess, imbagħad Tiegħi ssaltan ġewwa fik.

366. O Ġesu’ tiegħi, kun paċenzjuż miegħi. Fil-ġejjieni inkun iktar bil-għaqal. Niddependi, mhux minni nnifsi imma mill-grazzja Tiegħek u mit-tjubija hekk kbira Tiegħek lejja, li jiena hekk imsejkna.

367. + Darba, Ġesu’ tani x’nifhem li, meta jiena nitlob għall-intenzjonijiet li n-nies iħobbu jafdawli f’idejja, Huwa jkun dejjem lest jagħti l-grazzji Tiegħu, imma l-erwieħ mhux dejjem ikunu jridu jaċċettawhom: Qalbi tfur bi ħniena kbira għall-erwieħ, u l-aktar għall-imsejkna midinbin. Mhux li kieku jistgħu jifhmu li Jiena l-aħjar Missier għalihom u li għalihom ħarġu d-Demm u l-Ilma minn Qalbi bħallikieku minn għajn tfawwar bil-ħniena. Għalihom Jiena ngħammar fit-tabernaklu bħala s-Sultan tal-Ħniena. Jiena nixtieq nagħti l-grazzji Tiegħi lill-erwieħ, imma huma ma jridux jaċċettawhom. Inti għallinqas, ejja għandi spiss kemm jista’ jkun u ħu dawn il-grazzji li huma ma jridux jaċċettaw. B’dan il-mod inti tfarraġli Qalbi. O kemm huma indifferenti l-erwieħ għal tjubija hekk kbira, għal tant provi ta’ mħabba Tiegħi! Qalbi tixrob biss mill-ingratitudni ta’ l-erwieħ li qegħdin jgħixu fid-dinja u li nsewni. Għandhom ħin għal kollox, imma m’għandhomx ħin jiġu għandi għall-grazzji.

Jien għalhekk indur lejkom, intom – erwieħ magħżulin, intom ukoll mhux ser jirnexxilkom tifhmu l-imħabba ta’ Qalbi? Hawnhekk, ukoll, Qalbi tiltaqa’ mad-diżappunt; ma nsibx telqa sħiħa f’Imħabbti. Tant riservi, tant nuqqas ta’ fiduċja, tant eżitazzjoni. Biex infarrġek ħallini ngħidlek li hemm erwieħ qegħdin jgħixu fid-dinja li jħobbuni ħafna. Jiena ngħammar f’qalbhom bil-ferħ. Imma dawn huma ftit. Fil-kunventi wkoll, hemm erwieħ li jimlewli qalbi bil-ferħ. Huma għandhom il-fattizzi Tiegħi; għalhekk il-Missier tas-Sema jħares lejhom b’għaxqa speċjali. Huma għad ikunu meravilja quddiem l-Anġli u l-bnedmin. In-numru tagħhom huwa żgħir ħafna. Huma difiża għad-dinja quddiem il-ġustizzja tal-Missier tas-Sema u mezz biex jakkwistaw il-ħniena għad-dinja, L-imħabba u s-sagrifiċċju ta’ dawn l-erwieħ qegħdin iżommu d-dinja fl-eżistenza tagħha. Meta r-ruħ magħżula b’mod speċjali Minni ma tibqax fidila lejja, dan jidrob lil Qalbi u jikkawżali ħafna wġigħ. Infedelatjiet bħal dawn huma xwabel li jinfduli Qalbi.

368. 29 ta’ Jannar 1935. Filgħodu dan il-jum tat-Tlieta waqt il-meditazzjoni, kelli dehra interna tal-Qdusija Tiegħu l-Papa qiegħed iqaddes. Wara l-Pater Noster, tkellem ma’ Ġesu’ dwar dik il-ħaġa li Ġesu’ kien ordnali ngħidlu. Għalkemm jiena ma tkellimtx personalment mal-Papa, din il-ħaġa ħa ħsiebha xi ħadd ieħor (Dun Sopocko); (nota 87) iżda f’dan il-waqt, jiena kont naf, permezz ta’ għarfien intern, li l-Papa kien qiegħed jikkunsidra din il-ħaġa, li dalwaqt ser iseħħ skont ix-xewqat ta’ Ġesu’.

369. Qabel l-irtir ta’ tmint ijiem, mort għand id-direttur spiritwali tiegħi u tlabtu għal ċerti mortifikazzjonijiet għaż-żmien ta’ l-irtir. Iżda ma qlajtx permess għal kulma tlabt, imma biss għal xi affarijiet. Qlajt permess għal siegħa meditazzjoni fuq il-Passjoni tal-Mulej Ġesu’ għal ċerta umiljazzjoni. Imma ma kontx sodisfatta għax ma kontx qlajt permess għal kulma tlabt. Meta rġajna lura d-dar dħalt fil-kappella għal waqt wieħed, u mbagħad smajt dan il-kliem ġewwa ruħi: Hemm mertu akbar f’siegħa waħda ta’ meditazzjoni fuq il-Passjoni Tiegħi mimlija tbatija milli hemm f’sena sħiħa ta’ flaġellazzjoni li toħroġ id-demm; il-kontemplazzjoni tal-pjagi kiefra Tiegħi hija ta’ siwi kbir għalikom, u lili tferraħni ħafna. Jiena ninsab sorpriż li għadek ma ċħadtx għal kollox r-rieda tiegħek, imma Jiena nifraħ ħafna li din il-bidla ser iseħħ waqt l-irtir.

370. F’dan l-istess jum, x’ħin kont fil-knisja nistenna biex inqerr, rajt l-istess raġġi ħerġin mill-ostensorju u jinfirxu mal-knisja kollha. Din il-ħaġa damet iseħħ matul il-funzjoni. Wara l-Barka, (ir-raġġi bdew jiddu) maż-żewġ ġnub u reġgħu marru lura fl-ostensorju. Id-dehra tagħhom kienet tiddi u trasparenti bħall-kristall. Tlabt lil Ġesu’ li jindenja ruħu jqabbad in-nar ta’ mħabbtu fl-erwieħ kollha li kienu berdin. Taħt dawn ir-raġġi l-qalb tisħon ukoll jekk tkun bħal blokka silġ; ukoll jekk tkun iebsa bħal blata, issir trab.

Djarju ta’ Swor Fawstina – Tħejjija għat-Tqarbin Imqaddes (par.1821-1828)

Tħejjija għat-Tqarbin Imqaddes – Paragrafi 1821-1828

OLYMPUS DIGITAL CAMERA

1821. Wara t-Tqarbin Imqaddes, ħassejt it-taħbit tal-Qalb ta’ Ġesu’ ġewwa qalbi.

Għalkemm sirt konxja għal żmien twil, li t-Tqarbin ikompli ġewwa fija sat-Tqarbina ta’ wara, illum – u matul il-jum kollu – qiegħda nadura lil Ġesu’ ġewwa qalbi u nitolbu, permezz tal-grazzja Tiegħu, iħares lit-tfal ċkejknin mill-ħażen li qed jheddihom. Preżenza qawwija ta’ Alla u li tinħass ukoll fiżikament tkompli matul il-jum u ma ttellifnix bl-ebda mod id-dmirijiet tiegħi.

1822. 11. + Illum, ruħi tixtieq turi, b’mod speċjali, imħabbitha lejn Ġesu’. X’ħin il-Mulej daħal ġewwa qalbi, intfajt f’riġlejh bħal blanzun ta’ warda. Irrid li l-fwieħa ta’ mħabbti titla’ l-ħin kollu quddiem it-tron Tiegħek. Qiegħed tara, Ġesu’, f’dan il-blanzun, qalbi kollha (offerta) lilek, mhux issa biss meta qalbi qiegħda taqbad bħal faħam, imma wkoll matul il-jum, meta jiena ser nagħtik provi ta’ mħabbti permezz ta’ fedelta’ lejn il-grazzja divina.

Illum, ser naħtaf, bħallikieku kienu blanzuni, d-diffikultajiet u t-tbatijiet kollha li niltaqa’ magħhom u nitfagħhom f’riġlejn Ġesu’. Ma jimpurtax jekk l-id, jew il-qalb, tnixxi id-demm . . .

1823. 12. + Illum, ruħi qiegħda titħejja għall-miġja tas-Salvatur tiegħi, li Hu l-istess tjubija u mħabba. Tentazzjonijiet u distrazzjonijiet jitturmentawni u jħallunix inħejji ruħi għall-miġja tal-Mulej. Għalhekk jiena nixtieq b’ħerqa ikbar li nirċevik, Mulej, għax naf li meta Inti tiġi, Inti teħlisni u ssalvani minn dawn it-turmenti. U jekk hi r-rieda Tiegħek li jiena nbati, għalhekk, ssaħħaħni għat-taqbida.

Ġesu’ Salvatur, li ndenjajt li tiġi ġewwa qalbi, keċċi dawn id-distrazzjonijiet li mhumiex qegħdin iħalluni nkellmek.

Ġesu’ weġibni, Irridek issir bħal kavallier li għandu esperjenza tal-battalja, li jaf jagħti l-ordnijiet lill-oħrajn meta jkun jinsab fil-qilla tat-taqbida. Bl-istess mod, binti, inti għandek tkun taf kif tirbaħ lilek innifsek f’nofs l-ikbar diffikultajiet, u ma tħalli xejn ibiegħdek minni, lanqas il-waqgħat tiegħek.

Illum, ili nitqabad il-jum kollu ma’ ċerta diffikulta’ li Inti, Ġesu’ taf biha . . .

1824. 13. + Illum qalbi qiegħda tirtogħod bil-ferħ. Nixtieq ħafna li Ġesu’ jiġi ġewwa qalbi. Qalbi mxenqa qiegħda taqbad bi mħabba dejjem tiżdied.

X’ħin ġie Ġesu’, intfajt f’dirgħajh bħal tifla żgħira. Għidtlu bil-ferħ tiegħi. Ġesu’ qagħad jismagħni nferra’ mħabbti. X’ħin tlabt lil Ġesu’ jaħfirli li ma ħejjejtx ruħi għat-Tqarbin Imqaddes, imma li kont qiegħda l-ħin kollu naħseb kif stajt naqsam Miegħu dan il-ferħ malajr kemm jista’ jkun, Huwa wieġeb li Togħġobni ħafna din it-tħejjija li biha inti lqajtni ġewwa qalbek. Illum, b’mod speċjali Jiena mbierek dan il-ferħ tiegħek. Xejn m’hu ser itellfek dan il-ferħ matul dan il-jum . . .

1825. 14. + Illum, qiegħda nħejji ruħi għall-miġja tal-Mulej li jista’ kollox, li jista’ jagħmilni perfetta u qaddisa. Qiegħda nħejji ruħi bil-premura kollha sabiex nirċevih, imma ġietni d-diffikulta’ kif nista’ nippreżentalu din il-ħaġa. Warrabtha (din id-diffikulta’) fil-pront. Nippreżentaha bħalma tgħidli qalbi.

1826. X’ħin irċevejt lil Ġesu’ fit-Tqarbin Imqaddes, qalbi bdiet tgħajjat kemm tiflaħ, “Ġesu’, ibdilni f’ostja oħra! Jiena rrid inkun ostja ħajja għalik. Inti Mulej kbir u ta’ setgħa bla tarf; tista’ tagħtini din il-grazzja.” U l-Mulej weġibni, Inti ostja ħajja, li togħġob lill-Missier tas-Sema. Imma aħseb ftit: Ostja x’inhi? Sagrifiċċju. U għalhekk . . .?

O Ġesu’ tiegħi, qiegħda nifhem xi tfisser “ostja”, xi jfisser sagrifiċċju. Nixtieq li nkun quddiem il-Majesta’ Tiegħek ostja ħajja; jiġifieri, sagrifiċċju ħaj li kuljum ikun qed jaqbad f’ġieħek.

Meta saħħti tibda tnin, hu t-Tqarbin Imqaddes li jżommni u jagħtini s-saħħa. Fil-fatt, nibża’ minn dak il-jum li fih jiena ma nitqarbinx. Ruħi tiġbed saħħa barranija mit-Tqarbin.

O Ostja ħajja, dawl ta’ ruħi!

1827. 15. + Illum qiegħda nħejji ruħi għat-Tqarbin Imqaddes bħallikieku għal festa ta’ tieġ, fejn dawk kollha li jieħdu sehem jiddu bi sbuħija li ma titfissirx bil-kliem. U jiena wkoll, ġejt mistiedna għal din l-ikla, imma ma nistax nara dik is-sbuħija ġewwa fija, imma biss abbiss ta’ miżerja. U għalkemm ma nħossnix denja li npoġġi bilqiegħda mal-mejda, nintefa’ f’riġlejn Ġesu’, u nittallab għall-frak li jaqa’ minn fuq il-mejda. Ladarba jiena naf il-ħniena Tiegħek, jiena għalhekk nersaq lejk, Ġesu’, għax eħfef li tispiċċa l-miżerja tiegħi milli tispiċċa l-ħniena tal-Qalb Tiegħek. Din hi r-raġuni għaliex matul il-jum jiena ser inkompli nitħeġġeġ bil-fiduċja fil-Ħniena Divina.

1828. 16. + Illum, hawn madwari l-Majesta’ ta’ Alla. M’hemm l-ebda mod kif jiena nista’ ngħin lili nnifsi biex nitħejja aħjar. Ninsab kollni kemm jiena mkebbsa f’Alla. Imħabbtu qiegħda tkebbisli ruħi. Kulma naf hu li jiena nħobb u li jiena maħbuba. Dak biżżejjed għalija. Qiegħda nipprova mill-aħjar li nista’ nkun fidila matul il-jum lejn l-Ispirtu s-Santu sabiex inwettaq dak li jitlobni. Qiegħda nagħmel mill-aħjar biex inżomm is-skiet interjuri sabiex inkun nista’ nisma’ leħnu . . .

Djarju ta’ Swor Fawstina – Tħejjija għat-Tqarbin Imqaddes (par.1811-1820)

Tħejjija għat-Tqarbin Imqaddes – Paragrafi 1811-1820

10923448_10206274137517474_6710351622974787132_n

1811. Imma Jiena rrid ngħidlek li l-ħajja ta’ dejjem trid tibda diġa’ hawn fl-art permezz tat-Tqarbin Imqaddes. Kull Tqarbina tagħmlek iktar kapaċi tikkomunika ma’ Alla matul l-eternita’.

U għalhekk, Sultan tiegħi, jiena ma nitolbok xejn, għalkemm naf li Inti tista’ tagħtini kollox. Ħaġa waħda biss nitolbok: ibqa’ għal dejjem is-Sultan ta’ qalbi; dak biżżejjed għalija.

1812. Illum qiegħda nġedded l-att tiegħi ta’ sottomissjoni lejn is-Sultan tiegħi, permezz ta’ fedelta’ lejn l-ispirazzjonijiet interjuri tiegħi.

1813. 5. + Illum, minix qiegħda nisforza lili nnifsi biex inħejji ruħi b’xi preparamenti speċjali. Ma nista’ naħseb fuq xejn, għalkemm qiegħda nħoss ħafna affarijiet. Nixxennaq għall-ħin meta Alla ser jiġi ġewwa qalbi. Nintefa’ f’dirgħajh u nkellmu dwar in-nuqqas ta’ kapaċita’ u l-miżerja tiegħi. Inferra’ l-uġigħ kollu ta’ qalbi, għax minix kapaċi nħobbu daqskemm irrid. Inħeġġeġ ġewwa fija atti ta’ fidi, tama u mħabba u matul l-ġurnata jiena ngħix b’din il-ħaġa.

1814. 6. + Illum, it-tħejjija tiegħi hi qasira. Fidi qawwija u ħajja għoddha tqaċċat minn nofs il-velu tal-imħabba. Il-preżenza ta’ Alla tinfed lil ruħi bħalma raġġ tax-xemx jinfed il-kristall. F’dak il-waqt li jiena nirċievi lil Alla, l-esseri tiegħi kollni kemm jiena jintilef fih. Stagħġib u ammirazzjoni jimlewni kollni kemm jiena meta nara l-majesta’ kbira ta’ Alla, li tinżel sa ħdejja li jiena l-istess miżerja. Minn ġo ruħi toħroġ gratitudni mmensa lejh għall-grazzji kollha li Hu jagħtini, u l-aktar għall-grazzja li ġejt imsejħa sabiex inservi lilu biss.

1815. 7. + Illum, fit-Tqarbin Imqaddes, jiena rrid ningħaqad kemm jista’ jkun mill-qrib ma’ Ġesu’, permezz tal-imħabba. Tant nixxennaq għal Alla b’ħerqa li jidhirli li qatt m’hu ser jasal il-waqt meta s-saċerdot iqarbinni. Ruħi donnha tintilef minn sensiha tant kemm tixxennaq għal Alla.

1816. X’ħin irċevejtu f’qalbi, iċċarrat il-velu tal-fidi. Rajt lil Ġesu’ li qalli, Binti, imħabbtek tpattili għall-kesħa ta’ tant erwieħ. Wara dan il-kliem, erġajt sibt ruħi waħdi, imma matul il-jum kollu għext f’att ta’ riparazzjoni.

1817. 8. + Illum, qiegħda nħoss abbiss ta’ miżerja ġewwa ruħi. Irrid nersaq lejn it-Tqarbin Imqaddes bħallikieku lejn għajn ta’ ħniena u negħreq għal kollox f’dan l-oċejan ta’ mħabba.

X’ħin irċevejt lil Ġesu’, intfajt ġo fih bħal f’abbiss ta’ ħniena bla tarf. U iktar ma ħassejt li jiena l-istess miżerja, iktar kibret il-fiduċja tiegħi fih.

Għaddejt il-jum kollu f’dan l-istat.

1818. 9. + Illum, ruħi għandha d-disposizzjoni ta’ tifla. Ningħaqad ma’ Alla bħalma tifla tingħaqad ma’ missierha. Inħossni b’mod sħiħ bint Alla.

1819. X’ħin tqarbint, kelli għarfien iktar profond tal-Missier tas-Sema u ta’ kif hu l-Missier tal-erwieħ. Illum jiena qiegħda ngħix filwaqt li nigglorifika t-Trinita’ Qaddisa. Irrodd ħajr lil Alla li ndejna jadottana bħala wliedu, permezz tal-grazzja.

1820. 10. + Illum, irrid ninbidel, kollni kemm jiena, fl-imħabba ta’ Ġesu’ u noffri lili nnifsi, flimkien miegħu, lill-Missier tas-Sema.

Waqt il-Quddiesa, rajt lill-Bambin Ġesu’ fil-kalċi, u Hu qalli, Qiegħed ngħammar ġewwa qalbek bħalma qed tarani f’dan il-kalċi.

Djarju ta’ Swor Fawstina – Tħejjija għat-Tqarbin Imqaddes (par.1804-1810)

Tħejjija għat-Tqarbin Imqaddes – Paragrafi 1804-1810

cq5dam-web-1280-1280

1804. Il-mument l-aktar solenni ta’ ħajti hu dak il-waqt meta jiena nitqarben. Nixxennaq għal kull Tqarbina, u għal kull Tqarbina rrodd ħajr lis-Santissima Trinita’.

Li kieku l-anġli kienu kapaċi jgħiru, kienu jgħiru għalina għal żewġ affarijiet; waħda li nistgħu nitqarbnu, u l-oħra li nistgħu nbatu.

1805. 1. + Illum, jiena qed nħejji ruħi għall-miġja Tiegħek bħalma għarusa tħejji ruħha għall-miġja tal-għarus tagħha. Dan l-għarus tiegħi hu l-Mulej. Is-smewwiet ma jesgħuhx. Is-serafini li huma l-eqreb Tiegħu jgħattu wiċċhom u jirrepetu bla heda: Qaddis, Qaddis, Qaddis.

Il-Mulej hu l-għarus tiegħi. Lilu jkantawlu l-kori. It-Troni jqimuh. Id-dija Tiegħu tgħatti x-xemx. U xorta waħda dan il-Mulej kbir hu l-Għarus tiegħi. Qalbi, tkomplix tagħmel din il-meditazzjoni profonda fuq kif jadurawh l-oħrajn, għax ma baqagħlekx ħin għal dan, għax Hu ġej u diġa’ jinsab fil-bieb.

1806. Jiena noħroġ sabiex niltaqa’ miegħu, u nistiednu jiġi fl-għamara ta’ qalbi, filwaqt li numilja ruħi profondament quddiem il-majesta’ Tiegħu. Imma l-Mulej jerfagħni mit-trab u jistedinni, bħala l-għarusa Tiegħu, noqgħod bilqiegħda maġenbu u ngħidlu dak kollu li hemm f’qalbi. U jiena nħossni komda miegħu la Hu daqshekk qalbu tajba miegħi, inpoġġi rasi fuq sidru u ngħidlu kollox. L-ewwelnett, ngħidlu affarijiet li qatt ma nasal li ngħidhom lil ebda ħlejqa. U mbagħad nitkellem fuq il-bżonnijiet tal-Knisja, fuq l-erwieħ tal-imsejkna midinbin u kemm huma jeħtieġu l-ħniena Tiegħu. Imma l-ħin malajr jgħaddi. Ġesu’, hemm bżonn li jiena mmur inwettaq id-dmirijiet li hemm jistennewni. Ġesu’ jgħidli li għad baqa’ waqt biex insellmu lil xulxin. Nagħtu ħarsa profonda lejn xulxin, u fid-deher ninfirdu għal ftit; imma, fir-realta’, qatt ma ninfirdu. Il-qlub tagħna jinsabu dejjem magħqudin. Għalkemm minn barra jien inkun distratta bid-dmirijiet tiegħi ta’ kull xorta, il-preżenza ta’ Ġesu’ titfgħani l-ħin kollu f’ġabra profonda.

1807. 2. + Illum, it-tħejjija tiegħi għall-miġja ta’ Ġesu’ hi qasira, imma mmarkata b’mod profond bi mħabba qawwija. Il-preżenza ta’ Alla tinfidni u tqabbadni bl-imħabba tiegħi għalih. M’hemmx kliem; hemm biss ftehim interjuri. Negħreq f’Alla kollni kemm jien, permezz tal-imħabba. Il-Mulej jersaq lejn l-għamara ta’ qalbi. Wara li nitqarben, għandi biżżejjed attenzjoni f’moħħi biex nerġa’ lura fil-ġinokkjatur tiegħi. Fl-istess ħin, ruħi tinsab mitlufa għal kollox f’Alla, u jiena m’għadnix naf x’qed jiġri madwari. Alla qed jagħtini għarfien interjuri tal-Essenza Divina Tiegħu. Tassew dawn il-mumenti huma qosra, imma jinfdu sa ġewwanett.

Ir-ruħ toħroġ mill-kappella f’ġabra profonda, u ma tintilifx malajr f’ħafna distrazzjonijiet. F’ħinijiet bħal dawn, jiena nkun qisni qiegħda mmiss ma’ l-art b’sieq waħda biss. L-ebda sagrifiċċju f’jum bħal dan ma jkun diffiċli jew tqil. Kull sitwazzjoni titlob att ġdid ta’ mħabba.

1808. 3. + Illum, jiena nistieden lil Ġesu’ ġewwa qalbi, bħala Mħabba. Inti l-istess Imħabba. Il-ġenna kollha taqbad mill-fjamma tiegħek u timtela bl-imħabba. U għalhekk ruħi tixxennaq għalik bħalma fjura tixxennaq għax-xemx. Ġesu’, ejja għaġġel ġewwa qalbi , għax Inti tista’ tara li, bħalma l-fjura hi ħerqana għax-xemx, hekk ukoll qalbi għalik. Jiena niftaħ qalbi bħal kalċi miftuħ sabiex tirċievi mħabbtek.

1809. Meta Ġesu’ ġie ġewwa qalbi, kollox ġewwa ruħi kien qed jirtogħod bil-ħajja u bis-sħana. Ġesu’, ħu l-imħabba minn qalbi u ferra’ ġewwa fiha mħabbtek, imħabbtek li qed taqbad u tiddi, li taf kif għandha tissaporti kull sagrifiċċju, li taf kif għandha tinsa lilha nnifisha kollha kemm hi.

Illum, il-jum tiegħi hu mmarkat bis-sagrifiċċju . . .

1810. 4. + Illum, jiena nħejji ruħi għall-miġja tas-Sultan.

Jiena x’jiena, u Inti min Inti, O Mulej, Sultan ta’ glorja eterna? O qalbi, inti taf min ġej għandek illum? Iva, naf imma – ħaġa stramba – minix kapaċi nifhimha. O, li kieku kien sultan biss, imma dan hu s-Sultan tas-Slaten, ir-Re tar-Rejiet. Quddiemu, jitriegħdu s-setgħat u l-qawwiet kollha. Hu ġej ġewwa qalbi llum. Imma qiegħda nisimgħu riesaq.

Noħroġ niltaqa’ miegħu u nistiednu. X’ħin daħal fl-għamara ta’ qalbi, tant imliet b’qima li ħassha ħażin bil-biża’ u waqgħet f’riġlejh. Ġesu’ jnewlilha idu u bil-ħlewwa jagħtiha permess tieħu postha maġenbu. Hu jassiguraha u jgħidilha, Ara, Jiena ħallejt it-tron Tiegħi fis-sema sabiex ningħaqad miegħek. Dak li qiegħda tara hu biss ftit u diġa’ ruħek qed tħossha tintilef minn sensiha bl-imħabba. Kemm għad tistagħġeb qalbek meta inti għad tarani fil-glorja Tiegħi kollha.

Djarju ta’ Swor Fawstina – Is-6 Pitazz (par.1791-1803)

Is-Sitt Pitazz – Paragrafi 1791-1803

st-faustina-diary-notebook1

1791. X’ħin kienet riesqa maltempata kbira, bdejt ngħid il-kurunella. F’daqqa waħda smajt vuċi ta’ anġlu: “Ma nistax nersaq qrib f’din il-maltempata, għax id-dawl li joħroġ minn ġo ħalqha qiegħed jimbotta lura kemm lili kif ukoll it-tempesta.” Hekk beda jilmenta l-anġlu quddiem Alla. Jiena mbagħad indunajt kemm ħsara kien ser jagħmel permezz ta’ din it-tempesta; imma jiena ndunajt ukoll li din it-talba kienet togħġob lil Alla, u li din il-kurunella kellha ħafna qawwa.

1792. Sirt naf li ċerta ruħ kienet togħġbu ħafna lil Alla u li, minkejja kull xorta ta’ persekuzzjoni, Alla kien qed ilibbes lil din il-persuna b’dinjita’ ġdida u ogħla. Qalbi ferħet ħafna b’din il-ħaġa.

1793. Il-waqtiet li l-iktar jogħġbuni huma dawk meta jiena nkun qiegħda nitħaddet mal-Mulej fiċ-ċentru tal-esseri tiegħi. Nipprova nagħmel mill-aħjar biex ma nħallihx waħdu. Hu jieħu gost ikun dejjem magħna . . .

1794. + O Ġesu’, Alla etern, inroddlok ħajr għall-grazzji u l-barkiet li sawwabt fuqi bil-kotra. Ilqa’ kull taħbita ta’ qalbi bħala għanja ġdida ta’ radd il-ħajr lilek, O Alla. Ħalli kull qatra ta’ demmi tiġri fil-vini tiegħi għall-imħabba Tiegħek, Mulej. Jiena inħobbok, O Alla, għalik innifsek biss.

1795. Alla tiegħi, għalkemm it-tbatijiet tiegħi huma kbar u qegħdin jieħdu fit-tul, jiena nilqagħhom minn idejk bħala rigali mill-aqwa. Jiena nilqagħhom kollha kemm huma, ukoll dawk li erwieħ oħrajn ma ridux jilqgħuhom. Inti tista’ tiġi għandi b’kulma trid, Ġesu’ tiegħi; jiena ma nirrifjutalek xejn. Nitolbok ħaġa waħda biss: agħtini s-saħħa nissaportihom u agħmel li jirbħu l-merti. Hawn jiena, kollni hemm jiena; agħmel bija dak li jogħġbok.

1796. Illum, (nota254) rajt il-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesu’ fis-sema, f’nofs dija kbira. Ir-raġġi kienu ħerġin mill-Pjaga (f’ġenbu) u kienu qegħdin jinfirxu fuq id-dinja kollha.

1797. Illum, il-Mulej ġie għandi u qalli, Binti għinni nsalva l-erwieħ. Inti għandek tmur għand midneb moribond, u kompli itlob il-kurunella, u b’dan il-mod inti tiksiblu fiduċja fil-ħniena Tiegħi, għax hu diġa’ qed jiddispra.

1798. F’daqqa waħda, sibt ruħi f’razzett stramb fejn anzjan kien qed imut fost turmenti kbar. Madwar is-sodda kien hemm qabda demonji u l-familja jibku. X’ħin bdejt nitlob, l-ispirti tad-dlam ħarbu, filwaqt li bdew iwaddbu lejja ħsejjes u theddid. Ir-ruħ ikkalmat, u mimlija fiduċja, strieħet fil-Mulej.

Fl-istess waqt, erġajt sibt ruħi f’kamarti. Kif jiġri dan . . . jiena ma nafx.

+
1799. Ġ.M.Ġ. Inħoss qawwa qiegħda tiddefendini u tħarisni mid-daqqiet tal-għadu. Hija qiegħda tħarisni u tiddefendini. Inħossha ċara ħafna; huwa bħallikieku li d-dell ta’ ġwinħajh huwa t-tarka tiegħi.

1800. Ġesu’ tiegħi, Int biss tajjeb. Ukoll li kieku qalbi kellha tagħmel sforz possibbli biex tikteb dwar it-tjubija Tiegħek almenu għal ftit, ma kontx nasal biex nagħmel dan – din il-ħaġa aħna ma nistgħux nifhmuha.

1801. Jum minnhom waqt il-Quddiesa, il-Mulej tani għarfien profond tal-qdusija u l-majesta’ Tiegħu, u fl-istess ħin stajt nara l-miżerja tiegħi stess. Dan l-għarfien ferraħni, u ruħi għerqet kollha kemm hi fil-ħniena Tiegħu. Ħassejtni ferħana ħafna ħafna.

1802. L-għada, kont konxja b’mod ċar ta’ dan il-kliem: “Qiegħda tara, Alla Hu tant qaddis, u inti midinba. Tersaqx lejh, u mur qerr kuljum.” U fil-fatt, kulma stajt naħseb fih deher f’għajnejja dnub. Imma ma tliftx it-Tqarbina, u qtajtha li mmur inqerr meta kelli mmur, għax ma kelli l-ebda impediment ċar. U meta wasal il-jum għall-qrar, ħejjejt dawk id-dnubiet kollha li kelli nakkuża lili nnifsi tagħhom. Imma, fil-konfessinarju, Alla ppermettieli nakkuża lili nnifsi biss ta’ żewġ nuqqasijiet, minkejja l-isforzi tiegħi biex nagħmel qrara skont ma kont ħejjejt. X’ħin ħriġt mill-konfessinarju l-Mulej qalli, Binti, dawk id-dnubiet kollha li inti kellek intenzjoni li tqerr mhumiex dnubiet f’għajnejja; u għalhekk ma ħallejtekx tkun kapaċi tgħidhom. Jiena fhimt li Satana ried itellifni l-paċi u ġabli ħsibijiet eseġerati. O Salvatur, kemm hi kbira tjubitek!

1803. Darba, meta kont qiegħda nħejji ruħi għat-Tqarbin Imqaddes, u ndunajt li ma kelli xejn x’noffrilu, inżilt fl-art quddiemu u bdejt insejjaħ il-ħniena kollha tiegħu fuq ruħi msejkna: “Jalla l-grazzja Tiegħek, li tinżel fuqi mill-Qalb ħanina Tiegħek, issaħħaħni għat-taqbida u għat-tbatijiet, sabiex jiena nibqa’ fidila lejk. U, għalkemm jiena miżerja bħal din, ma nibżax minnek, għax il-ħniena Tiegħek jiena nafha sewwa. Xejn ma jista’ jbeżżgħani u jbegħidni minnek, O Alla, għax kollox huwa ħafna inqas minn dak li jiena naf (li l-ħniena Tiegħek) – dan jiena nista’ narah ċar.

(Hawnhekk jispiċċa s-sitt u l-aħħar pitazz)

Djarju ta’ Swor Fawstina – Is-6 Pitazz (par.1781-1790)

Is-Sitt Pitazz – Paragrafi 1781-1790

misericordia-faustina2.jpg

Pentekoste (5 ta’ Ġunju 1938). Tiġdid tal-Voti.

1781. Qomt iktar kmieni mis-soltu u mort fil-kappella, filwaqt li għaddast lili nnifsi fl-imħabba ta’ Alla. Qabel ma tqarbint, fis-skiet ġeddidt il-voti reliġjużi tiegħi. Wara t-Tqarbin, l-imħabba infinita ta’ Alla għaddiet minn fuqi. Ruħi kienet tinsab f’għaqda mal-Ispirtu s-Santu, li Hu l-istess Mulej bħall-Missier u bħall-Iben. In-nifs Tiegħu mlieli ruħi b’tant hena li aħjar ma naħlix żmien nipprova nagħti mqar l-iċken idea ta’ dak li kienet qiegħda tħoss qalbi. Matul il-jum kollu, kont fejn kont u tkellimt ma’ min tkellimt, preżenza qawwija u ħajja ta’ Alla akkumpanjatni; ruħi għerqet fir-radd ta’ ħajr għal dawn il-grazzji kbar.

1782. + X’ħin ħriġt fil-ġnien illum, il-Mulej qalli, Erġa’ mur f’kamartek, għax Jiena qed nistenniek hemmhekk. Malli mort lura, rajt lill-Mulej Ġesu’ bilqegħda mal-mejda qed jistennieni. Huwa ħares lejja bi tjubija u qalli, Binti, irridek toqgħod tikteb issa, għax dik il-mixja ma kenitx skont ir-rieda Tiegħi. Bqajt waħdi u bdejt nikteb fil-pront.

1783. + X’ħin intlift fit-talb u ngħaqadt mal-Quddies kollu li kien qed jiġi ċċelebrat fid-dinja kollha f’dak il-ħin, jiena tlabt lil Alla, minħabba dak il-Quddies kollu, biex ikollu ħniena mid-dinja kollha u l-aktar mill-imsejkna midinbin li kienu qegħdin imutu f’dak il-waqt. Fl-istess waqt, irċevejt tweġiba interjuri mingħand Alla li elf ruħ kienu rċevew grazzja permess tat-talb tal-medjazzjoni li jiena offrejt lil Alla. Aħna ma nafux kemm hu l-għadd tal-erwieħ li aħna għandna nsalvaw permezz tat-talb u s-sagrifiċċju tagħna; għalhekk, għandna dejjem nitolbu għall-midinbin.

1784. Illum, waqt li tkellimt fit-tul mal-Mulej, Hu qalli, Kemm nixtieq is-salvazzjoni tal-erwieħ! Segretarja l-iktar għażiża Tiegħi, ikteb li Jiena rrid inxerred il-ħajja divina Tiegħi fl-erwieħ tal-bnedmin u nqaddishom, li kieku huma jridu jilqgħu il-grazzja Tiegħi. L-ikbar midinbin kienu jsiru qaddisin kbar, li jafdaw fil-ħniena Tiegħi. Il-fond ta’ ġewwanett tal-esseri Tiegħi hu mimli u qed ifur bil-ħniena, u din qiegħda tiġi mferrgħa fuq il-ħolqien Tiegħi kollu. L-għaxqa Tiegħi hu li naħdem fir-ruħ tal-bniedem u li nimlieha bil-ħniena Tiegħi u li niġġustifikaha. Is-saltna Tiegħi fl-art hi ħajti fir-ruħ tal-bniedem. Ikteb, segretarja Tiegħi, li Jiena stess il-gwida spiritwali tal-erwieħ – u Jiena mmexxihom indirettament permezz tas-saċerdot, u mmexxi lil kull ruħ lejn il-qdusija permezz ta’ triq li Jiena biss naf biha.

