Djarju ta’ Swor Fawstina – L-1 Pitazz (par.151-160)

L-Ewwel Pitazz – Paragrafi 151-160

gn-22

151. Darba, meta jiena kont fil-kċina flimkien ma’ Swor N, (nota47), hija tilfet il-paċenzja miegħi, u bħala kastig, ordnatli noqgħod bilqiegħda fuq il-mejda filwaqt li hi kompliet taħdem iebes, tnaddaf u togħrok. U filwaqt li kont bilqiegħda hemmhekk, ġew is-sorijiet u stagħġbu mhux ftit meta sabuni bilqiegħda fuq il-mejda, u kull waħda qalet tagħha. Waħda qalet li jiena nħobb niskarta u oħra kkumentat: “Kemm hi eċċentrika!” Dak iż-żmien jiena kont postulanta. Oħrajn qalu: “Din xi kwalita’ ta’ soru ser tkun?” Minkejja dan, jiena ma stajtx ninżel minn hemm għaliex is-soru kienet ordnatli noqgħod bilqiegħda hemm b’ubbidjenza (nota48) sakemm hija tgħidli ninżel. Verament, Alla biss jaf kemm kelli nagħmel atti ta’ ċaħda tiegħi nnifsi. Ħsibt li kont ser immut bil-mistħija. Alla kien ta’ spiss jippermetti affarijiet bħal dawn minħabba l-formazzjoni interna tiegħi, imma kien ipattili għal din l-umiljazzjoni b’konsolazzjoni kbira. Waqt il-Barka jiena rajtu fis-sbuħija kbira Tiegħu. Ġesu’ ħares lejja bil-ħlewwa u qalli: Binti, tibżax mit-tbatijiet; Jiena qiegħed miegħek.

152. Darba, jiena kont ta’ billejl, (nota49), u kont qiegħda nbati ħafna fl-ispirtu minħabba l-pittura tax-xbieha, u ma kontx naf lejn min ser nirrikorri għax kienu l-ħin kollu jippruvaw jikkonvinċuni li kienet kollha kemm hi illużjoni. Mill-banda l-oħra, saċerdot qalli li Alla forsi ried li jkun meqjum permezz ta’ din ix-xbieha u għalhekk jiena kelli nipprova sabiex din ix-xbieha tiġi mpittra. Sadattant, ruħi kienet qiegħda ssir għajjiena ħafna. Meta dħalt fil-kappella ż-żgħira, poġġejt rasi qrib it-tabernaklu, ħabbatt u għidt: “Ġesu’, ara kemm qiegħda jkolli diffikultajiet kbar minħabba l-pittura ta’din ix-xbieha.” U smajt vuċi minn ġot-tabernaklu: Binti, it-tbatijiet tiegħek m’humiex ser idumu ħafna iktar.

153. Ġurnata minnhom, jiena rajt żewġ toroq. Waħda kienet wiesgħa, miksija ramel u fjuri, mimlija ferħ, mużika u kull xorta ta’ pjaċiri. Kien hemm in-nies mexjin fiha, jiżfnu u jieħdu gost. Huma waslu fit-tarf tagħha mingħajr ma lanqas biss indunaw. U fit-tarf ta’ din it-triq kien hemm preċipizzju tal-biża’, jiġifieri, l-abbiss tal-infern. L-erwieħ kienu neżlin fih bl-għama; filli mexjin, filli waqgħu ġo fih. U kienu hekk numerużi li kien impossibbli tgħoddhom. U rajt it-triq l-oħra, jew aħjar insejħilha mogħdija, għax kienet dejqa u mimlija xewk u blat; u n-nies li kienu mexjin fiha kellhom id-dmugħ f’għajnejhom, u kienu għaddejjin minn kull xorta ta’ tbatija. Xi wħud tfixklu u waqgħu fuq il-blat, imma reġgħu qamu minnufih fuq saqajhom u komplew mexjin. Fit-tarf tat-triq kien hemm ġnien meraviljuż mimli b’kull xorta ta’ hena, u l-erwieħ kollha daħlu hemm. Mill-ewwel waqt huma nsew it-tbatijiet kollha tagħhom.

