Djarju ta’ Swor Fawstina – L-1 Pitazz (par.231-240)

L-Ewwel Pitazz – Paragrafi 231-240

Pierwsze-sluby

231. Ħadd ma’ jista’ jifhem xi tħoss qalbi meta jiena naħseb fuq il-fatt li Alla jgħaqqadni miegħu permezz tal-voti. Alla jgħarrafni, ukoll, issa, l-immensita’ tal-imħabba li Hu diġa’ kellu għalija qabel ma beda ż-żmien; u jiena għadni kif bdejt inħobbu, fiż-żmien. Imħabbtu kienet (dejjem) kbira, safja u diżinteressata, u mħabbti għalih ġejja mill-fatt li jiena qiegħda nsir nafu, iktar inħobbu bil-ħerqa u l-qawwa kollha, u iktar isiru perfetti l-azzjonijiet tiegħi. Sadattant, kull darba li niftakar li fi ftit ġranet oħra sejra nsir ħaġa waħda mal-Mulej permezz tal-voti perpetwi, ferħ li ma nistax niddeskrivih ifawwarli ruħi. Mill-ewwel darba li jiena sirt naf lill-Mulej, il-ħarsa ta’ ruħi ntilfet fih għall-eternita’ kollha. Kull darba li l-Mulej jersaq lejja u nsir nafu iktar, imħabba perfetta tikber ġewwa ruħi.

232. Qabel il-qrar, jiena smajt dan il-kliem f’ruħi, Binti għidlu kollox u wrih ruħek bħalma inti tagħmel quddiemi. Tibża’ minn xejn. Għax Jiena rrid inżommok fil-paċi, Jiena qiegħed inpoġġi dan is-saċerdot bejni u bejn ruħek. Il-kliem li huwa jgħidlek huma kliemi. Urih l-ikbar sigrieti ta’ ruħek. Jiena nagħtih id-dawl sabiex huwa jagħraf lil ruħek.

233. Meta rsaqt lejn il-konfessinarju, jiena ħassejtni hekk kalma f’ruħi ngħidlu kollox li, iktar tard, jiena stess bqajt mistagħġba. It-tweġibiet tiegħu ġabuli paċi kbira f’ruħi. Kliemu kienu, għadhom u dejjem jibqgħu kolonni tan-nar li dawlu u jkomplu jdawluli ruħi fit-tfittxija tagħha għall-ikbar qdusija.

Id-direzzjonijiet li jiena rċevejt minn Patri Andrasz jiena nnotajthom f’paġna oħra f’dan il-ktieb. (Djarju, 55)

234. Meta jiena spiċċajt din il-qrara, l-ispirtu tiegħi kien mitluf f’Alla, u tlabt għal tliet sigħat, imma dan il-ħin deherli li kien biss ftit minuti. Minn dak il-ħin ‘l hawn, jiena ma poġġejt l-ebda ostaklu li seta’ jxekkel il-grazzja milli taħdem ġewwa ruħi. Ġesu’ kien jaf għax jiena kont qiegħda nibża’ nikkomunika b’mod intimu miegħu u bl-ebda mod ma ħa għalih. Minn dak il-waqt meta s-saċerdot assigurani li dak li kont ġarrabt ma kienx illużjoni, imma l-grazzja ta’ Alla, jiena ppruvajt inkun fidila lejn Alla f’kollox. Jiena issa nista’ nara li hemm tassew ftit saċerdoti li huma kapaċi jifhmu l-profondita’ sħiħa tal-ħidma ta’ Alla fir-ruħ. Minn dak iż-żmien ‘l hawn, il-ġwienaħ tiegħi saru liberi li jtiru, u jiena nixxennaq sabiex nogħla ‘l fuq sa ġo l-istess nar tax-xemx. It-titjira tiegħi mhijiex ser tieqaf sakemm jiena nistrieħ fih għal dejjem. Meta aħna ntiru fil-għoli ħafna, in-nida, iċ-ċpar u s-sħab kollha jkunu jinsabu taħt saqajna, u l-esseri kollha tagħna tad-demm u l-laħam ikollu bilfors joqgħod suġġett għall-ispirtu.

235. O Ġesu’, jiena nixxennaq għas-salvazzjoni tal-erwieħ immortali. Qalbi ssib l-esperessjoni libera tagħha fis-sagrifiċċju, sagrifiċċju li ħadd ma jkun jaf bih. Jiena ninħaraq u niġi kkunsmata, mingħajr ħadd ma jintebaħ, fil-fjammi qaddisa tal-imħabba ta’ Alla. Il-preżenza ta’ Alla tgħin sabiex is-sagrifiċċju tiegħi jkun perfett u safi.