1785. Il-Madre Superjura (Irene) ġiet iżżurni llum, imma għal ftit. X’ħin ħarset madwarha, qalet li kollox kien sabiħ wisq hawnhekk. Tassew, is-sorijiet qegħdin jippruvaw biex iż-żmien li jiena għandi ngħaddi fis-sanatorju jkun żmien sabiħ. Imma din is-sbuħija kollha ma tnaqqas xejn mis-sagrifiċċju tiegħi, li Alla biss jista’ jara u li jispiċċa biss meta qalbi ma tibqax tħabbat iżjed. La s-sbuħija tad-dinja kollha, lanqas dik tal-istess sema ma tista’ ttaffi t-torturi ta’ ruħi li huma tassew reali f’kull ħin u f’kull mument għalkemm huma interjuri u jinsabu fil-fond. Jaslu fit-tmiem tagħhom meta Inti stess, l-Awtur tat-tbatija tiegħi, tgħid, “Biżżejjed.” M’hemm xejn li jista’ jnaqqas is-sagrifiċċju tiegħi.

L-Ewwel Ġimgħa wara Corpus Christi
(17 ta’ Ġunju 1938).

1786. Fil-pront , il-Ġimgħa wara Corpus Christi, tant ħassejtni ma niflaħx li ħsibt li kien riesaq il-waqt tant mistenni. Kelli ħafna deni u kont tellajt ħafna demm matul il-lejl. Imma xorta waħda mort nirċievi lill-Mulej Ġesu’ filgħodu, imma ma stajtx nibqa’ għall-Quddiesa. Wara nofs inhar, it-temperatura ta’ ġismi niżlet f’daqqa waħda għal 35.8 C. Tant ħassejtni fjakka li qiesu kollox ġo fija kien qed imut. Imma meta tlaqt lili nnifsi f’talb profond, fhimt li kien għadu ma wasaltx il-waqt tal-ħelsien, imma kelli biss sejħa iktar mill-qrib mingħand l-Għarus tiegħi.

1787. X’ħin iltqajt mal-Mulej, għidtlu, “Qiegħed tidħak bija, Ġesu’; Inti turini l-bieb miftuħ tas-sema, u terġa’ tħallini hawn fl-art.” Il-Mulej qalli, Meta, mis-sema inti għad tara dawn il-jiem ta’ issa, inti għad tifraħ u tkun trid tara kemm jista’ jkun minnhom. Ma neħodhiex bi kbira, binti, li inti din il-ħaġa ma tistax tifhimha issa, għax qalbek qiegħda tfur bl-uġigħ u bix-xewqa li għandek għalija. Is-sahra tiegħek togħġobni. Ħalli kelmti tkun biżżejjed għalik; m’għadx baqa’ wisq issa.

U ruħi għal darb’ oħra reġgħet sabet ruħha fl-eżilju. Jiena ngħaqadt bi mħabba mar-rieda ta’ Alla, u ssottomettejt ruħi għad-digrieti Tiegħu mimlijin grazzja.

1788. It-taħdit li jiena nisma’ f’dan il-post fuq affarijiet ta’ din id-dinja tant jgħejjuni li kważi jħossni ħażin. Is-sorijiet li jduru bija ndunaw b’din il-ħaġa, għax hi ħaġa li tidher minn barra.

1789. Illum (nota253) jiena rajt il-glorja ta’ Alla li toħroġ mix-xbieha. Ħafna erwieħ qegħdin jirċievu grazzji, għalkemm ma jitkellmux fuq din il-ħaġa. U għalkemm ix-xbieha iltaqgħet ma’ kull xorta ta’ kuntrarju, Alla qiegħed jirċievi glorja minħabba fiha. U l-isforzi ta’ Satana u ta’ nies ħżiena jitfarrku u jiġu fix-xejn. Minkejja l-korla ta’ Satana, il-Ħniena Divina għad tittrijonfa fid-dinja kollha u għad tiġi meqjuma minn kulħadd.

1790. Jiena sirt naf li r-ruħ trid tieqaf milli taħdem għal rasha, sabiex Alla jista’ jaħdem fiha; jekk ma jkunx hekk, Alla ma jwettaqx ir-rieda Tiegħu fiha.

Djarju ta’ Swor Fawstina – Is-6 Pitazz (par.1771-1780)

Is-Sitt Pitazz – Paragrafi 1771-1780

1448753362-e1498843947800

1771. Applikazzjoni: O Ġesu’ Tiegħi, Inti taf li jiena nixtieq inħobbok bi mħabba li l-ebda ruħ qatt ma ħabbitek biha. Nixtieq lid-dinja kollha tinbidel fi mħabba għalik. Għarus tiegħi, Inti tagħtini niekol u nixrob l-għasel u l-ħalib tal-Qalb Tiegħek. Sa minn kmieni, Inti kabbartni għalik biss, sabiex jiena nsir naf kif nista’ nħobbok issa. Inti taf li jiena nħobbok, għax Inti biss taf kemm hu profond is-sagrifiċċju li jiena noffrilek kuljum.

1772. Ġesu’ qalli, Binti, kellek xi diffikultajiet f’dan l-irtir? Weġibtu li ma kellix. Matul dan l-irtir, moħħi hu bħall-beraq. Nista’ nidħol fil-misteri kollha tal-fidi bl-akbar faċilita’. Mgħallem u Mexxej tiegħi, id-dlam kollu jgħib minn moħħi taħt ir-raġġi tad-dawl Tiegħek.

1773. Illum il-qari spiritwali tiegħek, irridek taqra l-Evanġelju ta’ San Ġwann, kapitlu wieħed u għoxrin. Ħallih jimlielek qalbek iktar minn moħħok.

1774. + Waqt id-devozzjonijiet ta’ Ġunju, il-Mulej qalli, Binti, il-grazzja Tiegħi qiegħda tistrieħ ġewwa qalbek. Meta f’Ħamis ix-Xirka Jiena ħallejt lili nnifsi fis-Sagrament Imqaddes, kont qed naħseb ħafna fik.

1775. Wara dan il-kliem, imħabbti bdiet tagħmel sforzi kbar biex issib il-kliem li seta’ jurih Hu x’kien ifisser għalija, imma xorta waħda ma stajtx insib il-kliem u bdejt nibki għax ħassejtni ma niswa għal xejn. U Ġesu’ qalli, Għalik, Jiena l-istess ħniena; għalhekk Jiena qed nitolbok toffrili l-miżerja tiegħek u dan l-istess fatt li inti ma tiswa għal xejn u b’dan il-mod, int tpaxxili lil Qalbi.

1776. Illum, daħlet ġewwa ruħi fjamma ħajja ta’ mħabba divina; li kieku damet ftit iktar, dak inhar kien jikkunsmani, u jeħlisni mill-irbit tal-preżent. Deherli li kieku damet waqt wieħed iżjed, kont negħreq fl-oċejan ta’ mħabba. Ma nistax niddeskrivi dawn il-vleġeġ ta’ mħabba li qegħdin jinfduli ruħi.

Konferenza fuq il-Ħniena

1777. Binti, kun af li Qalbi hija l-istess ħniena. Minn dan il-baħar ta’ ħniena, jinżlu jgelglu l-grazzji għal fuq id-dinja kollha. L-ebda ruħ li resqet Lejja qatt ma marret lura mingħajr ma ġiet imfarrġa. Il-miżerja kollha tiġi midfuna fil-fond tal-ħniena Tiegħi, u kull grazzja li ssalva u tqaddes toħroġ minn din il-għajn. Binti, Jiena nixtieq li qalbek tkun post fejn tgħammar il-ħniena Tiegħi. Jiena nixtieq li din il-ħniena tgelgel fuq id-dinja kollha permezz tal-qalb tiegħek. L-ebda persuna li tersaq lejk m’għandha titlaq mingħajr dik il-fiduċja fil-ħniena Tiegħi li Jiena nixtieq b’tant ħerqa għall-erwieħ.

Itlob kemm tiflaħ għall-moribondi. Permezz tat-talb tiegħek, ikseb għalihom fiduċja fil-ħniena Tiegħi, għax huma l-iktar li għandhom bżonn tal-fiduċja, u l-inqas li għandhom. Kun żgura li l-grazzja tas-salvazzjoni eterna għal ċerti erwieħ fl-aħħar waqt ta’ ħajjithom tkun tiddependi mit-talb tiegħek. Inti taf l-abbiss sħiħ tal-ħniena Tiegħi, għalhekk iġbed minnu għalik u l-aktar għall-imsejkna midinbin. Iktar hemm ċans li s-sema u l-art jiġu fix-xejn milli l-ħniena Tiegħi ma tgħannaqx magħha ruħ mimlija fiduċja.

1778. Ir-riżoluzzjoni tiegħi tibqa’ l-istess waħda: li jiena ningħaqad ma’ Kristu – Ħniena.

Għeluq tal-Irtir
L-Aħħar Taħdita mal-Mulej.

1779. Grazzi, Imħabba Eterna tat-tjubija bla tarf li Int turi miegħi, tal-fatt li Inti tieħu ħsieb b’mod dirett tal-qdusija tiegħi.

Binti, ħalli tliet virtujiet iżejnuk b’mod partikulari: l-umilta’, is-safa tal-intenzjoni u l-imħabba. Tagħmel xejn iktar milli Jiena nitlob mingħandek, u aċċetta dak kollu li Jiena nibgħatlek. Agħmel mill-aħjar sabiex inti tgħix ħajja ta’ ġabra sabiex inti tkun tista’ tisma’ leħni, li tant hu ġentili li erwieħ miġburin biss jistgħu jisimgħuh . . .

1780. Illum ma stajtx norqod qabel nofs il-lejl, tant kont emozzjonata bit-tiġdid tal-voti li kelli nagħmel l-għada. Il-kobor ta’ Alla kien jinsab madwari, kollni kemm jiena.

Djarju ta’ Swor Fawstina – Is-6 Pitazz (par.1761-1770)

Is-Sitt Pitazz – Paragrafi 1761-1770

icon-large.jpg

It-Tieni Jum.

1761. Binti , illum aħseb fuq il-Passjoni Ħarxa Tiegħi fl-immensita’ kollha tagħha. Aħseb fuqha bħallikieku Jiena batejtha għalik biss.

1762. Applikazzjoni: Meta jiena bdejt nitlef lili nnifsi fil-Passjoni Divina, ġew irrivelati lili l-valur kbir tar-ruħ tal-bniedem u l-ħażen kbir li hu d-dnub. Fhimt li jiena ma nafx kif għandi nbati. Sabiex jiena nikseb mertu għat-tbatija tiegħi, ser ningħaqad iktar mill-qrib, fit-tbatija tiegħi, mal-Passjoni tal-Mulej Ġesu’, u nitolbu l-grazzja għall-erwieħ moribondi, sabiex il-ħniena ta’ Alla tkun tista’ tgħannaqhom f’dan il-waqt hekk serju.

It-Tieni Meditazzjoni

1763. Binti, aħseb fuq ir-regola u l-voti li inti offrejtli. Inti taf kemm napprezzahom ħafna; il-grazzji kollha li Jiena għandi għall-erwieħ tar-reliġjużi għandhom x’jaqsmu mar-regola u mal-voti.

1764. Applikazzjoni: O Ġesu’ tiegħi, inħossni ħatja ta’ ħafna nuqqasijiet f’din il-ħaġa imma, bil-għajnuna tal-grazzja tiegħek, ma niftakar l-ebda darba li, b’mod konxju u għax irrid, jiena ksirt ir-regola jew il-voti reliġjużi. Kompli ħarisni, O Ġesu’ twajjeb tiegħi, għax jiena minni nnifsi dgħajfa.

1765. Illum, binti, il-qari tiegħek, għandu jkun kapitlu dsatax tal-Evanġelju ta’ San Ġwann, u aqrah mhux biss b’xofftejk, imma b’qalbek . . .

1766. Waqt dan il-qari, ruħi kienet mimlija bi ndiema profonda. Rajt l-ingratitudni kollha tal-ħlejjaq lejn il-Ħallieq u l-Mulej tagħhom; tlabt lil Alla jħarisni mill-għama spiritwali.

Konferenza dwar is-Sagrifiċċju u t-Talb

1767. Binti, irrid ngħallmek kif għandek issalva l-erwieħ permezz tas-sagrifiċċju u tat-talb. Inti ser issalva iktar erwieħ permezz tat-talb u t-tbatija milli missjunarju permezz tat-tagħlim u l-priedki tiegħu biss. Irrid narak bħala sagrifiċċju ta’ mħabba ħajja, li mbagħad biss ikollu importanza f’għajnejja. Inti trid tixxejjen, tiġi meqruda, tgħix bħallikieku kont mejta fl-iktar profondita’ sigrieta tiegħek. Inti trid tinqered f’dak il-fond sigriet fejn qatt ma nifdet għajn ta’ bniedem; imbagħad Jiena nsib fik sagrifiċċju li jogħġobni, olokawstu mimli ħlewwa u fwieħa. U kbira tkun saħħtek meta inti tinterċedi għal min trid int. Is-sagrifiċċju tiegħek minn barra jrid jidher hekk: fis-skiet, moħbi, mimli mħabba, mimli talb. Jiena qed nitlob, binti, li s-sagrifiċċju tiegħek ikun safi u mimli umilta’, sabiex ikun jogħġobni. Jiena nagħtik il-grazzja Tiegħi, sabiex inti tkun tista’ twettaq dak li Jiena nitlob mingħandek.

Jiena issa ser ngħallmek f’hiex ser jikkonsisti l-olokawstu tiegħek, fil-ħajja ta’ kuljum, sabiex inħarsek mill-illużjonijiet. Inti tilqa’ t-tbatijiet kollha bi mħabba. Toqgħodx titnikket jekk qalbek spiss tħoss stmerrija għas-sagrifiċċju. Is-saħħa ta’ dan (tas-sagrifiċċju) kollha qiegħda fir-rieda, u għalhekk dawn is-sentimenti kuntrarji mhux talli ma jbaxxux il-valur tas-sagrifiċċju f’għajnejja, imma jżiduh. Kun af li ġismek u ruħek spiss għad ikunu fin-nar. Għalkemm il-preżenza Tiegħi ma tħosshiex f’xi okkażjonijiet, Jiena dejjem inkun miegħek. Tibżax; il-grazzja Tiegħi tkun miegħek . . .

It-Tielet Jum

1768. Binti, f’din il-meditazzjoni, aħseb ftit fuq l-imħabba tal-proxxmu. L-imħabba tiegħek għall-proxxmu hi mmexxija minn imħabbti? Titlob int għall-għedewwa tiegħek? Tixtiqilhom il-ġid lil dawk li, b’xi mod jew ieħor, nikktuk jew offendewk?

Kun af li dak il-ġid kollu li inti tagħmel mal-proxxmu, ikun min ikun, Jiena nilqgħu bħallikieku għamiltu miegħi.

1769. Applikazzjoni: O Ġesu’, Imħabba tiegħi, Inti taf li minn ftit żmien ‘l hawn jiena mxejt mal-proxxmu tiegħi b’mod li mħabbtek kienet l-uniku gwida tiegħi. Inti biss taf xi sforzi kelli nagħmel biex nasal għal din il-ħaġa. Issa qiegħed jirnexxili iktar malajr, imma li kieku Inti stess ma kebbistx dik l-imħabba ġewwa ruħi, ma kontx inkun kapaċi nippersevera f’din il-ħaġa. Dan kollu nafu lill-imħabba Ewkaristika Tiegħek li kuljum tħeġġiġni.

It-Tieni Meditazzjoni

1770. Issa rridek taħseb fuq Imħabbti fis-Sagrament Imqaddes. Hawnhekk ninsab Jiena, kollni kemm Jiena tiegħek, ruħ, ġisem u divinita’, bħala l-Għarus Tiegħek. Inti taf x’titlob l-imħabba: ħaġa waħda biss, li t-tnejn ikunu ta’ xulxin . . .

Djarju ta’ Swor Fawstina – Is-6 Pitazz (par.1751-1760)

Is-Sitt Pitazz – Paragrafi 1751-1760

dsc_0018-e1498841933130

1751. + O Ġesu’, moħbi fis-Sagrament Imqaddes tal-Altar, l-unika mħabba u ħniena tiegħi, inpoġġi f’idejk il-ħtiġijiet kollha ta’ ruħi u ta’ ġismi. Inti tista’ tgħinni, għax Inti l-istess Ħniena. Fik tinsab it-tama kollha tiegħi.

(Fl-oriġinal hawnhekk hawn paġna kompletament vojta.)

+
Ġ.M.Ġ
Krakovja –Pradnik, 2 ta’ Ġunju 1938.

Irtir ta’ Tlett ijiem.

1752. Taħt id-direzzjoni tal-Imgħallem Ġesu’, li Hu stess ikkmandani nagħmel dan l-irtir, u li għażel il-ġranet meta kelli nagħmlu; jiġifieri, it-tlett ijiem ta’ qabel Pentekoste u li, Hu stess, mexxa dan l-irtir.

Iżda, jiena staqsejt il-konfessur tiegħi (probabbilment Patri Andrasz) jekk kellix nagħmel irtir bħal dan, u tani l-permess tiegħu. Staqsejt ukoll lill-Madre Superjura (Irene) u hi wkoll tatni l-permess tagħha. Kont iddeċidejt li ma kontx ser nagħmel l-irtir mingħajr il-permess tas-Superjuri. Bdejt novena lill-Ispirtu s-Santu, u stennejt it-tweġiba tal-Madre Superjura.

Suppost li kelli nibda l-irtir illum, imma għadni ma rċevejtx l-aħbar tad-deċiżjoni tal-Madre Superjura.

X’ħin mort il-Knisja għad-devozzjonijiet ta’ filgħaxija, rajt lill-Mulej Ġesu’ waqt il-Litanija. Binti, ser nibdew l-irtir. Jiena weġibt, “Ġesu’, Mgħallem tiegħi l-iktar għażiż, nitolbok maħfra, imma l-irtir ma nistax nagħmlu, għax għadni ma rċevejtx aħbar jekk il-Madre Superjura tatnix il-permess jew le.” Toqgħodx tinkwieta, binti, is-Superjura tatek il-permess tagħha. Għada filgħodu ssir taf. Imma l-irtir ser nibdewh illum.

U fil-fatt, il-Madre Superjura kienet ċemplet dak inhar filgħaxija lis-soru li kienet qiegħda tieħu ħsiebi fil-mard tiegħi (Swor David), u qaltilha tgħidli li kelli permess nagħmel l-irtir, imma s-soru kienet insiet tgħidli. Kien wasal l-għada filgħodu x’ħin qaltli, u damet tiskuża ruħha li ma kenitx qaltli l-ġurnata ta’ qabel. Jiena weġibtha, “Tinkwetax. Jiena diġa’ bdejt l-irtir tiegħi, skont ix-xewqa tas-Superjura.”

+ L-ewwel Jum.

1753. Filgħaxija, Ġesu’ tani s-suġġett tal-meditazzjoni. Sa mill-ewwel waqt, qalbi mtliet bil-biża’ u l-ferħ. Imbagħad mort nitgeddes qrib il-Qalb Tiegħu, u l-biża’ għeb; baqa’ biss il-ferħ. Ħassejtni kollni kemm jiena bħallikieku kont bint Alla, u l-Mulej qalli, Tibża’ minn xejn. Dak li ma ġiex permess lill-oħrajn ġie mogħti lilek. Dawk il-grazzji li l-erwieħ l-oħrajn ma jistgħux jagħrfuhom, lanqas mill-bogħod, lilek qegħdin imantnuk, bħall-ħobż ta’ kuljum.

1754. Aħseb ftit, binti, ma’ min hi magħquda qalbek hekk mill-qrib permezz tal-voti. Qabel ma Jiena għamilt id-dinja, Jiena kont inħobbok b’dik l-imħabba li qalbek qiegħda tħoss illum u, matul is-sekli, Imħabbti ma titbiddel qatt.

1755. Applikazzjoni għal ħajti: Meta biss bdejt naħseb f’Dak li qalbi hi miżżewġa miegħu, ruħi daħlet f’ġabra profonda, u s-siegħa għaddiet bħal minuta. Hekk kif kont mitlufa f’din il-ġabra, sirt naf x’inhuma l-attributi ta’ Alla. Bdejt naqbad bin-nar ta’ mħabba ġewwa fija u ħriġt fil-ġnien biex niffriska; x’ħin ħarist ‘il fuq lejn is-sema, fjamma ġdida ta’ mħabba mlietli qalbi.

1756. Imbagħad smajt dan il-kliem: Binti, ħsibt biżżejjed fuq is-suġġett li Jiena tajtek? Jekk iva, nagħtik ieħor. Jiena weġibt, “O Majesta’ Infinita, l-eternita’ mhix biżżejjed għalija sabiex insir nafek . . . Imma mħabbti għalik saret iktar qawwija. Bħala sinjal ta’ gratitudni jiena npoġġi qalbi f’riġlejk, bħal blanzun ta’ warda. Jalla l-fwieħa tagħha tpaxxilek il-Qalb Divina Tiegħek, issa u għall-eternita’ . . . X’ġenna hi għar-ruħ meta l-qalb tkun taf li hi daqshekk maħbuba minn Alla . . .”

1757. Illum, inti ser taqra kapitlu ħmistax tal-Evanġelju ta’ San Ġwann. Irridek taqrah bil-mod ħafna.

It-Tieni Meditazzjoni.

1758. Binti, aħseb ftit fuq il-ħajja ta’ Alla li tinsab fil-Knisja għas-salvazzjoni u għall-qdusija ta’ ruħek. Aħseb ftit fuq l-użu li inti tagħmel minn dawn it-teżori tal-grazzja, minn dawn l-isforzi ta’ Mħabbti.

1759. Applikazzjoni għal ħajti : O Ġesu’ l-iktar ħanin, jiena mhux dejjem għaraft kif nikseb il-ġid spiritwali minn dawn id-doni prezzjużi, għax tajt ftit li xejn attenzjoni lid-don u ħafna attenzjoni lill-mezz li Inti wżajt biex twassalli dawn id-doni Tiegħek. Mgħallem tiegħi l-iktar ħelu, minn issa ‘l quddiem l-affarijiet ikunu mod ieħor. Id-doni Tiegħek jiena ser nużahom bl-aħjar mod li ruħi hi kapaċi tużahom. Fidi ħajja tweżinni. Tkun xi tkun il-forma li Inti tuża biex tibgħatli l-grazzja Tiegħek, jiena nilqagħha bħallikieku ġejja direttament minn għandek, mingħajr ma noqgħod nagħti kas tal-mezz li Inti tuża biex tibgħathieli. Jekk ma jkunx dejjem possibli għalija li nilqagħha bil-ferħ, jiena dejjem naċċettaha b’sottomissjoni għar-rieda qaddisa Tiegħek.

Konferenza fuq it-Taqbid Spiritwali.

1760. Binti, irrid ngħallmek fuq it-taqbid spiritwali. Qatt tafda fik innifsek, imma ntelaq għal kollox fir-rieda Tiegħi. Fid-deżolazzjoni, fid-dlam u f’diversi dubji, irrikorri għandi u għand id-direttur spiritwali tiegħek. Huwa dejjem iwieġbek f’ismi. Toqgħodx tinnegozja mat-tentazzjoni, tkun xi tkun; mill-ewwel issakkar fil-Qalb Tiegħi u, mal-ewwel ċans, uri t-tentazzjoni lill-konfessur. Poġġi l-egoiżmu tiegħek fl-aħħar post, biex ma jtebbagħlekx l-opri tiegħek. Issaporti lilek innifsek b’paċenzja kbira. Tittraskurax mortifikazzjonijiet interjuri. Dejjem iġġustifika l-opinjonijiet tas-superjuri u tal-konfessur tiegħek fik innifsek biss. Aħrab minn dawk li jgergru bħalma taħrab mill-pesta. Ħalli lil kulħadd jagħmel li jrid; inti trid tagħmel dak li Jiena rrid.

Osserva r-regola bl-akbar fedelta’. Jekk xi ħadd jagħmillek id-deni, aħseb fil-ġid li tista’ tagħmel lill-persuna li ġegħlitek tbati. Toqgħodx turi x’inti tħoss. Żomm is-skiet meta jċanfruk. Toqgħodx tistaqsi lil kulħadd x’jaħseb, imma biss lill-konfessur; miegħu iftaħ qalbek bl-ikbar sempliċita’ bħat-tfal. Tħallix l-ingratitudni taqtagħlek qalbek. Toqgħodx teżamina bil-kurżita’ t-toroq li Jiena ngħaddik minnhom. Meta tħoss id-dieqa u l-qtigħ il-qalb jħabbat fuq qalbek, aħrab minnek innifsek u nħeba ġewwa Qalbi. Toqgħodx tibża’ mit-taqbid; l-istess kuraġġ ħafna drabi jxejjen it-tentazzjonijiet, u huma ma jkollhomx saħħa jaħbtu għalina.

Dejjem issielet b’konvinzjoni soda li Jiena qiegħed miegħek. Timxix skont ma tħoss, għax dan mhux dejjem ikun taħt il-kontroll tiegħek; il-mertu kollu jinsab fir-rieda. Iddependi dejjem mis-superjuri tiegħek, ukoll fl-iċken affarijiet. Minix ser nilludik bi prospetti ta’ paċi u konsolazzjonijiet; għall-kuntrarju, ħejji ruħek għal battalji kbar. Kun af li issa inti tinsab fuq palk kbir fejn is-sema u l-art kollha qegħdin iħarsu lejk. Issielet bħal kavallier, sabiex Jiena nkun nista’ nippremjak. Toqgħodx tibża’ bla bżonn, għax m’intix waħdek.

Djarju ta’ Swor Fawstina – Is-6 Pitazz (par.1741-1750)

Is-Sitt Pitazz – Paragrafi 1741-1750

divinefp-e1498840729967

It-Tjubija Infinita’ ta’ Alla fil-Ħolqien tal-Anġli.

1741. O Alla, li Inti l-hena stess fik innifsek u m’għandekx bżonn ta’ ħlejjaq biex iferrħuk, għax Int minnek stess il-milja tal-imħabba; iżda fil-ħniena Tiegħek bla tarf Inti toħloq il-ħlejjaq u tagħtihom sehem fil-hena etern Tiegħek u f’ħajtek, dik il-ħajja divina li hemm ġewwa fik u li Int tgħix, Alla wieħed fi tliet Persuni. Fil-ħniena Tiegħek bla tarf, Inti ħlaqt spirti anġeliċi u daħħalthom fl-imħabba Tiegħek u fl-intimita’ divina Tiegħek. Inti għamilthom kapaċi li jħobbu għall-eternita’. Għalkemm Int ferrajt fuqhom bl-abbundanza, O Mulej, lanqas ma żidulek xejn l-imħabba u s-sbuħija tagħhom, għax Inti kollox fik innifsek. U jekk Inti ppermettejtilhom li jieħdu sehem fil-hena Tiegħek u jeżistu u jħobbuk, dan biss grazzi għall-abbiss tal-ħniena Tiegħek. Din hi t-tjubija Tiegħek bla tarf, u huma għal dejjem jigglorifkawk minħabba fiha, u jumiljaw ruħhom f’riġlejn il-majesta’ Tiegħek filwaqt li jkantaw l-innu tagħhom għal dejjem: Qaddis, Qaddis, Qaddis . . .

1742. Kun imfaħħar, Alla ħanin, Alla wieħed fis-Santissima Trinita’,
Bla tarf, infinit, li ħadd ma jista’ jifhmek,
Huma jintilfu fik imma xorta waħda moħħhom ma jasalx li jifhmek,
Għalhekk huma jtennu bla heda għal dejjem: Qaddis.

Kun igglorifikat, O Ħallieq ħanin tagħna, O Mulej,
Ta’ Setgħa bla tarf, imma mimli kompassjoni, inkonċepibbli;
Li jiena nħobbok hija l-missjoni tal-eżistenza tagħna,
Filwaqt li nkantawlek għal dejjem: Qaddis . . .

Kun imbierek, Alla ħanin, Imħabba Eterna,
Inti ‘l fuq mis-smewwiet, miż-żaffiri, mill-ogħla.
L-armata ta’ spirti safja tkantalek it-tifħir,
Bl-innu tagħha għal dejjem: Qaddis, Qaddis, Qaddis.

U filwaqt li huma jħarsu lejk wiċċ imb’wiċċ, O Alla,
Jiena nista’ nara li Inti stajt sejjaħt ħlejjaq oħra qabilhom.
Għalhekk huma jumiljaw ruħhom quddiemek b’umilta’ kbira,
Għax jistgħu jaraw sewwa li din il-grazzja ġejja biss mill-ħniena Tiegħek.

Wieħed mill-isbaħ spirti ma riedx jagħraf il-ħniena Tiegħek,
U ġibed lill-oħrajn warajh meta għamietu s-suppervja tiegħu.
Anġlu ta’ sbuħija kbira, huwa sar Satana
U f’daqqa waħda ġie mitfugħ mill-għoli tas-smewwiet għal ġol-infern.

Imbagħad l-ispirti fidili għajtu, “Glorja lill-ħniena ta’ Alla!”
U baqgħu sodi minkejja l-prova tan-nar.
Glorja lil Ġesu’, ‘il Kristu li ċċekken
Glorja lil Ommu, il-Verġni umli u safja.

Wara din il-battalja, l-ispirti safja għoddsu fl-oċejan tad-Divinita’;
Huma kkontemplaw u faħħru l-profondita’ tal-ħniena Tiegħu,
Għerqu fil-ħniena u fid-dawl qawwi Tiegħu,
Għax kellhom l-għarfien tat-Trinita’ tal-Persuni, Alla wieħed.

1743. + It-Tjubija Infinita ta’ Alla meta ħalaq il-bniedem.

Alla, li fil-ħniena Tiegħek toħloq lill-bniedem mix-xejn, Inti ferrajt fuqu bil-ġenerożita’ n-natura u l-grazzja. Imma fit-tjubija infinita Tiegħek din il-ħaġa dehret ftit wisq. Fil-ħniena Tiegħek, O Mulej, Inti tajtna l-ħajja ta’ dejjem. Inti ddaħħalna fil-hena etern Tiegħek u tagħtina sehem fil-ħajja interjuri tiegħek. U dan Inti tagħmlu biss għax Inti ħanin. Inti tagħtina d-don tal-grazzja Tiegħek u dan tagħmlu biss għax Inti twajjeb u mimli mħabba. Inti ma kellekx bżonn bl-ebda mod sabiex tkun hieni, imma Inti, O Mulej, trid taqsam magħna l-hena Tiegħek stess. Imma l-bniedem m’għaddiex mill-prova. Inti stajt ikkastigajtu, bħall-anġli, billi ddawwar wiċċek minnu għal dejjem, imma hawn dehret il-ħniena Tiegħek, u fil-fond Tiegħek qanqlitlek kompassjoni kbira, u Int tajt wegħda li kont se tagħtina s-salvazzjoni. Huwa abbiss tal-kompassjoni Tiegħek li ħadd ma jista’ jifhmu li Inti ma kkastigajtniex bħalma kien jistħoqqlina. Jalla l-ħniena Tiegħek tkun igglorifikata, O Mulej, aħna nibqgħu nfaħħruha għal dejjem ta’ dejjem. U l-anġli stagħġbu bil-kobor tal-ħniena li Inti wrejt mal-bniedem . . .

1744. Jalla tkun adurat, O Alla tagħna ħanin,
O Mulej u Ħallieq li tista’ kollox.
Bl-akbar umilta’ aħna nfaħħruk,
U nintefgħu fl-oċejan tad-divinita’ Tiegħek.

Imma l-bniedem ma pperseverax fis-siegħa tal-prova
Meta waqa’ fil-ħażin, ma baqax fidil lejk.
Hu tilef il-grazzja u d-doni Tiegħek; kien baqagħlu biss il-miżerja,
U dmugħ, tbatija, niket u mrar, sakemm imur jistrieħ fil-qabar.

Imma Int, O Alla ħanin, ma ħallejtx lill-umanita’ tinqered,
U tajtha l-wegħda ta’ Feddej.
Ma ħallejtniex naqgħu fid-disperazzjoni, minkejja l-offiżi gravi tagħna,
U Inti bgħatt il-profeti Tiegħek lil Iżrael.

Xorta waħda, lejl u nhar, l-umanita’ baqgħet tgħajjatlek,
Mill-abbiss tal-miżerja, tad-dnub u l-uġigħ kollu.
Isma’ l-krib u d-dmugħ, Inti li ssaltan fis-sema,
Alla ta’ ħniena kbira, Alla ta’ kompassjoni.

Il-bniedem żbalja, imma ma jistax jitlob maħfra,
Għax firda kbira dehret bejn Alla u l-bniedem.
Bil-vuċi tal-miżerja tiegħu, huwa jgħajjat, “Ħniena!”
Imma Jahwe jibqa’ sieket . . . u seklu wara jibqa’ għaddej.

Imma x-xenqa tal-umanita’ kollha tibqa’ tikber.
Xenqa għal Dak li ġie mwiegħed.
Ejja, Ħaruf ta’ Alla, neħħi d-dnubiet koroh tagħna,
Ejja, dawwal id-dlamijiet tagħna bħal raġġ dawl.

L-umanita’ tibqa’ ssejjaħlek bla heda, O Sid tas-sidien,
Issejjaħ lill-ħniena Tiegħek bla tarf, il-kompassjoni Tiegħek.
O Jahwe kbir, agħmel li aħna nagħmlu tpattija għal dnubietna.
Ftakar fit-tjubija Tiegħek, u aħfrilna.

It-Tjubija Infinita ta’ Alla meta bagħatilna lil Ibnu l-Waħdieni.

1745. Alla, Inti lill-bniedem ma qridtux wara li waqa’, imma fil-ħniena Tiegħek Inti ħfirtlu, Int ħfirt b’mod divin; jiġifieri, Inti mhux biss tajtu l-assoluzzjoni mill-ħtija, imma tajtu kull grazzja. Il-ħniena qanqlitek sabiex Inti jogħġbok tinżel fostna u terfgħana mill-miżerja tagħna. Alla ser jinżel fid-dinja; is-Sid tas-sidien immortali ser jiċċekken. Imma fejn ser tinżel, Mulej; sat-tempju ta’ Salamun? Jew ser ikollok tabernaklu ġdid mibni għalik? Fejn għandek intenzjoni li tinżel? O Mulej, x’tip ta’ tabernaklu nistgħu nħejjulek, ladarba l-art kollha hija l-banketta fejn Inti tpoġġi riġlejk?

