Djarju ta’ Swor Fawstina – It-2 Pitazz (par.851-860)

It-Tieni Pitazz – Paragrafi 851-860

19206248_742591669261091_283246483_n.jpg

851. 28 ta’ Diċembru (1936). Illum bdejt novena lill-Ħniena Divina. Jiġifieri, inqiegħed lili nnifsi fl-ispirtu quddiem ix-xbieha u nitlob l-kurunella li l-Mulej għallimni. Fit-tieni jum tan-novena, rajt ix-xbieha, bħallikieku, issir ħajja, iżejnuha kien hemm għadd kbir ta’ lampi votivi u rajt folol kbar ta’ nies ġejjin hemmhekk, u ħafna minnhom kienu mimlijin ferħ. O Ġesu’, b’kemm ferħ kbir bdiet tħabbat qalbi! Jiena qiegħda nagħmel in-novena għall-intenzjoni ta’ tnejn min-nies: jiġifieri, l-Arċisqof (Jalbrykowski) u Dun Sopocko. Jiena qiegħda nitlob bil-ħerqa lill-Mulej sabiex inebbaħ lill-Arċisqof japprova l-kurunella, li tant togħġob lil Alla, u x-xbieha wkoll, u li ma jibqax iħalli din l-opra fuq l-ixkaffa jew għal iktar tard . . .

852. Illum ħarset il-Mulej għaddiet minn ġo fija f’daqqa waħda bħal berqa. F’daqqa waħda għaraft l-iċken tbajja ta’ ħmieġ li hemm ġewwa ruħi, u x’ħin sirt naf il-fond tal-miżerja tiegħi, inżilt għarkobbtejja u tlabt maħfra mingħand il-Mulej, u b’fiduċja kbira ntfajt fil-ħniena nfinita’ Tiegħu. Dan l-għarfien ma jdejjaqnix, lanqas ibegħedni mill-Mulej, imma pjuttost iqajjimli f’ruħi mħabba ikbar u fiduċja bla tarf. L-indiema ta’ qalbi hi marbuta mal-imħabba. Dawn il-leħħiet ta’ dawl mingħand il-Mulej jedukawli ruħi. O raġġi ħelwin ta’ Alla, dawluni sal-fond l-iktar sigriet, għax irrid nasal għall-ikbar safa possibli fil-qalb u fir-ruħ.

853. Filgħaxija, xenqa kbira ħakmitli ruħi. Qbadt f’idejja l-librett bix-xbieha ta’ Ġesu’ Ħanin fuqu u għafastu ma’ qalbi, u dan il-kliem ħareġ minn ġo ruħi: “Ġesu’, Imħabba Eterna, jiena ngħix għalik, immut għalik, u rrid ningħaqad miegħek.” F’daqqa waħda rajt lill-Mulej fis-sbuħija Tiegħu li ma tistax tpoġġiha fil-kliem. Hu ħares lejja bil-ħlewwa u qalli, Binti, Jiena wkoll inżilt mis-sema għax inħobbok; Jiena għext għalik, mitt għalik, u ħloqt is-sema għalik. U Ġesu’ għafasni ma’ Qalbu u qalli, Dalwaqt issa; kun fil-paċi, binti. X’ħin sibt ruħi waħdi, ruħi kienet qiegħda taqbad bin-nar bix-xewqa li kelli li nibqa’ nbati sa dak il-waqt meta l-Mulej kellu jgħidli, “Biżżejjed.” U wkoll li kieku kelli ngħix għal eluf ta’ snin, jiena nista’ nara fid-dawl ta’ Alla li dak kollu mhux ħlief waqt wieħed. L-erwieħ . . . (il-ħsieb jieqaf hawn).

854. 29 ta’ Diċembru (1936). Illum wara t-Tqarbin, smajt vuċi ġewwa ruħi: Binti, kun lesta, għax għad niġi għal għarrieda. Ġesu’, ma tridx tgħidli s-siegħa li tant qiegħda nistennieha bil-ħerqa? Binti, dan huwa għall-ġid tiegħek. Għad issir tafha, imma mhux issa. Ibqa’ ishar. O Ġesu’, agħmel bija dak li jogħġbok. Jiena naf li Inti s-Salvatur ħanin u m’intix ser tinbidel lejja fis-siegħa tal-mewt tiegħi. Jekk bħalissa Inti qed turini tant imħabba speċjali, u qed tindenja ruħek tingħaqad miegħi b’mod hekk intimu u bi tjubija hekk kbira, nistenna iktar minn hekk fis-siegħa tal-mewt tiegħi. Inti, Mulej – Alla tiegħi, ma tistax tinbidel. Inti dejjem l-istess. Is-Sema jista’ jinbidel, kif ukoll kulma hu maħluq; imma Inti, Mulej, dejjem l-istess u tibqa’ għal dejjem. Mulej, ejja kif jogħġbok u meta jogħġbok. Missier il-ħniena nfinita’, jiena, bintek qiegħda nistenna u nixxennaq għall-miġja Tiegħek. O Ġesu’, Inti għidt fl-Evanġelju Imqaddes, “Minn fommkom stess jiena niġġudikakom.” Insomma, Ġesu’ jiena qiegħda nitkellem fuq il-ħniena Tiegħek li ħadd ma jista’ jimmaġinaha, għalhekk jiena nafdak li tiġġudikani skont il-ħniena Tiegħek bla tarf.

