Djarju ta’ Swor Fawstina – Il-5 Pitazz (par.1561-1570)

Il-Ħames Pitazz – Paragrafi 1561-1570

19512117_747671405419784_1566356312_n

1561. U issa ser ngħidlek xi ħaġa li hi importanti ħafna għalik: sinċerita’ bla ebda limitu mad-direttur spiritwali tiegħek. Jekk inti ma tiksibx il-ġid għal ruħek minn din il-grazzja kbira skont id-direttivi Tiegħi, jiena neħodulek u mbagħad inti tisfa’ waħdek; u t-turmenti kollha, li inti tafhom tajjeb ħafna, jerġgħu jiġu lura għandek. Ma niħux gost meta inti ma tieħux ġid għal ruħek mill-opportunita’ li tkun tista’ tarah u titkellem miegħu. Jiena nagħti direttur spiritwali lir-ruħ. Ħafna erwieħ jitolbuni din il-ħaġa, imma jiena ma nagħtix din il-grazzja lil kulħadd. Minn dak il-waqt meta Jiena tajtek dan is-saċerdot bħala direttur spiritwali, jiena tajtu dawl ġdid sabiex hu jkun jista’ faċilment isir jaf lil ruħek u jifhimha . . .

1562. O Ġesu’ tiegħi, l-unika ħniena għalija, ħallini nara wiċċek kuntent bħala sinjal ta’ rikonċiljazzjoni miegħi, għax qalbi ma tistax tiflaħ s-serjeta’ Tiegħek; jekk din il-ħaġa tibqa’ sejra mument ieħor, qalbi tinqasam bin-niket. Inti tista’ tara li issa wkoll jiena ninsab mgħaffġa trab.

1563. U f’dak l-istess waqt rajt lili nnifsi f’tip ta’ palazz; u Ġesu’ tani idu, poġġieni bilqiegħda maġenbu, u qalli bi tjubija, Għarusa Tiegħi, inti dejjem togħġobni bl-umilta’ tiegħek. L-ikbar miżerja ma żżommnix milli ningħaqad ma’ ruħ, imma fejn hemm is-suppervja, Jiena ma nkunx hemm.

X’ħin ġejt f’tiegħi, qgħadt naħseb f’qalbi fuq dak li kien ġara u raddejt ħajr lil Alla għal imħabbtu u għall-ħniena li Hu kien wera miegħi.

1564. Ġesu’, aħbini bħalma Inti nħbejt taħt l-ispeċi ta’ Ostja bajda, hekk ukoll aħbini mill-għajnejn tal-bnedmin, u b’mod speċjali aħbi d-doni li Inti tagħtini għax Inti Qalbek tajba. Jalla minn barra ma nittradix dak li Inti qiegħed tagħmel ġewwa ruħi. Jiena ostja bajda quddiemek, O Saċerdot divin. Ikkonsagrani Inti stess, u ħalli t-transustanzazzjoni tiegħi tkun taf biha Inti biss. Kuljum jiena ninstab quddiemek bħala ostja tas-sagrifiċċju u nitlob il-ħniena Tiegħek fuq id-dinja. Fis-skiet, u fil-moħbi, jiena niżżvojta lili nnifsi quddiemek; l-imħabba safja u sħiħa tiegħi qed taqbad, fi skiet profond bħala olokaswtu. U jalla l-fwieħa ta’ mħabbti titla’ sa quddiem it-tron Tiegħek. Inti s-Sid tas-sidien, imma titpaxxa b’erwieħ innoċenti u umli.

1565. X’ħin dħalt fil-kappella għal mument, il-Mulej qalli, Binti, għinni nsalva lil ċertu midneb li jinsab fil-punt tal-mewt. Għid il-kurunella li Jiena għallimtek għalih. X’ħin bdejt ngħid il-kurunella, rajt lil dan ir-raġel qiegħed imut fost turmenti terribbli u taqbid. L-Anġlu Kustodju tiegħu kien qed jiddefendih, imma hu kien bħallikieku bla saħħa kontra l-kobor tal-miżerja tar-ruħ. Għadd kbir ta’ xjaten kienu qegħdin jistennew lir-ruħ. Imma waqt li kont qiegħda ngħid il-kurunella, rajt lil Ġesu’ preċiż kif ġie mpenġi fix-xbieha. Ir-raġġi li ħarġu mill-Qalb ta’ Ġesu’ daru madwar il-marid, u s-setgħat tad-dlam ħarbu f’paniku sħiħ. Il-marid ħa l-aħħar nifs tiegħu fil-paċi. X’ħin ġejt f’tiegħi, jiena fhimt kemm hi importanti l-kurunella għall-moribondi. Hija ttaffi l-korla ta’ Alla.

