Djarju ta’ Swor Fawstina – L-1 Pitazz (par.161-170)

L-Ewwel Pitazz – Paragrafi 161-170

99fe5724f1e95dec641f2ea89f9cd5ca

161. O Marija, Verġni Immakulata,
Kristall safi għal qalbi,
Inti s-saħħa tiegħi O ankra b’saħħitha!
Inti t-tarka u l-protezzjoni tal-qalb debboli tieghi.

O Marija inti safja, ta’ safa li bħalu m’hawnx
Fl-istess waqt kemm Verġni u Omm,
Inti sabiħa bħax-xemx, bla ebda tebgħa,
U ruħek ma tista’ tqabbilha ma’ xejn.

Is-sbuħija tiegħek tpaxxiet biha l-għajn ta’ Dak li Hu
Qaddis għal tlett, darbiet,
Huwa nieżel mis-sema u ħalla t-tron etern Tiegħu
U ħa l-Ġisem u d-Demm mill-qalb tiegħek
U għal disa’ xhur qagħad moħbi f’Qalb ta’ Verġni.

O Omm, Verġni, li ħadd ma jista’ jifhem.
Kif Alla etern isir bniedem;
l-għan Tiegħu hi biss l-imħabba u l-Ħniena li ma titfissirx,
U li permezz tiegħek, O Omm tagħna – jiġu mogħtija lilna li ngħixu
Miegħu għal dejjem.

O Marija, Verġni u Ommna: il-bieb tal-Ġenna għalina.
Permezz tiegħek is-salvazzjoni waslet għandna.
Min idejk jgelglu l-grazzji kollha għal għandna
U l-limitazzjoni tiegħek biss tista’ tqaddisni.

O Omm, Verġni, l-iktar safja fost il-ġilji kollha,
Il-Qalb tiegħek kienet l-ewwel tabernaklu ta’ Ġesu’ f’din l-art.
Kien biss għax ma kienx hemm umilta’ iktar profonda minn tiegħek
Li inti ġejt imtellgħa fuq il-kori tal-Anġli u fuq il-Qaddisin kollha.

O Marija, l-Omm tiegħi ħelwa,
Jiena nagħtik ruħi, ġismi u l-qalb fqira tiegħi
Kun int l-għassiesa ta’ ħajti,
L-aktar fis-siegħa ta’ mewti, fl-aħħar taqbida.

162. ĠMĠ.    Ġesu’, jiena nafda Fik.    1 ta’ Jannar 1937
Ċart tal-kontroll intern tar-ruħ.
Eżami partikulari – sabiex ningħaqad ma’ Kristu tal-ħniena.
Prattika: silenzju intern, osservanza stretta tas-silenzju.

Il-Kuxjenza.

Jannar : Alla u r-ruħ: skiet. Rebħiet 41, waqgħat 4.
Ġakulatorja: Imma Ġesu’ żamm is-skiet.

Frar: Alla u r-ruħ: skiet. Rebħiet 36, waqgħat 3.
Ġakulatorja: Ġesu’, jiena nafda Fik.

Marzu: Alla u r-ruħ: skiet. Rebħiet 51, waqgħat 2.
Ġakulatorja: Ġesu’, kebbes lil qalbi bl-imħabba.

April: Alla u r-ruħ: skiet. Rebħiet 61, waqgħat 4.
Ġakulatorja: Flimkien ma’ Alla, jiena nista’ kollox.

Mejju: Alla u r-ruħ: skiet. Rebħiet 92, waqgħat 3.
Ġakulatorja: F’Ismu jiena nsib is-saħħa tiegħi.

Ġunju: Alla u r-ruħ: skiet. Rebħiet 64, waqgħat 1.
Ġakulatorja: Kollox għal Ġesu’.

Lulju: Alla u r-ruħ: skiet. Rebħiet 62, waqgħat 8.
Ġakulatorja: Ġesu’ strieħ f’qalbi.

Awissu: Alla u r-ruħ: skiet. Rebħiet 88, waqgħat 7.
Ġakulatorja: Ġesu’, Inti taf …

Settembru: Alla u r-ruħ: skiet. Rebħiet 99, waqgħat 1
Ġakulatorja: Ġesu’, aħbini ġewwa Qalbek.