Inti fil-fatt ħejjejt bħal tabernaklu għalik: il-Verġni Mbierka. Il-Ġuf Immakulat tagħha hu l-għamara Tiegħek, u jseħħ il-miraklu tal-ħniena Tiegħek li ħadd ma jista’ jifhmu, O Mulej. Il-Verb jinkarna; Alla jgħix fostna, il-Verb ta’ Alla, Ħniena Inkarnata. Meta Inti nżilt fostna, Inti għollejtna sad-divinita’ Tiegħek. Dawn huma l-eċċessi ta’ mħabbtek, l-abbiss tal-ħniena Tiegħek. Il-ġenna tistagħġeb bl-abbundanza bla tarf ta’ mħabbtek. Ħadd ma jibża’ jersaq lejk issa. Inti Alla tal-ħniena. Int turi kompassjoni mal-miżerja. Inti Alla tagħna, u aħna l-poplu Tiegħek. Inti Missierna, u aħna wliedek permezz tal-grazzja. Tkun imfaħħra l-ħniena Tiegħek, li Inti għoġbok tinżel fostna.

1746. Tkun adurat, O Alla tal-Ħniena,
Għax Int għoġbok tinżel mis-sema sal-art.
Bl-akbar umilta’ aħna nadurawk
Għax Inti ridt tgħolli l-umanita’ kollha.

Ħadd ma jista’ jifhem il-ħniena Tiegħek bla tarf,
Għax tħobbna Inti ħadt il-ġisem
Mill-Verġni Immakulata, qatt mittiefsa mid-dnub,
Għax hekk Inti ridt sa minn dejjem.

Il-Verġni Mbierka, dik il-Ġilju abjad silġ,
Hi l-ewwel waħda li faħħret is-Setgħa bla tarf tal-ħniena Tiegħek.
Il-qalb safja tagħha tinfetaħ bl-imħabba għall-miġja tal-Verb;
Hija temmen il-kliem tal-messaġġier ta’ Alla u tiġi kkonfermata fil-fiduċja tagħha.

Il-ġenna tistagħġeb li Alla sar bniedem,
Li fl-art, tinstab qalb denja ta’ Alla nnifsu.
Għaliex Inti ma tingħaqadx ma’ Serafin imma ma’ midneb, O Mulej?
Għax, minkejja s-safa tal-ġuf verġinali, dan hu misteru tal-ħniena Tiegħek.

O misteru tal-ħniena ta’ Alla, O Alla tal-kompassjoni,
Li inti għoġbok tħalli t-tron Tiegħek fis-sema
U titbaxxa sal-miżerja tagħna, sad-dgħjufija umana,
Għax mhux l-anġli, imma l-bniedem li jeħtieġ il-ħniena.

Sabiex aħna nagħtu tifħir li jistħoqq lill-ħniena tal-Mulej,
Aħna ningħaqdu mal-Omm Immakulata Tiegħek,
Għax b’hekk l-innu tagħna jsir iktar jogħġbok,
Għax Hi magħżula fost il-bnedmin u l-anġli.

Permezz tagħha, bħal permezz ta’ kristall pur,
Il-ħniena Tiegħek tgħaddi għal għandna.
Permezz tagħha, il-bniedem sar jogħġob lil Alla;
Permezz tagħha, xmajjar ta’ grazzja niżlu jgelglu fuqna.

+ It-Tjubija nfinita ta’ Alla meta feda lill-bniedem.

1747. Alla, Inti stajt salvajt eluf ta’ dinjiet b’kelma waħda; tnehida waħda mingħand Ġesu’ kienet tkun biżżejjed għall-ġustizzja Tiegħek. Imma Inti stess, Ġesu’, sempliċiment għall-imħabba tagħna, issottomettejt ruħek għal Passjoni hekk terribbli. Tnehida waħda minn għandek kienet tkun biżżejjed biex tpatti għall-ġustizzja ta’ Missierek, u dak kollu li Inti ċċekkint għalih kien biss opra tal-ħniena Tiegħek u tal-imħabba Tiegħek bla tarf. Meta Inti ħallejt din l-art, O Mulej, ridt tibqa’ magħna, u għalhekk ħallejtilna lilek innifsek fis-Sagrament tal-Altar, u ftaħt beraħ il-ħniena Tiegħek għalina. M’hemm l-ebda miżerja li tista’ tasal sat-tarf Tiegħek; Inti ssejjħtilna lkoll kemm aħna sa din il-għajn tal-imħabba, din l-għajn tal-kompassjoni ta’ Alla. Hawn jinsab it-tabernaklu tal-ħniena Tiegħek, hawn hu r-rimedju għall-gwaj kollu tagħna. Lejk, O għajn ħajja tal-ħniena, jinġibdu l-erwieħ kollha; xi wħud bħaċ-ċriev għatxana għal imħabbtek, oħrajn biex jaħslu l-ġrieħi ta’ dnubiethom, u oħrajn, għajjenin bit-tiġrib tal-ħajja, sabiex jiġbdu s-saħħa minnek. Filwaqt tal-mewt Tiegħek fuq is-Salib, Inti tajtna l-ħajja eterna; meta Int ħallejthom jiftħulek il-ġenb qaddis Tiegħek, Inti ftaħtilna għajn tal-ħniena li ma tispiċċa qatt meta Int tajtna l-egħżeż ħaġa li għandek, id-Demm u l-Ilma minn ġo Qalbek. Daqshekk hija kbira s-Setgħa bla tarf tal-Ħniena Tiegħek. Minnha tinżel sa għandna l-grazzja kollha.

1748. Tkun adurat, O Alla , fl-opra tal-ħniena Tiegħek,
Tkun imbierek mill-qlub fidili kollha
Li fuqhom tistrieħ il-ħarsa Tiegħek,
Li fihom tgħammar il-ħajja immortali Tiegħek.

O Ġesu’ tiegħi, ikollok ħniena, imnikkta kienet ħajtek f’din l-art,
U f’turmenti terribbli waslet fi tmiemha l-opra Tiegħek,
Meta Inti sfajt imdendel u minxur fuq l-għuda tas-Salib,
U dan kollu għall-imħabba tar-ruħ tagħna.

Fl-imħabba Tiegħek bla tarf, Int ħallejt li ġenbek imqaddes jinfetaħ,
U ħarġu jgelglu minn qalbek xmajjar ta’ Demm u Ilma.
Hawn hi l-għajn ħajja tal-ħniena Tiegħek,
Hawnhekk l-erwieħ jirċievu faraġ u serħan.

Fis-Sagrament Imqaddes; Inti ħallejtilna l-ħniena Tiegħek;
Imħabbtek ippermettietli li dan jitwettaq,
Filwaqt li jiena ngħaddi minn din il-ħajja, bit-tbatija u t-taqbid tagħha,
Qatt ma nasal li niddubita mit-tjubija u l-ħniena Tiegħek.

Għax ukoll jekk il-miżerji tad-dinja kollha jagħfsu fuq ruħi,
M’għandniex niddubitaw lanqas għal waqt wieħed biss,
Imma għandu jkollna fiduċja fil-qawwa tal-ħniena ta’ Alla,
Għax Alla jilqa’ għandu bil-ħlewwa lir-ruħ niedma.

O ħniena ta’ Sidna li m’hemmx kliem għaliha,
Għajn ta’ kompassjoni u ta’ kull ħlewwa,
Afda, afda, O ruħ, għalkemm inti mtebbgħa bid-dnub,
Għax meta inti tersaq lejn Alla, inti ma dduqx imrar.

Għaliex Hu nar ħaj ta’ mħabba kbira,
Meta aħna nersqu lejh bis-sinċerita’
Jgħibu l-miżerji tagħna, id-dnubiet u l-għemejjel ħżiena tagħna;
Huwa jħallas id-djun tagħna meta aħna nintelqu f’idejh.

1749. + It-Tjubija infinita ta’ Alla meta Huwa żejjen lid-dinja kollha bis-sbuħija sabiex jagħmel ż-żmien tagħna f’din l-art ikun żmien sabiħ.

O Alla, b’liema ġenerożita’ l-ħniena Tiegħek hi mxerrda ma’ kullimkien, u dan kollu Inti għamiltu għall-bnedmin. O kemm tħobbu Inti l-bniedem ladarba mħabbtek hi tant attiva sabiex tgħinu. O Ħallieq u Sid tiegħi, kullimkien jiena nista’ nara minn fejn għaddiet idek u s-siġill tal-ħniena tiegħek, li tgħannaq il-ħolqien kollu. O Ħallieq Tiegħi mimli kompassjoni, jiena rrid nagħtik il-qima tiegħi f’isem il-ħlejjaq kollha u f’isem il-ħolqien l-ieħor kollu; qiegħda nsejjaħ l-univers kollu biex jagħti glorja lill-ħniena Tiegħek. O kemm hi kbira t-tjubija Tiegħek, O Alla!

1750. Tkun adurat, O Ħallieq u Mulej tagħna,
O univers, bl-umilta’ kollha agħti glorja lil Alla Tiegħek;
Rodd ħajr lill-Ħallieq tiegħek mill-aħjar li tista’
U faħħar il-ħniena ta’ Alla li ħadd ma jista’ jifhimha.

Ejja, O art, fil-ħdura kollha tiegħek sabiħa;
Ejja, inti wkoll, O baħar bla qiegħ.
Ħalli l-gratitudni tiegħek issir għanja ta’ mħabba
U kanta l-kobor tal-ħniena ta’ Alla.

Ejja, xemx sabiħa, li tiddi,
Ejja, żerniq jiddi li jiġi qabilha.
Ingħaqdu f’innu wieħed, u ħallu l-ilħna ċari tagħkom
Ikantaw flimkien il-ħniena kbira ta’ Alla.

Ejjew, għoljiet u widien, foresti u boskijiet jitniedhu,
Ejjew, fjuri sbieħ ta’ filgħodu;
Ħallu l-fwieħa unika tagħkom
Tadura u tigglorifika l-ħniena ta’ Alla.

Ejjew, intom affarijiet kollha sbieħ tal-art,
Li l-bniedem jibqa’ jiskanta bihom.
Ejjew, aduraw lil Alla fl-armonija tagħkom,
Agħtu glorja lill-ħniena bla tarf ta’ Alla.

Ejja, sbuħija li ma titħassarx tal-art kollha,
U, b’umilta’ kbira, adura l-Ħallieq tiegħek,
Għax kollox jinsab imsakkar fil-ħniena Tiegħu,
B’vuċi waħda qawwija kollox jgħajjat; kemm hi kbira l-ħniena ta’ Alla.

Imma ‘l fuq minn din is-sbuħija kollha,
Tifħir li jogħġob iktar lil Alla
Hi r-ruħ li hi innoċenti u mimlija fiduċja bħal tat-tfal,
U li, permezz tal-grazzja, tkun magħquda Miegħu mill-qrib.

Djarju ta’ Swor Fawstina – Is-6 Pitazz (par.1731-1740)

Is-Sitt Pitazz – Paragrafi 1731-1740

19239608_747671375419787_617985413_n-e1498838879774

1731. Illum qajmitni maltempata kbira. Ir-riħ kien qed ivenven, ix-xita nieżla bil-qliel, sajjetti jfaqqgħu l-ħin kollu. Bdejt nitlob li l-maltempata ma tikkawża l-ebda ħsara, meta smajt dan il-kliem: Għid il-kurunella li għallimtek, u l-maltemp jieqaf. Bdejt fil-pront ngħid il-kurunella u kien għadni lanqas biss spiċċajtha x’ħin il-maltempata waqfet f’daqqa waħda, u jiena smajt dan il-kliem: Permezz tal-kurunella intom tistgħu tiksbu kollox, jekk dak li intom titolbu jkun skont ir-rieda Tiegħi.

1732. Kif kont qiegħda nitlob għall-Polonja, smajt dan il-kliem: Jiena għandi mħabba speċjali għall-Polonja, u jekk hi tkun ubbidjenti għar-rieda Tiegħi, jiena ngħolliha fil-qawwa u fil-qdusija. Minnha għad toħroġ il-ġamra li għad tħejji d-dinja għall-aħħar miġja Tiegħi.

1733. + Merħba lilek, Imħabba moħbija, ħajja ta’ ruħi! Jiena nagħtik merħba, Ġesu’, taħt dawn ix-xbihat umli tal-ħobż. Merħba, Ħniena l-iktar ħelwa, li titferra’ għall-erwieħ. Merħba, Tjubija infinita, li tferra’ kullimkien ix-xmajjar tal-grazzji Tiegħek. Merħba, O Dija mgħottija b’velu, id-Dawl tal-erwieħ. Merħba, O Għajn ta’ ħniena li ma tispiċċa qatt, O Għajn l-iżjed safja li minnha joħorġu jgelglu għalina l-ħajja u l-qdusija. Merħba, Għaxqa ta’ erwieħ safjin. Merħba, Tama waħdanija ta’ erwieħ midinbin.

1734. O Ġesu’ tiegħi, naf li hemm żminijiet meta jiena la jkolli ħsibijiet għoljin lanqas spirtu li jogħla ‘l fuq. Jiena nissaporti lili nnifsi bil-paċenzja u nammetti li jiena dak li jiena, għax kulma hu sabiħ hu grazzja mingħand Alla. U għalhekk jiena numilja ruħi profondament u nsejjaħ l-għajnuna Tiegħek; u l-grazzja taż-żjara ma ddumx ma tiġi f’qalb umli.

1735. O verġni, fjura sabiħa,
Int m’intix ser tibqa’ ħafna iżjed f’din id-dinja.
O, xi ġmiel is-sbuħija tiegħek,
Għarusa safja tiegħi.

L-ebda numri ma jistgħu jgħodduk.
Kemm hi għażiża l-fjura verġinali tiegħek!
Id-dija tiegħek xejn ma jista’ jtellifha;
Hija kuraġġuża, b’saħħitha, ħadd ma jirbħilha.

Id-dija tgħammex tax-xemx ta’ nofs inhar
Tiddallam fil-preżenza ta’ qalb verġni.
Ma nista’ nara xejn ikbar mill-verġnita’
Hija fjura meħuda mill-Qalb Divina.

O verġni ġentili, warda tfuħ,
Għalkemm hemm ħafna slaleb f’din l-art,
L-ebda għajn ma rat, lanqas qatt daħal f’moħħ il-bniedem
X’hemm jistenna ruħ verġni fil-ġenna.

O verġni, ġilju abjad bħas-silġ,
Inti tgħix għal kollox u biss għal Ġesu’
U fil-kalċi safi tal-qalb tiegħek
Hemm għamara li togħġob lil Alla nnifsu.

O verġni, ħadd m’hu ser ikanta l-innu tiegħek,
Fl-għanja tiegħek tinsab moħbija l-imħabba ta’ Alla.
L-anġli stess ma jistgħux jifhmu
Dak li l-verġni jkantaw lil Alla.

O verġni, il-fjura tiegħek tal-ġenna
Tisboq il-ġmiel kollu ta’ din id-dinja
U għalkemm id-dinja ma tistax tifhmek,
Hija titbaxxa bl-umilta’ kollha quddiemek.

Għalkemm il-mogħdija tal-verġni hi mimlija xewk,
U ħajjitha kkuntlarjata b’ħafna slaleb,
Min hu kuraġġuż bħalha?
Xejn ma jkissirha; xejn ma jista’ jirbħilha.

O verġni, anġlu ta’ din l-art,
Il-kobor tiegħek taf bih il-Knisja kollha.
Int toqgħod għassa quddiem it-tabernaklu
U, bħal Serafin, issir imħabba kollok kemm int.

1736. Darba, x’ħin kont fuq il-veranda, rajt li ċerta persuna kienet inkwetata b’tentazzjonijiet qawwijin dwar il-qrar għax kienet tiddubita kemm hu sigriet. Għalkemm kont naf l-istat ta’ dik ir-ruħ, ma bdejtx il-konverżazzjoni jiena stess. X’ħin sibna ruħna waħedna, hija fetħet qalbha miegħi u qaltli kollox. Wara li tkellimna xi ftit, hija qaltli, “Issa ninsab fil-paċi; ruħi rċeviet ħafna dawl.”

1737. Illum Ġesu’ għarrafni li kelli nitkellem ftit li xejn ma’ ċerta soru reliġjuża. Grazzja speċjali mingħand Alla weżnitni waqt li konna qegħdin nitkellmu, li ma kellhiex tkun għall-glorja ta’ Alla li kieku ma kenitx għal din il-ħaġa.

1738. Il-Mulej qalli, Idħol fil-Purgatorju spiss, għax jeħtiġuk hemmhekk. O Ġesu’ tiegħi, jiena qiegħda nifhem x’ifissru dan il-kliem li Inti qiegħed tgħidli, imma l-ewwel ħallini nidħol fit-teżor tal-ħniena Tiegħek.

1739. Ikteb, binti li Jiena l-istess ħniena mar-ruħ niedma. L-ikbar miżerja tar-ruħ ma tqanqallix ir-rabja; imma, pjuttost, Qalbi titqanqal lejha bi ħniena kbira.

1740. O Ġesu’ tiegħi agħtini s-saħħa biex inkun niflaħ għat-tbatija biex ma noqgħodx nitkerraħ meta jkolli nixrob mit-tazza tal-imrar. Għinni Inti stess sabiex is-sagrifiċċju tiegħi jkun jogħġbok. Tħallihx jittebba’ bl-egoiżmu tiegħi, ukoll jekk ikollu jtul għal ħafna snin. Jalla l-intenzjoni retta tagħmlu jogħġbok, frisk u mimli ħajja. Din ħajti hija taqbida kontinwa, sforz il-ħin kollu sabiex nagħmel ir-rieda qaddisa Tiegħek; imma jalla dak kollu li hemm ġo fija, kemm il-miżerja kif is-saħħa tiegħi, ifaħħrek, O Mulej.

Djarju ta’ Swor Fawstina – Is-6 Pitazz (par.1721-1730)

Is-Sitt Pitazz – Paragrafi 1721-1730

img_5477-2-e1498838179219

1721. Wara t-Tqarbin Imqaddes, x’ħin kont tajt merħba lil Ġesu’ ġewwa qalbi, jiena għidtlu, “Maħbub tiegħi, saltan fl-irkejjen l-iktar sigrieti ta’ qalbi, hemm fejn jitnisslu l-ħsibijiet, fejn Inti biss tista’ tidħol, f’dan is-santwarju fil-fond fejn il-ħsieb tal-bniedem ma jistax jidħol u jinfed. Jalla Int biss tgħammar hemm ġewwa, u jalla kulma nagħmel minn barra jibda fik u minnek. Bl-ikbar ħeġġa nixtieq, u qiegħda nipprova bis-saħħa kollha ta’ ruħi, li nara li Inti, Mulej, tħossok li qiegħed f’darek f’dan is-santwarju.”

1722. Smajt dan il-kliem: Li kieku inti ma rbattlix idejja, kont nibgħat ħafna kastigi fl-art. Binti, il-ħarsa tiegħek iżżarmali l-korla Tiegħi. Għalkemm xofftejk siekta, inti tgħajjatli b’tant qawwa li l-ġenna kollha tiċċaqlaq. Ma nistax naħrab mit-talb tiegħek, għax inti tiġri warajja, mhux mill-bogħod imma ġewwa qalbek stess.

1723. Meta ġiet iżżurni billejl ir-ruħ ta’ ċerta żagħżugħa, hija għarrfitni bil-preżenza tagħha, u qaltli li kellha bżonn it-talb tiegħi. Jiena qgħadt nitlob għal ftit, imma l-ispirtu tagħha ma telaqnix. Imbagħad jiena qgħadt naħseb bejni u bejn ruħi, “Jekk inti spirtu tajjeb, ħallini fil-paċi, u l-indulġenzi li nikseb għada jkunu għalik.” F’dak il-waqt, l-ispirtu telaq minn kamarti, u jiena ntbaħt li hi kienet tinsab fil-purgatorju.

1724. Illum ħassejt il-Passjoni tal-Mulej f’ġismi iktar milli ħassejtha fi żminijiet oħrajn. Ħassejt li dan kien minħabba ruħ moribonda.

1725. Illum, il-Mulej reġa’ beda jgħallimni, għal darb’oħra, kif għandi nersaq lejn is-Sagrament tal-Qrar: Binti, bħalma inti tħejji ruħek fil-preżenza Tiegħi, hekk ukoll inti tqerr quddiemi. Il-persuna tas-saċerdot hija biss għalija paraventu. Qatt m’għandek tanalizza x’tip ta’ saċerdot Jiena nkun qiegħed nuża; iftaħ ruħek fil-qrar bħallikieku qiegħda tqerr għandi, u Jiena nimlieha bid-dawl Tiegħi.

1726. Kristu u Mulej, Inti qiegħed tmexxini fuq tali preċipizzji li, meta jiena nħares lejhom, nimtela bil-biża’, imma fl-istess ħin ninsab fil-paċi hekk kif nitgeddes qrib il-Qalb Tiegħek. Qrib il-Qalb Tiegħek, ma nibża’ minn xejn. F’dawn il-waqtiet ta’ periklu, jiena nġib ruħi bħal tifla żgħira, hekk kif tkun qiegħda ġġorrha ommha; meta hi tara xi ħaġa li tbeżżagħha, tiggranfa iktar ma’ għonq ommha biex tħossha li tinsab fis-sod.

1727. + Ta’ spiss jiena nara nases magħmulin għalija minn erwieħ li mhux suppost jagħmluhom. Jiena ma niddefendix ruħi, imma nafda lili nnifsi iktar u iktar f’idejn Alla, li jara ġewwa fija. U nista’ nara kif dawn l-erwieħ jinqabdu fin-nases tagħhom stess. O Alla, kemm inti ġust u twajjeb!

1728. Ikteb: Jiena Qaddis, Qaddis, Qaddis u Jiena nobgħod l-iċken dnub. Ma nistax inħobb ruħ imtebbgħa bid-dnub; imma meta hija tindem m’hemmx limitu għall-ġenerożita’ Tiegħi magħha. Il-ħniena Tiegħi tgħannaqha u tiġġustifika. Bil-ħniena Tiegħi, Jiena niġri wara l-midinbin kull fejn ikunu, u Qalbi tifraħ meta huma jduru lura għandi. Ninsa l-imrar li jkunu sqew lil Qalbi u nifraħ li ġew lura.

Għid lill-midinbin li ħadd ma’ jista’ jaħrab minn taħt idejja; jekk huma jaħarbu ‘l bogħod mill-Qalb ħanina Tiegħi, huma jaqgħu fl-idejn ġusti Tiegħi. Għid lill-midinbin li Jiena dejjem ninsab nistennihom, li nkun qiegħed nissemma’ b’attenzjoni t-taħbit tal-qalb tagħhom . . . meta ser tibda tħabbat għalija? Ikteb, li Jiena nkun qiegħed inkellimhom permezz tar-rimors fil-kuxjenza tagħhom, permezz tad-disfatti u t-tbatijiet tagħhom, permezz ta’ maltempati, permezz tal-vuċi tal-Knisja. U jekk huma jġibu fix-xejn il-grazzji Tiegħi kollha, tibda l-korla Tiegħi għalihom, inħallihom waħedhom u nagħtihom dak li huma jkunu jridu.

1729. O Ġesu’ tiegħi, Inti biss taf bl-isforzi tiegħi. Donni ninsab daqsxejn aħjar, imma dan ifisser biss li nista’ noħroġ fil-veranda minflok ma noqgħod mimduda fis-sodda. Nista’ nara u konxja bis-sħiħ ta’ dak li qiegħed jiġrili. Minkejja l-kura diliġenti tas-superjuri tiegħi u l-isforzi tat-tobba, saħħti qiegħda tnin u sejra lura. Imma jiena ninsab tassew ferħana li Inti qiegħed issejjaħli; Alla Tiegħi, Imħabba tiegħi, għax naf li l-missjoni tiegħi ser tibda filwaqt tal-mewt tiegħi. O, kemm nixtieq li ninħeles mill-irbit ta’ dan il-ġisem. O Ġesu’ tiegħi, Inti taf li, fix-xewqat kollha tiegħi, jiena dejjem nixtieq nara r-rieda Tiegħek. Għal dak li jiddependi minni, la nixtieq immut minuta qabel, lanqas ngħix minuta iktar, la nbati inqas, lanqas inbati iżjed, imma jiena rrid biss li nagħmel ir-rieda qaddisa Tiegħek. Għalkemm għandi ħafna entużjażmu, u x-xewqat li hemm jaqbdu ġewwa qalbi huma kbar ħafna, dawn qatt ma jisbqu r-rieda tiegħek.

1730. Jiena niġri lejn il-ħniena Tiegħek, O Alla kollok mogħdrija, li Inti waħdek tajjeb. Għalkemm il-miżerja tiegħi hija kbira, u dnubieti huma bosta, jiena nafda fil-ħniena Tiegħek għax Inti Alla tal-ħniena, u qatt ma nstema’ matul iż-żminijiet, lanqas is-sema u l-art ma jiftakru, li xi ruħ ittamat fil-ħniena Tiegħek u baqgħet imqarrqa.

O Alla kollok mogħdrija, Inti biss tista’ tiġġustifikani, u Inti qatt ma tkeċċini meta nersaq niedma lejn Qalbek ħanina, minn fejn qatt ħadd ma ġie mwarrab, imqar jekk kien l-akbar midneb.

Djarju ta’ Swor Fawstina – Is-6 Pitazz (par.1711-1720)

Is-Sitt Pitazz – Paragrafi 1711-1720

side_altar_with_divine_mercy_pope_jpii_and_st_mary_faustina_olmm_rcc_ridgewood_queens_ny-e1498837413947

1711. X’ħin ħallewni waħdi mal-Verġni Mbierka, hija bdiet tgħallimni dwar il-ħajja interjuri. Hija qaltli, Il-vera kobor tar-ruħ jinsab filli tħobb lil Alla u tumilja ruħha fil-preżenza Tiegħu, filwaqt li tinsa lilha nnfisha għal kollox u temmen li hi m’hi ħlief xejn; għax il-Mulej Hu kbir, imma jogħġbuh biss dawk li huma umli; Huwa dejjem joħodha mas-suppervi.

1712. Ċerta persuna li jiena diġa’ semmejtha qabel, reġgħet ġiet iżżurni. X’ħin rajt li kienet bdiet tinqabad fil-gideb tagħha stess, ħallejtha tinduna li jiena kont naf li hi kienet qiegħda tgħid kliem b’ieħor. Bdiet tħossha mbarazzata ħafna u ma komplietx titkellem. Imbagħad jiena kellimtha fuq il-ġudizzji kbar ta’ Alla, u rrimarkajt ukoll li hi kienet qiegħda tmexxi erwieħ innoċenti fit-triq il-ħażina u fil-periklu. Ġibtilha quddiem għajnejha dak kollu li kien hemm f’qalbha. Peress li jiena wkoll kelli nissielet mas-sentimenti tiegħi stess biex inkellimha, sabiex nagħti prova lil Ġesu’ li nħobb lil għedewwa tiegħi, tajtha dik ix-xi ħaġa żgħira li kelli x’niekol wara nofs inhar. Meta telqitni ruħha kienet imdawla, imma għadha ‘l bogħod mill-fatti . . .

1713. Ikun hemm drabi meta l-Mulej Ġesu’ jaqtagħli sal-iċken xewqa. Illum għaddejt rimarka li xtaqt nara xi żbul tal-qamħ, imma ma jidhrux mis-sanatorjum tagħna. Iżda, wieħed mill-pazjenti sema’ din ir-rimarka u l-għada ħareġ fl-għalqa u ġabli xi żbul tal-qamħ sbieħ. Il-kamra tiegħi tkun dejjem imżejna bi fjuri friski, imma l-ispirtu tiegħi ma jista’ jistrieħ b’xejn. Ninsab imxenqa, iktar u iktar, għal Alla.

1714. Illum offrejt talb ħerqan ta’ interċessjoni lill-Mulej Ġesu’ għad-dar tagħna, u tlabtu jekk jogħġbu jneħħilna s-salib li mess lill-kunvent tagħna. (nota252) Il-Mulej weġibni, It-talb tiegħek ġie milqugħ għal intenzjonijiet oħrajn. Ma nistax inneħħilkom dan is-salib qabel ma jagħrfu t-tifsira tiegħu. Imma xorta waħda, bqajt nitlob.

1715. Tentazzjoni qawwija. Il-Mulej għarrafni kemm togħġbu qalb safja, u b’dan il-mod ksibt għarfien iktar profond tal-miżerja tiegħi stess. X’ħin bdejt inħejji ruħi għall-qrar, bdew ġejjin jattakkawni tentazzjonijiet qawwijin kontra l-konfessuri. Lil Satana ma stajtx narah, imma stajt inħossu, il-korla terribbli tiegħu. – “Iva, dak bniedem komuni.” –“Mhux komuni, għax għandu s-setgħa ta’ Alla.” – Iva, ma nsibhiex ħaġa diffiċli nakkuża lili nnifsi bi dnubieti. Imma nikxef il-fond l-iktar sigriet ta’ qalbi, li nagħti rendikont tal-ħidma tal-grazzja ta’ Alla, li nitkellem fuq kull talba li jitlob minni Alla, fuq dak kollu li jgħaddi bejni u bejn Alla . . . li nitkellem dwar dan ma’ xi ħadd hija ħaġa li m’għandix saħħa nagħmilha. Ħassejtni qiegħda nissielet mal-qawwiet u bdejt ngħajjat: “O Kristu, Inti u s-saċerdot, intom ħaġa waħda; ser nersaq għall-qrar bħallikieku kont rieqsa mhux lejn raġel, imma lejk.” X’ħin dħalt fil-konfessinarju, bdejt billi wrejt id-diffikultajiet tiegħi. Is-saċerdot wieġeb li l-aħjar ħaġa li stajt għamilt kienet li nuri mill-bidu x’kienu dawn it-tentazzjonijiet. Iżda, wara l-qrar, dawn għebu u ruħi qiegħda tgawdi l-paċi.

1716. Darba waqt ir-rikreazzjoni, waħda mis-sorijiet direttriċi qalet lis-sorijiet lajċi kienu bla ebda sentimenti, u għalhekk wieħed seta’ jittrattahom b’riżerva. Iddispjaċini nara li s-sorijiet direttriċi ftit li xejn jafu fuq is-sorijiet lajċi u jiġġudikawhom biss minn dak li jidher minn barra.

1717. Illum kont qiegħda nitkellem mal-Mulej u Hu qalli, Hemm erwieħ li ma nista’ nagħmel xejn magħhom. Dawn huma erwieħ li l-ħin kollu joqogħdu josservaw lill-oħrajn imma ma jafu xejn x’inhu jiġri ġewwa fihom stess. Il-ħin kollu jitkellmu fuq l-oħrajn, ukoll fil-ħinijiet ta’ skiet assolut, li hu riżervat sabiex huma jitkellmu miegħi biss. Erwieħ imsejknin, huma ma joqogħdux jismgħu kliemi; jibqgħu vojta minn ġewwa. Ma jfittxunix ġewwa l-qalb tagħhom stess, imma fi tpaċpiċ vojt, fejn lili qatt ma ssibni. Huma jħossu vojt ġewwa fihom, imma ma jagħrfux il-ħtija tagħhom stess, filwaqt li erwieħ li fihom Jiena nsaltan bis-sħiħ dejjem iġegħluhom iħossu rimors. Minflok ma jikkoreġu lilhom infushom, il-qlub tagħhom jintefħu bl-għira, u jekk ma jiġux f’sensihom, jibqgħu jgħoddsu iktar ‘l isfel. Qalb, li s’issa hi għajjura, issa tibda timtela bil-mibgħeda. U huma jkunu diġa’ f’xifer l-irdum. Jgħiru għar-rigali li Jiena nagħti lill-erwieħ l-oħrajn, imma huma stess la huma kapaċi u lanqas iridu jilqgħuhom.

1718. Li noqgħod f’riġlejk, O Alla moħbi,
Hi l-għaxqa u l-ġenna ta’ ruħi.
Hawnhekk, Int tgħarrafni, O Dak li ħadd ma jista’ jifhmu,
U Inti tkellimni bi ħlewwa: Agħtini, agħtini qalbek.

Djalogu fis-skiet, waħdi flimkien miegħek,
Din hi l-esperjenza li jgawdu l-ħlejjaq fil-ġenna,
U ngħid lil Alla, “Ser nagħtik, ser nagħtik, qalbi, O Mulej.”
Filwaqt li Inti, O kbir li ħadd ma jista’ jifhmek tilqa’ bil-qalb.

L-imħabba u l-ħlewwa huma l-ħajja ta’ ruħi
U l-preżenza Tiegħek il-ħin kollu ġewwa ruħi.
Jiena qiegħda ngħix f’din l-art f’estasi kontinwa,
U bħal serafin intenni, “Osanna!”

Inti li tinsab moħbi, ġisem, ruħ u divinita’,
Taħt l-ispeċi fraġli tal-ħobż,
Inti ħajti li minnha tfawwar abbundanza ta’ grazzji;
U għalija, Inti aqwa mill-hena tal-ġenna.

Meta Inti tingħaqad miegħi fit-Tqarbin, O Alla,
Jiena mbagħad inħoss il-kobor tiegħi li ma nistax niddeskrivih
Kobor li ġej minnek, O Mulej, jien nistqarr bl-umilta’,
U minkejja l-miżerja tiegħi, bil-għajnuna Tiegħek, jiena nista’ nsir qaddisa.

1719. + Waqt il-Quddiesa, sirt naf li ċertu saċerdot ma jistax iħalli effett wisq fl-erwieħ għax jaħseb fih innifsu u għalhekk jinsab waħdu. Il-grazzja ta’ Alla titlaq u taħrab; huwa jiddependi minn affarijiet żgħar esterni, li m’għandhom l-ebda importanza f’għajnejn Alla; u, peress li hu supperv, jaħli l-ħin tiegħu u jgħejja filwaqt li ma jaqbadx ħut.

1720. Ikun hemm waqtiet meta Ġesu’ jagħtini għarfien ġewwa ruħi, u mbagħad kulma jeżisti f’din l-art ikun jinsab għad-dispożizzjoni tiegħi; ħbieb, għedewwa, suċċess, kuntrarju . . . . kollox, irid jew ma jridx, ikollu jaqdini. Jiena ma naħseb xejn fihom; nipprova nkun fidila lejn Alla u nħobbu sal-punt li ninsa lili nnifsi għal kollox. U Huwa stess jieħu ħsiebi u jiġġieled kontra l-għedewwa tiegħi.

Djarju ta’ Swor Fawstina – Is-6 Pitazz (par.1701-1710)

Is-Sitt Pitazz – Paragrafi 1701-1710

p-1

1701. Illum tlabt lill-Mulej biex jogħġbu jgħallimni dwar il-ħajja interjuri, għax waħdi la nista’ nifhem lanqas nimmaġina xejn b’mod perfett. Il-Mulej weġibni, Jiena kont l-Imgħallem tiegħek, għadni u nibqa’; ipprova agħmel mod li qalbek tkun tixbah lill-Qalb umli u tenera Tiegħi. Qatt tinsisti fuq id-drittijiet tiegħek. Issaporti b’kalma u paċenzja kbira dak kollu li jiġrilek. Tiddefendix lilek nnifsek meta jwaqqgħuk għaċ-ċajt, għalkemm tkun bla ħtija. Ħalli l-oħrajn jittrijonfaw. Tiqafx milli tkun twajba meta l-oħrajn jabbużaw mit-tjubija tiegħek. Jiena stess naqbeż għalik meta jkun hemm bżonn. Kun grata għall-iżgħar waħda mill-grazzji Tiegħi, għax il-gratitudni tiegħek iġġegħelni nagħtik il-grazzja ġodda . . .

