Djarju ta’ Swor Fawstina – L-1 Pitazz (par.471-480)

L-Ewwel Pitazz – Paragrafi 471-480

1018

471. Jum minnhom, meta kont qiegħda nagħmel l-adorazzjoni, u l-ispirtu tiegħi donnu kien qiegħed imut għalih, u ma stajtx iktar inżomm id-dmugħ tiegħi milli jinżel, rajt spirtu ta’ sbuħija kbira li qalli dan il-kliem: “Tibkix – qed jgħidlek il-Mulej.” Mument wara, jiena staqsejt, “Int min Int?” Huwa weġibni, “Jiena wieħed mis-seba’ spirti li qegħdin quddiem it-tron ta’ Alla lejl u nhar u jagħtuh tifħir bla waqfien.” Imma xorta waħda dan l-ispirtu ma qatax ix-xenqa tiegħi, imma qanqal fija xewqa ikbar għal Alla. Dan l-ispirtu hu sabiħ ħafna, u s-sbuħija tiegħu ġejja minn għaqda mill-qrib ma’ Alla. Dan l-ispirtu ma jitlaqnix għal mument wieħed biss, imma jakkumpanjani kullimkien.

L-għada waqt il-Quddiesa, qabel l-Elevazzjoni dan l-ispirtu beda jkanta dan il-kliem, “Qaddis, Qaddis, Qaddis.” Il-vuċi tiegħu kienet bħal elf vuċijiet flimkien; ma jistax ikun li npoġġiha fi kliem. F’daqqa waħda l-ispirtu tiegħi ngħaqad ma’ Alla, u f’dak il-waqt rajt il-kobor u l-qdusija ta’ Alla li ħadd ma jista’ jifhimha u, fl-istess ħin, intbaħt bix-xejn tiegħi.

472. Għaraft, iktar ċar minn qatt qabel, it-Tliet Persuni Divini: il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu. Imma l-esseri tagħhom, l-ugwaljanza u l-majesta’ tagħhom huma ħaġa waħda. Ruħi tinsab f’għaqda ma’ dawn it-Tlieta; imma jiena ma nafx kif din il-ħaġa nista’ nfissirha bil-kliem; ruħi tista’ tifhima sewwa. Min ikun maqgħud ma’ Wieħed mit-Tliet Persuni huwa b’dan il-mod maqgħud mas-Santissima Trinita’ kollha, għax l-Għaqda tagħhom ma tistax tinqasam. Din id-dehra, jew aħjar, dan l-għarfien imlieli ruħi b’ferħ li ma tistax timmaġinah, għax Alla hu hekk kbir. Dak li jiena qiegħda niddeskrivi ma kontx qegħda narah b’għajnejja bħalma ġara f’okkażjonijiet qabel, imma b’mod kollu kemm hu interjuri, b’mod kollu kemm hu spirtwali, indipendentement mis-sensi. Dan baqa’ sejjer sat-tmiem tal-Quddiesa.

Din il-ħaġa issa qiegħda tiġrili ta’ spiss, u mhux biss fil-kappella, imma wkoll waqt ix-xogħol u f’ħinijiet meta nkun nistennieha l-inqas.

473. Meta l-konfessur tagħna (Dun Sopocko) ma kienx hemm, mort inqerr għand l-Arċisqof (Romuald Jalbrzykowski) (nota99). Meta rrivelajtlu ruħi, irċevejt din it-tweġiba. “Binti, arma lilek innifsek b’paċenzja kbira; jekk dawn l-affarijiet ġejjin minn Alla, huma jseħħu xi darba jew oħra. Mela kun fil-paċi kompletament. Jiena qiegħed nifhmek sewwa ħafna f’din il-ħaġa, binti. U issa, dwar il-ħsieb li inti titlaq minn din l-Kongregazzjoni u taħseb f’xi waħda oħra, neħħi dawn il-ħsibijiet minn moħħok, għax din tkun tentazzjoni serja.” Wara din il-qrara, jiena għidt lill-Mulej Ġesu’, “Għalfejn qiegħed tikkmandani nagħmel dawn l-affarijiet u fl-istess waqt ma tagħmilhilix possibli li jiena nwettaqhom?” Imbagħad rajt lill-Mulej Ġesu’ wara t-Tqarbin fl-istess kappella ċkejkna fejn kont mort inqerr, bl-istess mod kif Hu rappreżentat fix-xbieha. Il-Mulej qalli, Tkunx qalbek sewda. Jiena ser infehmu l-affarijiet li Jiena qiegħed nitlob mingħandek. Meta konna telqin l-Arċisqof kellu x’jagħmel ħafna, imma qalilna nerġgħu lura u nistennew ftit. Meta rġajna dħalna fil-kappella, smajt dan il-kliem ġewwa ruħi: Għidlu x’rajt f’din il-kappella. F’dak l-istess waqt l-Arċisqof daħal u staqsa jekk kellniex xi ħaġa x’ngħidulu. Imma għalkemm jiena kelli ordni ngħidlu, ma stajtx nagħmlu dan għax kont fil-kumpanija ta’ waħda mis-sorijiet.