1566. X’ħin kont qiegħda nitlob maħfra lill-Mulej Ġesu’ għal ċerta azzjoni tiegħi li iktar tard saret imperfetta, Ġesu’ kkalmani b’dan il-kliem: Binti, Jiena nippremjak għas-safa tal-intenzjoni li inti kellek filwaqt meta inti għamilt l-azzjoni. Qalbi ferħet li inti kont qiegħda taħseb f’imħabbti meta inti għamilt l-azzjoni, u dan għamiltu b’mod hekk ċar; u issa wkoll inti għadek tikseb il-ġid minn din il-ħaġa jiġifieri, mill-umiljazzjoni. Iva, binti, irridek dejjem ikollok safa hekk kbira fl-intenzjoni tiegħek sa fl-iċken ħaġa li inti tagħmel.

1567. Kif qbadt il-pinna f’idi, indirizzajt talba qasira lill-Ispirtu s-Santu u għidt, “Ġesu’, bierek din il-pinna sabiex dak kollu li Inti qed tikkmandani nikteb iservi għall-glorja ta’ Alla.” Imbagħad smajt vuċi: Iva, Jiena nberikha, għax din il-kitba għandha s-siġill tal-ubbidjenza lejn is-superjur u l-konfessur tiegħek, u b’dak l-istess fatt Jiena diġa’ qed ningħata glorja, u ħafna erwieħ għad jiksbu ġid spiritwali minnha. Binti, Jiena qed nordnalek li inti tiddedika l-ħin liberu kollu tiegħek sabiex inti tikteb fuq it-tjubija u l-ħniena Tiegħi. Dan huwa l-impenn u x-xogħol tiegħek matul ħajtek kollha sabiex inti tgħarraf lill-erwieħ bil-ħniena kbira Tiegħi għalihom, u sabiex inti tħeġġiġhom biex ikollhom fiduċja fil-ħniena Tiegħi bla tarf.

1568. O Ġesu’ tiegħi, jiena nemmen fi kliemek u ma baqagħlix l-ebda dubju dwar dan għax waqt konverżazzjoni mal-Madre Superjura (Irene), hija qaltli nikteb iktar dwar il-ħniena Tiegħek. Din il-ħaġa taqbel ħafna mat-talba Tiegħek. O Ġesu’ tiegħi, jiena issa qiegħda nifhem li jekk Inti titlob xi ħaġa minn ruħ, Inti wkoll tnebbaħ is-superjuri sabiex huma jħalluna nwettqu dak li Inti tkun trid, għalkemm xi kultant jiġri li ma nirċevux il-permess mill-ewwel, u l-paċenzja tagħna ta’ spiss tiġi ppruvata . . .

1569. + O Mħabba li qatt ma tispiċċa, Ġesu’, li ngħalaqt ġewwa Ostja
U li hemmhekk Inti taħbi d-divinita’ u s-sbuħija Tiegħek,
Int dan tagħmlu sabiex tagħti lilek innifsek, kollok kemm Int lil ruħi
U sabiex Inti ma tbeżżgħhiex bil-kobor tiegħek.

O Mħabba li ma tispiċċa qatt, Ġesu’, li ħbejt lilek innifsek taħt sura ta’ ħobż,
Dawl Etern, Għajn li ħadd ma jista’ jifhimha ta’ ferħ u hena,
Għax Inti trid tkun għalija l-ġenna fuq l-art;
Inti verament dan, meta mħabbtek, O Alla, tagħti lilha nnifsha lili.

1570. O Alla verament Ħanin, Tjubija nfinita’, illum l-umanita’ kollha qiegħda ssejjaħ mill-abbiss tal-miżerja tagħha lill-ħniena Tiegħek – lill-kompassjoni Tiegħek, O Alla; u hija tgħajjat bil-vuċi qawwija tal-miżerja tagħha. Alla ħanin, tirrifjutax it-talba tal-eżiljati ta’ din l-art! O Mulej, Tjubija li ħadd ma jifhimha, li Inti konxju mill-miżerja tagħna hekk kif inhi, u taf li bis-saħħa tagħna biss aħna m’aħniex kapaċi nitilgħu ‘l fuq sa għandek, aħna qegħdin nitolbuk; agħmel li l-grazzja Tiegħek tantiċipana u kompli żid il-ħniena Tiegħek fina, sabiex aħna nkunu nistgħu bil-fedelta’ nwettqu r-rieda qaddisa Tiegħek matul ħajjitna kollha u fis-siegħa tal-mewt tagħna. Ħalli s-Setgħa bla tarf tal-ħniena Tiegħek tkun it-tarka tagħna mill-vleġeġ tal-għedewwa tas-salvazzjoni tagħna, sabiex aħna nkunu nistgħu bil-fiduċja, bħala wliedek nistennew l-aħħar miġja Tiegħek – dak il-jum li Inti biss taf meta. Nistennew li niksbu dak kollu li Ġesu’ wegħedna minkejja l-miżerja kollha tagħna. Għax Ġesu’ Hu t-Tama tagħna. Minn ġol-Qalb ħanina Tiegħu, bħal minn rixtellu miftuħ, aħna nibqgħu għaddejjin għall-ġenna.