Djarju ta’ Swor Fawstina – L-1 Pitazz (par.281-290)

L-Ewwel Pitazz – Paragrafi 281-290

5824193464_e9733f3481_b

281. Jiena nħossni ċerta li l-missjoni tiegħi mhix ser tispiċċa ma’ mewti, imma tibda. Intom erwieħ li tiddubitaw, jiena nneħħilkom minn quddiem għajnejkom il-velijiet tal-ġenna sabiex nipperswadikom kemm Hu twajjeb Alla, sabiex ma tkomplux iżjed tidorbu l-Qalb l-iżjed ħelwa ta’ Ġesu’ bin-nuqqas ta’ fiduċja tagħkom. Alla hu Mħabba u Ħniena.

282. Darba l-Mulej qalli: Qalbi tqanqlet bi ħniena kbira lejk, binti l-iżjed għażiża, meta rajtek imtertqa minħabba l-uġigħ kbir li inti batejt meta ndimt minn dnubietek, Jiena qed nara mħabbtek, hekk safja u vera li Jiena nagħtik l-ewwel post fost il-Verġni, Inti l-unur u l-glorja tal-Passjoni Tiegħi. Nara kull sforz sabiex inti ċċekken lilek innifsek, u xejn ma jaħrab l-attenzjoni Tiegħi. Jiena ngħolli l-umli sa l-istess tron Tiegħi għax Jiena hekk irrid.

Alla, Wieħed fit-Trinita’ Qaddisa

283. Jiena rrid inħobbok bħalma ebda ruħ umana s’issa qatt ma ħabbitek; u għalkemm jiena għal kollox miżerabbli u ċkejkna, ankrajt il-fiduċja tiegħi fil-fond tal-abbiss tal-ħniena Tiegħek, O Alla u Ħallieq tiegħi! Minkejja l-miżerja kbira tiegħi, ma nibża’ minn xejn, imma nittama li nkantalek innu ta’ glorja għal dejjem. L-ebda ruħ, anqas l-iktar waħda msejkna, m’għandha taqa’ vittma tad-dubju għax, sakemm wieħed ikun għadu ħaj jista’ jsir qaddis kbir, daqshekk kbira hi l-qawwa tal-grazzja t’Alla. Il-parti tagħna hija biss li ma noħduhiex kontra l-ħidma ta’ Alla.

284. O Ġesu’, li kieku stajt insir bħal ċpar quddiem għajnejk, sabiex niksi l-art u Inti ma tkunx tista’ tara l-ħtijiet terribli tagħna. Ġesu’, meta jiena nħares lejn id-dinja u l-indifferenza tagħha lejk, jerġa’ joħroġ id-dmugħ minn għajnejja; imma meta nħares lejn ir-ruħ bierda ta’ xi persuna reliġjuża, qalbi tnixxi d-demm.

285. 1934. Darba meta rġajt lura fiċ-ċella tiegħi, kont hekk għajjiena li kelli nieqaf nistrieħ għal mument qabel ma bdejt ninża’, u meta kont inżajt, waħda mis-sorijiet talbitni nġibilha ftit misħun. Għalkemm kont għajjiena, ilbist malajr u ġibtilha l-ilma li xtaqet għalkemm kien hemm mixja mhux ħażin miċ-ċella sal-kċina, u kelli ngħoddos sal-għarqub fit-tajn. Meta rġajt dħalt fiċ-ċella tiegħi, rajt il-pissidi bis-Sagrament Imqaddes u smajt din il-vuċi, Ħu dan il-pissidi u ħudu fit-tabernaklu. Għall-ewwel bqajt lura, imma meta rsaqt u missejtu, smajt dan il-kliem: Ersaq lejn waħda mis-sorijiet bl-istess imħabba li biha int tersaq lejja; u kulma tagħmel għalihom qisek qed tagħmlu Għalija. Sekonda wara, indunajt li kont waħdi.