Kelma waħda oħra mill-qrara: “Li wieħed jitlob ħniena għad-dinja hija ideja kbira u sabiħa. Itlob ħafna, Sor, itlob ħniena fuq il-midinbin, imma dan agħmlu fil-kunvent tiegħek stess.”

L-għada, il-Ġimgħa, 13 ta’ Settembru 1935.

474. Filgħaxija, x’ħin kont fiċ-ċella tiegħi, rajt Anġlu, iwettaq il-korla divina. Kien liebes libsa tgħammex, wiċċu jiddi bil-glorja. Sħaba taħt saqajh. Mis-sħaba, tfaqqih ta’ ragħad u leħħ ta’ beraq tiela’ għal ġo idejh; u kienu ħerġin minn idu, u mbagħad huma biss kienu qegħdin jolqtu fl-art. Meta rajt dan is-sinjal tal-korla divina li kien ser jolqot l-art, u b’mod speċjali ċertu post, li jiena ma nistax insemmih għal ċertu raġunijiet, bdejt nitlob lill-Anġlu li jieqaf għal ftit waqtiet, u d-dinja kienet sejra tagħmel penitenza. Imma t-talba tiegħi ma kienet tgħodd xejn quddiem il-korla divina. Propju dak il-ħin jiena rajt is-Santissima Trinita’. Il-kobor tal-Majesta’ Tagħha nifditni fil-fond, u ma kellix ħila ntenni t-talb tiegħi. F’dak l-istess waqt ħassejt ġewwa ruħi l-qawwa tal-grazzja ta’ Ġesu’, li jgħammar ġewwa ruħi. Meta ntbaħt b’din il-grazzja, minnufih inħtaft għal quddiem it-Tron ta’ Alla. Kemm Hu kbir il-Mulej u Alla tagħna u kemm ma nistgħux nifhmuha l-qdusija Tiegħu! Minix sejra nipprova niddeskrivi dan il-kobor, għax ma ndumux ma narawh ilkoll kemm aħna kif inhu. Sibt ruħi nitlob lil Alla għad-dinja bi kliem li kont qiegħda nisma’ ġewwa fija.

Filwaqt li kont qiegħda nitlob b’dan il-mod, rajt li l-Anġlu ma seta’ jagħmel xejn: ma setax iwettaq il-kastig ġust li kien dovut bi dritt għad-dnubiet. Qatt qabel ma kont tlabt b’qawwa hekk interjuri bħalma għamilt f’dak il-ħin.

475. Il-kliem li bih tlabt lil Alla kienu dawn: Missier Etern, jiena noffrilek il-Ġisem u d-Demm, ir-Ruħ u d-Divinita’ ta’ Ibnek il-għażiż, Sidna Ġesu’ Kristu bit-tpattija għad-dnubiet tagħna u għal dawk tad-dinja kollha; f’ġieħ il-Passjoni ħarxa Tiegħu, ħenn għalina.

476. L-għada filgħodu, x’ħin dħalt fil-kappella, smajt dan il-kliem ġewwa fija: Kull darba li inti tidħol fil-kappella, għid mill-ewwel it-talba li Jiena għallimtek il-bieraħ. X’ħin għidt it-talba, ġewwa ruħi smajt dan il-kliem: Din it-talba sservi biex ittaffi l-korla Tiegħi. Int għandek tgħidha għal disat ijiem, bil-kuruna tar-Rużarju, b’dan il-mod: L-ewwel għandek tgħid Missierna waħda, Sliema waħda u l-Kredu. Imbagħad fuq iż-żibeġ tal-Missierna, inti għandek tgħid dan il-kliem:

“Missier Etern jiena noffrilek il-Ġisem, u d-Demm, ir-Ruħ u d-Divinita’ ta’ Ibnek l-għażiż Sidna Ġesu’ Kristu, bi tpattija għad-dnubiet tagħna u għal dawk tad-dinja kollha.” Fuq iż-żibeġ tas-Sliema, inti għandek tgħid dan il-kliem: “F’ġieħ il-Passjoni ħarxa Tiegħu, ħenn għalina u għad-dinja kollha.” Fl-aħħarnett (wara l-ħames posta) għid għal tliet darbiet dan il-kliem: “Qaddis Alla, Qaddis Qawwi, Qaddis Immortali, ħenn għalina u għad-dinja kollha.” (nota100)

477. Is-skiet huwa xabla fit-taqbida spirtwali. Ruħ li tħobb tpaċpaċ qatt ma jirnexxilha tikseb il-qdusija. Ix-xabla tas-skiet taqta’ dak kollu li jkun irid jibqa’ mqabbad mar-ruħ. Aħna sensittivi għall-kliem u malajr inkunu rridu nwieġbu, mingħajr ma nagħtu kas jekk hix ir-rieda ta’ Alla li aħna nitkellmu. Ruħ siekta hi qawwija; l-ebda kuntrarju ma jagħmlilha l-ħsara jekk hija taħt l-ispirazzjoni tal-Ispirtu s-Santu. Alla jaħdem f’ruħ siekta bla ebda xkiel.

478. O Ġesu’ tiegħi, Inti taf, Int biss taf li qalbi ma taf l-ebda mħabba oħra ħliefek! L-imħabba verġinali tiegħi kollha tinsab mgħarrqa eternament fik, O Ġesu’! Inħoss b’mod ħaj kif id-Demm divin Tiegħek qiegħed jiċċirkola ġewwa qalbi; m’għandix l-iċken dubju li l-imħabba l-iżjed safja tiegħek daħlet ġewwa qalbi flimkien mad-Demm l-iżjed qaddis Tiegħek. Jiena nagħraf li Inti tgħammar ġewwa fija, flimkien mal-Missier u ma’ l-Ispirtu s-Santu, jew aħjar naf li qiegħda ngħix ġewwa fik, O Alla li ħadd ma jista’ jifhmu! Naf li qiegħda ninħall ġewwa fija bħal qatra f’oċejan. Naf li Inti tinsab ġewwa fija u madwari, li Inti tinsab fl-affarijiet kollha li hemm madwari, f’kull ma jiġrili. O Alla tiegħi, jiena sirt nafek ġewwa qalbi, u ħabbejtek fuq dak kollu li jeżisti fl-art jew fis-sema. Qlubna jifhmu lil xulxin, u ħadd mill-bnedmin m’hu ser jifhem din il-ħaġa.

479. It-tieni qrara tiegħi għand l-Arċisqof (Jalbrzykowski). “Kun af, binti, li jekk din hi r-rieda ta’ Alla, xi darba jew oħra hija sseħħ għax jeħtieġ li titwettaq ir-rieda ta’ Alla. Ħobb lil Alla ġewwa qalbek, għandu jkollok. . .” (Dan il-ħsieb jieqaf hawn).

480. 29 ta’ Settembru. Il-Festa ta’ San Mikiel Arkanġlu. Ngħaqadt ġewwa fija ma’ Alla. Il-preżenza Tiegħu tinfidini sa ġewwanett u timlieni bil-paċi, ferħ u stagħġib. Wara waqtiet bħal dawn ta’ talb, nimtela bis-saħħa u b’kuraġġ mhux tas-soltu biex inkun nista’ nbati u nitqabad. Xejn ma jbeżżgħani, imqar jekk id-dinja kollha ddur kontrija. Il-kuntrarju u t-taħbit kollu jmissu biss il-wiċċ, imma ma jistgħux jidħlu fil-fond, għax Alla, li jsaħħaħni, li jimlieni, hemm jgħammar. In-nases kollha tal-għadu jisfaw fix-xejn quddiem saqajh. Waqt dawn il-mumenti ta’ għaqda, Alla jweżżini bil-qawwa Tiegħu. Il-qawwa Tiegħu tgħaddi għal għandi u tagħmilni kapaċi nħobbu. Ruħ qatt ma tilħaq dan l-istat bl-isforzi tagħha biss. Fil-bidu ta’ din il-grazzja interjuri, jiena mtlejt bil-biża’, u bdejt inċedilha; imma malajr ħafna, il-Mulej ħallieni nkun naf kemm din il-ħaġa ma kenitx qiegħda togħġbu. Imma jkun Huwa stess ukoll, li jneħħili l-biża’ tiegħi kollu.