154. Darba, meta kien hemm adorazzjoni fil-kunvent tas-Sorijiet tas-Sagra Familja, (nota50) jiena mort hemmhekk filgħaxija ma’ waħda mis-sorijiet tagħna. Malli dħalt fil-kappella, il-preżenza ta’ Alla mliet ruħi. Jiena tlabt bħalma nitlob f’xi żminijiet, mingħajr ma nlissen lanqas kelma waħda. F’daqqa waħda, rajt il-Mulej, li qalli: Kun af li jekk inti ma tagħtix kas l-affari tal-pittura tax-xbieha u x-xogħol kollu tal-ħniena, int ikollok twieġeb għal għadd kbir ta’ erwieħ f’jum il-ġudizzju. Wara dan il-kliem tal-Mulej Ġesu’, ruħi mtliet b’ċerta biża’, u qabadni paniku. Nipprova kemm nipprova, ma stajtx nikkalma. Dan il-kliem bqajt nisimgħu. Mela mhux ser ikolli nwieġeb għalija nnifsi biss f’jum il-ġudizzju, imma wkoll għall-erwieħ tal-oħrajn. Dan il-kliem niżel fil-fond ta’qalbi. Meta mort lura d-dar, mort quddiem iċ-ċkejken Ġesu’, (nota51) inżilt wiċċi fl-art quddiem is-Sagrament Imqaddes u għidt lill-Mulej: “Jiena sejra nagħmel dak kollu li jiddependi minni, imma qiegħda nitolbok tkun dejjem miegħi u tagħtini s-saħħa biex nagħmel ir-rieda qaddisa Tiegħek; għax Inti tista’ tagħmel kollox, filwaqt li jiena waħdi ma nista’ nagħmel xejn.”

155. + Ġrali kemm –il darba issa li jiena minnufih inħoss ġewwa ruħi meta xi ħadd ikun qiegħed jitlob għalija; u bl-istess mod inħoss ukoll ġewwa ruħi meta xi ruħ tkun qiegħda tfittixni għat-talb, ukoll jekk ma jkellmunix dwar dan. Is-sensazzjoni hija waħda ta’ ċertu nkwiet, bħallikieku xi ħadd qiegħed isejjaħli; u meta nitlob, ikolli l-paċi.

156. + Darba, xtaqt ħafna li nitqarben, imma kelli ċertu dubju, u ma tlajtx nitqarben. Batejt ħafna minħabba din il-ħaġa. Dehrli li qalbi kienet ser tinqasam bl-uġigħ. Meta bdejt nagħmel ix-xogħol tiegħi, qalbi kienet mimlija bl-imrar. Rajt lil Ġesu’ f’daqqa waħda bil-wieqfa maġenbi u qalli: Binti, tħallix barra t-tqarbin jekk int ma tkunx ċerta li l-waqgħa tiegħek kienet waħda serja; minbarra din il-ħaġa, l-ebda dubju m’għandu jwaqqfek milli tingħaqad Miegħi fil-misteru ta’ mħabbti. Id-difetti żgħar tiegħek jisparixxu f’imħabbti bħal biċċa tiben mitfugħa f’forn kbir. Kun af li ssewwidli Qalbi ħafna meta inti ma tirċevinix fit-Tqarbin.

157. + Filgħaxija meta dħalt fil-kappella ż-żgħira, smajt dan il-kliem ġewwa ruħi: Binti, aħseb f’dan il-kliem: U meta kien fl-agunija, Huwa talab aktar bil-qalb. Meta jiena bdejt naħseb fuqhom iktar, beda dieħel ħafna dawl ġewwa ruħi. Jiena tgħallimt kemm aħna għandna bżonn perseveranza fit-talb u li s-salvazzjoni tagħna spiss tiddependi minn talb diffiċli bħal dan.