286. + Darba wara adorazzjoni għal pajjiżna, uġigħ nifidli ruħi, u jiena bdejt nitlob b’dan il-mod. “Ġesu’, l-aktar ħanin, jiena nitolbok permezz tal-interċessjoni tal-Qaddisin Tiegħek u speċjalment tal-Omm l-aktar għażiża Tiegħek li ħadet ħsiebek minn tfulitek, bierek lil pajjiżi. Nitolbok Ġesu’, tħarisx lejn dnubietna, imma ħares lejn id-dmugħ tat-tfal ċkejknin, lejn il-ġuħ u l-kesħa li jbatu. Ġesu’ minħabba dawk l-innoċenti, agħtini l-grazzja li qiegħda nitolbok għal pajjiżi.” F’dak il-waqt, rajt lill-Mulej Ġesu’, għajnejh mimlijin dmugħ u qalli: Qiegħda tara, binti, x’kompassjoni kbira Jiena għandi għalihom. Kun af li huma qegħdin iżommu d-dinja.

287. + Ġesu’ tiegħi, meta nħares lejn din il-ħajja tal-erwieħ, nara li ħafna minnhom iservuk b’xi nuqqas ta’ fiduċja. F’xi żminijiet, l-aktar meta jkun hemm opportunita’ biex juru l-imħabba tagħhom lejn Alla, narahom jaħarbu mill-kamp tal-battalja. U darba Ġesu’ qalli: Inti wkoll, binti, trid ġġib ruħek bħalhom? Jiena weġibt lill-Mulej. “Le, Ġesu’ tiegħi, jiena qatt ma ser nirtira mill-kamp tal-battalja wkoll jekk joħroġ għaraq tal-mewt minn ġbini; qatt ma sejra nitlaq ix-xabla minn idi sakemm nistrieħ f’riġlejn is-Santissma Trinita’.” Nagħmel x’nagħmel, ma nistrieħx fuq saħħti biss imma fuq il-grazzja ta’ Alla. Bil-grazzja ta’ Alla, ruħ tista’ tirbaħ l-ikbar diffikultajiet.

288. + Darba, meta kelli diskursata twila ma’ Ġesu’ dwar l-istudenti tagħna, it-tjubija Tiegħu għamlitli l-qalb u għidtlu, “Fost l-istudenti tagħna, hemm xi ħadd li hu ta’ faraġ għal Qalbek?” Il-Mulej wieġeb (li) Hu għandu lil xi ħadd ‘imma l-imħabba tagħhom hija dgħajfa, u għalhekk Jiena qiegħed inpoġġihom f’idejk b’mod speċjali – itlob għalihom.’

O Alla kbir, jiena nammira t-tjubija Tiegħek! Inti l-Mulej tal-qtajja’ tas-sema, u xorta waħda tiċċekken daqshekk għall-kreaturi msejknin Tiegħek. B’liema ħerqa nixtieq inħobbok b’kull taħbita ta’ qalbi! Il-wisa’ kollha tal-art mhix biżżejjed għalija, il-ġenna hija żgħira wisq, u l-ispazju infinit m’hu xejn; Inti biss biżżejjed għalija, Alla Etern. Inti biss tista’ timla l-qigħan ta’ruħi.

289. L-iktar waqtiet sbieħ tiegħi huma meta nkun ninsab waħdi mal-Mulej tiegħi. F’dawn il-mumenti jkolli esperjenza ta’ kobor ta’ Alla u tal-miżerja tiegħi stess.

Darba Ġesu’ qalli: M’għandekx teħodha bi kbira li xi drabi jakkużawk bla ħtija. Jiena stess kont l-ewwel wieħed li xrobt din it-tazza ta’ tbatija li ma kenitx tistħoqqli, għax inħobbok.

290. Darba meta kont impressjonata sewwa bil-ħsieb tal-eternita’ u l-misteri tagħha, ruħi saret beżgħana; u meta ħsibt fuqhom għal ftit ħin ieħor diversi dubji bdew jinkwetawni. Imbagħad Ġesu’ qalli: Binti tibżax mid-dar ta’ Missierek. Ħalli dawn il-mistoqsijiet bla bżonn għall-għorrief ta’ din id-dinja. Jiena rrid narak dejjem bħal tifla ċkejkna. Staqsi lill-konfessur tiegħek dejjem bis-sempliċita’ kollha, u jiena nwieġbek permezz tiegħu.