Djarju ta’ Swor Fawstina – Is-6 Pitazz (par.1671-1680)

Is-Sitt Pitazz – Paragrafi 1671-1680

saint-faustina-photos-faustina-kowolska-photographs-divine-mercy-marys-dowry-productions-catholic-film-film-release-2017-dvd-faustina-of-the-blessed-sacrament-film-41

1671. F’dak il-waqt, jiena tlabt lill-Mulej għal ċerta persuna, u l-Mulej weġibni, Din ir-ruħ hi għażiża għalija b’mod speċjali. Din il-ħaġa ferrħitni ħafna. Il-ferħ ta’ erwieħ oħrajn jimlieni b’ferħ ġdid, u meta jiena nara doni iktar għoljin f’xi ruħ, qalbi ittir ‘il fuq lejn il-Mulej f’innu ġdid ta’ adorazzjoni.

1672. 19 ta’ April (1938). Waqt il-ħin tar-rikreazzjoni, waħda mis-sorijiet (Swor Gajetan) qalet, “Swor Fawstina tant tinsab ħażin li bilkemm tista’ timxi, imma jalla ma ddumx ma tmut għax hi ser tkun qaddisa.” Imbagħad waħda mis-sorijiet direttriċi, (Swor Casimir) (nota246) qalet, “Li ser tmut, nafuh; imma, jekk hix ser tkun qaddisa, dik ħaġa oħra.” Imbagħad bdew xi rimarki malizzjużi fuq dan is-suġġett. Jiena żammejt is-skiet; imbagħad ippruvajt ngħid xi ħaġa, imma rajt li l-koverżazzjoni kienet sejra għall-agħar, għalhekk erġajt qgħadt bi kwieti.

1673. Bħalissa, qiegħda nirċievi ittri mingħand sorijiet li jinsabu fi djar oħra u li għamlu n-novizzjat miegħi. (nota247) Dawn spiss idaħħkuni, peress li ħafna drabi jiktbuli hekk: “Għażiża Swor Fawstina, jiddispjaċina ħafna li tinsab marida hekk serjament; imma aħna ninsabu ferħanin ħafna li, meta l-Mulej Ġesu’ jieħdok miegħu, inti ser titlob għalina, għax inti għandek influwenza kbira mal-Mulej.” Waħda mis-sorijiet poġġietha b’dan il-mod: “Meta inti tmur Sor, jekk jogħġbok hu ħsiebi b’mod speċjali, għax ċerta li inti tista’ tagħmilha din il-ħaġa għalija.” Soru oħra kitbet hekk: “Kemm qiegħda nistenna ż-żmien meta jieħdok il-Mulej Ġesu’, għax naf x’ser jiġri mbagħad; u jiena nixtieq b’qalbi kollha l-mewt għalik.” Jiena ridt nistaqsieha f’hiex kienet qiegħda taħseb, dwar il-mewt tiegħi, imma għamilt mortifikazzjoni u weġibt, “Tiġrili l-istess ħaġa, lili midinba, bħalma tiġri lill-midinbin kollha, jekk ma tħarisnix il-ħniena ta’ Alla.”

1674. 20 ta’ April (1938). Tluq għal Pradnik. Kont inkwetata ħafna li kienu ser ipoġġuni f’sodda f’sala fejn inkun esposta għal kollox. Li kieku kien biss għal ġimgħa jew tnejn . . . imma ser indum żmien twil, xahrejn jew forsi iktar. Filgħaxija, mort nitkellem mal-Mulej Ġesu’. X’ħin rajt lill-Mulej Ġesu’, ferrajt qalbi quddiemu, l-inkwiet u l-biżgħat kollha tiegħi. Ġesu’ qagħad jismagħni bi mħabba u mbagħad qalli, Kun fil-paċi binti, Jiena miegħek. Mur f’paċi kbira. Kollox lest. Jiena ordnajt, bil-mod speċjali Tiegħi, sabiex kamra privata tiġi mħejjija għalik. B’din l-assigurazzjoni u mimlija gratitudni, mort fis-sodda.

1675. L-għada, Swor Felicia ħaditni hemm. Mort f’paċi kbira u bi spirtu kalm. X’ħin wasalna, qalulna li kien hemm kamra privata għal Swor Fawstina. X’ħin dħalna fil-kamra, kellna sorpriża għax kollox kien mħejji sewwa: kollox kien nadif, miksi bit-tvalji u mżejjen bil-fjuri; is-Sorijiet kienu poġġew fuq il-komodina ħaruf ħelu tal-Għid. (nota248) Fil-pront, tliet sorijiet tas-Sacro Cuor (nota249) li kienu jaħdmu fis-sanatorju li kien ili nafhom, ġew biex jagħtuni merħba bil-qalb. Swor Felicia baqgħet sorpriża b’dan kollu. Sellimna lil xulxin bil-qalb u hi telqet. X’ħin kont waħdi, jiena biss mal-Mulej Ġesu’, irringrazzjajtu ta’ din il-grazzja kbira.

