Djarju ta’ Swor Fawstina – Il-5 Pitazz (par.1361-1370)

Il-Ħames Pitazz – Paragrafi 1361-1370

19478066_747671388753119_59986023_n

1361. Din ir-riżoluzzjoni ferma li ssir qaddisa togħġobni ħafna lili. Jiena mbierek l-isforzi tiegħek u ser nagħtik opportunitajiet sabiex Inti titqaddes. Oqgħod attenta li ma titlef l-ebda ċans li l-providenza Tiegħi toffrilek sabiex inti titqaddes. Jekk ma jirnexxilekx tikseb ġid spiritwali minn xi opportunita’, m’għandekx titlef il-paċi tiegħek, imma umilja ruħek profondament quddiemi u, b’fiduċja kbira, intefa’ kompletament fil-ħniena Tiegħi. B’dan il-mod, inti takkwista iżjed milli tkun tlift, għax tingħata iktar grazzja lil ruħ umli milli dik ir-ruħ tista’ titlob għaliha stess …

1362. Is-seba’ jum. Sirt naf x’inhu d-destin tiegħi: jiġifieri, għandi ċertezza ġewwa fija li ser insir qaddisa. Din il-konvinzjoni profonda mlietli ruħi bi gratitudni lejn Alla, u jiena raddejt lura l-glorja kollha lil Alla, għax naf wisq tajjeb x’niswa minni nnifsi.

1363. Qed nispiċċa dan l-irtir mibdula kompletament mill-imħabba ta’ Alla. Ruħi qiegħda tibda ħajja ġdida, bil-ħeġġa u bil-kuraġġ; għalkemm minn barra ħajti mhix sejra tinbidel, u ħadd m’hu ser jinduna, iżda xorta waħda, imħabba safja (issa) hi l-gwida ta’ ħajti u, esternament, il-ħniena hi l-frott tagħha. Inħoss li ġejt mimlija għal kollox b’Alla u, flimkien ma’ dan Alla, jiena sejra lura għall-ħajja tiegħi ta’ kuljum, tant komuni, monotona u mimlija għeja, fiduċjuża li Dak li jiena nħossu ġewwa qalbi għad ibiddel din il-monotonija fil-qdusija personali tiegħi.

Fi skiet profond, qrib il-Qalb ħanina Tiegħek, ruħi qiegħda timmatura matul dan l-irtir. Fir-raġġi ċari ta’ mħabbtek, ruħi tilfet it-tomgħa qarsa tagħha u saret frotta ħelwa u misjura.

1364. Issa nista’ nkun użu sħiħ għall-Knisja permezz tal-qdusija personali tiegħi, li qiegħda tħabbat mimlija ħajja fil-Knisja kollha, għax ilkoll kemm aħna nagħmlu ġisem wieħed f’Ġesu’. Għalhekk jiena qiegħda nipprova nagħmel mod li l-ħamrija tal-qalb tiegħi tagħmel frott tajjeb. Għalkemm l-għajn tal-bniedem forsi qatt m’hi ser tasal li tara din il-ħaġa, imma xorta waħda għad jasal jum meta tkun ħaġa ċara li din il-frotta kienet qiegħda tmantni ħafna erwieħ u għad tkompli tmantinhom.

1365. O Mħabba Eterna, li tħeġġeġ ħajja ġdida ġewwa fija, ħajja mimlija mħabba u ħniena, għinni permezz tal-grazzja Tiegħek, sabiex inkun nista’ nwieġeb denjament għas-sejħa Tiegħek, sabiex dak li Inti stess ippjanajt li twettaq fl-erwieħ permezz tiegħi, iseħħ tassew.

Alla tiegħi, qiegħda nara d-dija ta’ żerniq etern. Ruħi kollha titlaq tiġri għal għandek, O Mulej; xejn iżjed ma jista’ jżommni lura, xejn ma jista’ jorbotni mal-art. Għinni, O Mulej, nissaporti l-bqija ta’ ħajti bil-paċenzja. Is-sagrifiċċju ta’ mħabbti qed jaqbad bla heda quddiem il-Majesta’ Tiegħek, imma tant fis-skiet li l-għajnejn divini Tiegħek biss jistgħu jarawh, O Alla, u l-ebda ħlejqa oħra m’hi kapaċi tarah.

