Djarju ta’ Swor Fawstina – It-2 Pitazz (par.671-680)

It-Tieni Pitazz – Paragrafi 671-680

frsopockowritingarticle1

671. Fil-ħajja spirtwali tiegħi, jiena dejjem inżomm l-id tas-saċerdot. Dwar il-ħajja tar-ruħ tiegħi u l-bżonnijiet tagħha, jiena nitkellem biss mal-konfessur tiegħi.

672. + 4 ta’ Awwissu 1936. Turmenti ġewwa fija għal iktar minn sagħtejn. Agunija. . . F’daqqa waħda, il-preżenza ta’ Alla timlieni u nħossni bħallikieku dieħla taħt is-setgħa ta’ Alla l-ġust. Il-ġustizzja Tiegħu timlieni sa ġewwanett; minn barra nitlef is-saħħa u nintilef minn sensija. Permezz ta’ dan, insir naf il-qdusija kbira ta’ Alla u l-miżerja kbira tiegħi stess. Turmenti kbar inikktuli ruħi; ir-ruħ tintebaħ li l-azzjonijiet tagħha mhumiex bla tebgħa. Imbagħad il-qawwa tal-fiduċja titqajjem ġewwa r-ruħ, li tixxennaq għal Alla b’saħħitha kollha. Iżda hi tara kemm hi miżerabbli u kemm dak kollu li hemm madwarha hu vanita’ u xejn iżjed. U wiċċ imb’wiċċ ma’ qdusija bħal din, O ruħ imsejkna. . .

13 ta’ Awwissu

673. Tentazzjonijiet terribbli tturmentawni matul il-jum kollu; dagħa feġġ fuq xofftejja bil-forza, u ħassejt li dak kollu li hu qaddis u bħal Alla kien qed jimbuttani. Iżda bqajt nissielet matul il-jum kollu. Filgħaxija, moħħi beda jħossu mgħobbi: għalfejn ngħid din il-ħaġa lill-konfessur?

Hu jgħaddi ż-żmien bija. Sentiment ta’ mibgħeda u qtigħ il-qalb imlieli ruħi, u deherli li ma stajt bl-ebda mod nitqarben f’dik il-kundizzjoni. Għall-ħsieb li ma kontx ser nitqarben, uġigħ verament terribbli ħatafli ruħi li kważi bdejt nibki ngħajjat fil-kappella. Imma f’daqqa waħda rrealizzajt li kien hemm is-sorijiet u ddeċidejt li mmur fil-ġnien u ninħeba hemm sabiex inkun nista’ almenu nibki ngħajjat. Imbagħad f’daqqa waħda, Ġesu’ kien qiegħed ħdejja u qalli, Fejn bi ħsiebek tmur?

674. Ma weġibtu xejn lil Ġesu’, imma ħriġt minn ġo fija n-niket tiegħi kollu quddiemu, u l-isforzi ta’ Satana biex iwaqqgħani waqfu. Imbagħad Ġesu’ qalli, Il-paċi li għandek ġewwa fik hija grazzja, u f’daqqa waħda għeb. Ħassejtni kuntenta u fil-paċi mingħajr ma nista’ nfisser kif. Tassew, biex terġa’ tiġi tant paċi ġewwa fik f’waqt wieħed – dik ħaġa li Ġesu’ biss jista’ jagħmilha, Hu, il-Mulej l-aktar għoli.

7 ta’ Awwissu 1936.

675. X’ħin irċevejt l-artiklu (nota136) dwar il-Ħniena Divina bix-xbieha (fuq il-qoxra), il-preżenza ta’ Alla mlietni b’mod starordinarju. X’ħin għaddast lili nnifsi f’talba ta’ radd il-ħajr, f’daqqa waħda rajt lill-Mulej Ġesu’ f’dija kbira, preċiż kif Hu mpitter, u f’riġlejh rajt lil Patri Andrasz u Dun Sopocko. It-tnejn li huma kellhom pinen f’idejhom, u leħħiet ta’ dawl u nar kienu ħerġin bħal beraq minn truf il-pinen tagħhom u kienu jolqtu folla kbira ta’ nies li kienu sejrin jgħaġġlu x’imkien ma nafx fejn. Dawk kollha li ntlaqtu mir-raġġ tad-dawl fil-pront taw daharhom lill-folla u newwlu jdejhom lejn Ġesu’. Xi wħud ġew lura b’ferħ kbir, oħrajn b’uġigħ u dispjaċir kbir. Ġesu’ kien qed iħares lejn iż-żewġ saċerdoti bi ħlewwa kbira. Wara ftit, ħallewni waħdi ma’ Ġesu’, u jiena għidtlu, “Ġesu’, ħudni issa, għax ir-rieda Tiegħek diġa’ twettqet.” U Ġesu’ wieġeb, Ir-rieda Tiegħi għadha ma twettqitx bis-sħiħ fik, inti għad fadallek tbati ħafna, imma Jiena qiegħed miegħek; tibżax.

