Djarju ta’ Swor Fawstina – It-2 Pitazz (par.571-580)

It-Tieni Pitazz – Paragrafi 571-580

18835479_735506033302988_1019140471_n

571. O Ġesu’ tiegħi, Verita’ Eterna, jiena ma nibża’ minn xejn, la tbatijiet lanqas s-sofferenzi; nibża’ biss minn ħaġa waħda, u din hi li noffendik. Ġesu’ tiegħi, nippreferi ma neżistix milli nsewwidlek Qalbek. Ġesu’, Int taf li mħabbti ma taf lil ħadd ħliefek. Ruħi mitlufa fik.

572. O, kemm għandha tkun kbira l-ħeġġa ta’ kull ruħ li għad tgħix f’dak il-kunvent, ladarba Alla jixtieq jiġi u jgħix magħna! Kulħadd għandu jiftakar li, jekk aħna reliġjużi ma nagħmlux talb ta’ interċessjoni quddiem Alla, min ser jagħmlu dan? Kull waħda minna għandha taqbad bħal sagrifiċċju safi quddiem Alla, imma biex hija togħġob lil Alla, kull waħda għandha tingħaqad mill-qrib ma’ Ġesu’. Huwa biss flimkien miegħu, fih u permezz tiegħu li aħna nistgħu nogħġbu lil Alla.

573. 21 ta’ Diċembru 1935. Darba l-konfessur tiegħi (Dun Sopocko) qalli mmur u nara ċerta dar sabiex nara jekk kenitx l-istess dar li jiena kont rajt fid-dehra li kelli. Meta mort mal-konfessur tiegħi sabiex nara dik id-dar, jew aħjar dawk ir-rovini, mill-ewwel indunajt li kienu l-istess li kont rajt fid-dehra li kelli. Malli missejt l-injam li kien imsammar flimkien minlok il-bibien, ċerta saħħa mlietli ruħi f’daqqa waħda, u tatni ċertezza sħiħa. Jiena tlaqt minn dak il-post malajr, qalbi mimlija bil-ferħ, għax deherli li kien hemm ċerta qawwa qiegħda żommni marbuta ma’ dak il-post.

Inħossni verament ferħana meta nara li kollox jaqbel perfettament ma’ dak li jiena kont rajt fid-dehra. Meta l-konfessur kellimni dwar l-arranġament taċ-ċelel u affarijiet oħrajn, jiena ndunajt li kollox kien l-istess bħalma kien qalli Ġesu’. Jiena qiegħda nifraħ li Alla qiegħed jaħdem b’dan il-mod permezz tal-konfessur tiegħi, imma mhix sorpriża għalija li Alla qiegħed jagħtih daqashekk dawl; għax Alla, li Hu stess Dawl, jgħix f’qalb li hi safja u umli, u t-tbatijiet u l-kuntrarju kollha jservu biss biex juru l-qdusija tar-ruħ. Meta rġajt lura d-dar, mort l-ewwel fil-kappella tagħna sabiex nistrieħ għal ftit. Imbagħad f’daqqa waħda smajt dan il-kliem ġewwa ruħi: Tibża’ minn xejn. Jiena qiegħed miegħek. Dawn l-affarijiet qegħdin f’idejja u Jiena ser inwassalhom għat-twettiq tagħhom skont il-ħniena Tiegħi, għax xejn ma jista’ jmur kontra r-rieda Tiegħi.

Lejliet il-Milied, 1935

574. Minn kmieni filgħodu, l-ispirtu tiegħi mitluf f’Alla. Il-preżenza Tiegħu mlietli l-esseri kollu tiegħi. Filgħaxija, qabel l-ikel, jiena mort fil-kappella għal waqt wieħed sabiex naqsam il-wejfer, f’riġlejn Ġesu’, ma’ dawk li jinsabu mbegħdin u li Ġesu’ jħobbhom ħafna u li magħhom jiena tant midjuna. Malli kont qiegħda naqsam spirtwalment il-wejfer (nota122a) flimkien ma’ persuna (probabilment Dun Sopocko), jiena smajt dan il-kliem ġewwa fija; Il-qalb tiegħu hija Għalija ġenna fl-art. X’ħin ġejt biex noħroġ mill-kappella, f’daqqa waħda, is-setgħa bla tarf ta’ Alla, daret madwari. Jiena fhimt kemm hi kbira l-imħabba ta’ Alla għalina. O, li kieku n-nies kienu jistgħu, għallinqas għal ftit, jifhmu din il-ħaġa!

Jum il-Milied

575. Il-Quddiesa ta’ Nofs il-lejl. Waqt il-Quddiesa, jiena rġajt rajt liċ-ċkejken Bambin Ġesu’, sabiħ għall-aħħar, ferħan joħroġ l-idejn ċkejknin Tiegħu lejja. Wara t-Tqarbin, jiena smajt il-kliem: Jiena ninsab dejjem ġewwa qalbek; mhux biss meta inti tirċevini fit-Tqarbin Mqaddes, imma dejjem. Jiena għaddejt dawn il-ġranet qaddisa mimlija ferħ kbir.