158. + Meta kont Kiekrz (1930) minflok waħda mis-sorijiet (nota52) għal ftit żmien, jiena qsamt il-ġnien darba wara nofsinhar u waqaft fuq ix-xatt tal-għadira, domt hemm għal żmien twil, nikkontempla x-xena madwari. F’daqqa waħda, rajt il-Mulej Ġesu’ maġenbi, u qalli dan il-kliem bil-ġentilezza: Dan kollu Jiena ħlaqtu għalik, għarusa Tiegħi; u kun af li din is-sbuħija kollha m’hi xejn meta tqabbilha ma’ dak li Jiena ħejjejt għalik għall-eternita’. Ruħi kienet għal kollox mimlija b’konsolazzjoni bħal din u jiena bqajt hemmhekk sa filgħaxija, u deherli daqslikieku kien mument wieħed qasir. Dik kienet il-ġurnata libera tiegħi, li kont ħallejt għal irtir ta’ ġurnata, (nota53) għalhekk stajt inkun libera li niddedika ruħi għat-talb. O kif Alla tjubija bla qies jiġri warajna bit-tjieba Tiegħu! Spiss jiġri li l-Mulej jikkonċedili l-ikbar grazzji meta ma nkunx qiegħda qatt nistenniehom.

159. + Ostja Mqaddsa, magħluqa fil-pissidi tad-deheb għalija,
Sabiex fid-deżert immens tal-eżilju
Jiena nkun nista’ nibqa’ għaddejja – safja, bla ebda tebgħa;
Agħmel li, permezz tal-qawwa ta’ Mħabbtek, dan jista’ jseħħ.

Ostja Mqaddsa, ejja għammar ġewwa ruħi,
Inti, l-imħabba l-iktar safja tal-qalb tiegħi!
Bid-dija Tiegħek keċċi d-dlamijiet.
Iċċaħħadx il-qalb umli mill-grazzja Tiegħek.

Ostja Mqaddsa, is-seħer tal-ġenna kollha,
Għalkemm is-sbuħija Tiegħek tinsab mgħottija
U maqbuda ġewwa farka ħobż,
Fidi soda taf tneħħi dak il-velu min-nofs.

160. Il-ġurnata tal-kruċjata, (nota54) li tiġi fil-ħamsa tax-xahar, ħabtet fl-ewwel Ġimgħa tax-xahar. Dan kien il-jum meta jiena kelli nishar quddiem il-Mulej Ġesu’ għall-offiżi kollha u għall-atti ta’ nuqqas ta’ rispett u li nitlob li, f’dan il-jum, ma jsir l-ebda sagrileġġ. F’dan il-jum, l-ispirtu tiegħi kien qiegħed jaqbad bin-nar ta’ mħabba speċjali fl-Ewkaristija. Qisni kont mibdula f’nar iħeġġeġ. Meta kont ser nitqarben, Ostja oħra waqgħet fil-komma tas-saċerdot, u jiena ma kontx naf liema Ostja kelli nirċievi. Wara li qgħadt naħsibha għal mument, is-saċerdot għamel ġest b’idu b’nuqqas ta’ paċenzja biex jgħidli li kelli nirċievi l-Ostja. Meta jiena ħadt l-Ostja li huwa tani, l-oħra waqgħet f’idejja. Is-saċerdot mexa mal-grada tal-altar sabiex ikompli jqarben, u jiena żammejt il-Mulej Ġesu’ f’idejja il-ħin kollu. Meta reġa’ ġie lejja għal darb’oħra, jien għollejt l-Ostja sabiex hu jkun jista’ jaraha u jpoġġiha lura fil-pissidi, għax meta qabel kont irċevejt lil Ġesu’, jiena ma stajtx nitkellem qabel ma kkonsmajt l-Ostja, u għalhekk ma stajtx ngħidlu li kienet waqgħet l-Ostja l-oħra. Imma waqt li jiena kont qiegħda inżomm l-Ostja f’idejja, ħassejt tant qawwa ta’ mħabba li għall-bqija tal-ġurnata la stajt niekol u lanqas niġi f’sensija. Jien smajt dan il-kliem ġej mill-Ostja: Jiena xtaqt nistrieħ f’idejk, mhux f’qalbek biss. U f’dak il-mument rajt liċ-ċkejken Ġesu’. Imma meta resaq lejja s-saċerdot, jien rġajt rajt biss l-Ostja.