1702. Lejn it-tmiem tal-Via Sagra li kont qiegħda nagħmel, il-Mulej Ġesu’ beda jilmenta dwar l-erwieħ tar-reliġjużi u tas-saċerdoti u li ma kenitx teżisti l-imħabba fl-erwieħ magħżulin. Jiena ser nippermetti li l-kunventi u l-knejjes jiġu meqrudin. Jiena weġibt, “Ġesu’ imma hemm tant erwieħ qegħdin ifaħħruk fil-kunventi.” Il-Mulej wieġeb, Dak it-tifħir jagħmilli ferita f’Qalbi, għax l-imħabba għebet mill-kunventi. Erwieħ li m’għandhomx imħabba u devozzjoni; erwieħ mimlijin egoiżmu, erwieħ mimlijin suppervja u arroganza, erwieħ mimlijin qerq u ipokrisija, erwieħ berdin li għandhom bilkemm biżżejjed sħana ġewwa fihom biex iżżommhom ħajjin: Qalbi dan ma tifilħux. Il-grazzji kollha li Jiena nferra’ fuqhom jibqgħu għaddejjin fil-vojt bħalma l-ilma jibqa’ nieżel fuq wiċċ ta’ blata. Ma niflaħhomx, għax la huma tajbin u lanqas ħżiena. Jiena ridt li l-kunventi jibdew jeżistu sabiex id-dinja titqaddes permess tagħhom. Minn ġo fihom għandha toħroġ fjamma qawwija ta’ mħabba u sagrifiċċju. U jekk huma ma jindmux u ma jħossux jaqbad ġewwa fihom in-nar tal-ewwel imħabba tagħhom, Jiena ngħaddihom f’idejn din id-dinja . . .

Kif ser joqogħdu fuq it-tron imwiegħed tal-ġudizzju sabiex jiġġudikaw id-dinja, meta l-ħtija tagħhom hi ikbar mill-ħtija tad-dinja? La hemm penitenza lanqas tpattija. O qalb, li rċevietni filgħodu, u f’nofs inhar diġa’ qed taqbad bil-mibgħeda kontrija, mibgħeda ta’ kull kwalita’! O qalb li Jiena għażilt b’mod speċjali, inti għal dan ġejt magħżula, sabiex tweġġgħani iktar? Id-dnubiet kbar tad-dinja huma feriti tal-wiċċ fuq il-Qalb Tiegħi, imma d-dnubiet ta’ ruħ magħżula jinfduli Qalbi sa ġewwanett. . .

1703. X’ħin ippruvajt ninterċedi għalihom, ma stajt nsib l-ebda skuża għall-imġiba tagħhom, u f’dak il-ħin ma stajt naħseb f’xejn biex niddefendihom, qalbi qabadha l-uġigħ, u bdejt nibki bil-qalb. Imbagħad il-Mulej tefa’ ħarsa ħanina fuqi u farraġni b’dan il-kliem: Toqgħodx tibki. Għad fadal għadd kbir ta’ erwieħ li jħobbuni ħafna, imma Qalbi tixtieq li kulħadd iħobbha, u għax imħabbti hi kbira, għalhekk Jiena nwissihom u nċanfarhom.

1704. + Taqbida ma’ ċerta tentazzjoni. Kien hemm persuna li kien il-ħin kollu jwaqqafni bi kliem ta’ tmellis, u ladarba kien jaf x’ħin kont noħroġ biex imur fil-kappella jew fil-veranda, kien joqgħod fin-nofs minn fejn kont ngħaddi jiena. Peress li ma kienx jażżarda jersaq lejja waħdu, sab persuna oħra bħalu, imma l-ebda wieħed minnhom ma ażżarda jersaq lejja. Filwaqt li kont fi triqti sejra għad-devozzjonijiet ta’ Mejju, diġa’ kienu qegħdin hemm minn fejn kelli ngħaddi jiena. Kont għadni ma wasaltx ħdejhom meta smajt kliem indirizzat lejja biex jiġbidni. U l-Mulej ippermetthieli nsir naf l-intenzjonijiet li kellhom f’qalbhom, li ma kinux intenzjonijiet tajbin. Ħassejt ġewwa fija li kienu ser jagħlquli l-passaġġ minn fejn kelli ngħaddi wara li ħriġt mill-kappella, u mbagħad kien ikolli nkellimhom, għax sa dak iż-żmien ma kontx għidt kelma.

X’ħin ħriġt mill-kappella, kienu qegħdin hemm, ippreparati u jistennewni ngħaddi. Din id-darba, għelibni l-biża’. Imbagħad Ġesu’ qagħad maġenbi u qalli, Tibżax. Jiena qiegħed miegħek. Imbagħad ħassejt saħħa straordinarja ġewwa ruħi, li ma nistax niddeskriviha u, x’ħin kont ninsab ftit passi ‘l bogħod minnhom, għidt bil-kuraġġ u b’vuċi għolja, “Ikun imfaħħar Ġesu’ Kristu.” U huma, filwaqt li warrbu minn triqti, wieġbu, “Għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.” Bħallikieku laqtithom sajjetta, baxxew rashom u lanqas biss ażżardaw iħarsu lejja. Wara li għaddejt stajt nisma’ xi kummenti malizzjużi. Minn dak iż-żmien ‘il hawn, meta dan il-bniedem jarani, jitlaq jiġri sabiex ma jiltaqax miegħi, u jiena, grazzi lill-Mulej, bqajt ngħix fil-paċi . . .

1705. Wara l-Quddiesa, ħriġt fil-ġnien sabiex nagħmel il-meditazzjoni tiegħi, peress li kien għad m’hemmx pazjenti fil-ġnien dak il-ħin, u għalhekk ħassejtni komda nagħmel hekk. Kont qiegħda nimmedita fuq il-barkiet ta’ Alla, qalbi kienet qiegħda taqbad bi mħabba hekk qawwija li ħassejtni donnu sidri kien ser jinqasam. F’daqqa waħda sibt lil Ġesu’ quddiemi u qalli, X’inti tagħmel hawnhekk hekk kmieni? Jiena weġibt, “Qiegħda naħseb Fik, fil-ħniena Tiegħek u fit-tjubija Tiegħek magħna. U Inti, Ġesu’, x’inti tagħmel hawnhekk?” Ħriġt niltaqa’ miegħek, biex inferra’ fuqek grazzji ġodda. Qiegħed infittex erwieħ li jixtiequ jirċievu l-grazzja Tiegħi.

1706. Waqt il-Vespri llum, il-Mulej urieni kemm togħġbu qalb li hi safja u ħielsa. Ħassejt lil Alla jitpaxxa jħares ġo qalb bħal din . . . Imma qlub bħal dawn huma qlub ta’ kavallieri; ħajjithom hi taqbida waħda l-ħin kollu . . .

1707. Fi triqti lejn il-veranda, dħalt fil-kappella għal waqt wieħed. Qalbi ntilfet f’adorazzjoni profonda, filwaqt li qgħadt infaħħar it-tjubija u l-ħniena bla tarf ta’ Alla. Imbagħad smajt dan il-kliem ġewwa ruħi: Jiena Hu u għad inkun għalik dak li Inti qiegħda tfaħħarni li Jiena. Inti għad ikollok esperjenza tat-tjubija Tiegħi, diġa’ f’din il-ħajja u mbagħad, fil-milja kollha, fil-ħajja li għad trid tiġi.

1708. O Kristu, jiena nieħu tant gost meta nara li Inti maħbub, u li qed jidwi t-tifħir u l-glorja Tiegħek, l-aktar it-tifħir tal-ħniena Tiegħek. O Kristu, sal-aħħar waqt ta’ ħajti, ma niqafx nagħti glorja lit-tjubija u l-ħniena Tiegħek. B’kull qatra ta’ demmi, b’kull taħbita ta’ qalbi, jiena nigglorifika l-ħniena Tiegħek. Nixtieq li niġi mibdula kollni kemm jien f’innu lill-glorja Tiegħek. X’ħin insib ruħi fuq is-sodda tal-mewt tiegħi, jalla l-aħħar taħbita ta’ qalbi tkun innu ta’ mħabba u ta’ tifħir lill-ħniena Tiegħek bla tarf.

1709. Illum il-Mulej qalli, Qabel il-miġja tal-Ispirtu s-Santu għandek tagħmel irtir ta’ tlett ijiem. Jiena stess inkun id-direttur tiegħek. M’għandekx issegwi r-regoli tal-irtiri jew tuża kotba għall-meditazzjoni. Li għandek tagħmel hu li toqgħod tisma’ kliemi b’attenzjoni. Għall-qari spiritwali għandek taqra kapitlu wieħed mill-Evanġelju ta’ San Ġwann.

(Hawnhekk fil-pitazz oriġinali hemm spazju ta’ nofs paġna)

1710. 26 ta’ Mejju (1938 – Festa ta’ Tlugħ il-Mulej fis-sema). Illum jiena akkumpanjajt lill-Mulej Ġesu’ filwaqt li Hu tela’ s-sema. Kien għall-ħabta ta’ nofs inhar. Ġiet fuqi xewqa kbira għal Alla. Hi ħaġa stramba, iktar ma kont qiegħda nħoss il-preżenza ta’ Alla, bdejt nixxennaq għalih b’ikbar ħerqa. Imbagħad rajt lili nnifsi f’nofs ġemgħa kbira ta’ dixxipli u appostli, flimkien ma’ Omm Alla. Ġesu’ kien qed jgħidilhom sabiex . . . Imorru fid-dinja kollha u jgħallmu f’ismu. Huwa firex idejh fuqhom u berikhom u għeb fi sħaba. Rajt lill-Madonna tixxennaq. Ruħha kienet qiegħda tixxennaq għal Ġesu’ bil-qawwa kollha ta’ mħabbitha. Imma tant kienet fil-paċi u magħquda mar-rieda ta’ Alla li ma kien hemm l-ebda ċaqliqa f’qalbha ħlief għal dak li Alla ried.

Djarju ta’ Swor Fawstina – Is-6 Pitazz (par.1691-1700)

Is-Sitt Pitazz – Paragrafi 1691-1700

19511648_747671378753120_1978475144_n

1691. O, kemm nixtieq il-glorja tal-ħniena Tiegħek – għalija, imrar u tbatija! Meta jiena nara l-glorja tal-ħniena Tiegħek, il-ferħ tiegħi jkun bla qies. Ħalli l-umiljazzjoni u l-affarijiet kollha koroh jinżlu fuqi, sakemm il-glorja u t-tifħir tal-ħniena Tiegħek jibqgħu jidwu kullimkien – dak hu l-importanti.

Il-Ħallieq u l-Ħlejqa.

1692. Jiena nadurak, Sid u Ħallieq, moħbi fis-Sagrament Imqaddes. Nadurak għall-għemejjel kollha ta’ jdejk, li juruni daqshekk għerf, tjieba, u ħniena. O Mulej. Int xerridt tant sbuħija fuq l-art, u din tkellimni fuq il-ġmiel Tiegħek, għalkemm dawn il-ħwejjeġ sbieħ huma biss dell dgħajjef tal-ġmiel Tiegħek bla tarf. U għalkemm Inti ħbejt lilek innifsek u sbuħitek ma tidhirx, għajnejja mdawlin mill-fidi jarawk, u ruħi tagħraf fik il-Ħallieq tagħha, l-ogħla ġid tagħha; u qalbi tintilef għal kollox f’talba ta’ adorazzjoni.

O Sid u Ħallieq tiegħi, it-tjieba Tiegħek tagħmilli l-qalb biex nitkellem miegħek. Il-ħniena Tiegħek twarrab l-abbiss li jifred il-Ħallieq mill-ħlejqa. O Mulej, jiena nitgħaxxaq nitkellem miegħek. Fik insib kull ma’ qalbi tista’ tixtieq. Hawnhekk id-dawl Tiegħek idawwalli moħħi, biex ikun jista’ jagħrfek iżjed u aħjar. Hawnhekk xmajjar ta’ grazzji jinżlu ġo qalbi. Min hawnhekk ruħi tieħu l-ħajja ta’ dejjem. O Sid u Ħallieq tiegħi, Inti biss, lil hinn minn dawn id-doni kollha, tagħti lilek innifsek lili u tingħaqad b’mod sħiħ mal-imsejkna ħlejqa Tiegħek. Hawnhekk, mingħajr ma noqgħodu nfittxu l-kliem, il-qlub tagħna jifhmu lil xulxin. Hawnhekk, ħadd ma jista’ jwaqqaf it-taħdita tagħna. Dak li fuqu nkellmek, Ġesu’, hu s-sigriet tagħna, li l-ħlejjaq ma jsirux jafu u l-Anġli ma jażżardawx jistaqsu dwaru. Dawn huma atti sigrieti ta’ maħfra, li Ġesu’ u jiena biss nafu bihom; dan hu l-misteru tal-ħniena Tiegħu, li tgħannaq lil kull ruħ waħedha, mhux mal-oħrajn. Għal din it-tjubija Tiegħek bla tarf, jiena nadurak, O Mulej Ħallieq, b’qalbi kollha u b’ruħi kollha. U, għalkemm il-qima tiegħi hi hekk ċkejkna u fqira, jiena ninsab fil-paċi għax naf li Inti taf li hi sinċiera, għalkemm mhix biżżejjed . . .

1693. Kif kont qiegħda nikteb dan il-kliem, rajt lill-Mulej Ġesu’ jitqarreb lejja, u staqsieni, Binti, x’inti tikteb? Jiena weġibt, “Qiegħda nikteb fuqek, Ġesu’, fuq kif Inti tinsab moħbi fis-Sagrament Imqaddes, fuq l-imħabba u l-ħniena Tiegħek bla tarf li Inti għandek għall-bnedmin.” U Ġesu’ qalli, Segretarja tal-misteru l-iżjed profond Tiegħi, kun af li din tiegħek hi intimita’ esklussiva li inti għandek miegħi. Ix-xogħol tiegħek hu li inti tikteb dan kollu li Jiena ngħarrfek bih dwar il-ħniena Tiegħi, għall-benefiċċju ta’ dawk li meta jaqraw dawn l-affarijiet jirċievu l-faraġ f’ruħhom u jkollom il-kuraġġ jersqu lejja. Għalhekk Jiena rridek tiddedika l-ħin liberu kollu tiegħek għall-kitba.” Imma, O Mulej, jiena dejjem ser ikolli xi mument, imqar wieħed qasir, li fih jiena nkun nista’ nikteb? U Ġesu’ wieġeb, M’għandekx toqgħod taħseb fuq din il-ħaġa. Agħmel biss dak li tista’ u Jiena dejjem nagħmel b’mod li inti tkun tista’ faċilment tagħmel dak li Jiena nkun qed nitlob mingħandek . . .

1694. Illum ġiet tarani ċerta persuna lajka, (probabbilment Stanislava Kwietniewska) li ħolqot fija ħafna dwejjaq u li abbużat mit-tjubija tiegħi meta qalet ħafna kliem b’ieħor. Malli rajtha, demmi sar silġ fil-vini, għax hemm quddiemi stajt nara dak kollu li kelli nbati minħabba fiha, għalkemm b’kelma waħda stajt neħles lili nnifsi minn kollox. U ġieni f’moħħi ngħidilha l-verita’, fil-pront u b’mod sod. Imma fl-istess waqt, ġiet quddiem għajnejja l-ħniena ta’ Alla, u ddeċidejt li nimxi magħha bħalma Ġesu’ kien jimxi kieku kien minfloki. Bdejt inkellimha bil-ġentilezza, u x’ħin esprimiet ix-xewqa li tkellimni waħdi, jiena mbagħad, bid-delikatezza kollha, għarraftilha b’mod ċar l-istat ħażin tar-ruħ tagħha. Stajt nara li kienet emozzjonata ħafna, għalkemm dan kienet qiegħda tipprova taħbi minni. F’dak il-ħin, daħlet fil-kamra terza persuna, u għalhekk il-konverżazzjoni ta’ bejnietna ġiet fit-tmiem. Hi talbitni tazza ilma u xi żewġ affarijiet oħra li jiena qdejtha fihom bil-qalb. Iżda, li kieku ma kenitx il-grazzja ta’ Alla, ma kontx inkun kapaċi nġib ruħi magħha b’dan il-mod. Meta huma telqu, raddejt ħajr lil Alla għall-grazzja li kienet weżnitni dak il-ħin.

1695. Imbagħad smajt dan il-kliem, Jiena qed nieħu pjaċir li inti ġibt ruħek bħala tassew binti. Kun dejjem ħanina bħalma Jiena ħanin. Ħobb lil kulħadd għall-imħabba Tiegħi, ukoll l-ikbar għedewwa tiegħek, sabiex il-ħniena Tiegħi tkun tista’ tiġi riflessa bis-sħiħ ġewwa qalbek.

1696. O Kristu, għalkemm neħtieġu ħafna sforzi, kollox jista’ jsir bil-grazzja Tiegħek.

1697. Illum kont qiegħda nħossni mhux ħażin, u kont ferħana li stajt nagħmel is-Siegħa Adorazzjoni. Imma x’ħin bdejt nagħmel is-siegħa Adorazzjoni, it-tbatijiet fiżiċi tiegħi bdew jiżdiedu, bir-riżultat li ma stajtx nitlob. X’ħin spiċċajt is-Siegħa Adorazzjoni, it-tbatijiet tiegħi waqfu, u lmentajt mal-Mulej li kont xtaqt ngħaddas ruħi fil-Passjoni Ħarxa Tiegħu, imma t-tbatijiet tiegħi ma kinux ħallewni nagħmel dan. Imbagħad Ġesu’ qalli, Binti, kun af li jekk Jiena nippermettilek tħoss u tkun taf b’mod iktar profond it-tbatijiet Tiegħi, din tkun grazzja mingħandi. Imma meta moħħok jiddallam u t-tbatijiet tiegħek ikunu ikbar, ikun f’dak il-waqt li inti tieħu sehem b’mod attiv fil-Passjoni Tiegħi, u Jiena nkun qiegħed nagħġnek iżjed fix-xbieha Tiegħi. Huwa dmirek f’waqtiet bħal dawn li tissottometti ruħek għar-rieda tiegħi, iktar milli f’waqtiet oħra . . .

1698. Ta’ spiss nassisti mal-moribondi u permezz ta’ talb niksibilhom fiduċja fil-ħniena ta’ Alla, u nitlob lil Alla għal abbundanza ta’ grazzja divina, li hi dejjem rebbieħa. Il-ħniena ta’ Alla tmiss lil midneb fl-aħħar waqt b’mod tal-għaġeb u misterjuż. Minn barra, jidher bħallikieku kollox mitluf, imma mhux hekk ikun. Ir-ruħ, imdawla b’raġġ tal-grazzja qawwija ta’ Alla fl-aħħar mument, iddur lejn Alla f’dak l-aħħar waqt b’tant qawwa ta’ mħabba li, f’waqt wieħed, hija tirċievi mingħand Alla l-maħfra tad-dnub u tal-kastig, filwaqt li minn barra ma turi l-ebda sinjal ta’ ndiema, għax l-erwieħ, (f’dak l-istadju) ma jibqgħux jirreaġixxu għall-affarijiet esterni. O, kif ħadd ma jista’ jifhem il-ħniena ta’ Alla! Imma – x’biża’! – hemm ukoll erwieħ li minn jeddhom u konxjament iwarrbu u jiddisprezzaw din il-grazzja! Għalkemm il-persuna tkun tinsab fil-punt tal-mewt, Alla ħanin jagħti lir-ruħ dak il-mument ta’ dawl interjuri, sabiex jekk ir-ruħ tkun trid, ikollha l-possibilta’ li ddur lejn Alla. Imma xi kultant, tant ikunu iebsin l-erwieħ li minn jeddhom jagħżlu l-infern; (b’dan il-mod) ikun kollu għalxejn it-talb kollu li erwieħ oħra joffru lil Alla għalihom kif ukoll l-isforzi ta’ Alla nnifsu. . .

1699. Ġ.M.Ġ
Solitudni – waqtiet favoriti tiegħi,
Solitudni – imma dejjem flimkien miegħek, Ġesu’ u Mulej,
Qrib il-Qalb Tiegħek, il-ħin jgħaddi ħelu għalija,
U qrib Tiegħu, ruħi ssib is-serħan tagħha.
Meta l-qalb timtela bik sa ma tfur bl-imħabba,
U r-ruħ taqbad bin-nar safi,
Imbagħad, fost l-ikbar deżolazzjoni, ir-ruħ ma tħosshiex waħedha,
Għax tkun qiegħda tistrieħ fuq sidrek,

O Solitudni – mumenti ta’ kumpanija mill-aqwa,
Għalkemm jabbandunawni l-ħlejjaq kollha,
Jiena nintilef għal kollox fl-oċejan tad-divinita’ Tiegħek,
U Inti toqgħod tisma’ bil-ħlewwa tas-sigrieti tiegħi.

1700. Illum filgħaxija, il-Mulej staqsieni, M’għandekx xi xewqat f’qalbek? Jiena weġibt, “Xewqa waħda kbira għandi, u din hi li ningħaqad miegħek għal dejjem.” U l-Mulej weġibni, Dalwaqt. Binti l-iżjed għażiża, kull ċaqliqa tiegħek tinsab riflessa ġewwa Qalbi. Ħarsti tistrieħ fuqek bil-ħniena qabel kull ħlejqa oħra.

Djarju ta’ Swor Fawstina – Is-6 Pitazz (par.1681-1690)

Is-Sitt Pitazz – Paragrafi 1681-1690

help_america_cover_hi_res_2048x2048-e1498818728378

1681. + F’dak il-waqt, id-dawl ta’ Alla nifidni u ħassejt li jiena kont il-propjeta’ eskulussiva ta’ Alla; u kelli esperjenza tal-ikbar ħelsien spiritwali, li qabel ma kellix idea tiegħu. U fl-istess waqt, rajt il-glorja tal-Ħniena Divina u għadd infinit ta’ erwieħ li kienu qegħdin ifaħħru t-tjubija Tiegħu. Ruħi kienet għadha tinsab mgħarrqa kollha kemm hi f’Alla, u smajt dan il-kliem, Int binti l-iżjed għażiża. Il-preżenza ħajja ta’ Alla kompliet isseħħ matul il-jum kollu.

1682. + 1 ta’ Mejju (1938). Illum filgħaxija, Ġesu’ qalli, Binti, jonqsok xi ħaġa? Jien weġibt, “O Mħabba tiegħi, meta jiena għandi Lilek għandi kollox.” U l-Mulej wieġeb, Li kieku l-erwieħ kellhom jintelqu kollhom kemm huma f’idejja, Jiena stess kont nidħol għalihom biex inqaddishom, u kont inferra’ grazzji ikbar fuqhom. Hemm erwieħ li jfixklu l-isforzi Tiegħi, imma Jiena għadni ma qtajtx qalbi minnhom; kull darba li huma jduru lejja, Jiena mmur niġri biex ngħinhom, inħarishom bil-ħniena Tiegħi, u nagħtihom l-ewwel post fil-Qalb ħanina Tiegħi.

1683. Ikteb għall-benefiċċju ta’ erwieħ reliġjużi li Jiena nieħu gost immur f’qalbhom fit-Tqarbin Imqaddes. Imma jekk insib lil xi ħaddieħor f’qalbhom, din il-ħaġa ma nkunx niflaħha u nitlaq malajr minn dik il-qalb u nieħu Miegħi d-doni u l-grazzji kollha li Jiena nkun ħejjejt għar-ruħ. U r-ruħ lanqas biss tinduna li Jiena nkun tlaqt. Wara xi ħin, tibda tinduna li għandha ġewwa fiha vojt u nuqqas ta’ sodisfazzjon. O, li kieku hi mbagħad iddur lejja, Jiena ngħinha tnaddaf lil qalbha, u Jiena nwettaq kollox fir-ruħ tagħha; imma jekk hi ma tkunx trid taf u ma tkunx trid, Jiena ma nistax inkun is-Sid tal-qalb tagħha.

1684. + Jiena spiss nikkomunika mal-moribondi u niksbilhom il-ħniena divina. O, kemm hi kbira t-tjubija ta’ Alla, ikbar milli aħna nistgħu nifhmu. Hemm mumenti u hemm misteri tal-ħniena divina li bihom jistagħġbu s-smewwiet. Ejjew nieqfu milli niġġudikaw lill-erwieħ, għax il-ħniena ta’ Alla fuqhom hi straordinarja.

1685. Waqt is-siegħa Adorazzjoni llum, staqsejt lill-Mulej Ġesu’ jekk jogħġbux jgħallimni dwar il-ħajja spiritwali. Ġesu’ weġibni, Binti, għix bil-fedelta’ l-kliem li Jiena qed ngħidlek. Tpoġġix valur għoli fuq kull ħaġa esterna, tkun xi tkun, ukoll jekk tkun tidher prezzjuża ħafna f’għajnejk. Intelaq għal kollox, u għix flimkien miegħi l-ħin kollu. Afdali kollox f’idejja, u tagħmel xejn waħdek, u inti dejjem ikollok ħelsien kbir tal-ispirtu. L-ebda ċirkostanza, l-ebda ġrajja qatt ma tkun tista’ tinkwetak. Tagħtix kas ta’ dak li jgħidu n-nies. Ħalli lil kulħadd jiġġudikak kif irid. Tippruvax tiskuża lilek innifsek; ma tiġrilek l-ebda ħsara. Agħti kollox mal-ewwel sinjal li xi ħadd ser jitolbok xi ħaġa, ukoll jekk jitolbok l-aktar affarijiet bżonnjużi. Titlob xejn mingħajr ma tikkonsultani. Ħallihom joħdulek ukoll dak li għandek dritt għalih – ir-rispett, isem tajjeb għalik innifsek – ħalli l-ispirtu tiegħek jogħla ‘l fuq minn dan kollu. U hekk meħlusa minn kollox, oqgħod strieħ qrib Qalbi, u tħalli xejn itellfek il-paċi tiegħek. Studenta Tiegħi, oqgħod aħseb fuq il-kliem li Jiena għidtlek.

1686. O Mħabba tiegħi, Mgħallem etern tiegħi, kemm hi ħaġa tajba li wieħed jobdi; għax meta l-ubbidjenza tgħaddas ir-ruħ iġġib magħha l-qawwa u s-saħħa sabiex wieħed ikun jista’ jaħdem.

1687. Illum rajt lill-Mulej Ġesu’ Msallab. Perli prezzjużi u djamanti kienu ħerġin mill-ferita ta’ Qalbu. Stajt nara kif qtajja’ ta’ erwieħ kienu qegħdin jiġbdu dawn id-doni, imma kien hemm ruħ waħda li kienet tinsab l-iktar qrib tal-Qalb Tiegħu u din, peress li kienet taf kemm huma kbar dawn id-doni, kienet qiegħda tiġborhom bl-abbudanza, mhux biss għaliha stess, imma għall-oħrajn ukoll. Is-salvatur qalli, Ara, it-teżori tal-grazzja li niżlin fuq l-erwieħ, imma mhux l-erwieħ kollha jafu kif japprofittaw mill-ġenerożita’ Tiegħi.

1688. Illum, il-Mulej qalli, Binti, ħares fil-Qalb Ħanina Tiegħi u rrifletti l-kompassjoni tagħha fil-qalb tiegħek u fl-għemejjel tiegħek, sabiex inti, li qiegħda xxandar il-ħniena Tiegħi lid-dinja, inti stess tkun qiegħda taqbad bin-nar tagħha.

1689. 8 ta’ Mejju (1938). Illum, rajt żewġ kolonni enormi mwaqqfin fuq l-art; jiena kont waqqaft waħda minnhom, u ċerta persuna, S.M., kienet waqqfet l-oħra. Dan konna għamilnieh bi sforz liema bħalu, ħafna xogħol u diffikulta’. U meta jiena kont waqqaft il-kolonna, jiena stess bdejt nistagħġeb minn fejn kont ġibt dik is-saħħa straordinarja. U ntbaħt li dan ma kontx għamiltu bis-saħħa tiegħi stess, imma bis-saħħa li ġietni mis-sema. Dawn iż-żewġ kolonni kienu qrib xulxin, fl-isfond tax-xbieha. U rajt ix-xbieha, mgħollija ‘l fuq ħafna u mdendla minn dawn iż-żewġ kolonni. F’daqqa waħda, kien hemm tempju kbir, imwieżen minn ġewwa u minn barra, minn dawn iż-żewġ kolonni. Rajt id qiegħda tispiċċa (l-bini) tat-tempju, imma ma stajtx nara min kienet il-persuna. Kien hemm għad kbir ta’ nies, fit-tempju u barra mit-tempju, u nixxigħat ħerġin bil-qawwa jgelglu mill-Qalb kollha Ħniena ta’ Ġesu’ kienu neżlin fuq kulħadd.

1690. Wara t-Tqarbin illum, Ġesu’ qalli, Binti, agħtini l-erwieħ. Kun af li hi l-missjoni tiegħek li tirbaħ l-erwieħ għalija permezz tat-talb u tas-sagrifiċċju, u billi tħajjarhom jafdaw fil-ħniena Tiegħi.

Djarju ta’ Swor Fawstina – Is-6 Pitazz (par.1671-1680)

Is-Sitt Pitazz – Paragrafi 1671-1680

saint-faustina-photos-faustina-kowolska-photographs-divine-mercy-marys-dowry-productions-catholic-film-film-release-2017-dvd-faustina-of-the-blessed-sacrament-film-41

1671. F’dak il-waqt, jiena tlabt lill-Mulej għal ċerta persuna, u l-Mulej weġibni, Din ir-ruħ hi għażiża għalija b’mod speċjali. Din il-ħaġa ferrħitni ħafna. Il-ferħ ta’ erwieħ oħrajn jimlieni b’ferħ ġdid, u meta jiena nara doni iktar għoljin f’xi ruħ, qalbi ittir ‘il fuq lejn il-Mulej f’innu ġdid ta’ adorazzjoni.

1672. 19 ta’ April (1938). Waqt il-ħin tar-rikreazzjoni, waħda mis-sorijiet (Swor Gajetan) qalet, “Swor Fawstina tant tinsab ħażin li bilkemm tista’ timxi, imma jalla ma ddumx ma tmut għax hi ser tkun qaddisa.” Imbagħad waħda mis-sorijiet direttriċi, (Swor Casimir) (nota246) qalet, “Li ser tmut, nafuh; imma, jekk hix ser tkun qaddisa, dik ħaġa oħra.” Imbagħad bdew xi rimarki malizzjużi fuq dan is-suġġett. Jiena żammejt is-skiet; imbagħad ippruvajt ngħid xi ħaġa, imma rajt li l-koverżazzjoni kienet sejra għall-agħar, għalhekk erġajt qgħadt bi kwieti.

1673. Bħalissa, qiegħda nirċievi ittri mingħand sorijiet li jinsabu fi djar oħra u li għamlu n-novizzjat miegħi. (nota247) Dawn spiss idaħħkuni, peress li ħafna drabi jiktbuli hekk: “Għażiża Swor Fawstina, jiddispjaċina ħafna li tinsab marida hekk serjament; imma aħna ninsabu ferħanin ħafna li, meta l-Mulej Ġesu’ jieħdok miegħu, inti ser titlob għalina, għax inti għandek influwenza kbira mal-Mulej.” Waħda mis-sorijiet poġġietha b’dan il-mod: “Meta inti tmur Sor, jekk jogħġbok hu ħsiebi b’mod speċjali, għax ċerta li inti tista’ tagħmilha din il-ħaġa għalija.” Soru oħra kitbet hekk: “Kemm qiegħda nistenna ż-żmien meta jieħdok il-Mulej Ġesu’, għax naf x’ser jiġri mbagħad; u jiena nixtieq b’qalbi kollha l-mewt għalik.” Jiena ridt nistaqsieha f’hiex kienet qiegħda taħseb, dwar il-mewt tiegħi, imma għamilt mortifikazzjoni u weġibt, “Tiġrili l-istess ħaġa, lili midinba, bħalma tiġri lill-midinbin kollha, jekk ma tħarisnix il-ħniena ta’ Alla.”

1674. 20 ta’ April (1938). Tluq għal Pradnik. Kont inkwetata ħafna li kienu ser ipoġġuni f’sodda f’sala fejn inkun esposta għal kollox. Li kieku kien biss għal ġimgħa jew tnejn . . . imma ser indum żmien twil, xahrejn jew forsi iktar. Filgħaxija, mort nitkellem mal-Mulej Ġesu’. X’ħin rajt lill-Mulej Ġesu’, ferrajt qalbi quddiemu, l-inkwiet u l-biżgħat kollha tiegħi. Ġesu’ qagħad jismagħni bi mħabba u mbagħad qalli, Kun fil-paċi binti, Jiena miegħek. Mur f’paċi kbira. Kollox lest. Jiena ordnajt, bil-mod speċjali Tiegħi, sabiex kamra privata tiġi mħejjija għalik. B’din l-assigurazzjoni u mimlija gratitudni, mort fis-sodda.

1675. L-għada, Swor Felicia ħaditni hemm. Mort f’paċi kbira u bi spirtu kalm. X’ħin wasalna, qalulna li kien hemm kamra privata għal Swor Fawstina. X’ħin dħalna fil-kamra, kellna sorpriża għax kollox kien mħejji sewwa: kollox kien nadif, miksi bit-tvalji u mżejjen bil-fjuri; is-Sorijiet kienu poġġew fuq il-komodina ħaruf ħelu tal-Għid. (nota248) Fil-pront, tliet sorijiet tas-Sacro Cuor (nota249) li kienu jaħdmu fis-sanatorju li kien ili nafhom, ġew biex jagħtuni merħba bil-qalb. Swor Felicia baqgħet sorpriża b’dan kollu. Sellimna lil xulxin bil-qalb u hi telqet. X’ħin kont waħdi, jiena biss mal-Mulej Ġesu’, irringrazzjajtu ta’ din il-grazzja kbira.

1676. Ġesu’ qalli, Kun fil-paċi; Jiena miegħek. Kont għajjiena u rqadt. Filgħaxija, is-soru (Swor David) li kellha tieħu ħsiebi ġiet u qaltli, “Għada m’intix sejra tirċievi lill-Mulej Ġesu’, Sor, għax inti għajjiena ħafna, imbagħad naraw, iktar tard.” Din il-ħaġa weġġgħatni ħafna, imma għidtilha b’kalma kbira, “Tajjeb ħafna” u b’rassenjazzjoni sħiħa mar-rieda tal-Mulej, fittixt li norqod. Filgħodu, għamilt il-meditazzjoni tiegħi u ħejjet ruħi għat-Tqarbin Imqaddes, għalkemm ma kellix nirċievi lill-Mulej Ġesu’. X’ħin mħabbti u x-xewqa tiegħi laħqu grad għoli, rajt maġenb is-sodda tiegħi Serafin, li qarbinni, (nota250) filwaqt li qal dan il-kliem “Ara s-Sid tal-Anġli.” X’ħin irċevejt il-Mulej, l-ispirtu tiegħi għereq fl-imħabba ta’ Alla u fi stagħġib. Din il-ħaġa rrepetiet ruħha għal tlettax –il jum, għalkemm minn jum għall-ieħor qatt ma kont żgura li kien ser jiġi jqarrbini l-għada. Imma jiena poġġejt il-fiduċja sħiħa tiegħi fit-tjubija ta’ Alla, imma lanqas biss ma kont nażżarda naħseb li kont sejra nerġa’ nitqarben b’dan il-mod l-għada.

