Djarju ta’ Swor Fawstina – It-2 Pitazz (par.871-880)

It-Tieni Pitazz – Paragrafi 871-880

19197586_742591689261089_186924537_o

871. + Mgħallem tiegħi, agħmel li qalbi qatt ma tistenna għajnuna mingħand ħadd, imma jiena dejjem nibqa’ nipprova nwassal għajnuna, konsolazzjoni u kull tip ta’ sokkors lill-oħrajn. Qalbi dejjem miftuħa għat-tbatijiet tal-oħrajn; u jiena minix sejra nagħlaq qalbi għat-tbatijiet tal-oħrajn għalkemm minħabba din il-ħaġa biex jgħadduni biż-żmien qalgħuli l-laqam “miżbla”, (għax) kulħadd iwaddab l-uġigħ tiegħu ġewwa qalbi u jiena, imbagħad għandi post fil-Qalb ta’ Ġesu’. Kummenti dwar il-liġi tal-imħabba mhumiex ser jagħmluli qalbi iżgħar. Ruħi dejjem sensittiva dwar din il-ħaġa u Ġesu’ waħdu hu l-għan għall-imħabba tiegħi tal-proxxmu.

872. 7 ta’ Jannar. Waqt is-Siegħa Adorazzjoni, il-Mulej ippermettieli nduq il-Passjoni Tiegħu. Qsamt miegħu fl-imrar tat-tbatija li mlietlu ruħu sakemm faret. Ġesu’ tani x’nifhem kif ir-ruħ għandha tkun fidila lejn it-talb minkejja turmenti, nixfa u tentazzjonijiet; għax ħafna drabi t-twettiq tal-pjanijiet kbar ta’ Alla jiddependi l-aktar fuq talb bħal dan. Jekk ma nipperseverawx f’talb bħal dan, infixklu dak li l-Mulej ried jagħmel permezz tagħna jew ġewwa fina. Kull ruħ għandha tiftakar f’dan il-kliem: “U meta kien imdejjaq għall-mewt, Huwa talab iktar fit-tul.” Jiena dejjem intawwal talb bħal dan daqskemm inkun nista’ u daqskemm ikun jaqbel mad-dmir tiegħi mingħajr ma jfixklu.

873. 8 ta’ Jannar, Il-Ġimgħa filgħodu, waqt li kont sejra fil-kappella nisma’ l-Quddiesa, f’daqqa waħda rajt siġra kbira ħafna tal-ġnibru fuq il-bankina u fiha kien hemm qattus tal-biża’ li filwaqt li ħares biċ-ċiera lejja ma ħallinix ngħaddi għall-kappella. Meta lissint minn taħt l-ilsien l-isem ta’ Ġesu’ spiċċa dan kollu. Jiena offrejt il-jum kollu għall-midinbin li kienu qegħdin imutu. Waqt il-Quddiesa ħassejt lill-Mulej fil-qrib b’mod speċjali. Wara t-Tqarbin, dawwart ħarist lejn il-Mulej bil-fiduċja u għidtlu, “ Ġesu’, nixtieq ħafna ngħidlek xi ħaġa.” U l-Mulej ħares lejja bi mħabba u qalli, U x’inhi din il-ħaġa li Inti tixtieq tgħidli?

“Ġesu’, qiegħda nitolbok, bil-qawwa tal-ħniena Tiegħek li ħadd ma jista’ jimmaġinaha, li l-erwieħ kollha li ser imutu llum jeħilsu min-nar tal-infern, ukoll jekk kienu midinbin kbar. Illum il-jum tal-Ġimgħa, it-tifkira tal-agunija kiefra Tiegħek fuq is-Salib; għax il-ħniena Tiegħek ħadd ma jista’ jimmaġinaha, l-Anġli ma jibqgħux mistagħġbin b’din il-ħaġa.” Ġesu’ għafasni ma’ Qalbu u qalli, Binti l-għażiża, inti sirt taf sewwa l-fond tal-ħniena Tiegħi. Jiena ser nagħmel dak li inti qiegħda titlob, imma inti ngħaqad il-ħin kollu mal-Qalb agonizzanti Tiegħi u agħmel riparazzjoni lill-ġustizzja Tiegħi. Kun af li inti tlabtni ħaġa kbira, imma Jiena nista’ nara li inti dan għamiltu għax tħobbni bi mħabba safja; għalhekk Jiena qed nagħtik dak li Inti tlabtni.