1676. Ġesu’ qalli, Kun fil-paċi; Jiena miegħek. Kont għajjiena u rqadt. Filgħaxija, is-soru (Swor David) li kellha tieħu ħsiebi ġiet u qaltli, “Għada m’intix sejra tirċievi lill-Mulej Ġesu’, Sor, għax inti għajjiena ħafna, imbagħad naraw, iktar tard.” Din il-ħaġa weġġgħatni ħafna, imma għidtilha b’kalma kbira, “Tajjeb ħafna” u b’rassenjazzjoni sħiħa mar-rieda tal-Mulej, fittixt li norqod. Filgħodu, għamilt il-meditazzjoni tiegħi u ħejjet ruħi għat-Tqarbin Imqaddes, għalkemm ma kellix nirċievi lill-Mulej Ġesu’. X’ħin mħabbti u x-xewqa tiegħi laħqu grad għoli, rajt maġenb is-sodda tiegħi Serafin, li qarbinni, (nota250) filwaqt li qal dan il-kliem “Ara s-Sid tal-Anġli.” X’ħin irċevejt il-Mulej, l-ispirtu tiegħi għereq fl-imħabba ta’ Alla u fi stagħġib. Din il-ħaġa rrepetiet ruħha għal tlettax –il jum, għalkemm minn jum għall-ieħor qatt ma kont żgura li kien ser jiġi jqarrbini l-għada. Imma jiena poġġejt il-fiduċja sħiħa tiegħi fit-tjubija ta’ Alla, imma lanqas biss ma kont nażżarda naħseb li kont sejra nerġa’ nitqarben b’dan il-mod l-għada.

Is-Serafin kellu madwaru dawl kbir, id-divinita’ u l-imħabba ta’ Alla kienu riflessi fih. Kien liebes libsa tad-deheb u, fuqha, spelizza trasparenti u stola trasparenti. Il-kalċi kien tal-kristall, miksi b’velu trasparenti. Malli tani l-Mulej, għeb.

1677. Darba, meta nibet ġewwa fija ċertu dubju ftit qabel it-Tqarbin Imqaddes, is-Serafin bil-Mulej Ġesu’ kien jinstab quddiemi għal darb’oħra. Staqsejt lill-Mulej Ġesu’ u meta ma rċevejt l-ebda tweġiba, jiena għidt lis-Serafin, “Tista’ forsi tqararni?” U hu weġibni, “L-ebda spirtu fis-sema m’għandu dik is-setgħa.” U f’dak il-waqt, l-Ostja Mqaddsa strieħet fuq xofftejja.

1678. Il-Ħadd (24 ta’ April 1938) (nota251), is-soru li kienet inkarigata mill-morda qaltli, “Tajjeb, Sor, illum is-saċerdot ser iġiblek lill-Mulej Ġesu’.” Jiena weġibt, “Tajjeb”, u hu ġabu. Wara xi ħin, irċevejt il-permess li nqum mis-sodda. Għalhekk mort il-Quddies u stajt noqgħod xi ftit ħin mal-Mulej, regolarment.

1679. Wara l-ewwel eżami li għamilli, it-tabib (Silberg) sab li l-kundizzjoni tiegħi kienet gravi. “Qegħdin nissuspettaw , Sor, li inti tassew għandek il-marda li inti kellimtni dwarha.” Imma Alla ta’ Setgħa Kbira kollox jista’ jagħmel.”

X’ħin dħalt fil-kamra tiegħi, għaddast lili nnifsi f’talb ta’ radd il-ħajr għal dak kollu li l-Mulej kien bagħatli matul ħajti kollha, u ssottometejt ruħi bis-sħiħ għar-rieda l-iżjed qaddisa Tiegħu. Ferħ u paċi profonda mlewli ruħi. Ħassejt paċi tant kbira li, li kieku l-mewt ġiet f’dak il-ħin, ma kontx ngħidilha, “Stenna, għax għad baqagħli xi affarijiet x’nagħmel.” Le, kont nagħtiha merħba bil-ferħ, għax jiena lesta li niltaqa’ mal-Mulej, mhux biss illum, imma minn dak il-waqt meta jiena poġġejt il-fiduċja sħiħa tiegħi fil-Ħniena Divina, u ntlaqt għal kollox fir-rieda l-iżjed qaddisa Tiegħu, mimlija ħniena u kompassjoni. Jiena naf x’jiena waħdi . . .

1680. L-Ewwel Ħadd fuq l-Għid. Illum, jiena rġajt offrejt lili nnifsi lill-Mulej bħala olokawstu għall-midinbin. Ġesu’ tiegħi, jekk diġa’ qed joqrob it-tmiem ta’ ħajti, jiena qiegħda nitolbok bl-ikbar umilta’, aċċetta mewti f’għaqda miegħek bħala olokawstu li jiena qiegħda noffrilek illum, filwaqt li għadni f’pussess sħiħ tal-fakultajiet tiegħi u tar-rieda konxja tiegħi, u dan għal tliet għanijiet:

L-ewwel: sabiex l-opra tal-ħniena Tiegħek tinxtered fid-dinja kollha u sabiex il-Festa tal-Ħniena Divina tiġi mxerrda u ċċelebrata b’solennita’.

It-tieni: sabiex il-midinbin, speċjalment midinbin moribondi, jirrikorru għall-ħniena Tiegħek u jkollhom esperjenza tal-effetti ta’ din il-ħniena, effetti li ma tistax tpoġġihom fi kliem.

It-tielet: sabiex l-opra kollha tal-ħniena Tiegħek isseħħ skont ix-xewqat Tiegħek, u għal ċerta persuna li hi nkarigata minn din l-opra . . .

Aċċetta, Ġesu’ l-iktar ħanin, is-sagrifiċċju tiegħi li mhux biżżejjed, li Jiena qiegħda noffrilek illum quddiem is-sema u l-art. Jalla l-Qalb Imqaddsa Tiegħek, hekk mimlija ħniena, tkompli dak li hemm nieqes fl-offerta tiegħi u offrih lil Missierek għall-konverżjoni tal-erwieħ. Jiena għandi għatx għall-erwieħ, O Kristu.