676. Jiena ili nitkellem mal-Mulej dwar Patri Andrasz u wkoll dwar Dun Sopocko. Jiena naf li dak kollu li nitlob mingħand il-Mulej Hu ma jiċħadhulix, u Hu jagħtihom dak li jiena nitlob. Jiena ħassejt u naf kemm iħobbhom Ġesu’. Minix qiegħda nikteb dwar din il-ħaġa bid-dettal, imma jiena dan nafu, u dan qed jagħmilni kuntenta ħafna.

15 ta’ Awwissu 1936

677. Waqt quddiesa ċċelebrata minn Patri Andrasz, mument qabel l-Elevazzjoni, il-preżenza ta’ Alla mlietli ruħi, li nġibdet lejn l-altar, Imbagħad rajt lil Omm Alla flimkien mal-Bambin Ġesu’. Il-Bambin Ġesu’ kien qed iżomm id il-Madonna. Mument wara, il-Bambin Ġesu’ ġera bil-ferħ lejn iċ-ċentru tal-altar, u Omm Alla qaltli, Ara b’liema ċertezza jiena nafda lil Ġesu’ f’idejh. Bl-istess mod, inti għandek tafda ruħek u tkun bħal tarbija f’idejh.

– Wara dan il-kliem, ruħi mtliet b’fiduċja mhix tas-soltu. Omm Alla kienet libsa libsa bajda, abjad mhux tas-soltu, trasparenti; fuq spallejha kellha velu blu trasparenti; jiġifieri, mantell qisu ikħal; b’rasha mikxufa u xagħarha maħlul, kellha dehra issaħħrek u tant sabiħa li ma tistax timmaġinaha. Kienet qiegħda tħares lejn is-Saċerdot b’tenerezza kbira, imma mument wara, Huwa qasam dan it-Tifel sabiħ, u ħareġ demm ħaj. Is-saċerdot miel ‘il quddiem u rċieva ġewwa fih lil Ġesu’ veru u ħaj. Kien kielu? Ma nafx kif seħħet din il-ħaġa. Ġesu’, Ġesu’, ma nistax nlaħħaq miegħek, għax f’waqt wieħed, Inti ssir dak li ma nistax nifhem.

678. L-essenza tal-virtujiet hi r-rieda ta’ Alla. Min iwettaq bil-fedelta’ r-rieda ta’ Alla jippratika l-virtujiet kollha. Fil-ġrajjiet u ċ-ċikustanzi kollha ta’ ħajti, jiena nadura u mbierek ir-rieda qaddisa ta’ Alla. Ir-rieda qaddisa ta’ Alla hi l-oġġett ta’ mħabbti. Fil-profondita’ l-iktar sigrieta ta’ ruħi, jiena ngħix skont ir-rieda Tiegħu. Minn barra jiena nġib ruħi skont ma jiena nagħraf ġewwa fija x’inhi r-rieda ta’ Alla. Iktar ħelwin għalija huma t-turmenti, tbatijiet, persekuzzjonijiet u kull xorta ta’ kuntrarju skont ir-rieda divina mill-popolarita’, tifħir u stima skont ir-rieda tiegħi stess.

679. Il-lejl it-tajjeb, Ġesu’ tiegħi, l-qanpiena qiegħda ssejjaħli għall-irqad. Ġesu’ tiegħi, Inti qed tara li jiena qiegħda mmut bix-xewqa li nsalva l-erwieħ. Il-lejl it-tajjeb, Maħbub tiegħi; jiena nifraħ li ninsab eqreb l-eternita’ b’ġurnata. U jekk Inti tħallini nqum għada filgħodu, Ġesu’, jiena nibda innu ġdid sabiex infaħħrek.

680. + 13 ta’ Lulju. Waqt il-meditazzjoni llum, jiena fhimt li qatt m’għandi nitkellem dwar l-esperjenzi interni tiegħi stess, (imma) li m’għandi naħbi xejn mid-Direttur Spiritwali tiegħi; u nitlob lil Alla b’mod speċjali biex idawwal lid-Direttur Spiritwali tiegħi. Jiena nagħti importanza ikbar lill-kliem tal-konfessur tiegħi milli lid-dwal kollha flimkien li jiena nirċievi ġewwa fija.