Ottubru: Alla u r-ruħ: skiet. Rebħiet 41, waqgħat 3.
Ġakulatorja: Marija, għaqqadni ma’ Ġesu’.

Novembru: Alla u r-ruħ: skiet. Rebħiet , waqgħat
Ġakulatorja: Ġesu’ tiegħek, ikollok ħniena!

Diċembru: Alla u r-ruħ: skiet. Rebħiet, waqgħat
Ġakulatorja: Insellimlek, Ostja ħajja!

163. ĠMĠ Is-sena 1937

Eżerċizzi Ġenerali

+ O Santissma Trinita’! Daqskemm jiena nieħu n-nifs, daqskemm qalbi tħabbat, daqskemm demmi jiġri f’ġismi, daqshekk ieħor għal elf darba jiena rrid nigglorifika l-ħniena Tiegħek.

+ Mulej, irrid ninbidel għal kollox fil-ħniena Tiegħek u nkun rifless ħaj Tiegħek. Agħmel li l-ikbar wieħed fost l-attributi divini, dak tal-Ħniena Tiegħek bla tarf, igħaddi minn qalbi u ruħi għal għand il-proxxmu tiegħi.

Għinni, O Mulej, sabiex għajnejja jħaddmu l-ħniena, ħalli qatt ma nissuspetta f’ħadd u lanqas niġġudika lil ħaddieħor minn dak li jidher minbarra imma nfittex is-sabiħ fl-erwieħ tal-proxxmu tiegħi u nagħmel ħilti biex ngħinnhom.

Għinni, sabiex widnejja jkunu ħanina, billi nagħti kas tal-ħtiġijiet ta’ għajri u ma nkunx indifferenti għall-uġigħ u għall-krib tagħhom.

Għinni, O Mulej, ħalli nkun ħanina fi lsieni, u ma nqasqas qatt fuq ħaddieħor, imma jkolli kelma ta’ faraġ u maħfra għal kulħadd.

Għinni, O Mulej, sabiex idejja jagħmlu ħafna għemejjel tajba ta’ ħniena ħalli b’hekk inkun ta’ ġid għall-proxxmu u biex ngħinu, nitgħabba bid-dmirijiet l-iktar tqal.

Għinni, sabiex riġlejja jgħaġġlu għall-għajnuna ta’ min ikun fil-bżonn billi mqanqla mill-ħniena, ninsa t-taħbit u l-għejja tiegħi. Il-mistrieħ tiegħi nsibu filli naqdi lil għajri.

Għinni, O Mulej, sabiex qalbi tkun daqshekk ħanina, li jiena stess inġarrab it-tbatija kollha tal-oħrajn. Qalbi ma niċħadha lil ħadd. Inkun sinċiera wkoll ma’ dawk li nkun naf li se jabbużaw mit-tjieba tiegħi. U jiena ningħalaq fil-Qalb l-iżjed ħanina ta’ Ġesu’. Inġarrab it-tbatija tiegħi fis-skiet. Ħa tistrieħ fuqi Mulej, il-ħniena tiegħek.

+ Inti stess tikkmandani nħaddan t-tliet gradi tal-ħniena. L-ewwel: att tal-ħniena, ikun ta’ liema kwalita’ jkun. It-tieni: il-kelma tal-ħniena – jekk ma nistax nagħmel opra tal-ħniena ngħin permezz ta’ kliemi. It-tielet: it-talb – jekk ma nistax nuri ħniena permezz tal-għemil jew tal-kliem, dejjem nista’ nagħmel dan permezz tat-talb. It-talb tiegħi jilħaq ukoll fejn jiena ma nistax nilħaq b’mod fiżiku. O Ġesu’ tiegħi, ibdilni fik, għax Inti tista’ tagħmel kollox.

