Djarju ta’ Swor Fawstina – Il-5 Pitazz (par.1371-1380)

Il-Ħames Pitazz – Paragrafi 1371-1380

19244205_747671395419785_599373068_n

1371. O Mulej, idivinizza l-azzjonijiet tiegħi sabiex jimmeritaw l-eternita’; għalkemm id-dgħjufija tiegħi hi kbira, jiena nafda fil-qawwa tal-grazzja Tiegħek, li żżommni.

1372. Ġesu’ tiegħi, Inti taf li, sa minn ċkuniti jiena ridt insir qaddisa kbira; jiġifieri, jiena ridt inħobbok bi mħabba daqstant kbira li ma jkun hemm ħadd iżjed li jkun ħabbek daqshekk s’issa. Għall-ewwel dawn ix-xewqat tiegħi żammejthom sigrieti, u Ġesu’ biss kien jaf bihom. Imma llum ma nistax inżommhom ġewwa qalbi; nixtieq ngħajjat lid-dinja kollha, “Ħobbu lil Alla, għax Hu tajjeb u kbira hi l-ħniena Tiegħu!”

1373. O jiem tas-soltu li ma fihom xejn speċjali, mimlijin dlam, jiena nħares lejkom b’għajnejn solenni u ta’ festa. Kemm hu kbir u solenni ż-żmien li jagħtina ċans niġbru l-merti li neħtieġu għall-ġenna eterna! Jiena nista’ nifhem x’użu għamlu l-qaddisin minnu.

1374. 30 ta’ Ottubru 1937. Illum, waqt iċ-ċerimonji (nota217) reliġjużi li jseħħu waqt il-Quddiesa, u t-tieni jum ta’ radd il-ħajr, rajt lill-Mulej Ġesu’ sabiħ ferm, u Hu qalli, Binti, ma ħlistekx milli tkompli taħdem. Jiena weġibt, “Mulej, idi dgħajfa wisq għal xogħol bħal dan.” Iva, Jiena nafu dan; imma flimkien ma’ idi l-leminija inti għad twettaq kollox. Xorta waħda, iżda, kun ubbidjenti, kun ubbidjenti lejn il-konfessuri. Jiena nagħtihom id-dawl kif imexxuk. “Mulej, jiena diġa’ ridt nibda l-opra f’Ismek, imma Dun S. ikompli jittrattieni.” Ġesu’ weġibni, Jiena dan nafu; mela agħmel biss dak li inti tista’ tagħmel, imma qatt m’għandek tieqaf mill-isforzi tiegħek.

1375. 1 ta’ Novembru 1937.

Wara l-Vespri, llum, kien hemm purċissjoni għaċ-ċimiterju. Jiena ma stajtx immur, għax kont qiegħda għassa mal-kanċell. Imma dan ma żammnix milli nitlob għall-erwieħ. Hekk kif il-purċissjoni kienet ġejja lura miċ-ċimiterju lejn il-kappella, ruħi ħasset il-preżenza ta’ ħafna erwieħ. Fhimt kemm hi kbira l-ġustizzja ta’ Alla, kif kull waħda kellha tħallas id-dejn sal-aħħar ċenteżmu.

1376. Il-Mulej tani okkażjoni li nuża l-paċenzja permezz ta’ ċerta persuna li flimkien magħha rrid nagħmel ċertu xogħol. Hi tagħmel kollox iktar bil-mod minn kulħadd. Wieħed irid jarma ruħu bil-paċenzja kbira sabiex joqgħod jisma’ dak li tkun qiegħda tgħid li ma jinteressa lil ħadd.

1377. 5 ta’ Novembru. Dalgħodu ġew ħdejn il-bieb tagħna ħamest irġiel li m’għandhomx xogħol u baqgħu jinsistu li ndaħħalhom. X’ħin Swor N. kienet damet targumenta magħhom għal xi żmien u ma rnexxilhiex tkeċċihom, imbagħad ġiet fil-kappella biex issib lill-Madre (Irene), li qalet lili mmur hemm. X’ħin kien għadni ‘l bogħod mhux ħażin mill-bieb, stajt nismagħhom iħabbtu u jagħmlu l-istorbju. Għall-ewwel kienu ser jaħkmuni d-dubju u l-biża’, u ma stajtx niddeċiedi jekk kellix niftaħ il-kanċell jew nagħmel bħal Swor. N, inweġibhom mit-tieqa żgħira. Imma f’daqqa waħda smajt vuċi f’ruħi tgħidli, Mur u iftaħ il-kanċell u kellimhom bil-ħlewwa bħalma tkellem Lili.

Ftaħt il-kanċell fil-pront u rsaqt lejn dak li l-iktar kien jidher ibeżżgħak u bdejt nitkellem magħhom b’tant ħlewwa u kalma li ma kinux jafu x’ser jaqbdu jagħmlu bihom infushom. U huma wkoll bdew jitkellmu bil-ġentilezza u qalu, “Mela, m’hemmx x’tagħmel la l-kunvent ma jistax jagħtina x-xogħol.” U telqu ‘l hemm fil-kwiet. Jiena ħassejt b’mod ċar li Ġesu’, li jiena kont irċevejt fit-Tqarbin siegħa qabel biss, kien ħadem fil-qlub tagħhom permezz tiegħi. O, kemm hi ħaġa tajba li wieħed jaħdem fuq l-ispirazzjoni ta’ Alla!

1378. Illum ħassejtni agħar, u mort għand il-Madre Superjura bl-intenzjoni li nitlobha l-permess noqgħod fis-sodda. Iżda, qabel ma stajt nitlobha permess, il-Madre Superjura qaltli: “Sor, ara kif tagħmel oqgħod waħdek mal-kanċell, għax lit-tifla ser neħodha taħdem fl-għalqa tal-kaboċċi, għax m’hemm ħadd iktar biex jaħdem hemm.” Jiena għidt – tajjeb, u tlaqt mill-kamra. X’ħin wasalt fejn il-kanċell, ħassejtni f’saħħti mhux bħas-soltu, u qgħadt hemm nagħmel dmiri l-jum kollu u ħassejtni tajba. Kelli esperjenza qawwija li għandha x’taqsam mal-ubbidjenza qaddisa.

1379. 10 ta’ Novembru, (1937). X’ħin il-Madre (Irene) wrietni l-ktejjeb bil-kurunella, il-litanija u n-novena, tlabtha tħallini narah. Kif kont qiegħda nħares lejh, Ġesu’ tani x’nifhem ġewwa fija: Diġa’ hemm ħafna erwieħ li nġibdu lejn imħabbti permezz ta’ din ix-xbieha. Il-ħniena Tiegħi taħdem fl-erwieħ permezz ta’ din l-opra. Sirt naf li ħafna erwieħ kienu għaddew mill-esperjenza tal-grazzja ta’ Alla.

1380. Sirt naf li l-Madre Superjura kien ser ikollha salib tqil mhux ħażin xi ġġorr, flimkien ma’ tbatija fiżika, imma din ma kellhiex iddum ħafna. (nota218)