Is-Serafin kellu madwaru dawl kbir, id-divinita’ u l-imħabba ta’ Alla kienu riflessi fih. Kien liebes libsa tad-deheb u, fuqha, spelizza trasparenti u stola trasparenti. Il-kalċi kien tal-kristall, miksi b’velu trasparenti. Malli tani l-Mulej, għeb.

1677. Darba, meta nibet ġewwa fija ċertu dubju ftit qabel it-Tqarbin Imqaddes, is-Serafin bil-Mulej Ġesu’ kien jinstab quddiemi għal darb’oħra. Staqsejt lill-Mulej Ġesu’ u meta ma rċevejt l-ebda tweġiba, jiena għidt lis-Serafin, “Tista’ forsi tqararni?” U hu weġibni, “L-ebda spirtu fis-sema m’għandu dik is-setgħa.” U f’dak il-waqt, l-Ostja Mqaddsa strieħet fuq xofftejja.

1678. Il-Ħadd (24 ta’ April 1938) (nota251), is-soru li kienet inkarigata mill-morda qaltli, “Tajjeb, Sor, illum is-saċerdot ser iġiblek lill-Mulej Ġesu’.” Jiena weġibt, “Tajjeb”, u hu ġabu. Wara xi ħin, irċevejt il-permess li nqum mis-sodda. Għalhekk mort il-Quddies u stajt noqgħod xi ftit ħin mal-Mulej, regolarment.

1679. Wara l-ewwel eżami li għamilli, it-tabib (Silberg) sab li l-kundizzjoni tiegħi kienet gravi. “Qegħdin nissuspettaw , Sor, li inti tassew għandek il-marda li inti kellimtni dwarha.” Imma Alla ta’ Setgħa Kbira kollox jista’ jagħmel.”

X’ħin dħalt fil-kamra tiegħi, għaddast lili nnifsi f’talb ta’ radd il-ħajr għal dak kollu li l-Mulej kien bagħatli matul ħajti kollha, u ssottometejt ruħi bis-sħiħ għar-rieda l-iżjed qaddisa Tiegħu. Ferħ u paċi profonda mlewli ruħi. Ħassejt paċi tant kbira li, li kieku l-mewt ġiet f’dak il-ħin, ma kontx ngħidilha, “Stenna, għax għad baqagħli xi affarijiet x’nagħmel.” Le, kont nagħtiha merħba bil-ferħ, għax jiena lesta li niltaqa’ mal-Mulej, mhux biss illum, imma minn dak il-waqt meta jiena poġġejt il-fiduċja sħiħa tiegħi fil-Ħniena Divina, u ntlaqt għal kollox fir-rieda l-iżjed qaddisa Tiegħu, mimlija ħniena u kompassjoni. Jiena naf x’jiena waħdi . . .

1680. L-Ewwel Ħadd fuq l-Għid. Illum, jiena rġajt offrejt lili nnifsi lill-Mulej bħala olokawstu għall-midinbin. Ġesu’ tiegħi, jekk diġa’ qed joqrob it-tmiem ta’ ħajti, jiena qiegħda nitolbok bl-ikbar umilta’, aċċetta mewti f’għaqda miegħek bħala olokawstu li jiena qiegħda noffrilek illum, filwaqt li għadni f’pussess sħiħ tal-fakultajiet tiegħi u tar-rieda konxja tiegħi, u dan għal tliet għanijiet:

L-ewwel: sabiex l-opra tal-ħniena Tiegħek tinxtered fid-dinja kollha u sabiex il-Festa tal-Ħniena Divina tiġi mxerrda u ċċelebrata b’solennita’.

It-tieni: sabiex il-midinbin, speċjalment midinbin moribondi, jirrikorru għall-ħniena Tiegħek u jkollhom esperjenza tal-effetti ta’ din il-ħniena, effetti li ma tistax tpoġġihom fi kliem.

It-tielet: sabiex l-opra kollha tal-ħniena Tiegħek isseħħ skont ix-xewqat Tiegħek, u għal ċerta persuna li hi nkarigata minn din l-opra . . .

Aċċetta, Ġesu’ l-iktar ħanin, is-sagrifiċċju tiegħi li mhux biżżejjed, li Jiena qiegħda noffrilek illum quddiem is-sema u l-art. Jalla l-Qalb Imqaddsa Tiegħek, hekk mimlija ħniena, tkompli dak li hemm nieqes fl-offerta tiegħi u offrih lil Missierek għall-konverżjoni tal-erwieħ. Jiena għandi għatx għall-erwieħ, O Kristu.

Djarju ta’ Swor Fawstina – Is-6 Pitazz (par.1661-1670)

Is-Sitt Pitazz – Paragrafi 1661-1670

SAMSUNG

1661. Għaddejt il-jum kollu f’radd il-ħajr, u l-gratitudni kompliet timlili ruħi. O Alla tiegħi, kemm Inti tajjeb, kemm hi kbira l-ħniena Tiegħek! Inti żżurni b’tant grazzji, lili li jiena farka trab mill-iżjed miżerabbli. Ninxteħet minn tuli f’riġlejk, O Mulej, u nistqarr b’qalb sinċiera li jiena m’għamilt xejn biex ikun jistħoqqli wkoll l-iċken waħda tal-grazzji Tiegħek. Hi fit-tjubija Tiegħek li Inti tagħti lilek innifsek lili b’tant ġenerożita’. Għalhekk, iktar ma jkunu kbar il-grazzji li qalbi tirċievi, iktar hija tintefa’ ‘l isfel fl-umilta’.

1662. + O Kristu, li nbati għalik hi l-għaxqa ta’ qalbi u ta’ ruħi. Tawwal it-tbatijiet tiegħi sal-infinita’, sabiex jiena nkun nista’ nagħtik prova ta’ mħabbti. Jiena naċċetta dak kollu li idek għad tnewwilli. Imħabbtek, Ġesu’, hi biżżejjed għalija. Jiena nigglorifikak fl-abbandun u fid-dlam, fl-agunija u fil-biża’, fl-uġigħ u fl-imrar, fid-dieqa tal-ispirtu u fin-niket tal-qalb. Tkun imbierek f’kollox. Qalbi tant hi ddistakkata mill-art, li Inti stess biżżejjed għalija. M’għad baqa’ l-ebda waqt f’ħajti meta jiena naħseb fija nnifsi.

1663. Ħamis ix-Xirka. (14 ta’ April 1938). Illum ħassejtni b’saħħti biżżejjed biex nieħu sehem fiċ-ċerimonji tal-Knisja. Waqt il-Quddiesa, Ġesu’ qagħad quddiemi u qalli, Ħares ġewwa Qalbi u ara hemmhekk l-imħabba u l-ħniena li Jiena għandi għall-umanita’, u l-aktar għall-midinbin. Ħares, u idħol fil-Passjoni Tiegħi. F’waqt wieħed, kelli esperjenza li għext il-Passjoni kollha ta’ Ġesu’ f’qalbi. Kont sorpriża li dawn it-torturi ma ċaħħdunix minn ħajti.

1664. Waqt l-adorazzjoni, Ġesu’ qalli, Binti, kun af li l-imħabba ħerqana tiegħek u l-kompassjoni li inti tħoss għalija kienu konsolazzjoni għalija fil-Ġnien (taż-Żebbuġ).

1665. Waqt is-siegħa Adorazzjoni filgħaxija, smajt dan il-kliem, Inti tista’ tara l-ħniena Tiegħi mal-midinbin, li f’dan il-waqt qiegħda tidher fil-qawwa kollha tagħha. Ara kemm int ktibt ftit fuqha; hi biss qatra waħda. Agħmel dak kollu li inti tista’ sabiex il-midinbin ikunu jistgħu jsiru jafu bit-tjubija Tiegħi.

1666. Il-Ġimgħa l-Kbira. (15 ta’ April 1938). Rajt lill-Mulej Ġesu’ ittorturat, imma mhux imsammar mas-Salib. Kien qabel ma ġie mislub, u Hu qalli, Inti Qalbi. Kellem lill-midinbin dwar il-ħniena Tiegħi. U l-Mulej tani għarfien interjuri tal-abbiss sħiħ tal-ħniena Tiegħu għall-midinbin , u sirt naf li dak li jiena kont ktibt hu tassew qatra.

1667. Sibt il-Għid. (16 ta’ April 1938). Waqt l-adorazzjoni, il-Mulej qalli, Kun fil-paċi, binti. Din l-opra tal-ħniena hi Tiegħi; m’hemm xejn minnek fiha. Jiena ninsab kuntent li inti qiegħda twettaq bil-fedelta’ dak li Jiena kkmandajtek tagħmel, mingħajr ma żżid jew tnaqqas kelma waħda. U tani dawl interjuri li permezz tiegħu sirt naf li lanqas kelma waħda ma kienet tiegħi; minkejja d-diffikultajiet u l-kuntrarju, jiena dejjem, dejjem wettaqt ir-rieda Tiegħu, kif Hu kien għarrafhieli.

1668. Il-Qawmien mill-imwiet. Qabel il-quddiesa tal-Għid, tant ħassejtni dgħajfa li tlift kull tama li nieħu sehem fil-purċissjoni li jkun hemm fil-knisja; u għidt lill-Mulej, “Ġesu’, jekk it-talb tiegħi jogħġbok, agħtini s-saħħa għal dan il-mument sabiex inkun nista’ nieħu sehem fil-purċissjoni.” F’dak l-istess waqt, ħassejtni b’saħħti u ċerta li kont nista’ nakkumpanja lis-sorijiet fil-purċissjoni.

1669. X’ħin bdiet il-purċissjoni, rajt lil Ġesu’ f’dija ikbar mid-dawl tax-xemx. Ġesu’ ħares lejja bi mħabba u qalli, Qalb ta’ Qalbi, imtela bil-ferħ. F’dak il-ħin, l-ispirtu tiegħi ntilef fih . . . X’ħin erġajt ġejt f’tiegħi, kont qiegħda miexja fil-purċissjoni mas-sorijiet, filwaqt li ruħi kienet mgħaddsa għal kollox fih . . .

1670. + L-Għid. (17 ta’ April 1938). Waqt il-Quddiesa, raddejt ħajr lill-Mulej Ġesu’ talli għoġbu jifdina u jagħtina dak l-ikbar wieħed fost id-doni kollha, jiġifieri, imħabbtu fit-Tqarbin Imqaddes; jiġifieri, Hu stess. F’dak il-waqt jiena nġbidt lejn is-Santissima Trinita’, u ġejt mgħaddsa fl-imħabba tal-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu. Dawn il-mumenti diffiċli biex niddeskrivihom.

Djarju ta’ Swor Fawstina – Is-6 Pitazz (par.1651-1660)

Is-Sitt Pitazz – Paragrafi 1651-1660

19052096_137581406816027_1027253725053321216_n-e1498815635761

1651. + Illum waħda mis-sorijiet ġiet f’kamra tiegħi u qalet li t-tali soru kienet inkwetata ħafna fuq il-marda tagħha stess, u din il-ħaġa kienet qiegħda ddejjaqha ħafna u, li kieku ma kenitx membru ta’ dan il-kunvent, kienet tgħidilha erba’ kelmiet sewwa. Jiena weġibt li kont sorpriża li kienet qiegħda taħseb b’dan il-mod: “Sor, aħseb biss kemm –il lejl għamlet mingħajr ma raqdet din is-soru marida u kemm dmugħ . . . “Is-soru mbagħad bdiet taħsibha mod ieħor.

+
Ġ.M.Ġ

1652. Adura, ruħi, il-ħniena tal-Mulej,
O Qalbi, ifraħ bis-sħiħ fih,
Għax inti ntgħażilt minnu għal dan il-għan,
Biex inti xxerred il-glorja tal-ħniena Tiegħu.

It-tjubija Tiegħu ħadd ma jista’ jkejjilha,
M’hemmx kliem biex titfisser il-kumpassjoni Tiegħu.
Kull ruħ li tersaq lejh ikollha din l-esperjenza.
Huwa jħarisha u jħaddanha ma’ sidru.

Hienja dik ir-ruħ li afdat fi tjubitek
U ntelqet kollha kemm hi fil-ħniena Tiegħek.
Ruħha mimlija bil-paċi tal-imħabba.
Inti tħarisha kullimkien bħallikieku kienet bintek stess.

O ruħ, inti min int f’din id-dinja,
Ukoll li kieku dnubietek kienu suwed bħal lejl
Tibżax minn Alla, għalkemm inti tarbija dgħajfa,
Għax kbira hi l-qawwa tal-ħniena ta’ Alla.

+
Ġ.M.Ġ

1653. Id-dawl ta’ hemm fuq, fejn isaltan Alla tiegħi,
Dan hu li tixxennaq għalih ruħi,
Din hi l-ħaġa li għaliha tixxennaq qalbi,
U l-esseri tiegħi kollu jitlaq jiġri għal ħdejk.

Jiena nitlaq niġri għad-dinja l-oħra, għal għand Alla waħdu,
Għal ġod-dawl li ħadd ma jista’ jifhmu, l-istess nar tal-imħabba,
Għax ruħi u qalbi ġew maħluqin għalih,
U qalbi ħabbitu sa miż-żgħożija tenera tiegħi.

Hemmhekk, fid-dawl jiddi ta’ wiċċek
Għad tistrieħ imħabbti mifnija.
Għax il-verġni Tiegħek tagonizza għalik f’dan l-eżilju tagħha,
Għax hi tgħix biss meta tkun magħquda flimkien miegħek.

+
Ġ.M.Ġ
Il-jum tiegħi qed joqrob għat-tmiem tiegħu,
Issa wkoll jiena nista’ nilmaħ id-dija tad-dawl Tiegħek, O Alla tiegħi.
Ħadd ma hu ser isir jaf dak li qalbi qiegħda tħoss;
Xofftejja għad jisktu f’umilta’ kbira.

Issa wkoll, jiena qiegħda noqrob lejn iż-żwieġ etern,
Lejn il-ġenna bla tarf, lejn spazji bla limitu.
Jiena ma nixtieq l-ebda mistrieħ jew premju;
L-imħabba safja ta’ Alla tiġbidni lejn il-ġenna.

Issa, wkoll, jiena ġejja niltaqa’ miegħek, Imħabba eterna,
B’qalb mifnija bix-xewqa li għandha għalik.
Jiena nħoss li l-imħabba safja Tiegħek, Mulej, qiegħda tgħammar f’qalbi,
U qiegħda nħoss li d-destin etern tiegħi jinsab fil-ġenna.

Issa wkoll, jiena sejra għand Missieri, fil-ġenna eterna,
Minn din l-art tal-eżilju, minn dal-wied tad-dmugħ,
Id-dinja ma tistax iżżomm lura lil qalbi safja,
U l-għoljiet tas-sema qegħdin jiġbduni qribhom.

Jiena sejra, O Għarus tiegħi, sejra sabiex nara l-glorja Tiegħek,
Hemm fejn il-ġenna kollha tinsab mitfugħa tadurak,
Jiena nħoss li l-qima tiegħi togħġbok, minkejja x-xejn tiegħi.

Fil-hena etern, jiena minix sejra ninsa lil dawk li jinsabu fl-art,
U jiena niftakar b’mod speċjali f’dawk li kienu għeżież għal qalbi,
U għalkemm inkun mitlufa għal kollox f’Alla, xorta waħda ma ninsihomx.

F’dawn l-aħħar mumenti ma nafx kif għandi nitkellem ma’ l-oħrajn.
Fis-skiet jiena nistenna lilek biss, O Mulej.
Jiena naf li għad jasal iż-żmien meta kulħadd għad jifhem il-ħidma ta’ Alla ġewwa ruħi.
Jiena naf li din hi r-rieda Tiegħek. – Hekk ikun.

+
Ġ.M.Ġ

1654. O verita’, O ħajja mimlija xewk,
Sabiex ngħaddi minnek u nirbaħ
Hemm bżonn li nserraħ fuqek, O Kristu,
U li nkun dejjem qrib Tiegħek.

Ma nkunux naf kif inbati mingħajrek, O Kristu.
Waħdi ma nkunx kapaċi nilqa’ l-kuntrarju.
Waħdi, ma jkollix il-kuraġġ li nixrob mill-kalċi Tiegħek;
Imma Inti, Mulejja, tinsab dejjem miegħi, u Inti tmexxini minn mogħdijiet misterjużi.

Tifla dgħajfa, jiena bdejt it-taqtigħa f’ismek.
Iġġelidt bil-kuraġġ, għalkemm spiss bla suċċess,
U jiena naf li l-isforzi tiegħi għoġbuk,
U jiena naf li Inti tagħti premju etern għall-isforz biss.

O verita’, O taqbida tal-ħajja mal-mewt,
X’ħin qomt biex nissielet, bħal kavallier bla esperjenza
Jiena ħassejt li kelli demm ta’ kavallier, għalkemm għadni ċkejkna,
U għalhekk, O Kristu, kelli bżonn l-għajnuna u l-ħarsien Tiegħek.

Qalbi mhix ser tistrieħ mill-isforzi u t-taqbid tagħha
Sakemm Inti stess issejjaħli mill-kamp tat-taqtigħa.
Jiena noqgħod quddiemek, mhux biex nirċievi premju,
Imma biex nintlef fik, fil-paċi għal dejjem.

1655. + O Kristu, li kieku ruħi kienet taf, f’daqqa waħda, x’kien ser ikollha tbati matul ħajjitha, kienet tmut bil-biża’ malli kienet tara x’kellu jiġri; ma kenitx tmiss xofftejha mal-kalċi tal-imrar. Imma ladarba hi kellha tixrob qatra qatra, hi battlet il-kalċi sakemm waslet għall-qiegħ. O Kristu, li kieku Inti stess ma weżintx lir-ruħ, kemm kienet tkun tista’ tagħmel waħedha? Aħna b’saħħitna, imma bis-saħħa Tiegħek; aħna qaddisin, imma bil-qdusija Tiegħek. Imma waħedna, aħna x’aħna? – inqas mix-xejn . . . .

+ Ġesu’ tiegħi, Inti biżżejjed għalija u ma neħtieġ xejn aktar fid-dinja. Għalkemm it-tbatijiet huma ħorox, Inti żżommni. Għalkemm il-waqtiet meta jiena nisfa waħdi huma terribbli, Inti tagħmilhomli ħelwin. Għalkemm id-dgħufija hija kbira, Inti tibdilhieli f’saħħa.

1656. Ma nafx kif niddeskrivi dak kollu li jiena nbati, u dak li jiena ktibt s’issa hu biss qatra. Hemm waqtiet ta’ tbatija li fil-fatt jiena ma nistax nikteb dwarhom. Imma hemm ukoll waqtiet f’ħajti meta xofftejja jibqgħu siekta, u m’hemmx kliem biex niddefendi ruħi, u jiena nissottometti ruħi kollni kemm jien għar-rieda ta’ Alla; imbagħad il-Mulej stess iħarsini u jaqbeż għalija. Iżda, meta jiena nara l-interventi kbar Tiegħu, li jidhru f’forma ta’ kastigi, imbagħad jiena nitolbu bil-ħerqa għall-ħniena u l-maħfra. Imma mhux dejjem jismagħni. Il-Mulej jaħdem miegħi b’mod misterjuż. Ikun hemm żminijiet meta Hu stess jippermetti tbatijiet terribbli, u mbagħad hemm żminijiet meta ma jħallinix inbati u jneħħi min-nofs dak kollu li jista’ jnikket lir-ruħ. Dawn huma l-metodi Tiegħu, li ħadd minna ma jista’ jifhimhom. Il-parti tagħna hi li aħna nissottomettu ruħna kollna kemm aħna għar-rieda qaddisa Tiegħu. Hemm misteri li l-moħħ tal-bniedem qatt m’hu ser jifhimhom hawn fl-art; l-eternita’ għad tirrivelahom.

1657. 10 ta’ April 1938. Ħadd il-Palm. Mort il-Quddies, imma ma kellix is-saħħa immur u nġib il-palm. (nota244) Tant ħassejtni dgħajfa li bilkemm stajt noqgħod sal-aħħar tal-Quddiesa. Waqt il-Quddiesa, Ġesu’ tani x’nifhem l-uġigħ ta’ ruħu, u stajt inħoss b’mod ċar kif l-innijiet ta’ Osanna kienu jinstemgħu bħal eku ta’ uġigħ fil-Qalb Imqaddsa Tiegħu. Ruħi, ukoll, kienet mifnija f’baħar ta’ mrar, u kull Osanna nifditli qalbi wkoll sa ġewwanett. Ruħi kollha kemm hi nġibdet qrib ta’ Ġesu’. Smajt il-vuċi ta’ Ġesu’, Binti, il-kompassjoni tiegħek għalija sserraħni. Meta inti timmedita l-Passjoni Tiegħi, ruħek tikseb sbuħija ċara.

1658. Tqarbint fuq, għax ma kienx hemm dubju li ma stajtx ninżel fil-kappella peress li kont eżawrita minħabba li kont qed negħreq ħafna, u wara telgħali d-deni u bdejt inħoss il-bard. Ħassejtni ma niflaħx iżjed. Illum, wieħed mill-Ġiżwiti (Patri Zukowicz) (nota245) ġie biex iqarbinna. Huwa ta l-Mulej lil tliet sorijiet oħrajn u mbagħad lili; u peress li ħaseb li jiena kont l-aħħar waħda, tani żewġ Ostji. Imma waħda min-novizzi kienet mixħuta fis-sodda fiċ-ċella ta’ maġenbi, u ma kienx baqa’ Ostja għaliha. Is-saċerdot mar lura u ġabilha l-Mulej, imma Ġesu’ qalli, Jiena mmur ġo dik il-qalb kontra Qalbi. Inti rċevejt żewġ Ostji, għax Jiena bqajt lura milli mmur għand din ir-ruħ li tirreżisti l-grazzja Tiegħi. Iż-żjara Tiegħi għand ruħ bħal din mhix ħaġa li togħġobni. F’dak il-waqt, ruħi nġibdet tant qrib Tiegħu, u jiena rċevejt dawl interjuri profond li tani x’nifhem, fl-ispirtu, il-ħidmiet kollha tal-ħniena. Kienet bħal berqa, imma iktar ċara milli kieku qgħadt nosservaha għal sigħat sħaħ bl-għajnejn tal-ġisem.

1659. Iżda, sabiex nitkeb xi ħaġa, bilfors irrid nuża l-kliem, għalkemm dawn ma jistgħux jagħtu renidkont ta’ dak kollu li ruħi gawdiet filwaqt li kienet qiegħda tara l-glorja tal-ħniena ta’ Alla. Il-glorja tal-Ħniena Divina qiegħda tidwi, issa wkoll, minkejja l-isforzi tal-għedewwa tagħha u ta’ Satana nnifsu, li għandu mibgħeda kbira għall-ħniena ta’ Alla. Din l-opra għad taħtaflu minn idejh għadd kbir ta’ erwieħ, u din hi r-raġuni għaliex l-ispirtu tad-dlam xi drabi jittanta erwieħ twajba bil-vjolenza, sabiex huma jfixklu l-opra. Imma jiena rajt b’mod ċar li r-rieda ta’ Alla diġa’ qiegħda titwettaq, u ser titwettaq sal-iċken dettal ta’ dak li ordna l-Mulej. Anqas l-ikbar sforzi tal-għadu ma jirnexxilhom ifixklu dak li l-Mulej ordna. Ma jimpurtax jekk għad jiġu żminijiet meta l-opra tidher meqruda totalment; huwa f’dak il-waqt li l-opra tkun qiegħda tiġi msaħħa iżjed u iżjed.

1660. Ruħi mtliet b’paċi iktar profonda milli qatt kont ġarrabt qabel, assigurazzjoni divina li xejn ma jista’ jħassarha, paċi profonda li xejn ma jista’ jfixkilha, għalkemm kelli ngħaddi mill-provi l-iktar ħorox. Jiena ninsab fil-paċi; Alla nnifsu jrieġi kollox.

Djarju ta’ Swor Fawstina – Is-6 Pitazz (par.1641-1650)

Is-Sitt Pitazz – Paragrafi 1641-1650

img_2663

1641. Waqt l-adorazzjoni tal-Kwaranturi, il-Mulej qalli, Binti, ikteb li l-offiżi li l-erwieħ jagħmluli mingħajr ma jridu ma jfixklux l-imħabba li Jiena għandi għalihom lanqas ma jżommuni milli ningħaqad magħhom. Imma offiżi volontarji, ukoll dawk li huma l-iċken, ixekklu l-grazzji Tiegħi, u Jiena ma nkunx nista’ nferra’ d-doni Tiegħi fuq erwieħ bħal dawn.

1642. + Ġesu’ tani x’nifhem li kollox jiddependi mir-rieda Tiegħu u b’dan il-mod tani paċi profonda dwar is-sigurta’ tal-opra Tiegħu.

1643. Isma’,binti, għalkemm l-opri kollha li jeżistu permezz tar-rieda Tiegħi jiġu esposti għal tbatijiet kbar, aħseb ftit jekk hemmx xi waħda minnhom li ġiet soġġetta għal diffikultajiet ikbar minn dik l-opra li hija Tiegħi b’mod dirett- l-opra tal-Fidwa. Inti m’għandekx tinkwieta żżejjed fuq il-kuntrarju. Id-dinja m’għandhiex daqshekk qawwa daqskemm tidher li għandha; saħħitha hi strettament limitata. Kun af, binti, li jekk ruħek tkun mimlija bin-nar tal-Imħabba safja Tiegħi, imbagħad id-diffikultajiet kollha jgħibu bħalma jgħib iċ-ċpar quddiem ir-raġġi tax-xemx u ma jażżardawx imissu lir-ruħ. L-għedewwa kollha jibżgħu jibdew ġlieda ma’ ruħ bħal din, għax jindunaw li hi iktar b’saħħitha mid-dinja kollha. . .

1644. Binti, agħmel dak kollu li tippermettilek l-ubbidjenza għal din l-opra tal-ħniena, imma ppreżenta b’mod ċar lill-konfessur tiegħek sal-iċken waħda mit-talbiet Tiegħi, u ħallih jiddeċiedi hu. Inti m’għandekx tiskarta bl-ebda mod, imma wettaq kollox bil-fedelta’; jekk ma tagħmilx hekk, Jiena ma nsib l-ebda għożża fik…

1645. 25 ta’ Marzu 1938. Illum rajt il-Mulej Ġesu’ qed ibati. Miel lejja u qalli minn taħt l-ilsien, Binti, għinni nsalva l-midinbin. F’daqqa waħda, xewqa ħerqana sabiex insalva l-erwieħ daħlet ġewwa ruħi. X’ħin erġajt ġejt f’tiegħi, kont naf preċiżament x’kelli nagħmel biex insalva l-ewrieħ, u ħejjejt lili nnifsi għal tbatijiet ikbar.

1646. + Illum (probabbilment il-Ġimgħa, 25 ta’ Marzu 1938) żdiedet it-tbatija tiegħi; minbarra dan, ħassejt il-pjagi f’idejja, f’saqajja u f’ġenbi. Dan issaportejtu bil-paċenzja. Ħassejt l-ostilita’ tal-għadu tal-erwieħ, imma ma messnix.

1647. 1 ta’ April (1938). Għal darb’oħra, illum qiegħda nħossni agħar. Deni għoli beda jikkonsmani, u ma nista’ nieħu ebda ikel. Nixtieq kieku jkolli xarba friska, imma m’hemm lanqas qatra ilma fil-ġarra tiegħi. Dan kollu, O Ġesu’, sabiex nikseb il-ħniena għall-erwieħ.

Hekk kif kont qiegħda nġedded l-intenzjoni tiegħi bi mħabba ikbar ġiet waħda min-novizzi u tatni larinġa kbira li kienet bagħtitli d-Direttriċi tan-Novizzi (Swor Callista). F’din il-ħaġa jiena rajt id il-Mulej. Reġgħet ġrat l-istess ħaġa, diversi drabi. Waqt dan iż-żmien, għalkemm kulħadd kien jaf bil-bżonnijiet tiegħi, qatt ma rċevejt xi ħaġa tajba x’niekol, għalkemm kont staqsejt għaliha. Iżda, kont naf li Alla kien qed jitlob tbatija u sagrifiċċji. Minix nikteb fid-dettall dwar dawn iċ-ċaħdiet, għax dawn huma affarijiet delikati, u huwa diffiċli li wieħed jemminhom. Imma Alla jista’ jitlob ukoll sagrifiċċju bħal dawn.

1648. Kont sejra nitlob il-Madre Superjura (Irene) permess biex ikolli xi ħaġa fiċ-ċella tiegħi biex intaffi l-għatx kbir tiegħi, imma qabel ma rnexxieli nitlobha, il-Madre stess bdiet titkellem, “Sor, ejja nsibu tarf ta’ din il-marda darba għal dejjem, b’xi mod jew ieħor. Ser ikollok tagħmel xi trattament regolari jew xi ħaġa oħra. Ma jistax ikun nibqgħu sejrin hekk iżjed.” Ftit wara x’ħin kont waħdi għidt, “Kristu, x’għandi nagħmel? X’suppost nitolbok saħħa jew mewt?” Ma rċevejt l-ebda ordni speċifika, allura nżilt għarkobbtejja u għidt, “Isseħħ fija r-rieda qaddisa Tiegħek. Agħmel bija, Ġesu’, dak li trid.” F’dak il-waqt, ħassejtni qisni kont kollni waħdi, u bdew jattakkawni diversi tentazzjonijiet. Imma sibt il-paċi u d-dawl f’talb ħerqan, u fhimt lis-superjura xtaqet biss tippruvani.

1649. Ma nafx kif tista’ tiġri ħaġa bħal din, imma l-kamra fejn kont mimduda tassew ittraskurawha. Xi drabi, lanqas biss naddfuha għal iktar minn ġimgħatejn. Ta’ spiss ħadd ma kien iqabbad in-nar fil-fuklar, u għalhekk is-sogħla bdiet tmur għall-agħar. Xi drabi kont nitlobhom iqabbdu n-nar, u drabi oħra ma kienx ikolli l-kuraġġ nitlobhom. Darba minnhom, meta l-Madre Superjura (Irene) ġiet tarani u staqsietni jekk kienx hemm il-bżonn li nsaħħan il-kamra iktar, jiena weġibt, Le, għax diġa’ kien qed jisħon it-temp barra, u t-tieqa kienet miftuħa.

1650. L-ewwel ġimgħa tax-xahar. X’ħin ħadt f’idejja “Il-Messaġġier tal-Qalb Imqaddsa” u bdejt naqra r-rakkont tal-kanonizzazzjoni ta’ San Indri Bobola, ruħi fil-pront imtliet b’xewqa kbira li l-Kongregazzjoni tagħna, ukoll, ikollha xi qaddisa, u bdejt nibki bħal tarbija li fostna ma kien hemm l-ebda qaddisa. U għidt lill-Mulej, “Naf bil-ġenerożita’ Tiegħek , xorta waħda jidhirli li m’intix daqshekk ġeneruż magħna.” U rġajt bdejt nibki bħal tarbija. Ġesu’ qalli, Tibkix, Inti dik il-qaddisa. Imbagħad id-dawl ta’ Alla mlieli ruħi, u sirt naf kemm kelli nbati, u għidt lill-Mulej, “Kif ser jiġri dan? Inti kont qiegħed tkellimni fuq Kongregazzjoni oħra.” U l-Mulej wieġeb, Mhix ħaġa tiegħek tkun taf kif dan ser iseħħ. Id-dmir tiegħek hu li tkun fidila mal-grazzja Tiegħi u dejjem tagħmel dak li inti tista’ tagħmel u dak li tippermettilek l-ubbidjenza . . .

Djarju ta’ Swor Fawstina – Is-6 Pitazz (par.1631-1640)

Is-Sitt Pitazz – Paragrafi 1631-1640

c8taircvwae0svq1.jpg

1631. O Pjaga tal-Ħniena, Qalb ta’ Ġesu’, aħbini fil-fond Tiegħek bħallikieku kont qatra minn demmek stess, u tħallini qatt noħroġ minn hemm ġewwa! Aqfilni fil-fond Tiegħek, u kun Inti stess li tgħallimni kif inħobbok! Imħabba Eterna, kun Inti stess li ssawwarli ruħi sabiex hi ssir kapaċi li tpattilek għal imħabbtek. O Mħabba ħajja, agħmilni kapaċi li nħobbok għal dejjem. Jiena nixxennaq li nkun nista’ npatti għal imħabbtek għal dejjem. O Kristu, ħarsa waħda Tiegħek hi iktar għażiża għalija minn elf dinja, mill-istess ġenna kollha kemm hi. Mulej, Inti tista’ tagħmel ruħi kapaċi tifhem għal kollox Inti min Int. Jiena naf u nemmen li Inti tista’ tagħmel kollox; jekk Int indenjajt li tagħti lilek innifsek lili b’daqstant ġenerożita’, jiena għalhekk naf li Inti tista’ tkun iktar ġeneruż. Wassalni għal intimita’ miegħek sakemm hu possibbli għan-natura umana li tasal . . .

+
Ġ.M.Ġ

1632. Ix-xewqat ta’ qalbi tant huma kbar u ħadd ma jista’ jifhimhom
Li xejn ma jista’ jimla l-abbiss ta’ qalbi.
Ukoll l-isbaħ affarijiet, miġburin mid-dinja kollha
Lanqas għal mument wieħed ma jieħdu postok, O Alla.

B’ħarsa waħda, jiena nfidt id-dinja kollha,
U ma sibt l-ebda mħabba oħra bħall-imħabba ta’ qalbi.
Jiena għalhekk ħarist fid-dinja tal-eternita’ –
għax din id-dinja żgħira wisq għalija.
Qalbi xtaqet l-imħabba ta’ dak li Hu Etern.

Qalbi ndunat li jiena wild sultan,
Li jiena sibt ruħi fl-eżilju, f’art barranija.
Jiena nista’ nara li l-palazz li hemm fis-sema hu dari,
Hemmhekk biss inħossni li qiegħda f’pajjiżi stess.

Inti stess ġbidt lil ruħi lejk, O Mulej;
O Verb Etern, Inti stess iċċekkint sa għandi,
U tajt lil ruħi għarfien iktar profond Tiegħek innifsek.
Ara, il-misteru tal-imħabba li għalih Inti ħlaqtni!

Imħabba safja għamiltni qawwija u kuraġġuża.
Ma nibżax la mis-serafini lanqas il-kerubini, weqfin bix-xabla f’idhom,
U fejn l-oħrajn jitriegħdu jiena ngħaddi bla xkiel
Għax m’hemm xejn minn xiex tibża’, hemm fejn l-imħabba hi l-gwida.

U f’daqqa waħda l-għajnejn ta’ ruħi marru jistrieħu fuqek,
O Mulej Ġesu’ Kristu, minxur fuq is-Salib.
Hawn hu Mħabbti, li miegħu ser nistrieħ fil-qabar,
Dan hu l-Għarus tiegħi, il-Mulej u Alla tiegħi li ħadd ma jifhmu.