236. Kemm mhux ta’ min joqgħod fuqhom l-apparenzi, u kemm huma nġusti l-ġudizzji, u kemm –il darba l-virtu’ tbati biss għax hi tibqa’ siekta. Li nkunu sinċieri ma’ dawk li l-ħin kollu jweġġgħuna jitlob minna ħafna ċaħda. Wieħed ikun qiegħed inixxi d-demm, imma m’hemm l-ebda ferita tidher minn barra. O Ġesu’, fl-aħħar jum biss ħafna minn dawn l-affarijiet insiru nafuhom. X’ferħ – l-ebda sforz li nagħmlu ma jintilef!

237. Siegħa Adorazzjoni. Waqt din is-siegħa, jiena rajt l-abbiss tal-miżerja tiegħi; dak kollu li hemm tajjeb ġewwa fija huwa Tiegħek, O Mulej. Imma għax jiena daqshekk ċkejkna u imsejkna għandi dritt nistenna l-ħniena bla tarf Tiegħek.

238. Filgħaxija. O Ġesu’, għada filgħodu jiena sejra nieħu l-voti perpetwi tiegħi. Kont tlabt lis-sema u l-art u kont sejjaħt lil kulħadd sabiex jirringrazzja lil Alla għal din il-grazzja hekk kbira u li ma nistax nifhimha li Huwa tani, meta f’daqqa waħda smajt dan il-kliem, Binti, il-qalb tiegħek hi l-ġenna Tiegħi. Ftit waqtiet ta’ talb biss u rrid nitlaq niġri, għax ikeċċuna minn kullimkien; għax kull post – il-kappella, ir-refettorju, il-kamra tar-rikreazzjoni u l-kċina – qiegħda titlesta għal għada u aħna suppost immorru norqdu. Imma ma hemmx wisq ċans ta’ rqad. Il-ferħ, mhux ser iħallini norqod. Ħsibt: X’ser inħoss fil-ġenna, jekk hawnhekk fl-eżilju Alla diġa qiegħed jimlieli ruħi b’dan il-mod?

239. Talba waqt il-quddiesa fil-jum tal-voti perpetwi. Illum jiena npoġġi lil qalbi fuq il-patena fejn tpoġġiet qalbek, O Ġesu’, u llum noffri lili nnifsi flimkien miegħek lil Alla, il-Missier Tiegħek u tiegħi, bħala sagrifiċċju ta’ mħabba u ta’ tifħir. Missier tal-Ħniena, ħares lejn is-sagrifiċċju tal-qalb tiegħi, imma minn ġol-ferita tal-Qalb ta’ Ġesu’.

1 ta’ Mejju 1933. L-Ewwel Jum

Għaqda ma’ Ġesu’ fil-jum tal-voti perpetwi. Ġesu’ mil-lum ‘il quddiem Qalbek hija qalbi, u qalbi hija Tiegħek biss. Il-ħsieb ta’ ismek, Ġesu’, huwa l-għaxqa ta’ qalbi. Ma nistax ngħix mingħajrek, lanqas għal mument wieħed, Ġesu’. Illum ruħi ntilfet Fik, it-teżor waħdieni tiegħi. Imħabbti m’għandha xejn xi jżommha lura milli tagħti prova tagħha nnfisha lill-Maħbub tagħha.

Il-kliem ta’ Ġesu’ waqt il-voti perpetwi tiegħi. Għarusa Tiegħi, il-qlub tagħna jinsabu maqgħudin għal dejjem. Ftakar lil min wegħidt… ma jistax ikun li kollox jitfisser bil-kliem.

It-talba tiegħi fil-waqt li konna qegħdin mixħuta fl-art taħt il-faldrappa. (nota69) Jiena tlabt lill-Mulej jagħtini l-grazzja li qatt ma noffendih lanqas bl-iċken dnub jew imperfezzjoni filwaqt li nkun naf x’qed nagħmel.

Ġesu’, jiena nafda Fik! Ġesu’, jiena nħobbok b’qalbi kollha. Fl-iktar żminijiet diffiċli, Inti Ommi.

Għall-imħabba Tiegħek, O Ġesu’, jiena mmut għalija nnifsi kollni kemm jien illum u nibda ngħix għall-ikbar glorja tal-Isem Qaddis Tiegħek.

+ Għall-imħabba Tiegħek, Santissma Trinita’, jiena noffri lili nnifsi lilek bħala għotja ta’ tifħir, bħala olokawstu ta’ ruħ vittma. U permezz ta’ dan l-olokawstu, jiena nixtieq infaħħar lil Ismek, O Mulej. Nintefa’ bħal blanzun ċkejken ta’ warda f’riġlejk, Mulej, u jalla Inti biss issir taf il-fwieħa ta’ din il-fjura.