(erba’ paġni tħallew vojta) (nota55)

164. ĠMĠ Varsavja, 1933

Prova Qabel il-Voti Perpetwi (noti 56)

Meta jiena sirt naf li kelli mmur għall-prova, qalbi kienet tħabbat bil-ferħ meta ħsibt fi grazzja tassew kbira bħal dik tal-voti perpetwi. Mort quddiem is-Sagrament Imqaddes; u meta ntlift f’talba ta’ ringrazzjament, smajt dan il-kliem ġewwa ruħi: Binti, inti l-għaxqa Tiegħi, inti l-faraġ ta’ Qalbi. Jiena nagħtik grazzji daqskemm inti tiflaħ tesa’. Dawk id-drabi kollha li Inti tkun tixtieq tagħmilni ferħan, kellem lid-dinja fuq l-ħniena kbira Tiegħi li ħadd ma jista’ jkejjilha.

165. Ftit ġimgħat qabel ma qaluli dwar il-provi jien dħalt għal mument fil-kappella u Ġesu’ qalli: Eżatt issa, is-superjuri qegħdin jiddeċiedu liema sorijiet ser jagħmlu l-voti perpetwi. Din il-grazzja ma tingħatax lilhom kollha kemm huma, imma dan huwa tort tagħhom stess. Min ma jagħmilx ħiltu biex jilqa’ grazzji żgħar ma jingħatawlux grazzji kbar. Imma lilek, binti, qiegħda tingħata din il-grazzja. Ruħi ġiet maħkuma mill-ferħ ta’ din is-sorpriża, għax ftit jiem qabel waħda mis-sorijiet kienet qaltli: “Sor, inti m’intix sejra għat-tielet prova. Jiena stess ser nara li ma jagħtukx permess sabiex inti tagħmel il-voti tiegħek.” Jiena m’għidtilha xejn lil din is-soru, imma ħassejt weġgħa kbira li ppruvajt naħbiha mill-aħjar li stajt.

O Ġesu’, kemm huma strambi l-mogħdijiet Tiegħek! Issa qiegħda nara li mingħajr Alla, il-bnedmin ftit li xejn jistgħu jwettqu waħedhom, għaliex jiena għamiltha l-prova tiegħi, bħalma kien qalli Ġesu’.

166. Fit-talb jiena dejjem insib dawl u saħħa fl-ispirtu, għalkemm ikun hemm waqtiet hekk iebsin u li jweġġgħu, li xi drabi jkun diffiċli timmaġina li jistgħu jiġru dawn l-affarijiet f’kunvent. Hi ħaġa stramba, Alla xi drabi jippermettihom, imma dejjem sabiex juri jew ikabbar il-virtu’ fir-ruħ. Din hi raġuni tal-provi.

167. Illum (Novembru 1932), wasalt Varsavja għat-tielet prova. Wara laqgħa kordjali mas-superjuri għeżież, jiena mort għal mument wieħed fil-kappella ż-żgħira. F’daqqa waħda il-preżenza ta’ Alla mtliet ruħi, u smajt dan il-kliem: Binti, Jiena nixtieq li qalbek tiġi ffurmata fuq il-mudell tal-Qalb Tiegħi mimlija ħniena. Inti trid tkun mimlija kompletament bil-ħniena Tiegħi.

L-għażiża Madre Superjura (Margaret) mill-ewwel staqsietni jekk jiena kontx għamilt irtir dik is-sena u għidtilha le. “Mela inti l-ewwel trid tagħmel irtir ta’ għallinqas tlett ijiem.”

Nirringrazzja lil Alla li f’Walendow (nota57) kien qed isir irtir ta’ tmint ijiem li stajt nieħu sehem fih jiena. Imma nqalgħu xi diffikultajiet dwar it-tluq tiegħi għal dan l-irtir. Kien hemm persuna li opponiet ħafna t-tluq tiegħi u diġa’ (kien qed jidher) li jien ma kontx sejra. Wara l-ikel mort fil-kappella għal ħames minuti adorazzjoni. F’daqqa waħda rajt il-Mulej Ġesu’ u qalli: Binti, Jiena qiegħed inħejji ħafna grazzji għalik, li inti sejra tirċievi matul dan l-irtir li ser tibda għada. Jiena weġibt, “Ġesu’, l-irtir diġa’ beda u jiena mhux suppost immur”. Hu qalli: Ħejji ruħek għalih għax int ser tibda l-irtir għada. U dwar it-tluq tiegħek, Jiena nirranġa dik il-ħaġa mas-superjuri tiegħek. U f’daqqa waħda Ġesu’ ma deherx iktar.