1366. O Mulejja, għalkemm hemm tant affarijiet qegħdin iżommuni okkupata, għalkemm din l-opra hi verament għal qalbi, għalkemm jiena nixtieq it-trijonf tal-Knisja u s-salvazzjoni tal-erwieħ, għalkemm il-persekuzzjonijiet kollha tal-fidili Tiegħek jaffettwawni, għalkemm il-waqgħa ta’ kull ruħ tweġġagħli qalbi, imma lil hinn u ‘l fuq minn dan kollu, xorta waħda għandi paċi profonda ġewwa ruħi li ma jistgħux jiddisturbawha la trijonfi, la x-xewqat, lanqas il-kuntrarju għax, għalija, Inti tinsab ‘il fuq minn kull dispensa, Mulejja u Alla tiegħi.

1367. It-tmien jum. O Mulejja, filwaqt li qgħadt niftakar fil-barkiet kollha Tiegħek, fil-preżenza tal-Qalb l-iżjed Qaddisa Tiegħek, ħassejt il-bżonn li nkun grata b’mod partikulari għal tant grazzji u barkiet ġejjin mingħand Alla. Irrid nintefa’ f’att ta’ radd il-ħajr quddiem il-Majesta’ ta’ Alla u nibqa’ għaddejja f’din it-talba ta’ radd il-ħajr għal sebat ijiem u seba’ iljieli; u għalkemm minn barra nibqa’ nwettaq id-dmirijiet kollha tiegħi, l-ispirtu tiegħi xorta waħda jibqa’ wieqaf il-ħin kollu quddiem il-Mulej, u l-eżerċizzi tiegħi kollha jimtlew bl-ispirtu ta’ radd il-ħajr. Kull filgħaxija, noqgħod għarkobbtejja għal nofs siegħa fiċ-ċella tiegħi; waħdi mal-Mulej. Kull darba li nistenbaħ bil-lejl, nintefa’ kompletament f’talba ta’ radd il-ħajr. B’dan il-mod irrid inpatti, almenu b’xi mod żgħir, għall-immensita’ tal-barkiet ta’ Alla.

1368. Iżda, sabiex dan kollu nagħmlu jogħġob iktar lil għajnejn Alla u nneħħi kull ħjiel ta’ dubju minn moħħi, mort għand id-direttur spiritwali tiegħi (Patri Andrasz) u wrejtu dawn ix-xewqat ta’ ruħi; jiġifieri, ix-xewqa li niġi mgħaddsa f’ringrazzjament bħal dan. Irċevejt il-permess għal kollox, ħlief li ma kellix nisforza lili nnifsi li noqgħod nitlob bil-lejl jekk nistenbaħ.

1369. B’liema ferħ kbir mort lura l-kunvent! U l-għada bdejt dan l-att kbir ta’ radd il-ħajr billi ġeddidt il-voti tiegħi. Ruħi għerqet għal kollox f’Alla, u ħarġet minn ġo fija kollni kemm jiena fjamma waħda ta’ gratitudni u radd il-ħajr lil Alla. Ma kienx hemm ħafna kliem, għax il-barkiet ta’ Alla, bħal nar qawwi, ikkonsmawli ruħi, u t-tbatijiet u d-dwejjaq kollha kienu bħal injam mitfugħ fil-fjammi, li mingħajrhom in-nar kien jintefa’. Sejjaħt is-sema u l-art kollha biex jingħaqdu miegħi fl-att tiegħi ta’ radd il-ħajr.

1370. L-irtir spiċċa, dawk il-ġranet sbieħ meta kont nitkellem waħdi mal-Mulej Ġesu’. Dan l-irtir għamiltu b’mod li Ġesu’ riedni nagħmlu, u bħalma kien qalli fl-ewwel jum tal-irtir; jiġifieri, f’paċi profonda qgħadt nimmedita fuq il-barkiet ta’ Alla. Qatt qabel ma kont għamilt irtir bħal dan. Ruħi ssaħħet b’mod iktar profond b’din il-paċi milli kieku b’xi ċaqliq jew emozzjonijiet. Fir-raġġi tal-imħabba, stajt nara kollox preċiż kif inhu.

Meta ħriġt mill-irtir, ħassejtni mibdula għal kollox bl-imħabba ta’ Alla.