240. Tliet talbiet fil-jum tal-voti perpetwi tiegħi, Ġesu’, jiena naf li llum Inti ma’ tista’ tiċħadli xejn.

L-ewwel talba: Ġesu’, Għarus tiegħi l-iżjed maħbub, jiena nitolbok għat-trijonf tal-Knisja, l-aktar fir-Russja u fi Spanja; għall-barkiet fuq il-Qdusija Tiegħu l-Papa, Piju XI, u fuq l-kleru kollu; għall-grazzja tal-konverżjoni għall-midinbin li m’għandhomx indiema. U nitolbok għall-barka speċjali u għad-dawl, Ġesu’, għas-saċerdoti li se nqerr għandhom matul ħajti kollha.

It-tieni talba: Jiena nitolbok il-barkiet Tiegħek fuq il-Kongregazzjoni tagħna, u jalla din tkun mimlija b’ħeġġa kbira. Bierek, O Ġesu’, lill-Madre Ġenerali u lill-Madre Direttriċi tagħna, lin-novizzi kollha u lis-Superjuri kollha. Bierek l-għeżież ġenituri tiegħi. Agħti l-grazzja Tiegħek, O Ġesu’, lit-tfajliet li huma taħt il-kura tagħna; saħħaħhom b’mod hekk qawwi bil-grazzja Tiegħek sabiex dawk li joħorġu mid-djar tagħna ma jibqgħux joffenduk bl-ebda dnub. Ġesu’, jiena nitolbok għal pajjiżi, ħarsu mill-attakki tal-għedewwa tiegħu.

It-tielet talba: Ġesu, Jiena nitolbok għall-erwieħ li l-iktar għandhom bżonn tat-talb. Nitlob għall-moribondi; kun ħanin magħhom. Nitolbok ukoll, Ġesu’, li teħles l-erwieħ kollha mill-purgatorju.

Ġesu’, nirrakkomandalek dawn il-persuni b’mod partikolari; il-konfessur tiegħi, persuni li rrikmandaw ruħhom fit-talb tiegħi, ċerta persuna…. Patri Andrasz, Dun Czaputa, u s-saċerdot li ltaqjt miegħu f’Vilnius (Dun Sopocko) li ser ikun il-konfessur tiegħi, ċerta ruħ…, ċertu saċerdot, ċertu reliġjuż (nota70) li Inti taf li jien għandi dejn kbir miegħu,Ġesu’, u dawk il-persuni kollha li rrikmandawhomli fit-talb tiegħi. Ġesu’, f’dan il-jum Inti tista’ tagħmel kollox għal dawk li qiegħda nitlob għalihom. Għalija jiena nitolbok, Mulej, li tibdilni kollni kemm jiena fik; żomm ġewwa fija ħerqa qaddisa għall-glorja Tiegħek, agħtini l-grazzja u s-saħħa spiritwali li nagħmel f’kollox ir-rieda qaddisa Tiegħek.

Grazzi, Għarus tiegħi l-iżjed maħbub għad-dinjita’ li Inti tajtni, u b’mod speċjali għall-istemma araldika rjali li ser iżejjini bih mil-lum ‘il quddiem u li lanqas l-Anġli ma għandhom; jiġifieri; is-salib, ix-xabla, u l-kuruna tax-xewk. Imma fuq kollox, O Ġesu’ tiegħi, jiena nirringrazzjak ta’ Qalbek – dik kulma jiena neħtieġ.

Omm Alla, Marija l-iżjed Qaddisa, Ommi, inti ommi b’mod speċjali issa għax l-Iben maħbub tiegħek huwa l-Għarus tiegħi, u għalhekk aħna, it-tnejn li aħna, uliedek. Minħabba Ibnek, Inti ma tistax ma tħobbnix. O Marija, Ommi l-iżjed għażiża mexxili l-ħajja spirtwali tiegħi b’tali mod li din tkun togħġob lil Ibnek.

Alla qaddis u li tista’ kollox, f’dan il-waqt ta’ grazzja hekk kbira li, permezz tagħha, Inti qiegħed tgħaqqadni miegħek għal dejjem, jiena, li ma jiena xejn, bl-ikbar gratitudni, ninxteħet f’riġlejk bħal fjura ċkejkna li ħadd ma jaf biha u kuljum il-fwieħa ta’ dik il-fjura ta’ mħabba titla’ sat-tron Tiegħek.

Fi żminijiet ta’ taqbid u tbatija, ta’ dlam u maltemp, ta’ xewqat u ta’ dwejjaq, fi żminijiet ta’ tiġrib diffiċli, fi żminijiet meta ħadd ma jifhimni, meta kulħadd jasal biex jikkundannani u jżeblaħni, jiena niftakar fil-jum tal-voti perpetwi tiegħi, il-jum tal-grazzja ta’ Alla li ħadd ma jista’ jifhimha.

Ġ.M.Ġ