Jiena bdejt nipprova naħseb kif kienet ser iseħħ din il-ħaġa. Imma mument wara, warrabt dawn il-ħsibijiet kollha u ddedikajt il-ħin li kelli għat-talb. Tlabt l-Ispirtu s-Santu jagħtini d-dawl sabiex nkun nista’ nara l-miżerja tiegħi. Wara ftit, ħriġt mill-kappella ż-żgħira sabiex inkompli bid-doveri tiegħi. Ftit wara l-Madre Ġenerali (Michael) sejħitli u qaltli: “Sor, illum int ser tmur Walendow flimkien ma’ Madre Valeria sabiex tkun tista’ tibda l-irtir għada. B’xorti tajba, Madre Valeria nzertat qiegħda hawnhekk u intom tistgħu tmorru flimkien.” Fi żmien sagħtejn jiena kont diġa’ Walendow. Għal mument qgħadt naħseb bejni u bejn ruħi u ndunajt li Ġesu’ biss jista’ jirranġa l-affarijiet b’dan il-mod.

168. Meta dik il-persuna li kienet opponiet hekk bis-sħiħ li jien nieħu sehem fl-irtir ratni, hija wriet li kienet sorpriża u li ma kenitx qiegħda tieħu gost. Jien ma tajtx kas ta’ dan u sellimtilha bil-qalb u bqajt sejra ninviżta lill-Mulej, sabiex inkun naf kif għandi nġib ruħi fl-irtir.

169. Il-konversazzjoni tiegħi mal-Mulej Ġesu’ qabel l-irtir. Ġesu’ qalli li dan l-irtir kellu jkun daqsxejn differenti mill-oħrajn. Għandek tagħmel ħiltek sabiex iżżomm paċi profonda dwar id-diskorsi tiegħek Miegħi. Jiena nneħħilek id-dubji kollha dwar din il-ħaġa. Jiena naf li bħalissa waqt li Jiena qiegħed nitkellem miegħek inti tinsab fil-paċi, imma f’dak l-istess waqt li Jiena nieqaf nitkellem, int tibda tfittex id-dubji. Imma Jiena rridek tkun taf li Jiena għad inwettaqlek ruħek b’tali mod li wkoll jekk inti tkun trid tinkwieta, ma tkunx tista’. U bħala prova li Jiena Hu dak li qiegħed nitkellem miegħek, inti tmur tqerr fit-tieni jum tal-irtir għand is-saċerdot li qiegħed imexxi l-irtir, inti tmur għandu malli huwa jispiċċa l-konferenza u tippreżentalu d-dubji kollha li inti għandek fuqi. Jiena nwieġbek permezz tal-kliem tiegħu, u mbagħad il-biżgħat tiegħek jispiċċaw. Matul dan l-irtir, żomm skiet hekk strett li inti tħossok bħallikieku xejn ma jeżisti madwarek. Inti titkellem biss Miegħi u mal-konfessur tiegħek; inti tistaqsi lis-superjuri tiegħek għall-penitenzi biss. Ħassejt ferħ kbir ħafna li l-Mulej kien ser jurini daqshekk tjubija u jiċċekken daqshekk għalija.

170. L-ewwel jum tal-irtir. Jiena ppruvajt inkun l-ewwel waħda fil-kappella filgħodu; qabel il-meditazzjoni kelli ftit ħin għat-talb lill-Ispirtu s-Santu u lill-Madonna. Jien tlabt bil-ħerqa lil Omm Alla taqlagħli l-grazzja li nkun fidila għal dawn l-ispirazzjonijiet interjuri u li nwettaq bil-fedelta’ r-rieda ta’ Alla tkun xi tkun. Bdejt dan l-irtir b’kuraġġ speċjali ħafna.