855. 30 ta’ Diċembru 1936. Is-sena qiegħda toqrob lejn it-tmiem tagħha. Għażilt illum bħala l-jum tal-irtir ta’ kull xahar. L-ispirtu tiegħi ntilef fil-benefiċċji li Alla tani bix-xaba’ matul din is-sena kollha. Ruħi bdiet tirtogħod x’ħin rat din l-immensita’ tal-grazzji ta’ Alla. Minn ġo ruħi ħareġ innu ta’ radd il-ħajr lill-Mulej. Għal siegħa sħiħa, bqajt mitlufa fl-adorazzjoni u radd il-ħajr, filwaqt li qgħadt nikkontempla, wieħed wieħed, il-benefiċċji li jiena kont irċevejt mingħand Alla u wkoll id-difetti żgħar tiegħi stess. Dak kollu li kien fiha din is-sena mar fl-abbiss tal-eternita’. Xejn ma jintilef. Qiegħda nifraħ li xejn ma jintilef.

30 ta’ Diċembru (1936). Irtir ta’ ġurnata.

856. Waqt il-meditazzjoni filgħodu, ħassejt xi ħaġa timbuttani kontra l-ħolqien kollu. Kollox jisfuma fix-xejn quddiem għajnejja; l-ispirtu tiegħi jinsab maqtugħ minn kollox. Jiena nixtieq biss lil Alla nnifsu, imma xorta waħda għad baqagħli ngħix. Dan hu martirju li ma nistax niddeskrivih. Alla jagħti lilu nnifsu lir-ruħ bi mħabba u jiġbidha għal ġol-fond infinit tad-divinita’ Tiegħu, imma fl-istess ħin iħalliha hawnhekk f’din id-dinja għall-iskop waħdieni li tkun tista’ tbati u tmut bix-xewqa li jkollha għalih. U din l-imħabba qawwija tant hi safja li Alla nnifsu jitpaxxa biha; u l-egoiżmu ma jistax jilħaq l-għemejjel tagħha, għax hawn kollox huwa mimli kollu kemm hu bl-imrar, u għalhekk hu kollu kemm hu safi. Il-ħajja hi l-mewta ta’ kuljum, mimlija wġigħ u terribli, u fl-istess ħin hi l-profondita’ ta’ ħajja vera u ta’ ferħ li ħadd ma jista’ jimmaġinah u s-saħħa tar-ruħ; u minħabba dan, (ir-ruħ) tkun kapaċi twettaq għemejjel kbar għall-imħabba ta’ Alla.

857. + Filgħaxija, tlabt għal ftit sigħat, l-ewwel għall-ġenituri tiegħi u għal dawk li jiġu minni, għall-Madre Ġenerali u għall-Kongregazzjoni kollha, għall-istudenti tagħna, u għal tliet saċerdoti (probabilment l-Arċisqof Jalbrzykowski, Dun Sopocko, u Patri Andrasz) li jiena mdejna ħafna magħhom. Mort nimraħ mad-dinja kollha u rringrazzjajt il-ħniena bla tarf ta’ Alla għall-grazzji kollha li Hu jagħti lill-bnedmin, u tlabtu maħfra għal dak kollu li bih ikunu offendewh.

858. Waqt il-Vespri, jiena rajt lill-Mulej Ġesu’, li ħares bil-ħlewwa u fil-fond ġewwa ruħi: Binti, ħu paċenzja; issa dalwaqt wasal iż-żmien. Dik il-ħarsa profonda u dak il-kliem imlieli ruħi bis-saħħa u l-qawwa, kuraġġ u fiduċja starordinarja li jiena kont sejra nwettaq dak kollu li Hu kien qed jitlob mingħandi, minkejja diffikultajiet hekk tremendi, u (mlieni b’) konvinzjoni speċjali li l-Mulej qiegħed miegħi u li flimkien miegħu jiena nkun nista’ nagħmel kollox. Il-qawwiet kollha fl-art u fl-infern huma daqslikieku xejn għalija. Kollox irid iċedi quddiem il-qawwa ta’ Ismu. Jiena qiegħda nafda kollox f’idejk, O Mulej u Alla tiegħi. Kmandant waħdieni ta’ ruħi, mexxini skont ix-xewqat eterni Tiegħek.

+ Ġ.M.Ġ Krakovja, Pradnik, 1 ta’ Jannar 1937.
Ġesu’, jiena nafda Fik.

859. + Illum , f’nofs il-lejl, insellem lis-sena li spiċċat 1936, u nagħti merħba lis-sena 1937. Bil-biża’ u bit-tregħid, f’din l-ewwel siegħa tas-sena, jiena affaċċjajt dan il-perjodu ġdid ta’ żmien. Ġesu’ ħanin, flimkien miegħek jiena mmur b’qalb qawwija u bil-kuraġġ fit-taqbid u fil-battalji. F’ismek, jiena ser inwettaq kollox u nirbaħ kollox. Alla tiegħi, Tjubija infinita, qiegħda nitolbok, ħalli l-ħniena infinita Tiegħek isseħibni dejjem u f’kollox.

Filwaqt li nibda din is-sena, qiegħed jegħlibni l-biża’ tal-ħajja, imma Ġesu’ joħroġni minn dan il-biża’ u jgħarrafni xi glorja kbira għad tagħtih din l-opra tal-ħniena.

860. Hemm żminijiet fil-ħajja meta r-ruħ tkun tista’ ssib faraġ biss f’talb profond. Li kieku l-erwieħ kienu jafu kif għandhom jippreservaw fit-talb fi żminijiet bħal dawn. Dan hu mportanti ħafna.