(Hawnhekk hemm spajzu ikbar fid-Djarju)

1633. 10 ta’ Marzu (1938). Tbatija fiżika l-ħin kollu. Ninsab fuq is-salib flimkien ma’ Ġesu’. Darba, M. Superjura (Irene) qaltli, “Min-naħa tiegħek hu nuqqas ta’ mħabba lejn il-proxxmu, Sor, li inti tiekol u mbagħad toqgħod tbati u ddejjaq lill-oħrajn x’ħin ikunu jridu jistrieħu billejl.” Imma jiena naf żgur li dan l-uġigħ li nħoss fl-imsaren m’għandu x’jaqsam xejn mal-ikel. It-tabib (probabbilment Dr Silberg) qalli l-istess ħaġa. Dawn it-tbatijiet ġejjin mill-ġisem stess, jew pjuttost huma żjara tal-Mulej. Iżda, wara dik ir-rimarka ddeċidejt li nbati fis-skiet u ma nitlobx l-għajnuna, għax xorta waħda kollu għal xejn, ladarba nirrimetti l-mediċina li jagħtuni.

Ħafna drabi , irnexxieli nbati minħabba attakki li Ġesu’ biss kien jaf bihom. L-uġigħ hu tant qawwi u aħrax li nintilef minn sensija. Meta nintilef minn sensija u nixxarrab kollni kemm jiena b’għaraq kiesaħ, imbagħad jibda jispiċċa bil-mod il-mod. Xi drabi jdum tliet sigħat jew iktar. O Ġesu’ tiegħi, tkun magħmula r-rieda qaddisa Tiegħek; jiena nilqa’ kollox minn idejk. Jekk jiena nilqa’ l-pjaċiri u l-estasi ta’ mħabba li jwassluni li ma nkunx naf x’qiegħed isir madwari, bir-raġun kollu għalhekk li jiena nilqa’ bi mħabba dawn it-tbatijiet li jġegħluni nintilef minn sensija.

1634. X’ħin ġie t-tabib (nota241), ma stajtx ninżel fil-parlatorju biex narah, bħas-sorijiet l-oħrajn, imma tlabt li jiġi fiċ-ċella tiegħi, għax ma stajtx ninżel minħabba ċerta diffikulta’. Wara ftit, hu ġie fiċ-ċella u x’ħin eżaminani qalli, “Ser ngħid kollox lis-Soru tal-Infermerija.” Meta ġiet is-Soru tal-Infermerija, wara li telaq it-tabib, jiena għidtilha r-raġuni għaliex ma stajtx ninżel fil-parlatorju, imma hi tatni x’nifhem kemm kienet iddispjaċuta. U x’ħin staqsejt, “Sor, x’qal it-tabib dwar dan l-uġigħ?” hija wieġbet li hu ma kien qal xejn, li kienet ħaġa ta’ xejn; hu biss qalli li l-pazjenta kienet qiegħda tagħmel f’qalbha. U b’dan il-kliem telqet ‘l hemm. Imbagħad jiena għidt lil Alla, “Kristu, agħtini s-saħħa u l-qawwa sabiex inkun nista’ nbati; agħti lil qalbi mħabba safja għal din is-soru.” Wara dan, hi ma reġgħetx ġiet tarani għal ġimgħa sħiħa. Imma t-tbatijiet reġgħu ġew b’qawwa ikbar u damu għaddejjin kważi l-lejl kollu, u donnu kien wasal it-tmiem, dak il-ħin stess. Is-superjuri ddeċidew li jibagħtu għal tabib ieħor, (nota242) u huwa kien ċert li l-kundizzjoni tiegħi kienet serja u qalli, “Mhux possibbli nreġġgħuk lura għas-saħħa. Nistgħu nirrimedjaw il-kundizzjoni tiegħek parzjalment, imma m’hemm l-ebda ċans li terġa’ lura f’saħħtek għal kollox.” Huwa ppreskriva mediċina għall-uġigħ, u wara li ħadtha, l-attakki l-kbar ma reġgħux ġew. “Imma jekk inti tiġi hawn, Sor, nippruvaw b’xi mod nirranġaw xi ħaġa, jekk dan għadu possibbli.” It-tabib tassew riedni mmur hemmhekk għal trattament. (nota243) O Ġesu’ tiegħi, kemm huma strambi d-digrieti Tiegħek.

1635. Ġesu’ kkmandani nikteb dan kollu għall-konsolazzjoni ta’ erwieħ oħrajn li spiss huma esposti għal tbatijiet bħal dawn.

1636. Għalkemm kont qiegħda nħossni dgħajfa ħafna, mort nara lit-tabib (Silberg), għax hekk riedet is-superjura. Is-soru li akkumpanjatni ġiet kontra qalbha. Dan qalituli diversi drabi u fl-aħħar qaltli, “X’ser nagħmlu? M’għandix flus biżżejjed biex inħallas taxi.” Jiena ma weġibt xejn. “U jekk ma jkunx hemm taxi?” Kif ser naslu hemm? Hu tant ‘il bogħod.” Dan kollu qalitu u ħafna affarijiet oħrajn sabiex tinkwetani, għax is-superjuri għeżież tagħna kienu tawna flus biżżejjed għal kollox, u kellna kulma rridu. U meta fhimt dan kollu ġewwa fija, bdejt nidħak u għidt lis-soru li jiena ma kont qiegħda ninkwieta xejn: “Ejja nafdaw f’Alla.” Imma ndunajt li l-kalma profonda tiegħi kienet qiegħda tinnervjaha, u għalhekk bdejt nitlob għaliha.

1637. O Mulejja, dan kollu għalik u sabiex nikseb il-ħniena għall-imsejkna midinbin. X’ħin ġejt lura, tant kont għajjiena li kelli mmur nimtedd fil-pront. Imma dan kien il-jum tal-qrar ta’ kull tliet xhur. Ippruvajt immur inqerr, mhux biss għax kelli bżonn, imma wkoll biex nitlob parir mingħand id-direttur spiritwali tiegħi (Patri Andrasz). Bdejt inħejji ruħi; imma tant ħassejtni dgħajfa li ddeċidejt li mmur nitlob lill-Madre Superjura (Irene) tħallini mmur qabel in-novizzi. Il-Madre Superjura wieġbet, “Mur fittex lid-Direttriċi tan-Novizzi (Swor Callista). Jekk hi tħallik tmur qabel in-novizzi, għalija kollox sew.” Iżda, kien hemm biss tliet sorijiet qabli, jistennew għall-qrar, u għalhekk qgħadt nistenna għax ma kellix saħħa biżżejjed immur infittex id-Direttriċi tan-Novizzi. X’ħin dħalt biex inqerr, tant kont qiegħda nħossni ħażin li ma stajtx nagħti rendikont tal-kundizzjoni ta’ ruħi; bilkemm inrexxieli nagħmel il-qrara tiegħi. F’dak il-waqt, innotajt kemm hemm bżonn il-ħeġġa tal-ispirtu; l-ittra waħedha ma tħallix l-imħabba tikber (ara 2 Kor 3:6).

1638. Dak inhar, qam xi nuqqas ta’ ftehim bejn is-Superjura u bejni. La hi u lanqas jien ma konna naħtu, imma t-tbatija morali baqgħet għax ma stajtx infisser x’kienet il-ħaġa, għax kienet sigriet. Din hi r-raġuni għaliex bqajt inbati, għalkemm, permezz ta’ kelma waħda, stajt nirrivela l-verita’.

1639. L-20 (ta’ Marzu). Illum akkumpanjajt fl-ispirtu, ċerta ruħ moribonda. Akkwistajt għaliha fiduċja fil-ħniena ta’ Alla. Ir-ruħ kienet qrib id-disperazzjoni.

1640. Dan il-lejl Inti biss taf bih, O Mulej. Offrejtu għal midinbin l-aktar iebsin, sabiex nikseb il-ħniena Tiegħek għalihom. Ifflaġellani hawn, aħraqni hawn, sakemm Inti tagħtini l-erwieħ tal-midinbin, u speċjalment . . . . O Ġesu’, miegħek xejn m’hu mitluf; ħu kollox u agħtini l-erwieħ . . . . . . midinbin.

Djarju ta’ Swor Fawstina – Is-6 Pitazz (par.1621-1630)

Is-Sitt Pitazz – Paragrafi 1621-1630

tumblr_n4e5eovter1s9od7wo1_r1_500

1621. 1 ta’ Marzu 1938. Irtir ta’ ġurnata.

Fil-meditazzjoni, tgħallimt li għandi ninħeba kemm jista’ jkun fil-fond fil-Qalb ta’ Ġesu’, nimmedita fuq il-Passjoni Ħarxa Tiegħu u nibqa’ dieħla fis-sentimenti tal-Qalb Divina Tiegħu, li hi mimlija ħniena għall-midinbin. Sabiex nikseb ħniena għalihom, jiena rrid inbattal lili nnifsi f’kull mument, billi ngħix ir-rieda ta’ Alla.

1622. Matul dan ir-Randan, jiena ostja f’idejk, Ġesu’. Agħmel użu minni sabiex Inti stess tkun tista’ tidħol fil-midinbin. Itlobni dak kollu li Inti trid; l-ebda sagrifiċċju ma jkun kbir wisq għalija meta fin-nofs hemm l-erwieħ.

1623. + Offrejt il-Quddies u t-Tqarbin kollu tax-xahar għall-intenzjoni ta’ Patri Andrasz, sabiex Alla jagħtih għarfien dejjem iktar profond tal-imħabba u l-ħniena Tiegħu.

1624. Matul dan ix-xahar ser nipprattika it-tliet virtujiet li Omm Alla rrakkomandatli: umilta’ safa u l-imħabba ta’ Alla, billi naċċetta b’sottomissjoni profonda għar-rieda ta’ Alla dak kollu li Hu jibgħatli.

1625. 2 ta’ Marzu (1938). Bdejt ir-Randan Imqaddes bil-mod li ried Ġesu’, billi għamilt mod li niddependi għal kollox mir-rieda qaddisa Tiegħu u naċċetta b’imħabba dak kollu li jibgħatli Hu. Ma nistax nipprattika mortifikazzjonijiet ikbar għax tant jien dgħajfa. Din il-marda twila xorbitli saħħti kollha kemm hi. Qiegħda ningħaqad ma’ Ġesu’ permezz tat-tbatija. Meta nimmedita fuq il-Passjoni Ħarxa Tiegħu, jonqsu t-tbatijiet fiżiċi tiegħi.

1626. Il-Mulej qalli, Ser nieħdok fl-iskola Tiegħi għar-Randan kollu. Irrid ngħallmek kif għandek tbati. Jiena weġibt, “Flimkien miegħek, Mulej, jiena lesta għal kollox.” U smajt vuċi, Int għandek permess tixrob mill-kalċi li Jiena nixrob. Qiegħed nagħtik dak il-privileġġ esklussiv illum . . .

1627. Illum ħassejt il-Passjoni ta’ Ġesu’ f’ġismi kollu, u l-Mulej għarrafni bil-konverżjoni ta’ ċerti erwieħ.

1628. Waqt il-Quddiesa, rajt lil Ġesu’ minxur fuq is-Salib, u Hu qalli, Studenta Tiegħi, għandek ikollok imħabba kbira għal dawk li jġegħluk tbati. Agħmel il-ġid lil dawk li jobgħoduk. Jiena weġibt, “O Mgħallem tiegħi, Inti tista’ tara li jiena ma nħoss l-ebda mħabba għalihom u din il-ħaġa tinkwetani.” Ġesu’ wieġeb, Mhux dejjem ikollok is-saħħa tikkontrolla dak li tħoss. Inti tkun tista’ tinduna li għandek imħabba jekk, wara li jkollok l-esperjenza li jkunu dejquk u kkuntlarjawk, inti ma titlifx il-paċi tiegħek, imma titlob għal dawk li jkunu ġegħluk tbati u tixtiqilhom il-ġid. X’ħin ġejt lura (. . . )

+
Ġ.M.Ġ

1629. Jiena ostja f’idejk
O Ġesu’, Ħallieq u Mulej tiegħi,
Fis-skiet u moħbija, bla ebda sbuħija jew ħajr,
Għax is-sbuħija kollha ta’ ruħi tinsab imnaqqxa ġewwa fija.

Jiena ostja f’idejk, O Saċerdot Divin,
Agħmel bija dak li trid;
Niddependi għal kollox mir-rieda Tiegħek, O Mulej
Għax din hi l-għaxqa u t-tiżjin ta’ ruħi.

Jiena bħala ostja bajda f’idejk, O Alla,
Nitolbok, ibdilni Fik.
Jalla nkun moħbija għal kollox Fik,
Maqfula fil-Qalb ħanina Tiegħek bħallikieku fil-ġenna.

Jiena bħal ostja f’idejk, O Saċerdot Etern,
Jalla l-ostja ta’ ġismi taħbini minn għajnejn il-bnedmin;
Jalla għajnejk biss ikejlu l-imħabba u d-devozzjoni tiegħi,
Għax qalbi tinsab dejjem maqgħuda mal-Qalb Divina Tiegħek.

Jiena bħal ostja ssagrifikata f’idejk, O Medjatur Divin,
U jiena qiegħda naqbad fuq l-altar tal-olokawstu.
Mgħaffġa u mitħuna bit-tbatija bħaż-żbul tal-qamħ,
U dan kollu minħabba l-glorja Tiegħek, għas-salvazzjoni tal-erwieħ.

Jiena ostja li tgħammar fit-tabernaklu ta’ Qalbek.
Jiena ninsab għaddejja mill-ħajja mgħarrqa fi mħabbtek,
U ma nibża’ minn xejn fid-dinja,
Għax Inti stess it-tarka tiegħi, is-saħħa tiegħi u l-ħarsien tiegħi.

Jiena ostja, poġġewni fuq l-altar ta’ Qalbek,
Sabiex naqbad għal dejjem bin-nar tal-imħabba,
Għax jiena naf li Inti għollejtni biss minħabba l-ħniena Tiegħek,
U għalhekk jiena nbiddel dawn id-doni u l-grazzji kollha għall-glorja Tiegħek.

Jiena ostja f’idejk, O Mħallef u Salvatur,
Fl-aħħar siegħa ta’ ħajti,
Jalla s-setgħa bla tarf tal-grazzja Tiegħek tmexxini lejn l-għan tiegħi,
Jalla l-kompassjoni Tiegħek f’din l-għamara tal-ħniena ssir magħrufa.

1630. Ġesu’, saħħaħ il-qawwiet ta’ ruħi sabiex l-għadu ma jirbaħ xejn. Mingħajrek, jiena l-istess dgħjufija. X’jiena mingħajr il-grazzja Tiegħek jekk mhux abbiss tal-miżerja tiegħi stess? Il-miżerja hi l-ħaġa li jiena nippossedi.

Djarju ta’ Swor Fawstina – Is-6 Pitazz (par.1611-1620)

Is-Sitt Pitazz – Paragrafi 1611-1620

sr-faustyna-konvent1

1611. + Meta l-kappillan (Dun Theodore) iġibli l-Mulej Ġesu’, ikun hemm waqtiet meta jiena nimtela bi preżenza qawwija ħafna ta’ Alla, u l-Mulej jgħarrafni bil-qdusija Tiegħu. F’waqtiet bħal dawn, inkun nista’ nara l-iċken traba li jkun hemm fuq ruħi, u nkun irrid insaffi ruħi qabel kull Tqarbina. X’ħin staqsejt lill-konfessur qalli li m’hemmx bżonn inqerr qabel kull Tqarbina. It-Tqarbina tneħħi dawn l-affarijiet żgħar u hija tentazzjoni toqgħod taħseb fuq il-qrar waqt it-Tqarbin. Jiena ma komplejtx infisser l-istat ta’ ruħi f’dettal iktar, għax hu ma kienx id-direttur tiegħi, imma l-konfessur. (nota237) Dan l-għarfien ma jaħlilix il-ħin tiegħi, għax jgħaddi mgħaġġel iktar mill-beraq; iħeġġiġli mħabbti, u meta jgħaddi nkun sirt naf lili nnifsi . . .

1612. + 20 ta’ Frar (1938). Illum il-Mulej qalli, Għandi bżonn it-tbatijiet tiegħek biex insalva l-erwieħ.

O Ġesu’ tiegħi, agħmel bija dak li trid. Ma kellix il-kuraġġ nitlob lill-Mulej Ġesu’ jagħtini tbatijiet ikbar, għax tant kont batejt il-lejl ta’ qabel li ma kontx niflaħ qatra iżjed milli tani Ġesu’ nnifsu.

1613. Kważi l-lejl kollu kelli wġigħ hekk qawwi li ħassejtni bħallikieku imsarni kollha kienu qed jiġu mbiċċrin. Irremettejt il-mediċina li kont ħadt. X’ħin baxxejt rasi mal-art, intlift minn sensija, u bqajt f’dak l-istat għal xi ħin, b’rasi fl-art. X’ħin ġejt f’sensija, indunajt li ġismi kollu kien qed jagħfas fuq rasi u wiċċi, u li kont miskija vomtu. Ħsibt li kont wasalt fl-aħħar. L-għażiża Madre Superjura (Irene) u Swor Tarcisia (nota238) kienu qegħdin jippruvaw jgħinnuni mill-aħjar li setgħu. Ġesu’ kien qed jitlob it-tbatija, imma mhux il-mewt. O Ġesu’ tiegħi, agħmel bija dak li trid. Agħtini biss is-saħħa sabiex inkun nista’ nbati. Ladarba l-qawwa Tiegħek tweżinni, nissaporti kollox. O erwieħ, kemm inħobbkom!

1614. Illum waħda mis-sorijiet (probabbilment Swor Amelia) (nota239) ġiet tarani u qaltli, “Sor, għandi sensazzjoni stramba, bħallikieku xi ħaġa qiegħda tgħidli niġi għandek u nirrikmandalek ċerti problemi li jiena għandi qabel ma inti tmut, u li forsi inti tkun tista’ titlob lill-Mulej Ġesu’ u tirranġali dawn l-affarijiet. Xi ħaġa qiegħda tgħidli li inti ser tkun tista’ takkwistali din il-ħaġa.” Jiena weġibtha bl-istess sinċerita’ li, iva, kont qiegħda nħoss ġewwa ruħi li wara mewti jiena kont inkun nista’ nakkwista aktar mingħand il-Mulej Ġesu’ milli stajt nakkwista fil-preżent. “Niftakar fik, Sor, quddiem it-Tron Tiegħu.”

1615. X’ħin dħalt fid-dormitorju ta’ maġenbi biex inżur is-sorijiet li kienu morda, waħda minnhom qaltli. “Sor, meta inti tmut ma nibża’ xejn minnek. Ejja arani wara li tkun mitt, għax irrid nafdalek sigriet dwar ruħi, xi ħaġa li nixtieqek tirranġali mal-Mulej Ġesu’. Naf li tista’ takkwistali din il-ħaġa mingħandu.” Ladarba kienet qiegħda titkellem fil-pubbliku, weġibtha b’dan il-mod: “Il-Mulej Ġesu’ prudenti ħafna. U għalhekk qatt ma jittradixxi ma’ xi ħadd sigriet li jkun hemm bejnu u r-ruħ.”

1616. + O Mulej Ġesu’, grazzi li kkonformajtni Miegħek permezz tal-offerta tiegħi nnifsi bħala ruħ vittma. Qiegħda nara li dan il-ġisem tiegħi beda jitmermer. Jiena nifraħ b’dan, għax dalwaqt ser inkun fid-dar ta’ Missieri. (ara Ġw 14:2)

1617. 27 ta’ Frar (1938). Illum, mort inqerr għand Patri An. (Andrasz). Għamilt dak li ried Ġesu’. Wara l-qrar, raġġ ta’ dawl imlieli ruħi. Imbagħad smajt vuċi: Għax inti bħal tifla, se tibqa’ qrib ta’ Qalbi. Is-sempliċita’ tiegħek togħġobni iktar mill-mortifikazzjonijiet tiegħek.

1618. Il-kliem ta’ Patri An. (Andrasz). Għix aktar bil-fidi. Itlob li l-Ħniena Divina issir magħrufa iktar, u li din l-opra taqa’ f’idejn tajbin li jkunu kapaċi jieħdu ħsiebha sew. U inti, ipprova kun reliġjuża tajba hawnhekk – għalkemm l-affarijiet jistgħu jieħdu xejra oħra wkoll – imma pprova kun reliġjuża tajba hawnhekk stess. U issa, jekk inti tħoss dak it-tqanqil mill-Mulej u tinduna li jkun Hu, imxi warajh. Iddedika għat-talb il-ħin kollu li hu ddedikat għalih, u agħmel in-notamenti tiegħek wara . . .

1619. + L-aħħar jumejn tal-Karnival. (nota240) It-tbatijiet fiżiċi tiegħi saru iktar qawwijin. Qiegħda ningħaqad iktar mill-qrib mas-Salvatur li qed ibati, u nitolbu ħniena għad-dinja kollha, li tinsab mitlufa fil-ħażen tagħha. Matul il-jum ħassejt l-uġigħ tal-kuruna tax-xewk. X’ħin mort nimtedd, ma stajtx inserraħ rasi fuq l-imħadda. Imma fl-għaxra waqaf l-uġigħ u rqadt; imma l-għada ħassejtni bla saħħa.

1620. + Ġesu’ Ostja, li kieku Inti stess ma kontx qiegħed iżżommni, ma kontx inkun kapaċi nippersevera fuq is-salib. Ma kont inkun kapaċi nissaporti daqstant tbatija. Imma l-qawwa tal-grazzja Tiegħek iżżommni fuq livell ogħla u tagħmel it-tbatijiet tiegħi jimmeritaw. Inti tagħtini s-saħħa biex nimxi dejjem ‘il quddiem u biex nikseb il-ġenna bil-forza u biex f’qalbi jkolli mħabba għal dawk li minn għandhom insofri kuntrarju u disprezz. Bil-grazzja Tiegħek wieħed jista’ jagħmel kollox.

Djarju ta’ Swor Fawstina – Is-6 Pitazz (par.1601-1610)

Is-Sitt Pitazz – Paragrafi 1601-1610

sopoc

1601. Il-Mulej għarrafni kemm jixtieq il-perfezzjoni tal-erwieħ magħżulin.
L-erwieħ magħżulin huma, f’idejja, dwal li Jiena nwaddab fid-dlam tad-dinja u li permezz tagħhom Jiena ndawwalha. Bħalma l-kwiekeb idawlu l-lejl, hekk ukoll l-erwieħ magħżulin idawlu d-dinja. U iktar mar-ruħ tkun perfetta, iktar ikun qawwi u jinxtered fil-bogħod id-dawl imxerred minnha. Hija tista’ tkun moħbija u ħadd ma jkun jaf biha, lanqas dawk li huma l-iktar qrib tagħha, u xorta waħda l-qdusija tagħha tiġi riflessa fl-erwieħ ukoll sat-trufijiet l-iktar imbiegħda tad-dinja.

1602. Illum il-Mulej qalli, Binti, meta inti tmur tqerr, f’din il-għajn tal-ħniena Tiegħi, id-Demm u l-Ilma li ħarġu minn Qalbi dejjem jinżlu fuq ruħek u jagħmluha nobbli. Kull darba li inti tmur tqerr, għaddas lilek innifsek kollok kemm int fil-ħniena Tiegħi, b’fiduċja kbira, sabiex Jiena nkun nista’ nferra’ l-abbundanza tal-grazzja Tiegħi fuq ruħek. Meta inti tersaq lejn il-konfessinarju, kun af dan, li Jiena stess inkun qiegħed nistenniek hemmhekk. Is-saċerdot ikun qiegħed biss jaħbini, imma Jiena stess inkun qiegħed naħdem f’ruħek. Hawnhekk il-miżerja tar-ruħ tiltaqa’ ma’ Alla tal-ħniena. Għid lill-erwieħ li minn din il-għajn tal-ħniena l-erwieħ jiġbdu fuqhom il-grazzji biss permezz tal-fiduċja. Jekk il-fiduċja tagħhom tkun kbira, m’hemm l-ebda limitu għall-ġenerożita’ Tiegħi. L-erwieħ umli jegħrqu fix-xmajjar tal-grazzja Tiegħi. Is-suppervi jibqgħu dejjem fi stat ta’ faqar u miżerja, għax il-grazzja Tiegħi titbiegħed minnhom biex iddur lejn l-erwieħ umli.

1603. 14 ta’ Frar (1938). Waqt l-adorazzjoni, smajt dan il-kliem: Itlob għal waħda mill-istudenti li teħtieġ ħafna il-grazzja Tiegħi. U għaraft lil N. Tlabt ħafna, u l-ħniena ta’ Alla għannqet lil dik ir-ruħ.

1604. Meta, waqt l-adorazzjoni, qgħadt nirrepeti t-talba, “Alla Qaddis” diversi drabi, f’daqqa waħda ġiet fuqi preżenza qawwija ta’ Alla, u tteħidt fl-ispirtu quddiem il-majesta’ ta’ Alla. Rajt kif l-Anġli u l-Qaddisin tal-Mulej qegħdin jagħtu glorja lil Alla. Tant hi kbira l-glorja ta’ Alla li lanqas biss nażżarda niddeskriviha, għax lanqas inkun kapaċi nagħmilha din il-ħaġa, u l-erwieħ forsi jaħsbu li kulma hemm huwa dak li jiena ktibt. San Pawl, issa nista’ nifhem għaliex inti ma rridtx tiddeskrivi l-ġenna, imma għidt biss li għajn qatt ma rat, widna qatt ma semgħet , lanqas tnissel fil-qalb tal-bniedem dak li Alla ħejja għal dawk li jħobbuh. (ara 1 Kor 2:9 Kor 12 1:7). Iva, dan hu hekk tassew. U dak li ħareġ mingħand Alla jerġa’ lura għandu bl-istess mod u jagħtih glorja perfetta. Issa rajt il-mod kif jiena nadura lil Alla. O kemm hu mod fqir! U kemm hi qatra żgħira meta nqabbilha ma’ dik l-glorja perfetta tas-sema. O Alla tiegħi, kemm Inti tajjeb li Inti tilqa’ t-tifħir tiegħi wkoll, u li Inti ddawwar wiċċek lejja bi tjubija u li tħallina nsiru nafu li t-talba tagħna togħġbok.

1605. Ikteb kollox li jiġrilek u li għandu x’jaqsam mat-tjubija Tiegħi. Jiena weġibt “Xi trid tgħid, Mulej, x’jiġri jekk jiena nikteb iżżejjed?” U l-Mulej wieġeb, Binti, ukoll li kieku kellek titkellem fl-istess waqt bl-ilsna kollha tal-bnedmin u tal-anġli, xorta waħda ma tkunx għidt ħafna, imma għall-kuntrarju, kont tkun kantajt xi ftit biss it-tifħir tat-tjubija Tiegħi – tal-ħniena Tiegħi bla tarf.

O Ġesu’ tiegħi, Inti stess trid tpoġġili l-kliem fuq fommi, sabiex jiena nkun nista’ nfaħħrek denjament.

Binti, kun fil-paċi; agħmel bħalma ngħidlek Jiena. Il-ħsibijiet tiegħek huma magħqudin ma’ Tiegħi, mela ikteb dak li jiġi f’moħħok. Inti s-segretarja tal-ħniena Tiegħi. Jiena għażiltek għal din il-missjoni f’din il-ħajja u fil-ħajja l-oħra. Hekk irrid minkejja l-oppożizzjoni kollha li jagħmlulek. Kun af li l-għażla Tiegħi mhix ser tinbidel.

F’dak il-waqt jiena ntfajt kollni kemm jiena f’umilta’ profonda quddiem il-majesta’ ta’ Alla. Imma iktar ma umiljajt lili nnifsi, iktar nifditni l-preżenza ta’ Alla . . .

1606. O Ġesu’, l-uniku faraġ tiegħi! Kemm hu tal-biża’ dan l-eżilju! Kemm hu terribbli dan id-deżert li rrid naqsam! Ruħi qiegħda titqabad biex tgħaddi minn masġar terribbli mimli b’kull tip ta’ diffikulta’. Li kieku Inti stess ma kontx qiegħed tweżinni, Mulej, ma kienx ikun hemm ċans li nimxi ‘l quddiem.

1607. 16 (ta’ Frar) 1938. Filwaqt li kont qiegħda nitlob lill-Qalb ħajja ta’ Ġesu’ fis-Sagrament Imqaddes għall-intenzjoni ta’ ċertu saċerdot, Ġesu’ f’daqqa waħda għarrafni bit-tjubija Tiegħu u qalli, Jiena minix ser nagħtih xejn li hu ma jkunx jiflaħ għalih.

1608. + X’ħin sirt naf bi ftit mit-tbatijiet u l-inkwiet li ċerta persuna (nota236) kienet għaddejja minnu b’rabta ma’ din l-opra kollha kemm hi ta’ Alla, jiena staqsejt lill-Mulej Ġesu’ qabel it-Tqarbin li Hu jgħarrafni jekk b’xi mod dawn it-tbatijiet kinux ġejjin minni: “Ġesu’ tiegħi l-iktar ħelu, jiena qiegħda nitolbok permezz tat-tjubija infinita’ u tal-ħniena Tiegħek, għarrafni jekk hemmx xi ħaġa f’din l-affari kollha li ma togħġbokx jew jekk jiena għandix xi ħtija f’din il-ħaġa. Jekk hemm, nitolbok, meta Inti tiġi ġewwa qalbi, imlieha bl-inkwiet u għarrafni bil-fatt li jiena ma nogħġbokx. U jekk ma naħtix f’din il-ħaġa, ikkonfermani fil-paċi.” X’ħin irċevejt il-Mulej, ruħi mtliet b’paċi kbira, u l-Mulej tani x’nifhem li l-opra kienet għaddejja minn prova imma xorta waħda baqgħet togħġob lil Alla minħabba dan. Jiena ħassejt ferħ kbir b’dan imma rdoppjajt it-talb tiegħi sabiex din l-opra tkun tista’ tgħaddi minn din il-prova bla ebda ħsara.

1609. O Ġesu’ tiegħi, kemm hi ħaġa tajba li tkun fuq is-salib, imma flimkien Miegħek! Imħabba tiegħi, flimkien Miegħek, ruħi tinsab il-ħin kollu minxura fuq is-salib u qiegħda timtela bl-imrar. Ħall u morr imissu ma’ xofftejja, imma din ħaġa tajba, għax il-Qalb Divina Tiegħek kienet mimlija mrar matul ħajtek kollha, u bi ħlas għal imħabbtek Inti rċevejt ingratitudni. Tant kont miġugħ li tnehida mnikkta ħarġet minn xofftejk meta Inti għidt li kont qed tfittex lil xi ħadd biex ifarrġek u ma sibt lil ħadd. (ara Salm 68:21)

1610. + Meta tlabt lill-Mulej juri tjieba u jitfa’ ħarstu fuq ċerta ruħ (probabbilment Dun Sopocko) li kien qed jissielet waħdu ma’ ħafna diffikultajiet, il-Mulej tani x’nifhem, f’waqt wieħed, li l-bnedmin kollha huma bħal trab taħt riġlejh. Mela tinkwetax; inti tista’ tara li waħedhom ma jistgħu jagħmlu xejn. U jekk Jiena nħallihom jidhru li qed jittrijonfaw, dan nagħmlu minħabba d-digrieti Tiegħi li ħadd ma jista’ jifhimhom. Kelli esperjenza ta’ paċi kbira x’ħin rajt li kollox huwa mmexxi mill-Mulej.

Djarju ta’ Swor Fawstina – Is-6 Pitazz (par.1590-1600)

Is-Sitt Pitazz – Paragrafi 1590-1600

consecrated-shrine-of-st-faustina-kowalska-in-warsaw1

+
Ġ.M.Ġ.
1590. Faħħar, O ruħ tiegħi
Il-ħniena ta’ Alla li ħadd ma jista’ jifhimha.
Jalla kollox ikun għall-glorja Tiegħu.

Krakovja, 10 ta’ Frar 1938.
Is-sitt pitazz.
Swor Fawstina tas-Sagrament Imqaddes tas-sorijiet tal-Madonna tal-Ħniena.

1591. Qalbi tinġibed hemm fejn jinsab moħbi Alla tiegħi,
Fejn hu jgħammar magħna lejl u nhar,
Liebes l-Ostja Bajda;
Huwa jaħkem d-dinja kollha, jikkomunika mal-erwieħ.

Qalbi tinġibed hemm fejn qed jistaħba Alla tiegħi,
Fejn Imħabbtu tinsab issagrifikata.
Imma qalbi tħoss li hawnhekk hawn l-ilma ħaj;
Huwa Alla tiegħi ħaj, għalkemm velu qed jaħbih.

1592. 10 ta’ Frar 1938. Waqt il-meditazzjoni, il-Mulej tani għarfien tal-ferħ li jkun hemm fil-ġenna u l-ferħ tal-qaddisin meta aħna naslu hemm; huma jħobbu lil Alla bħala l-uniku oġġett ta’ mħabbithom, imma għandhom ukoll imħabba tenera u ġenwina għalina. Dan il-ferħ joħroġ minn wiċċ Alla għal fuq kulħadd, għax aħna narawh wiċċ imb’wiċċ. Wiċċu tant hu ħelu li r-ruħ terġa’ taqa’ mill-ġdid f’esatasi.

1593. Il-Mulej stess iqanqalni sabiex nikteb talb u innijiet fuq il-ħniena Tiegħu, u dawn l-innijiet ta’ tifħir ifiġġu bla ma rrid minn fuq xofftejja. Innotajt li l-kliem ta’ tifħir għall-ħniena ta’ Alla jidħol ġo moħħi meta jkun diġa’ fformulat, u għalhekk iddeċidejt li niktibhom sakemm huwa possibli għalija. Nista’ nħoss lil Alla jħeġġiġni sabiex nagħmel dan.

1594. Waħda mis-sorijiet ġiet fiċ-ċella tiegħi għal ftit. Wara taħdita qasira fuq is-suġġett tal-ubbidjenza, hija qaltli, “Issa nista’ nifhem kif kienu jġibu ruħhom il-qaddisin. Grazzi, Sor; dawl kbir daħal ġewwa ruħi; u ħareġ ħafna ġid spiritwali.”

1595. O Ġesu’ tiegħi, dan huwa xogħlok. Kont Int li tkellimt b’dan il-mod ma’ dik ir-ruħ, għax din is-soru daħlet għandi x’ħin jiena kont ninsab mitlufa f’Alla, u kien preċiż f’dak il-mument meta ħareġ minn ġo fija dan il-ħsieb profond. O Ġesu’ tiegħi, jiena naf li, biex wieħed ikun utli għall-erwieħ, irid jagħmel mill-aħjar biex ikollu għaqda mill-iżjed qrib miegħek, li Int Imħabba Eterna. Kelma waħda mingħand ruħ magħquda ma’ Alla tagħmel iktar ġid fl-erwieħ minn diskussjonijiet elokwenti u priedki ġejjin minn ruħ imperfetta.

1596. + Rajt kemm kien sorpriż Patri A. (Andrasz) bl-azzjonijiet tiegħi, imma dan kollu seħħ għall-glorja ta’ Alla. O, kemm hi kbira l-grazzja Tiegħek. O Mulej, grazzja li terfa’ lir-ruħ iktar ‘il fuq fil-għoli. Jiena nħossni grata ħafna lejn il-Mulej li tani saċerdot imdawwal, Inti stajt tibqa’ tħallini fl-inċertezzi u d-dubji, imma it-tjubija Tiegħek irranġat dan kollu. O Ġesu’ tiegħi, hija ħaġa mpossibli għalija li jiena ngħodd il-favuri Tiegħek . . .