576. O Santissma Trinita’, Alla etern, l-ispirtu tiegħi jintilef fis-sbuħija Tiegħek. Iż-żminijiet kollha m’huma xejn f’għajnejk. Inti dejjem l-istess. O, kemm hi kbira l-majesta’ Tiegħek Ġesu’. Għaliex Inti taħbi l-majesta’ Tiegħek, għaliex ħallejt it-tron Tiegħek fis-sema u ġejt tgħammar fostna? Il-Mulej weġibni: Binti, l-imħabba ġabitni hawn, u l-imħabba qiegħda żżommni hawn. Binti li kieku kont taf x’mertu u premju kbir jintrebaħ permezz ta’ att wieħed ta’ mħabba safja għalija, inti kont tmut bil-ferħ. Dan qiegħed ngħidu sabiex inti l-ħin kollu tingħaqad Miegħi permezz tal-imħabba, għax dan hu l-iskop tal-ħajja tar-ruħ tiegħek. Dan l-att hu att tar-rieda. Kun af li ruħ safja hi umli. Meta inti titbaxxa u tiżvojta ruħek quddiem il-majesta’ Tiegħi, Jiena mbagħad niġri warajk bil-grazzji Tiegħi u nuża s-setgħa bla tarf Tiegħi sabiex ngħollik.

577. Darba, meta l-konfessur tiegħi qalli ngħid, “Glorja lill-Missier” bħala penitenza tiegħi, ħaditli żmien twil ħafna; u kelli nibdiha ħafna drabi, imma ma spiċċajthiex, għax l-ispirtu tiegħi kien jingħaqad ma’ Alla, u ma stajtx inkompli t-talba. Jiġrili, ta’ spiss mhux ħażin, li, mingħajr ma nkun naf kif, iddur madwari s-setgħa bla tarf ta’ Alla u jiena nogħdos ġo fiha b’qalbi kollha permezz tal-imħabba, u mbagħad ma nkunx naf x’qed jiġri madwari.

Meta għidt lill-konfessur tiegħi li din t-talba qasira spiss teħodli ħafna mill-ħin tiegħi u li xi drabi lanqas inkun nista’ nispiċċaha, huwa qalli ngħidha dak il-ħin stess, hemmhekk, fil-konfessinarju. L-ispirtu tiegħi, iżda ntilef f’Alla, u minkejja l-isforzi tiegħi, ma stajtx naħseb bħalma xtaqt. U allura l-konfessur qalli, “Jekk jogħġbok, irrepeti warajja.” Jiena rrepetejt kull kelma, imma filwaqt li kont qiegħda ngħid kull kelma, l-ispirtu tiegħi kien jintilef fil-Persuna li kont qiegħda nsemmi.

578. Darba, Ġesu’ qalli, dwar ċertu saċerdot (probabilment Dun Sopocko), li dawn is-snin ta’ issa ser ikunu l-isbaħ tiżjin tal-ħajja saċerdotali tiegħu. Il-jiem tat-tbatija dejjem jidhru itwal, imma huma wkoll jgħaddu, għalkemm jgħaddu hekk bil-mod li donnhom ikunu mexjin lura minflok ‘il quddiem. Iżda t-tmiem tagħhom jinsab fil-qrib, u mbagħad jiġi ferħ bla tmiem li ma nistgħux nimmaġinawh. Eternita! Min jista’ jifhem din il-kelma waħda li tiġi minnek, O Alla li ħadd ma jifhmek, din il-kelma waħda: eternita!

579. Jiena naf li l-grazzji li Alla jagħtini jkunu spiss indirizzati b’mod esklussiv għal ċerti erwieħ. Meta jiena nagħraf dan nimtela b’ferħ kbir, jiena dejjem nifraħ bil-ġid ta’ erwieħ oħrajn bħallikieku kien tiegħi.

580. F’okkażjoni partikolari, il-Mulej qalli, Iktar iferuni fil-fond l-imperfezzjonijiet żgħar tal-erwieħ magħżulin milli d-dnubiet ta’ dawk li jgħixu fid-dinja. Jiena ħassejtni qalbi sewda ħafna li l-erwieħ magħżulin iġiegħlu lil Ġesu’ jbati, u Ġesu’ qalli, Dawn l-imperfezzjonijiet żgħar mhumiex kollox. Nirrivelalek sigriet ta’ Qalbi: dak li jġegħluni nbati l-erwieħ magħżulin. L-ingratitudni bħala tpattija għal tant grazzji hi l-ikel ta’ kuljum għal Qalbi, mingħand ruħ magħżula (bħal din). L-imħabba tagħhom hija fjakka, u Qalbi din il-ħaġa ma tiflaħiex: dawn l-erwieħ jġegħluni ndawwar wiċċi minnhom. Oħrajn ma jafdawx fit-tjubija Tiegħi u m’għandhom l-ebda xewqa li jkollhom l-esperjenza ta’ dik l-intimita’ ħelwa ġewwa l-qalb tagħhom stess, imma jitilqu jfittxuni, fil-bogħod, u ma jsibunix. Dan in-nuqqas ta’ fiduċja Fija lili jweġġgħani ħafna. Jekk il-mewt Tiegħi ma pperswaditkomx bi mħabbti, x’ser jipperswadikom? Ta’ spiss ikun hemm xi ruħ li tferini għall-mewt, u mbagħad ħadd ma jkun jista’ jfarraġni. Huma jużaw il-grazzji Tiegħi sabiex joffenduni. Hemm erwieħ li ma jaħmlux il-grazzji Tiegħi kif ukoll il-provi kollha ta’ mħabbti. Ma jixtiequx jisimgħu s-sejħa Tiegħi, imma jkomplu sejrin għal ġol-abbiss tal-infern. It-telfien ta’ dawn l-erwieħ iwaddabni f’dieqa tal-mewt. Għalkemm Jiena Alla, ma nistax ngħin lil ruħ bħal din għax hi ma tridx taf bija; hi li għandha rieda ħielsa, hi tista’ ddawwar wiċċha minni jew tħobbni. Inti, li xxerred il-ħniena Tiegħi, għid lid-dinja kollha bit-tjubija Tiegħi, u b’dan il-mod inti tfarraġ lil Qalbi.