1597. Binti, it-taqbida tiegħek għad tibqa’ sejra sal-mewt. Tiġi fi tmiemha mal-aħħar nifs tiegħek. Inti għad tirbaħ permezz tal-manswetudni.

1598. 13 ta’ Frar 1938. Stajt nara kemm il-Mulej Ġesu’ imur kontra qalbu għand ċerti erwieħ fit-Tqarbin Imqaddes. U qalli dan il-kliem: Jiena nidħol f’ċerti qlub qisni dieħel għat-tieni Passjoni.

1599. Kif kont qiegħda nipprova nagħmel is-Siegħa tiegħi tal-Adorazzjoni, rajt lil Ġesu’ qed ibati u Hu qalli dan il-kliem: Binti, tagħtix daqstant kas tal-mezz tal-grazzja daqskemm tagħti lill-grazzja stess li Jiena nagħtik, għax lilek mhux dejjem jogħġbok il-mezz, u mbagħad saħansitra l-grazzji wkoll jonqsu. Jiena rrid inħarsek minn din il-ħaġa, u rridek li qatt ma tagħti kas tal-mezz li Jiena nuża biex nagħtik il-grazzja Tiegħi. Agħmel li l-attenzjoni kollha ta’ ruħek tkun ikkonċentrata fuq it-tweġiba tiegħek għall-grazzja Tiegħi biex din tkun fidila kemm jista’ jkun.

1600. + O Ġesu’ tiegħi, jekk Inti stess ma tkunx il-faraġ għax-xenqa ta’ ruħi, mela ħadd ma jista’ jsabbarha jew ifarraġha. Kull darba li Inti tersaq lejja din il-ħaġa tqajjem estasi ġodda ta’ mħabba ġewwa ruħi, kif ukoll agunija ġdida; għax, minkejja d-drabi kollha li Inti tersaq lejn ruħi, ukoll bl-iktar mod eċċezzjonali, jibqa’ l-fatt li jiena għadni qiegħda nħobbok mill-bogħod, u qalbi qiegħda tmut f’estasi ta’ mħabba; għax din għadha mhix l-għaqda sħiħa u eterna, għalkemm Inti tikkomunika miegħi tant spiss mingħajr velu (bħallikieku wiċċ imb’wiċċ); madankollu, b’dan il-mod Inti tiftaħ ġewwa ruħi u qalbi abbiss ta’ mħabba u xenqa għalik, Alla tiegħi; u dan l-abbiss bla qiegħ, din ix-xewqa totali għal Alla, ma tistax timtela bis-sħiħ hawn fl-art.

Djarju ta’ Swor Fawstina – Il-5 Pitazz (par.1581-1589)

Il-Ħames Pitazz – Paragrafi 1581-1589

mary101_adynamicduo-e1498682562253

1581. O Ġesu’ tiegħi, Mgħallem tiegħi, jiena ngħaqqad ix-xewqat tiegħi max-xewqat li Inti kellek fuq is-salib: jiena nixtieq inwettaq ir-rieda qaddisa Tiegħek, jiena nixtieq il-konverżjoni tal-erwieħ; jiena nixtieq li tiġi adurata l-ħniena Tiegħek; jiena nixtieq li t-trijonf tal-Knisja jasal malajr; jiena nixtieq li l-Festa tal-Ħniena tiġi ċċelebrata fid-dinja kollha; jiena nixtieq il-qdusija tas-saċerdoti; jiena nixtieq li jkun hemm qaddisa fil-Kongregazzjoni tagħna; jiena nixtieq li l-Kongregazzjoni tagħna kollha jkollha spirtu kbir ta’ ħeġġa għall-glorja ta’ Alla u għas-salvazzjoni tal-erwieħ; jiena nixtieq li dawk l-erwieħ li jgħixu fid-djar tagħna ma joffendux lil Alla, imma jipperseveraw fit-tajjeb; jiena nixtieq il-barka ta’ Alla tinżel fuq il-ġenituri tiegħi u fuq il-familja tiegħi kollha kemm hi; jiena nixtieq li Alla jagħti dawl speċjali lid-diretturi spiritwali tiegħi, u b’mod speċjali lil Patri An. U Dun So.; jiena nixtieq barka speċjali għas-Superjuri (nota234) li jiena kont taħt id-direzzjoni tagħhom, u b’mod speċjali għall-Madre Ġenerali (Michael), għall-Madre Irene u għad-Direttriċi tan-Novizzi, Madre (Mary) Joseph.

1582. O Ġesu’ tiegħi, jiena issa ngħannaq miegħi d-dinja kollha u nitolbok turi ħniena magħha. Meta Inti tgħidli, O Alla, li jkun biżżejjed, li r-rieda qaddisa Tiegħek ġiet imwettqa għal kollox, imbagħad, Feddej tiegħi, flimkien miegħek, jiena nerħi ruħi f’idejn il-Missier tas-Sema, mimlija fiduċja fil-ħniena Tiegħek bla tarf. U meta noqgħod quddiem it-tron Tiegħek, l-ewwel innu li nkantalek ikun wieħed lill-ħniena Tiegħek. Dinja msejkna, minix sejra ninsiek. Għalkemm jiena nħoss li malajr ser negħreq f’Alla bħallikieku f’oċejan ta’ hena, dan ma jżommnix milli nerġa’ lura fid-dinja sabiex nagħmel il-kuraġġ lill-erwieħ u nħeġġiġhom sabiex jafdaw fil-ħniena ta’ Alla. Fil-fatt din l-immersjoni tiegħi f’Alla tagħtini l-possibilita’ li naħdem kemm u kif irrid.

1583. Filwaqt li qiegħda nikteb dan, nista’ nisma’ lil Satana jheżżeż snienu. Hu ma jiflaħx għall-ħniena ta’ Alla, u l-ħin kollu jsabbat l-affarijiet fiċ-ċella tiegħi. Imma tant inħoss il-qawwa ta’ Alla ġewwa fija li lanqas biss jimpurtani li l-għadu tas-salvazzjoni tagħna jitlagħlu, u nkompli nikteb bi kwieti.

1584. O tjubija ta’ Alla li ħadd ma jista’ jifhimha, li tħarisna ma’ kull pass li aħna nagħmlu, jalla l-ħniena Tiegħek tiġi mfaħħra bla heda. Il-fatt li Inti sirt ħu l-bnedmin u mhux ħu l-anġli, huwa miraklu tal-misteru tal-ħniena Tiegħek li ħadd ma jista’ jifhmu. Il-fiduċja tagħna kollha qiegħda Fik, ħuna mwieled l-ewwel, Ġesu’ Kristu, veru Alla u veru Bniedem. Qalbi tibda tferfer bil-ferħ meta tara kemm Hu tajjeb Alla magħna, bnedmin imsejkna u ingrati. Bħala prova tal-imħabba Tiegħu, jagħtina fil-persuna ta’ Ibnu, d-don li qatt ma nistgħu nifhmu. Matul l-eternita’ kollha, qatt m’aħna ser naslu biex nifhmu dan il-misteru ta’ mħabba. O umanita’, għaliex taħseb hekk ftit fuq il-fatt li Alla jinsab tassew fostna? O Ħaruf ta’ Alla, ma nafx x’għandi nammira l-ewwel Fik: il-ħlewwa Tiegħek, il-ħajja moħbija Tiegħek, il-fatt li Inti battalt Lilek innifsek minħabba l-bniedem, jew il-miraklu għadu għaddej tal-ħniena Tiegħek, li tbiddel lill-erwieħ u terfagħhom ‘il fuq għall-ħajja eterna. Għalkemm Inti tinsab moħbi b’dan il-mod, is-setgħa bla tarf Tiegħek tidher iktar ċara hawnhekk milli meta Inti ħlaqt il-bniedem. Għalkemm is-setgħa tal-ħniena Tiegħek qiegħda taħdem fil-ġustifikazzjoni tal-midneb, imma l-ħidma Tiegħek hi tenera u moħbija.

1585. Dehra ta’ Omm Alla, F’nofs dija kbira, rajt lil Omm Alla liebsa libsa bajda, imdawra b’ċinturin tad-deheb; u kien hemm kwiekeb żgħar, tad-deheb ukoll, fuq il-libsa kollha, bi kmiem forma ta’ V maqluba, infurrati bid-deheb. Il-mantell tagħha kien ikħal kulur is-sema, mitfugħ ħafif fuq l-ispallejn. Velu trasparenti kien qed jgħattilha rasha ħafif ħafif, filwaqt li xagħarha twil kien imżejjen b’kuruna tad-deheb fuqu li kienet tispiċċa fi slaleb żgħar. Fuq ix-xellug kienet qiegħda żżomm il-Bambin Ġesu’ f’dirgħajha. Kien għadni qatt ma rajt il-Verġni Mbierka f’din is-sura. Imbagħad hi ħarset lejja u qaltli: Jiena Omm Alla tas-Saċerdoti. (nota235) Ma’ dan il-kliem, Hija niżżlet lil Ġesu’ fl-art minn fuq dirgħajha, għolliet idha l-leminija lejn is-sema u qalet: O Alla bierek lill-Polonja, bierek lis-saċerdoti. Imbagħad reġgħet kellmitni għal darb’oħra: Għid lis-saċerdoti dak li inti rajt. Iddeċidejt li mal-ewwel ċans (li jkolli) li nara lil Patri (Andrasz) kont sejra ngħidlu; imma waħdi ma nista’ nifhem xejn minn din id-dehra.

1586. O Ġesu’ tiegħi, Inti tista’ tara kemm jiena grata lejn Dun Sopocko, li tant mexxa ‘l quddiem l-Opra Tiegħek. Dik ir-ruħ, li hi tant umli, kellha tissaporti t-tempesti kollha. Ma ħalliex lilu nnifsu jaqta’ qalbu mill-kuntrarju, imma wieġeb bil-fedelta’ għas-sejħa ta’ Alla.

1587. + Waħda mis-sorijiet kellha d-dmir li ddur bil-morda, imma tant kienet traskurata li wieħed kellu verament jipprattika l-mortifikazzjoni. Darba, kont iddeċidejt li nkellem lis-superjura dwar din il-ħaġa, imma mbagħad smajt vuċi ġewwa ruħi: Issaportiha bil-paċenzja; xi ħaddieħor ser jgħidilha. Imma s-servizz baqa’ l-istess għal xahar sħiħ. Meta sa fl-aħħar stajt ninżel fir-refettorju u għar-rikreazzjoni, smajt dan il-kliem ġewwa ruħi: Issa xi sorijiet oħrajn ser jitkellmu dwar is-servizz traskurat ta’ dik is-soru, imma inti għandek iżżomm is-skiet u titkellimx dwar din il-ħaġa. U f’dak il-ħin bdiet tinstema’ l-kritika ħarxa dwar dik is-soru, imma hi ma kellha xejn (xi tgħid) biex tiddefendi lilha innfisha, u s-sorijiet kollha flimkien qalu, “Sor, aħjar tara kif se tagħmel biex ittejjeb is-servizz tiegħek mal-morda.” Jiena sibt li xi kultant il-Mulej ma jkunx iridna nitkellmu waħidna; Huwa għandu l-mezzi Tiegħu u jaf meta għandu jitkellem.

1588. Illum jiena smajt dan il-kliem: Fil-Patt il-Qadim Jiena bgħatt il-profeti għand il-bnedmin bis-sajjetti f’idejhom. Illum Jiena qiegħed nibgħatek bil-ħniena Tiegħi għand in-nies tad-dinja kollha. Jiena ma rridx nikkastiga lill-umanita’ li qiegħda tbati, imma nixtieq infejjaqha u nrossha mal-Qalb Tiegħi mimlija ħniena. Jiena nuża l-kastig meta huma stess iġegħluni nġib ruħi b’dan il-mod; idi ma tkunx trid taqbad ix-xabla tal-ġustizzja. Qabel Jum il-Ħaqq Jiena qed nibgħat Jum il-Ħniena. Jiena weġibt, “O Ġesu’, kellimhom Int lill-erwieħ, għax kliemi ma għandu l-ebda mertu.”

+
Ġ.M.Ġ

L-istennija tar-Ruħ għall-miġja tal-Mulej.

1589. Jiena ma nafx, O Mulej, x’ħin ser tiġi Inti.
U għalhekk nishar il-ħin kollu u nħejji ruħi
Bħala għarusa magħżula Tiegħek,
Għax naf li Int tħobb tiġi mingħajr ma tavża minn qabel.
Imma ruħ safja tinduna bik mill-bogħod, O Mulej.

Jiena qiegħda nistenniek, Mulej, fil-kalma u s-skiet,
B’xenqa kbira ġewwa qalbi.
U b’xewqa li ma nistax nrażżanha
Inħoss li mħabbti għalik qiegħda tinbidel f’nar
U li għad togħla sas-sema bħal fjamma fl-aħħar ta’ ħajti,
U mbagħad naqta’ x-xewqat kollha tiegħi.

Ejja, mela, sa fl-aħħar, Mulej tiegħi l-iktar ħelu
U ħu din il-qalb għatxana tiegħi
Hemm, fid-dar Tiegħek fil-postijiet għoljin tas-sema,
Fejn tibqa’ għaddejja l-ħajja eterna Tiegħek.

Il-ħajja f’din l-art hi biss agunija,
Ladarba qalbi tħoss li maħluqa għal affarijiet għoljin.
Għax il-wita ta’ din il-ħajja ma fiha l-ebda interess għalija,
Għax pajjiżi hu fis-sema – dan jiena nemmnu bis-sħiħ.

(Tmiem tal-Ħames Pitazz)

Djarju ta’ Swor Fawstina – Il-5 Pitazz (par.1571-1580)

Il-Ħames Pitazz – Paragrafi 1571-1580

en-apostolowie-milosierdzia-calosc5-e1498682171444

1571. Intbaħt li, mill-istess waqt meta jiena dħalt fil-kunvent, akkużawni b’ħaġa waħda; jiġifieri, li jiena qaddisa. Imma din il-kelma dejjem ġiet użata b’disprezz. Għall-ewwel, din il-ħaġa kienet tweġġgħani ħafna, imma meta rnexxieli nissuperaha, ma tajtx kasha iżjed. Iżda, meta darba ċerta persuna (forsi Dun Sopocko) bata minħabba l-qdusija tiegħi, weġġajt ħafna li, minħabba fija, ħaddieħor kellu jħoss xi ħaġa li mhix pjaċevoli. U bdejt nilmenta mal-Mulej Ġesu’, u staqsejtu għaliex kellu jkun dan, u l-Mulej weġibni, Qalbek sewda minħabba dan? Dażgur li int qaddisa. Dalwaqt Jiena stess din il-ħaġa nuriha fik, u huma għad ilissnu dik l-istess kelma, qaddisa, imma din id-darba jgħiduha bi mħabba.

1572. Qiegħed infakkrek, binti, li kull darba li inti tisma’ l-arloġġ idoqq it-tielet siegħa, inti tidħol kollok kemm int fil-ħniena Tiegħi, taduraha u tigglorifikaha; sejjaħ is-setgħa bla tarf tagħha għad-dinja kollha, u l-aktar għall-imsejkna midinbin; għax f’dak il-mument il-ħniena nfetħet beraħ għal kull ruħ. F’din is-siegħa inti tista’ tikseb kollox għalik innifsek u għall-oħrajn; din kienet is-siegħa tal-grazzja għad-dinja kollha – il-ħniena rebħet fuq il-ġustizzja.

Binti, ipprova agħmel mill-aħjar sabiex inti tagħmel il-Via Sagra f’din is-siegħa, jekk id-dmirijiet tiegħek jippermettulek; u jekk inti ma tkunx tista’ tagħmel il-Via Sagra, almenu idħol fil-kappella għal mument wieħed u adura, fis-Sagrament Imqaddes, lil Qalbi, li hi mimlija ħniena; u jekk ma tkunx tista’ tmur fil-kappella, inġabar fit-talb hemm fejn tkun tinsab imqar għal waqt wieħed qasir. Jiena rrid qima għall-ħniena Tiegħi minn kull ħlejqa, imma fuq kollox mingħandek, għax lilek Jiena tajt l-għarfien l-iktar profond ta’ dan il-misteru.

1573. + O Alla tiegħi, qiegħda tegħlibni x-xewqa kbira li għandi għalik illum. Xejn iktar m’hu qiegħed jimlieli qalbi. Id-dinja m’għad fiha xejn għalija. O Ġesu’, b’liema qawwa inħoss dan l-eżilju, kemm hu twil għalija! O mewt, messaġġiera ta’ Alla, meta sejra tħabbarli dak il-waqt tant mistenni, li permezz tiegħu jiena ser ningħaqad ma’ Alla għal dejjem?

1574. O Ġesu’ tiegħi, agħmel li l-aħħar jiem tat-turufnament tiegħi fuq l-art ngħaddihom nogħġob lir-rieda l-iżjed qaddisa Tiegħek. Jiena ngħaqqad it-tbatija, id-dieqa, l-istess agunija tal-mewt mal-Passjoni mqaddsa Tiegħek, u noffri ruħi għad-dinja kollha biex nikseb mingħand Alla kotra ta’ ħniena għall-erwieħ, u l-iktar għall-erwieħ li jinsabu fid-djar tagħna. Jiena nittama b’fiduċja sħiħa, u nerħi ruħi għal kollox f’idejn ir-rieda qaddisa Tiegħek, li hi l-istess ħniena. Il-ħniena Tiegħek tkun kollox għalija f’din l-aħħar siegħa ta’ ħajti, bħalma Inti stess wegħedtni . . .

1575. + Insellimlek, Imħabba Eterna. Ġesu’ ħelu tiegħi, Inti ndenjajt tiġi tgħammar ġewwa qalbi! Insellimlek, O Alla li ndenjajt tiċċekken daqshekk, u għax tħobbni tant battalt lilek innifsek, li ħadt il-forma bla ebda siwi ta’ ħobż. Insellimlek, Ġesu’, fjura li qatt ma tidbiel tal-umanita’. Inti kulma għandi bżonn għal ruħi. Imħabbtek hi iktar safja mill-ġilju, u l-preżenza Tiegħek togħġobni iktar mill-fwieħa tal-ġjanċint. Il-ħbiberija Tiegħek hi iktar ħelwa u iktar fina mill-fwieħa tal-warda, u xorta waħda hi iktar qawwija mill-mewt. O Ġesu’, sbuħija bla tarf, Inti tikkomunika l-aħjar ma’ erwieħ safja, għax huma biss kapaċi jagħmlu atti ta’ erojiżmu u sagrifiċċju. O demm ħelu ta’ Ġesu’ aħmar bħall-ward, agħmel li demmi jsir nobbli u biddlu f’demmek stess, u ħalli dan isir fija skont ma jogħġob lilek.

1576. Kun af, binti, li bejni u bejnek hemm abbiss bla qiegħ, abbiss li jifred il-Ħallieq mill-ħlejqa. Imma dan l-abbiss jinsab mimli bil-ħniena Tiegħi. Jiena ngħollik sa ħdejja, mhux għax għandi bżonnok, imma hija biss permezz tal-ħniena Tiegħi li Jiena nikkonċedilek il-grazzja ta’ għaqda flimkien Miegħi.

1577. Għid lill-erwieħ li m’għandhomx ipoġġu ostakli għall-ħniena Tiegħi f’qalbhom stess, għax din il-ħniena tixtieq taħdem ġewwa fihom bi kbir. Il-ħniena Tiegħi taħdem ġewwa dawk il-qlub kollha li jiftħu l-bibien tagħhom Għalija. Kemm il-midneb kif ukoll il-bniedem ġust li jagħmel dak li hu moralment tajjeb għandhom bżonn tal-ħniena Tiegħi. Il-konverżjoni, kif ukoll il-perseveranza, hija grazzja tal-ħniena Tiegħi.

1578. B’mod speċjali dawk l-erwieħ li jinsabu mexjin fit-triq tal-perfezzjoni għandhom jaduraw il-ħniena Tiegħi, għax l-abbundanza ta’ grazzja li Jiena nagħtihom ġejja mill-ħniena Tiegħi. Jiena nixtieq li dawn l-erwieħ jintgħarfu mill-fiduċja bla tarf fil-ħniena Tiegħi. Jiena stess nieħu ħsieb tal-qdusija ta’ erwieħ bħal dawn. Jiena nipprovdilhom kulma huma jeħtieġu sabiex isiru qaddisin. Il-grazzji tal-ħniena Tiegħi tistgħu tiġbduhom għal għandkom b’mezz wieħed biss, u dik hi: il-fiduċja. Iktar ma ruħ tafda, iktar tirċievi. Erwieħ li jafdaw bla ebda limitu huma ta’ faraġ kbir Għalija, għax Jiena nferra’ ġo fihom it-teżori kollha tal-grazzji Tiegħi. Jiena nifraħ meta huma jitolbuni ħafna, għax hija x-xewqa Tiegħi li nagħti ħafna, ħafna. Mill-banda l-oħra, Jiena nsewwed Qalbi meta l-erwieħ jitolbu ftit, meta l-qlub tagħhom jingħalqu.

1579. + L-iktar li nbati meta niltaqa’ mal-wiċċ b’ieħor. Issa nista’ nifhmek, Feddej tiegħi, għaliex Inti ċanfart lill-Fariżej b’mod tant sever għall-wiċċ b’ieħor tagħhom. Inti sibtha iktar faċli tagħmilha ma’ midinbin magħrufin meta huma resqu lejk niedma.

1580. Ġesu’ tiegħi issa jiena nista’ nara li jiena mxejt warajk fl-istadji kollha ta’ ħajti: it-tfulija, iż-żgħożija, il-vokazzjoni, il-ħidma appostolika, Tabor, Ġetsemani, u issa diġa’ ninsab miegħek fuq il-Kalvarju. B’rieda tajba ħallejt lili nnifsi niġi msallba, u fil-fatt diġa’ ninsab minxura fuq is-salib, u nħoss biċ-ċar li s-saħħa ġejja għandi mis-Salib Tiegħek, li Inti u Inti biss il-perseveranza tiegħi. Għalkemm spiss nisma’ l-leħen tat-tentazzjoni ssejjaħli, “Inżel minn fuq is-salib!” il-qawwa ta’ Alla tagħtini s-saħħa. Għalkemm is-solitudni u d-dlam u t-tbatijiet ta’ kull xorta jaħbtu kontra qalbi, il-qawwa misterjuża ta’ Alla tweżinni u ssaħħaħni. Irrid nixrob it-tazza sal-aħħar qatra. Jiena għandi fiduċja sħiħa li l-grazzja Tiegħek, li żammitni fil-Ġnien taż-Żebbuġ, iżżommni issa wkoll li ninsab fuq il-Kalvarju.

Djarju ta’ Swor Fawstina – Il-5 Pitazz (par.1561-1570)

Il-Ħames Pitazz – Paragrafi 1561-1570

19512117_747671405419784_1566356312_n

1561. U issa ser ngħidlek xi ħaġa li hi importanti ħafna għalik: sinċerita’ bla ebda limitu mad-direttur spiritwali tiegħek. Jekk inti ma tiksibx il-ġid għal ruħek minn din il-grazzja kbira skont id-direttivi Tiegħi, jiena neħodulek u mbagħad inti tisfa’ waħdek; u t-turmenti kollha, li inti tafhom tajjeb ħafna, jerġgħu jiġu lura għandek. Ma niħux gost meta inti ma tieħux ġid għal ruħek mill-opportunita’ li tkun tista’ tarah u titkellem miegħu. Jiena nagħti direttur spiritwali lir-ruħ. Ħafna erwieħ jitolbuni din il-ħaġa, imma jiena ma nagħtix din il-grazzja lil kulħadd. Minn dak il-waqt meta Jiena tajtek dan is-saċerdot bħala direttur spiritwali, jiena tajtu dawl ġdid sabiex hu jkun jista’ faċilment isir jaf lil ruħek u jifhimha . . .

1562. O Ġesu’ tiegħi, l-unika ħniena għalija, ħallini nara wiċċek kuntent bħala sinjal ta’ rikonċiljazzjoni miegħi, għax qalbi ma tistax tiflaħ s-serjeta’ Tiegħek; jekk din il-ħaġa tibqa’ sejra mument ieħor, qalbi tinqasam bin-niket. Inti tista’ tara li issa wkoll jiena ninsab mgħaffġa trab.

1563. U f’dak l-istess waqt rajt lili nnifsi f’tip ta’ palazz; u Ġesu’ tani idu, poġġieni bilqiegħda maġenbu, u qalli bi tjubija, Għarusa Tiegħi, inti dejjem togħġobni bl-umilta’ tiegħek. L-ikbar miżerja ma żżommnix milli ningħaqad ma’ ruħ, imma fejn hemm is-suppervja, Jiena ma nkunx hemm.

X’ħin ġejt f’tiegħi, qgħadt naħseb f’qalbi fuq dak li kien ġara u raddejt ħajr lil Alla għal imħabbtu u għall-ħniena li Hu kien wera miegħi.

1564. Ġesu’, aħbini bħalma Inti nħbejt taħt l-ispeċi ta’ Ostja bajda, hekk ukoll aħbini mill-għajnejn tal-bnedmin, u b’mod speċjali aħbi d-doni li Inti tagħtini għax Inti Qalbek tajba. Jalla minn barra ma nittradix dak li Inti qiegħed tagħmel ġewwa ruħi. Jiena ostja bajda quddiemek, O Saċerdot divin. Ikkonsagrani Inti stess, u ħalli t-transustanzazzjoni tiegħi tkun taf biha Inti biss. Kuljum jiena ninstab quddiemek bħala ostja tas-sagrifiċċju u nitlob il-ħniena Tiegħek fuq id-dinja. Fis-skiet, u fil-moħbi, jiena niżżvojta lili nnifsi quddiemek; l-imħabba safja u sħiħa tiegħi qed taqbad, fi skiet profond bħala olokaswtu. U jalla l-fwieħa ta’ mħabbti titla’ sa quddiem it-tron Tiegħek. Inti s-Sid tas-sidien, imma titpaxxa b’erwieħ innoċenti u umli.

1565. X’ħin dħalt fil-kappella għal mument, il-Mulej qalli, Binti, għinni nsalva lil ċertu midneb li jinsab fil-punt tal-mewt. Għid il-kurunella li Jiena għallimtek għalih. X’ħin bdejt ngħid il-kurunella, rajt lil dan ir-raġel qiegħed imut fost turmenti terribbli u taqbid. L-Anġlu Kustodju tiegħu kien qed jiddefendih, imma hu kien bħallikieku bla saħħa kontra l-kobor tal-miżerja tar-ruħ. Għadd kbir ta’ xjaten kienu qegħdin jistennew lir-ruħ. Imma waqt li kont qiegħda ngħid il-kurunella, rajt lil Ġesu’ preċiż kif ġie mpenġi fix-xbieha. Ir-raġġi li ħarġu mill-Qalb ta’ Ġesu’ daru madwar il-marid, u s-setgħat tad-dlam ħarbu f’paniku sħiħ. Il-marid ħa l-aħħar nifs tiegħu fil-paċi. X’ħin ġejt f’tiegħi, jiena fhimt kemm hi importanti l-kurunella għall-moribondi. Hija ttaffi l-korla ta’ Alla.

1566. X’ħin kont qiegħda nitlob maħfra lill-Mulej Ġesu’ għal ċerta azzjoni tiegħi li iktar tard saret imperfetta, Ġesu’ kkalmani b’dan il-kliem: Binti, Jiena nippremjak għas-safa tal-intenzjoni li inti kellek filwaqt meta inti għamilt l-azzjoni. Qalbi ferħet li inti kont qiegħda taħseb f’imħabbti meta inti għamilt l-azzjoni, u dan għamiltu b’mod hekk ċar; u issa wkoll inti għadek tikseb il-ġid minn din il-ħaġa jiġifieri, mill-umiljazzjoni. Iva, binti, irridek dejjem ikollok safa hekk kbira fl-intenzjoni tiegħek sa fl-iċken ħaġa li inti tagħmel.

1567. Kif qbadt il-pinna f’idi, indirizzajt talba qasira lill-Ispirtu s-Santu u għidt, “Ġesu’, bierek din il-pinna sabiex dak kollu li Inti qed tikkmandani nikteb iservi għall-glorja ta’ Alla.” Imbagħad smajt vuċi: Iva, Jiena nberikha, għax din il-kitba għandha s-siġill tal-ubbidjenza lejn is-superjur u l-konfessur tiegħek, u b’dak l-istess fatt Jiena diġa’ qed ningħata glorja, u ħafna erwieħ għad jiksbu ġid spiritwali minnha. Binti, Jiena qed nordnalek li inti tiddedika l-ħin liberu kollu tiegħek sabiex inti tikteb fuq it-tjubija u l-ħniena Tiegħi. Dan huwa l-impenn u x-xogħol tiegħek matul ħajtek kollha sabiex inti tgħarraf lill-erwieħ bil-ħniena kbira Tiegħi għalihom, u sabiex inti tħeġġiġhom biex ikollhom fiduċja fil-ħniena Tiegħi bla tarf.

1568. O Ġesu’ tiegħi, jiena nemmen fi kliemek u ma baqagħlix l-ebda dubju dwar dan għax waqt konverżazzjoni mal-Madre Superjura (Irene), hija qaltli nikteb iktar dwar il-ħniena Tiegħek. Din il-ħaġa taqbel ħafna mat-talba Tiegħek. O Ġesu’ tiegħi, jiena issa qiegħda nifhem li jekk Inti titlob xi ħaġa minn ruħ, Inti wkoll tnebbaħ is-superjuri sabiex huma jħalluna nwettqu dak li Inti tkun trid, għalkemm xi kultant jiġri li ma nirċevux il-permess mill-ewwel, u l-paċenzja tagħna ta’ spiss tiġi ppruvata . . .

1569. + O Mħabba li qatt ma tispiċċa, Ġesu’, li ngħalaqt ġewwa Ostja
U li hemmhekk Inti taħbi d-divinita’ u s-sbuħija Tiegħek,
Int dan tagħmlu sabiex tagħti lilek innifsek, kollok kemm Int lil ruħi
U sabiex Inti ma tbeżżgħhiex bil-kobor tiegħek.

O Mħabba li ma tispiċċa qatt, Ġesu’, li ħbejt lilek innifsek taħt sura ta’ ħobż,
Dawl Etern, Għajn li ħadd ma jista’ jifhimha ta’ ferħ u hena,
Għax Inti trid tkun għalija l-ġenna fuq l-art;
Inti verament dan, meta mħabbtek, O Alla, tagħti lilha nnifsha lili.

1570. O Alla verament Ħanin, Tjubija nfinita’, illum l-umanita’ kollha qiegħda ssejjaħ mill-abbiss tal-miżerja tagħha lill-ħniena Tiegħek – lill-kompassjoni Tiegħek, O Alla; u hija tgħajjat bil-vuċi qawwija tal-miżerja tagħha. Alla ħanin, tirrifjutax it-talba tal-eżiljati ta’ din l-art! O Mulej, Tjubija li ħadd ma jifhimha, li Inti konxju mill-miżerja tagħna hekk kif inhi, u taf li bis-saħħa tagħna biss aħna m’aħniex kapaċi nitilgħu ‘l fuq sa għandek, aħna qegħdin nitolbuk; agħmel li l-grazzja Tiegħek tantiċipana u kompli żid il-ħniena Tiegħek fina, sabiex aħna nkunu nistgħu bil-fedelta’ nwettqu r-rieda qaddisa Tiegħek matul ħajjitna kollha u fis-siegħa tal-mewt tagħna. Ħalli s-Setgħa bla tarf tal-ħniena Tiegħek tkun it-tarka tagħna mill-vleġeġ tal-għedewwa tas-salvazzjoni tagħna, sabiex aħna nkunu nistgħu bil-fiduċja, bħala wliedek nistennew l-aħħar miġja Tiegħek – dak il-jum li Inti biss taf meta. Nistennew li niksbu dak kollu li Ġesu’ wegħedna minkejja l-miżerja kollha tagħna. Għax Ġesu’ Hu t-Tama tagħna. Minn ġol-Qalb ħanina Tiegħu, bħal minn rixtellu miftuħ, aħna nibqgħu għaddejjin għall-ġenna.

Djarju ta’ Swor Fawstina – Il-5 Pitazz (par.1551-1560)

Il-Ħames Pitazz – Paragrafi 1551-1560

19477860_747671438753114_2143542331_n

1551. Fil-meditazzjoni fuq il-mewt, jiena tlabt lill-Mulej jindenja ruħu jimlieli qalbi b’dawk is-sentimenti li jiena għad ikolli filwaqt tal-mewt tiegħi. U permezz tal-grazzja ta’ Alla jiena rċevejt tweġiba ġewwa fija li jiena kont għamilt dak kollu li stajt nagħmel u għalhekk kelli nkun fil-paċi. F’dak il-waqt tant tqajmet gratitudni profonda lejn Alla ġewwa ruħi, li nfqajt nibki dmugħ ta’ ferħ bħal tarbija ċkejkna. Ħejjejt ruħi biex nitqarben l-għada filgħodu bħala l-“vjatku”, u għidt it-talb tal-moribondi (nota223) għalija stess.

1552. Imbagħad smajt dan il-kliem: Bħalma inti magħquda Miegħi fil-ħajja, hekk inti tkun magħquda filwaqt tal-mewt. Wara dan il-kliem, tant tqanqlet ġewwa ruħi fiduċja kbira fil-ħniena kbira ta’ Alla li, ukoll li kieku kellhom jagħfsu fuq il-kuxjenza tiegħi d-dnubiet tad-dinja kollha kif ukoll id-dnubiet tal-erwieħ kollha kkundannati, ma kontx niddubita mit-tjubija ta’ Alla imma, bla ebda biża’, kont nintefa’ fl-abbiss tal-ħniena divina li jinsab dejjem miftuħ għalina; u b’qalb mgħaffġa li saret trab, kont nintefa’ f’riġlejh u nintelaq għal kollox fir-rieda qaddisa Tiegħu, li hi l-istess ħniena.

1553. O Ġesu’ tiegħi, Ħajja ta’ ruħi, ħajti, Feddej tiegħi, l-Għarus l-iżjed ħelu tiegħi, u fl-istess ħin l-Imħallef tiegħi, Inti taf li f’din l-aħħar siegħa tiegħi ma nistax inserraħ rasi bl-ebda merti tiegħi stess, imma biss bil-ħniena Tiegħek. Illum ukoll, jiena nintefa’ għal kollox fl-abbiss tal-ħniena Tiegħek, li jinsab dejjem miftuħ għal kull ruħ.

O Ġesu’ tiegħi, hemm ħaġa waħda biss li jiena għandi nwettaq matul ħajti, f’mewti u tul l-eternita’ kollha, u din hi li noqgħod nadura l-ħniena Tiegħek li ħadd ma jista’ jifhimha. L-ebda moħħ, la tal-anġli lanqas tal-bnedmin, qatt ma jista’ jifhem il-misteri tal-ħniena Tiegħek, O Alla. L-anġli jintilfu fl-istagħġib quddiem il-misteru tal-ħniena divina, imma ma jistgħux jifhmuh. Kull ma ġie minn id il-Ħallieq jinsab f’dan il-misteru tal-għaġeb; jiġifieri, fl-istess fond tal-ħniena tenera Tiegħu. X’ħin noqgħod nimmedita fuq din il-ħaġa, l-ispirtu tiegħi jintilef minn sensih, u qalbi tinħall bil-ferħ. O Ġesu’, kien permezz tal-Qalb l-iżjed ħanina Tiegħek, bħal permezz ta’ kristall, li r-raġġi tal-ħniena divina waslu għandna.

1554. 1 ta’ Frar (1938). Illum qiegħda nħossni daqsxejn agħar, fiżikament, imma xorta waħda għadni nieħu sehem fil-ħajja komunitarja (it-talb, l-ikel u r-rikreazzjoni). Qiegħda nagħmel sforzi kbar, li Inti biss taf bihom, Ġesu’. Fir-refettorju llum, ma ħsibtnix ser inwassal sat-tmiem l-ikla. Kull darba li bdejt inpoġġi l-ikel f’ħalqi bdejt inħoss uġigħ kbir.

1555. Meta ġimgħa ilu ġiet iżżurni Madre S. (Irene) hija qaltli, “Inti qiegħda tieħu dan il-mard kollu, Sor, għax is-sistema tiegħek hi tant fjakka, imma dik mhix ħtija tiegħek. Fil-fatt, li kieku xi soru oħra kellha dik l-istess marda, żgur li kienet tibqa’ għaddejja xorta waħda; imma int, Sor, jkollok toqgħod fis-sodda!!” Dan il-kliem ma weġġagħnix, imma aħjar ma tagħmilx paraguni bħal dawn ma’ persuni li huma morda ħafna, għax it-tazza tagħhom tkun diġa’ mimlija biżżejjed kif inhi. Ħaġa oħra: meta s-sorijiet iżuru l-morda, m’għandhomx joqgħodu jistaqsu bid-dettalji kollha kull darba, “Fejn qed juġgħak, u kif?” għax tgħajjik ħafna li jkollok toqgħod tgħid lil kull soru l-istess ħaġa fuqek innifsek. U xi kultant jiġri li wieħed ikollu jirrepeti l-istess ħaġa ħafna drabi matul il-jum.

1556. X’ħin mort fil-kappella għal mument wieħed, il-Mulej tani x’nifhem li, fost il-magħżulin tiegħu, hemm xi wħud li huma magħżulin b’mod speċjali, u li Huwa jsejħilhom għal forma ogħla ta’ qdusija, għal għaqda miegħu eċċezzjonali. Dawn huma erwieħ serafiċi u mingħandhom Alla jistenna mħabba ikbar milli mingħand l-oħrajn. Għalkemm kollha jkunu jgħixu fl-istess kunvent, imma Hu xi kultant jitlob mingħand ruħ speċjali grad ogħla ta’ mħabba. Ruħ bħal din tifhimha din is-sejħa, għax Alla jgħarrafielha b’mod interjuri, imma r-ruħ tista’ tagħżel li timxi wara din is-sejħa jew le. Jiddependi biss mir-ruħ jekk hi tkunx fidila għal dawn is-sejħat tal-Ispirtu Qaddis, jew jekk tirreżistihomx. Jiena sirt naf li hemm post fil-Purgatorju fejn l-erwieħ iridu jħallsu d-dejn li għandhom ma’ Alla għal nuqqasijiet bħal dawn; dan it-tip ta’ tortura hi l-iktar waħda diffiċli minnhom kollha. Ir-ruħ li hi mmarkata b’mod speċjali minn Alla tingħaraf kullimkien, kemm fil-ġenna kif ukoll fil-purgatorju jew fl-infern. Fil-ġenna tingħaraf minn erwieħ oħrajn għax ikollha glorja ikbar u dija u għarfien iktar profond ta’ Alla. Fil-purgatorju, ikollha uġigħ kbir, għax tkun taf lil Alla b’mod aktar profond u tixtiequ b’ħerqa ikbar. Fl-infern, hi tbati b’mod iktar profond mill-erwieħ l-oħra, għax taf b’mod iktar sħiħ min Hu dak li hi tilfet. Din il-marka li ma titħassarx tal-imħabba esklużiva ta’ Alla fir- (ruħ) tibqa’ hemm għal dejjem.

1557. O Ġesu’, żommni f’biża’ qaddis, biex ma naħlix il-grazzji. Għinni nkun fidila għall-ispirazzjonijiet tal-Ispirtu Qaddis. Agħmel li qalbi tfur bi mħabba għalik ħalli ma nittraskurax lanqas att wieħed ta’ mħabba Għalik.

1558. 2 ta’ Frar (1938). Dlam fir-ruħ. Illum il-Festa ta’ Omm Alla, u f’ruħi hemm tant dlam. Il-Mulej inħeba, u jiena ninsab waħdi, waħdi għal kollox. Moħħi hu tant imdallam li nista’ nara madwari fantażmi biss. Lanqas raġġ wieħed ta’ dawl ma jinfed lil ruħi. Ma nifhimx lili nnifsi lanqas lil dawk li jkellmuni. Tentazzjonijiet tal-biża’ dwar il-fidi jaħbtu għalija. O Ġesu’ tiegħi, salvani. Ma nista’ ngħid xejn iżjed. Ma nistax niddeskrivi dawn l-affarijiet bid-dettall, għax nibża’ li xi ħadd jista’ jiskandalizza ruħu meta jaqra dan. Nistagħġeb kif turmenti bħal dawn jistgħu jiġu fuq ir-ruħ. O urugan, x’inti tagħmel lid-dgħajsa ta’ qalbi? Din it-tempesta ilha għaddejja llejl u inhar kollu.

Meta l-Madre Superjura (Irene) ġiet tarani u staqsietni “Tixtieq tieħu ġid għal ruħek f’din l-okkażjoni, Sor, ladarba ġej Patri An. (Andrasz) biex iqarar?” Jiena weġibt, le. Deherli lis-saċerdot ma kienx ser jifhimni, u li jiena lanqas ma kont nista’ nqerr.

Għaddejt il-lejl kollu ma’ Ġesu’ fil-Ġetsemani. Minn sidri ħarġet karba waħda kontinwa. Mewta naturali tkun ħafna iżjed faċli, għax f’dan il-każ il-persuna tkun fl-agunija u mbagħad tmut; filwaqt li hawnhekk, wieħed jinsab fl-agunija imma ma jistax imut. O Ġesu’ qatt ma ħsibt li tista’ teżisti tbatija bħal din. Xejn: din hi r-realta’. O Ġesu’, salvani! Jiena nemmen fik b’qalbi kollha. Tant drabi jiena rajt id-dija ta’ wiċċek u issa, fejn Inti, Mulej?” . . . Jiena nemmen, jiena nemmen, u nerġa’ ngħid jiena nemmen fik, Alla Tliet Persuni, Missier, Iben u Spirtu s-Santu, u fil-veritajiet kollha li l-Knisja Qaddisa Tiegħek tagħtini sabiex jiena nemminhom . . . Imma d-dalma ma terġax lura, u l-ispirtu tiegħi jinżel f’agunija ikbar. U f’dak il-mument, turment hekk terribbli għafas fuqi li issa nistagħġeb li dak ma kienx l-aħħar nifs tiegħi, imma dan seħħ għal waqt qasir biss.

1559. F’dak il-waqt rajt lil Ġesu’, u minn Qalbu ħarġu dawk l-istess żewġ raġġi, li daru madwari, kollni kemm jiena. Fl-istess waqt, għebu t-turmenti tiegħi kollha. Binti, il-Mulej qal, kun af li minnek innifsek inti preċiż dak li għadek kif għaddejt minnu, u hija biss permezz tal-grazzja Tiegħi li inti tieħu sehem fil-ħajja eterna u d-doni kollha li Jiena nferra’ fuqek. U ma’ dan il-kliem tal-Mulej, irċevejt għarfien veru tiegħi nnifsi. Ġesu’ qiegħed jagħtini lezzjoni ta’ umilta’ profonda u, fl-istess ħin, ta’ fiduċja sħiħa fih. Qalbi spiċċat trab u rmied, u wkoll li kieku l-bnedmin kollha kellhom jirfsu fuqi, xorta waħda kont inqisha bħala pjaċir.

Inħossni, u fil-fatt jiena, mimlija kollni kemm jiena bl-għarfien tax-xejn tiegħi, sabiex umiljazzjonijiet veri, ikunu serħan għalija.

1560. 3 ta’ Frar (1938). Illum wara t-Tqarbin, Ġesu’ reġa’ tani xi ftit direttivi: L-ewwelnett, toqgħodx tiġġieled kontra tentazzjoni waħdek, imma wriha lill-konfessur mill-ewwel, u mbagħad it-tentazzjoni titlef saħħitha kollha. It-tieni, matul dawn il-provi titlifx il-paċi tiegħek; għix fil-preżenza Tiegħi; itlob lil Ommi u l-Qaddisin biex jagħtuk l-għajnuna. It-tielet, għandu jkollok iċ-ċertezza li Jiena qed inħares lejk u nwieżnek. Ir-raba’, toqgħodx tibża’ la mit-taqbid tar-ruħ u lanqas mill-ebda tentazzjoni, għax Jiena qed inwieżnek; jekk inti għandek biss ir-rieda li tiġġieled, kun af li r-rebħa hija dejjem tiegħek. Il-ħames, kun af li meta inti tiġġieled bil-kuraġġ inti tagħtini glorja kbira u tikseb ħafna merti għalik innifsek. It-tentazzjoni tagħtik ċans li turini kemm inti fidila Lejja.

Djarju ta’ Swor Fawstina – Il-5 Pitazz (par.1541-1550)

Il-Ħames Pitazz – Paragrafi 1541-1550

zd3

1541. Binti, ħajjar lill-erwieħ jgħidu l-kurunella li Jiena tajtek. Jiena nieħu gost nagħtihom dak kollu li huma jitolbuni permezz tal-kurunella. Meta midinbin b’qalbhom iebsa jgħiduha, Jiena nimlielhom ruħhom bil-paċi, u s-siegħa tal-mewt tagħhom tkun waħda hienja.

Ikteb dan għall-erwieħ li jinsabu għaddejjin mill-għawġ: meta ruħ tinduna bis-serjeta’ l-gravita’ tad-dnubiet tagħha, meta l-abbiss kollu tal-miżerja li fih hi ntefgħet jidher quddiem għajnejha, hi m’għandhiex tiddispra, imma bil-fiduċja għandha tintefa’ f’dirgħajn il-ħniena Tiegħi, bħalma tarbija tintefa’ f’dirgħajn l-omm maħbuba tagħha. Dawn l-erwieħ għandhom dritt ta’ prijorita’ fuq il-Qalb ħanina Tiegħi; huma l-ewwel li jilħqu l-ħniena Tiegħi. Għidilhom li l-ebda ruħ li sejħet il-ħniena Tiegħi ma ġiet iddiżapuntata jew umiljata. Jiena nitpaxxa b’mod speċjali b’ruħ li poġġiet il-fiduċja tagħha fit-tjubija Tiegħi. Ikteb illi meta huma jgħidu din il-kurunella fil-preżenza tal-moribond, Jiena nidħol bejn Missieri u l-moribond mhux bħala Mħallef Ġust iżda bħala Salvatur mimli ħniena.

1542. F’dak il-waqt, il-Mulej tani x’nifhem kemm Hu għajjur għal qalbi.

Ukoll fost is-sorijiet inti tħossok waħdek. Kun af mela li Jiena rridek tingħaqad miegħi iktar mill-qrib. Jiena jimpurtani minn kull taħbita ta’ qalbek. Kull ċaqliqa ta’ mħabbtek hi riflessa fil-Qalb Tiegħi. Jiena għatxan għal imħabbtek. “Iva, O Ġesu’, imma anke qalbi ma tkunx kapaċi tgħix mingħajrek; għax ukoll li kieku l-qlub tal-ħlejjaq kollha kellhom jiġu offruti lili, ma jissodisfawx il-profondita’ ta’ qalbi.”

1543. Illum għall-ħabta ta’ filgħaxija, il-Mulej qalli, Intelaq f’idejja kollok kemm int fis-siegħa tal-mewt, u Jiena nippreżentak lil Missieri bħala għarusa Tiegħi. U issa nirrikkmandalek li inti tgħaqqad, b’mod speċjali, ukoll l-iċken għemejjel tiegħek mal-merti Tiegħi, u mbagħad Missieri jħares lejhom bi mħabba bħallikieku kienu Tiegħi stess.

1544. Tbiddilx l-eżami partikulari tiegħek li Jiena tajtek permezz ta’ Patri Andrasz; jiġifieri, li Inti tingħaqad Miegħi l-ħin kollu. Dan hu li Jiena qed nitlob mingħandek b’mod ċar illum. Kun tifla ċkejkna ma’ dawk li qegħdin f’ismi għax Jiena nissellef xofftejhom biex inkellmek, sabiex inti ma jkollokx dubji fuq xejn.

1545. Saħħti ġiet ‘l quddiem mhux ħażin. Inżilt fir-refettorju u fil-kappella llum. Għadni ma nistax inkompli bid-dmirijiet tiegħi u, għalhekk qed nibqa’ fiċ-ċella tiegħi naħdem bin-newl li ninseġ bl-id (nagħmel il-borduri għall-bċejjeċ tal-għażel li jintużaw fuq l-altar). Dan ix-xogħol jogħġobni ħafna, imma wkoll b’xogħol hekk ħafif, ngħejja mill-ewwel. Nista’ nara kemm jiena dgħajfa. M’hemmx waqtiet li mhumiex importanti f’ħajti, għax kull mument ta’ ħajti mimli bit-talb, bit-tbatija u bix-xogħol. Jekk mhux b’mod wieħed b’xi ieħor, jiena nagħti glorja lil Alla; u li kieku Alla kellu jagħtini ħajja oħra, ma nafx jekk kontx nużaha b’xi mod aħjar . . .

1546. Il-Mulej qalli, Kemm togħġobni mħabbtek. L-imħabba sinċiera tiegħek togħġob lill-Qalb Tiegħi bħall-fwieħa ta’ blanzun ta’ warda filgħodu, qabel max-xemx tkun neħħiet in-nida minn fuqha. Il-qalb friska tiegħek issaħħarni; din hi r-raġuni għaliex Jiena ningħaqad miegħek iktar mill-qrib milli ma’ l-ebda kreatura oħra . . .

1547. Illum rajt l-isforzi ta’ dan is-saċerdot (Dun Sopocko) dwar l-affarijiet ta’ Alla. Qalbu qiegħda tibda dduq dak li mela l-Qalb ta’ Alla waqt il-ħajja Tiegħu f’din l-art. Biex ipattulu għal dawn l-isforzi tiegħu – ingratitudni . . . Imma hu ħerqan ħafna għall-glorja ta’ Alla . . .

1548. 30 ta’ Jannar 1938. Irtir ta’ ġurnata.

Il-Mulej tani x’nifhem, waqt il-meditazzjoni li sakemm qalbi tibqa’ tħabbat f’sidri, jiena għandi nibqa’ dejjem nistinka sabiex inxerred is-Saltna ta’ Alla fl-art. Jiena għandi nissielet għall-glorja tal-Ħallieq tiegħi.

Jiena naf li għad nagħti lil Alla l-glorja li Hu jistenna mingħandi jekk jiena nipprova nikkopera bil-fedelta’ mal-grazzja ta’ Alla.

1549. Irrid ngħix fl-ispirtu ta’ fidi. Jiena naċċetta kollox li jiġrili bħallikieku ġie mogħti lili permezz tar-rieda ta’ Alla mimlija mħabba, għaliex Hu sinċerament iridni nkun ferħana. U għalhekk naċċetta b’sottomissjoni u gratitudni dak kollu li Alla jibgħatli. Ma nagħtix kas tal-vuċi tan-natura u dak li jgħidli l-egoiżmu tiegħi. Qabel kull azzjoni importanti, jiena nieqaf naħseb għal mument wieħed x’relazzjoni għandha mal-ħajja eterna u x’tista’ tkun ir-raġuni prinċipali tiegħi biex jiena nagħmilha: hija għall-glorja ta’ Alla, jew għall-aħjar ta’ ruħi, jew għall-aħjar tal-erwieħ tal-oħrajn? Jekk qalbi tgħid iva, jiena mbagħad xejn ma jċaqlaqni milli nwettaq dik l-azzjoni, u ma nagħtix kas ta’ ostakli jew sagrifiċċji. Xejn ma jbeżżgħani biex nabbanduna l-intenzjoni tiegħi. Għalija biżżejjed inkun naf li togħġob lil Alla. Mill-banda l-oħra, jekk insir naf li l-azzjoni m’għandha xejn x’taqsam ma’ dak li għadni kif semmejt, jiena nipprova ngħolliha għal sfera ogħla permezz ta’ intenzjoni tajba. U jekk insir naf li xi ħaġa ġejja mill-egoiżmu tiegħi, jiena nikkanċellaha mill-bidu.

1550. F’każijiet dubbjużi, ma nagħmel xejn, imma nfittex bl-iktar mod skrupluż kjarifika mis-saċerdoti, u l-aktar mid-direttur spiritwali tiegħi. Ma nagħtix spjegazzjonijiet biex niddefendi lili nnifsi meta xi ħadd iċanfarni jew jikkritikani, jekk xi ħadd ma jitlobnix direttament nagħti xhieda tal-verita’. B’paċenzja kbira, noqgħod nisma’ meta xi ħadd jiftaħ qalbu miegħi, naċċetta t-tbatijiet tagħhom, nagħtihom faraġ spiritwali, imma t-tbatijiet tiegħi stess jiena ngħarraqhom fil-Qalb l-iżjed ħanina ta’ Ġesu’. Jiena qatt ma nħalli l-profondita’ tal-ħniena Tiegħu, filwaqt li nieħu d-dinja kollha f’dak il-fond.

Djarju ta’ Swor Fawstina – Il-5 Pitazz (par.1531-1540)

Il-Ħames Pitazz – Paragrafi 1531-1540

dwuaspektowy-jezus1-e1498672920750.jpeg

1531. Illum għidt lill-Mulej Ġesu’, “Qiegħed tara kemm hemm diffikultajiet (li jeħtieġ li jintgħelbu) qabel ma jemmnu li Inti stess l-awtur ta’ din l-opra? U issa wkoll, mhux kulħadd jemmen fiha.” Kun fil-paċi, binti, xejn ma jista’ jeħodha kontra r-rieda Tiegħi. Minkejja t-tgergir u l-ostilita’ tas-sorijiet, ir-rieda Tiegħi għad isseħħ fik fil-milja kollha tagħha, sal-iċken dettall tax-xewqat u tal-pjanijiet Tiegħi. Issewwidx qalbek dwar dan; Jiena wkoll kont ostaklu għal xi erwieħ.

1532. + Ġesu’ lmenta miegħi kemm iweġġgħu n-nuqqas ta’ fedelta’ tal-erwieħ magħżulin, u Qalbi tiġi mweġġgħa ħafna iktar meta huma ma Jafdawnix wara xi waqgħa. Kont inweġġa’ inqas li kieku huma ma kellhomx diġa’ l-esperjenza tat-tjubija ta’ Qalbi.

1533. Rajt il-korla ta’ Alla qiegħda mdendla sewwa fuq il-Polonja. U issa nista’ nara illi kieku Alla kellu jżur lil pajjiżna bl-ikbar kastigi, dan xorta waħda kien ikun ħniena kbira għax, għal dnubiet hekk kbar, Hu jista’ jikkastigana billi jġibna fix-xejn għal dejjem. Ħassejtni pparalizzata bil-biża’, meta l-Mulej kixef daqsxejn il-velu għalija. Issa nista’ nara ċar li l-erwieħ magħżulin iżommu d-dinja fl-eżistenza sabiex jibbilanċjaw il-kejl (tal-ġustizzja).

1534. + Kont qiegħda nara l-isforzi ta’ ċertu saċerdot fit-talb. It-talba tiegħu tixbah lil dik tal-Mulej Ġesu’ fil-Ġnien taż-Żebbuġ. O, li kieku dak is-saċerdot (probabilment Dun Sopocko) kien jaf kemm kienet togħġbu dik it-talba!

1535. O Ġesu’, jiena qiegħda nissakkar ġewwa l-Qalb l-iżjed ħanina Tiegħek bħallikieku ġewwa fortizza li l-missili tal-għedewwa tiegħi ma jistgħu jagħmlu xejn kontrieha.

1536. Illum sibt ruħi fil-preżenza ta’ ċerta persuna moribonda li kienet riesqa lejn il-mewt fl-inħawi tad-dar tagħna. Jiena għentha bit-talb tiegħi u, wara ftit mumenti, ħassejt għal ftit ħin uġigħ f’idejja, riġlejja u ġenbi . . .

1537. 27 ta’ Jannar 1938. Illum waqt is-Siegħa Adorazzjoni, Ġesu’ lmenta miegħi dwar l-ingratitudni tal-erwieħ: Bi ħlas tal-grazzji li nagħti, nirċievi ingratitudni. Biex ipattuli għal imħabbti, Jiena nirċievi indifferenza u jinsewni. Qalbi ma tiflaħx għal dan.

1538. F’dak il-ħin, tant tkebbset ġewwa qalbi l-imħabba għal Ġesu’ li ntlift kollni kemm jien fih filwaqt li offrejt lili nnifsi għall-erwieħ li mhuwiex grati. X’ħin ġejt f’sensija, il-Mulej ippermettieli nduq ftit mill-ingratitudni li mlietlu Qalbu. Din l-esperjenza damet għal ftit ħin.

1539. Illum għidt lill-Mulej, “Meta ser teħodni għandek? Ili nħossni tant marida, u ili nistenniek tiġi b’tant ħerqa!” Ġesu’ weġibni, Kun dejjem lesta; minix ser nħallik f’dan l-eżilju għal żmien twil. Ir-rieda qaddisa Tiegħi trid titwettaq ġewwa fik. O Mulej, jekk ir-rieda qaddisa Tiegħek għadha ma twettqix fija għal kollox, hawn jiena, lesta għal kulma Inti trid mingħandi, O Mulej! O Ġesu’ tiegħi, ħaġa waħda biss jiena nistagħġeb biha jiġifieri, li Inti għarraftni tant sigrieti; imma hemm sigriet wieħed – is-siegħa ta’ mewti – li Inti ma tridx tgħidli. U l-Mulej weġibni, Kun fil-paċi; Jiena għad ngħidlek imma mhux issa. O Mulejja, aħfirli għax ridt inkun naf din il-ħaġa. Inti taf sewwa għaliex, għax Inti taf kif inhi mxennqa qalbi, mimlija ħerqa sabiex tiġi għandek. Inti taf li jiena ma nixtieqx immut minuta qabel iż-żmien li Inti għażilt għalija sa minn qabel iż-żminijiet.

Ġesu’ qagħad jisma’ bi tjubija tal-għaġeb dak li jiena kont qiegħda nferra’ minn ġo qalbi.

1540. 28 ta’ Jannar 1938. Illum il-Mulej qalli, Binti, ikteb dan il-kliem: Dawk l-erwieħ kollha li jigglorifikaw il-ħniena Tiegħi u jxerrdu l-qima lejha, meta jħajru lill-oħrajn jafdaw fil-ħniena Tiegħi, ma jkollhomx esperjenza ta’ terrur fis-siegħa tal-mewt. Il-ħniena Tiegħi tkun it-tarka tagħhom f’dik il-battalja tal-aħħar . . .

Djarju ta’ Swor Fawstina – Il-5 Pitazz (par.1521-1530)

Il-Ħames Pitazz – Paragrafi 1521-1530

divine-mery-magnet-571mg-e1498672194270

1521. Il-Mulej qalli, Binti, tgħejjiex ixxandar il-ħniena Tiegħi. B’dan il-mod inti tqawwili mill-ġdid din il-Qalb Tiegħi, li qiegħda taqbad b’fjammi ta’ ħasra għall-midinbin. Għid lis-saċerdoti Tiegħi li l-midinbin b’qalbhom iebsa għad jindmu meta jisimgħuhom jitkellmu fuq il-ħniena Tiegħi bla tarf, fuq il-kumpassjoni li Jiena għandi għalihom f’Qalbi. Lil dawk is-saċerdoti li jxandru u jfaħħru l-ħniena Tiegħi, Jiena nagħtihom setgħa tal-għaġeb; Jiena nidlek u nikkonsagra kliemhom u mmiss il-qlub ta’ dawk li huma jkunu qegħdin jitkellmu magħhom.

1522. Il-ħajja fil-komunita’ hija diffiċli minnha nnfisha, imma hija doppjament diffiċli tgħix flimkien ma’ erwieħ li huma suppervi. “O Alla, agħtini fidi aktar profonda sabiex jiena nkun nista’ dejjem nara f’kull soru x-xbieha qaddisa Tiegħek li ġiet minquxa ġewwa ruħha . . .

1523. Imħabba li ma tispiċċa qatt, fjamma pura, aqbad ġewwa qalbi bla heda u ddivinizza l-esseri kollha tiegħi, skont dak li lilek jogħġbok għal dejjem, u li permezz tiegħu Int sejjaħtli sabiex jiena nibda neżisti u sabiex jiena jkolli sehem fil-hena Tiegħek bla tarf. O Alla ħanin, kienet biss il-ħniena Tiegħek li xerrdet fuqi bl-abbundanza dawn ir-rigali. Meta jiena nara ġewwa fija dawn ir-rigali kollha li Inti tajtni b’xejn, b’umilta’ profonda jiena nqim it-tjubija Tiegħek li ħadd ma jifhimha. Mulej, qalbi timtela bi stagħġib li Inti, Sid assolut, li m’għandek bżonn ta’ ħadd, xorta waħda tiċċekken daqshekk għax tħobbna bi mħabba safja. Qatt ma nixba’ nistagħġeb li l-Mulej ikollu relazzjoni hekk intima mal-ħlejjaq Tiegħu. Dik ukoll hi t-tjubija Tiegħu bla tarf. Kull darba li nibda din il-meditazzjoni, qatt ma nispiċċaha, għax l-Ispirtu tiegħi jegħreq għal kollox. Xi pjaċir hu li tħobb bil-qawwa kollha ta’ ruħek u li tħossok maħbuba iżjed u iżjed minn Alla, ġġarrab b’dan il-mod mill-iżjed konxju. M’hemmx kliem biex tfisser dan.

1524. 25 ta’ Jannar 1938. Ġesu’ tiegħi kemm Inti twajjeb u kemm għandek paċenzja. Inti ta’ spiss tħares lejna bħalma tħares lejn tfal ċkejnin. Aħna spiss nitolbuk bil-ħerqa, imma ma nkunux nafu x’aħna nitolbu, għax lejn it-tmiem tat-talba tagħna, meta inti tagħtina dak li nkunu tlabna ma nkunux irridu naċċettawh.

1525. Darba, waħda soru ġiet għandi u talbitni nitlob għax qaltli li ma setgħetx tkompli tissaporti l-affarijiet kif kienu. “U għalhekk, jekk jogħġbok itlob, Sor.” Jiena weġibtha li hekk kont sejra nagħmel, u bdejt novena lill-Ħniena Divina. Jiena sirt naf li Alla kien ser jagħtiha l-grazzja, imma għal darb’oħra hi kienet terġa’ ma tkunx sodisfatta meta kienet tirċeviha. Iżda jiena komplejt nitlob bħalma kienet qaltli nagħmel hi. L-għada l-istess soru ġiet tfittixni, u meta rġajna bdejna nitkellmu fuq l-istess ħaġa, jiena għidtilha, “Għandek tkun taf, Sor, li meta aħna nitolbu m’għandniex nisforzaw lil Mulej Alla jagħtina dak li aħna rridu, imma għandna pjuttost nissottomettu ruħna għar-rieda qaddisa Tiegħu.” Imma hija kienet qiegħda taħseb li dak li kienet qiegħda titlob għalih ma setgħetx tgħaddi mingħajru. Lejn it-tmiem tan-novena, is-soru reġgħet ġiet u qaltli, “O Sor, il-Mulej Ġesu’ tani l-grazzja, imma issa bidilt il-ħsieb. Jekk jogħġbok itlob sabiex l-affarijiet b’xi mod jerġgħu jinbidlu.” Jiena weġibt, “Iva, ser nitlob, imma li sseħħ fik ir-rieda ta’ Alla, Sor, u mhux dak li trid int.”

1526. Qalb l-iżjed Ħanina ta’ Ġesu’, ħarisna mill-korla ġusta ta’ Alla.

1527. + Waħda soru l-ħin kollu tippersegwitani sempliċiment għax Alla jikkomunika miegħi b’tant intimita’, u hija taħseb li din hija biss pretensjoni min-naħa tiegħi. Meta hi taħseb li nkun għamilt xi ħaġa ħażin, tgħidli, “Xi wħud ikollhom ir-rivelazzjonijiet, imbagħad jagħmlu żbalji bħal dawn!” Dan qalitu lis-sorijiet kollha u dejjem b’dak is-sens ta’ tmaqdir, sabiex jiena nidher bħallikieku kont xi waħda stramba. Darba, weġġajt ħafna meta qgħadt naħseb kif din il-qatra bla ebda sinjifikat li hu l-moħħ tal-bniedem, jista’ jgħarbel hekk faċilment id-doni ta’ Alla. Wara t-Tqarbin, tlabt lill-Mulej idawwalha, imma xorta waħda sirt naf li r-ruħ mhix ser tilħaq il-perfezzjoni jekk ma tbiddilx id-dispożizzjonijiet interni tagħha.

1528. + X’ħin lmentajt mal-Mulej Ġesu’ dwar ċerta persuna (u għidtlu), “Ġesu’, kif tista’ din il-persuna tiġġudika b’dak il-mod, ukoll dwar intenzjoni?” il-Mulej wieġeb, Tistagħġibx. Dik ir-ruħ lanqas biss taf lilha nnfisha, mela kif tista’ hi tgħaddi ġudizzju sewwa fuq ruħ oħra?

1529. Illum rajt lil Dun Andrasz jitlob. Kont naf ukoll li kien qed jinterċedi għalija mal-Mulej. Xi kultant il-Mulej jgħarrafni min ikun qiegħed jitlob għalija.

1530. Qiegħda nżomm lili nnifsi daqsxejn lura, bħallikieku din l-opra ta’ Alla ma tinteressanix. Minix qiegħda nitkellem dwarha bħalissa, imma ruħi kollha kemm hi tinsab mgħaddsa fit-talb, u qiegħda nitlob lil Alla jkun daqshekk twajjeb li jgħaġġel jagħtina dan id-don kbir; jiġifieri, il-Festa tal-Ħniena. U qiegħda nara li Ġesu’ qiegħed jaħdem, u Hu stess qiegħed jagħti d-direttivi kif għandu jitwettaq dan. Xejn ma jiġri bl-addoċċ.

Djarju ta’ Swor Fawstina – Il-5 Pitazz (par.1511-1520)

Il-Ħames Pitazz – Paragrafi 1511-1520

74677000354af4d7d96ba010b6b673451

1511. Fi żminijiet bħal dawn, Alla nnifsu jiġi biex jgħinna, għax inkella r-ruħ ma tkunx tiflaħ dawn is-slaleb li għadni anqas biss bdejt nikteb dwarhom, u lanqas għandi intenzjoni nagħmel hekk issa. Imma meta nħoss l-ispirazzjoni biex nagħmel dan, għad nikteb dwarhom . . .

1512. Illum waqt il-Quddiesa, rajt lill-Mulej Ġesu’ f’nofs it-tbatijiet Tiegħu, bħallikieku qed imut fuq is-salib. Huwa qalli, Binti, immedita ta’ spiss fuq it-tbatijiet li Jiena għaddejt minnhom minħabba fik, u mbagħad xejn minn dak li inti tbati għalija ma jkun jidher kbir f’għajnejk. Inti togħġobni l-iktar meta inti timmedita fuq il-Passjoni Ħarxa Tiegħi. Għaqqad it-tbatijiet ċkejknin tiegħek mal-Passjoni Ħarxa Tiegħi, sabiex huma jkollhom valur infint quddiem il-Majesta’ Tiegħi.

1513. + Ġesu’ qalli llum, Inti spiss issejjaħli Mgħallem. Dan jogħġob lil Qalbi; imma tinsiex, dixxiplu Tiegħi, li inti dixxiplu ta’ Mgħallem Imsallab. Dik il-kelma għandha tkun biżżejjed għalik. Inti taf x’hemm fis-salib.

1514. + Jiena tgħallimt li l-ikbar setgħa tinsab moħbija fil-paċenzja. Jiena nista’ nara li l-paċenzja dejjem twassal għar-rebħa, għalkemm mhux fil-pront; imma dik ir-rebħa għad tidher wara ħafna snin. Il-paċenzja hija marbuta mal-manswetudni.

1515. + Jiena għaddejt dan il-lejl kollu flimkien ma’ Ġesu’ fil-ħabs fid-dlam. Dan kien lejl ta’ adorazzjoni. Is-sorijiet kienu qegħdin jitolbu fil-kappella, u kont qiegħda ningħaqad magħhom fl-ispirtu, għax in-nuqqas ta’ saħħa ma tippermettilix li mmur fil-kappella. Imma l-lejl kollu ma stajtx norqod, għalhekk għaddejt il-lejl fil-ħabs mudlam flimkien ma’ Ġesu’. Ġesu’ tani x’nifhem it-tbatijiet li Hu għadda minnhom hemmhekk. Id-dinja għad issir taf bihom f’jum il-ġudizzju.

1516. Binti, għid lill-erwieħ li Jiena qed nagħtihom il-ħniena Tiegħi bħala difiża. Jiena stess qed nissielet għalihom u qed inġorr fuqi l-korla ġusta ta’ Missieri.

1517. Għid, binti, li l-Festa tal-Ħniena Tiegħi ħarġet mill-irkejjen l-aktar fondi Tiegħi għall-konsolazzjoni tad-dinja kollha.

1518. Ġesu’, il-paċi u s-serħan tiegħi, jiena qiegħda nitolbok bil-ħerqa għal dik is-soru , sabiex hija tinbidel minn ġewwa; għinha bis-saħħa tal-grazzja Tiegħek sabiex hi wkoll tista’ ssir perfetta.

1519. + Illum qabel ma tqarbint, il-Mulej qalli, Binti, illum kellem bil-miftuħ lis-Superjura (Madre Irene) dwar il-ħniena Tiegħi għax, mis-superjuri kollha, hija l-iktar li għamlet biex ixxandar il-ħniena Tiegħi. U fil-fatt, il-Madre Superjura ġiet illum wara nofs inhar, u tkellimna dwar din l-Opra ta’ Alla. Il-Madre qaltli li x-xbihat ma tantx ħarġu tajbin u ma tantx qegħdin jinbiegħu. “Imma”, hija qaltli, “Jiena stess qbadt kwantita’ minnhom u qiegħda nqassamhom kull fejn nista’ u qiegħda nagħmel mill-aħjar biex inxerred l-Opra tal-Ħniena.” X’ħin telqet, il-Mulej tani x’nifhem kemm kienet togħġbu din r-ruħ.

1520. Illum il-Mulej qalli, Jiena ftaħt Qalbi bħala għajn ħajja tal-ħniena. Ħalli l-erwieħ kollha jiġu jiġbdu l-ħajja minnha. Għidilhom jersqu lejn dan il-baħar tal-ħniena b’fiduċja kbira. Il-midinbin jiksbu l-ġustifikazzjoni, u l-ġusti jiġu mwettqin fis-sewwa. Kull min ipoġġi l-fiduċja tiegħu fil-ħniena Tiegħi jimtela bil-paċi divina Tiegħi fis-siegħa tal-mewt.