874. Marija, Verġni Immakulata, ħudni taħt il-ħarsien speċjali tiegħek u ħares is-safa ta’ ruħi, qalbi u ġismi. Int il-mudell u l-kewkba ta’ ħajti.

875. Illum għaddejt minn tbatija kbira waqt iż-żjara tas-sorijiet tagħna. Sirt naf b’xi ħaġa li weġġgħatni ħafna, imma kkontrollajt lili nnifsi sabiex is-sorijiet ma jindunaw b’xejn. Għal xi ħin, l-uġigħ kien qiegħed itertaqli qalbi, imma dan kollu qed iseħħ minħabba l-imsejkna midinbin . . . O Ġesu’, għall-imskejkna midinbin . . . Ġesu’, saħħa tiegħi, oqgħod qrib tiegħi, għinni . . .

876. 10 ta’ Jannar 1937. Illum jiena tlabt lill-Mulej jagħtini s-saħħa filgħodu sabiex inkun nista’ mmur nitqarben. Mgħallem tiegħi, qiegħda nitolbok bil-qalb għatxana tiegħi li Inti tagħtini, jekk dan hu skont ir-rieda qaddisa Tiegħek, kwalunkwe tbatija u dgħjufija li Inti jogħġbok tagħtini – jiena rrid inbati l-ħin kollu lejl u nhar – imma jekk jogħġbok, qiegħda nitolbok bil-ħerqa, agħtini s-saħħa għal mument wieħed meta jiena nkun nista’ nitqarben. Inti tista’ tara sewwa, Ġesu’, li hawnhekk ma jiġux iqarbnuhom lill-morda; għalhekk, jekk Inti ma tagħtinix is-saħħa għal dak il-waqt meta jiena nkun nista’ ninżel sal-kappella, kif nista’ nirċevik fil-Misteru tal-Imħabba? U inti taf kemm tixxennaq għalik qalbi. O Għarus ħelu tiegħi, x’jiswew dawn ir-raġunamenti kollha? Inti taf b’liema ħerqa jiena nixtieqek, u jekk Int tagħżel hekk tista’ tagħmel dan għalija.

L-għada filgħodu, ħassejtni bħallikieku f’saħħti għal kollox; l-isturdamenti u nuqqas ta’ saħħa għebu. Imma malli rġajt lura mill-kappella, it-tbatijiet u d-dgħjufija kollha ġew lura fil-pront. Qishom kienu qegħdin jistennewni. Imma ma bżajt minnhom xejn, għax kien qiegħed imantini l-Ħobż tal-Qawwijin. Nista’ nħares lejn kollox bil-kuraġġ; l-istess mewt nista’ nħares lejha wiċċ imb’wiċċ.

877. + O Ġesu’ moħbi fl-Ostja, Mgħallem ħelu u Ħabib fidil, kemm hi xortiha tajba ruħi li għandha Ħabib bħal dan li dejjem iżommli kumpanija. Ma nħossnix waħdi għalkemm ninsab iżolata. Ġesu’ – Ostja, aħna nafu lil xulxin – dan hu biżżejjed għalija.

878. 12 ta’ Jannar 1937. Illum meta ġie jarani t-tabib (Adam Silberg) li kien imissu jdur il-morda, hu deher mhux sodisfatt bid-dehra tiegħi. Naturalment, jiena kont qiegħda nbati iżjed, u għalhekk id-deni kien tela’ mhux ħażin. B’riżultat ta’ dan, hu ddeċieda li ma kellix ninżel għat-Tqarbin sakemm id-deni ma jkunx niżel għan-normal. Jiena għidt, “Kollox sew”, għalkemm l-uġigħ kien qiegħed jagħfasli qalbi; imma jiena għidt li mmur biss jekk ma jkollix deni. Hu qabel ma’ dan. X’ħin telaq it-tabib, għidt lill-Mulej; “Ġesu’, issa f’idejk jekk immurx jew le,” u ma rġajtx ħsibt iktar fuq hekk, għalkemm dan il-ħsieb baqa’ jdur ma’ moħħi: m’inix ser ikolli lil Ġesu’- le, din hi ħaġa impossibli – u mhux darba biss iżda għal diversi ġranet, sakemm jinżilli d-deni. Imma filgħaxija, għidt lill-Mulej: “Ġesu’, jekk it-Tqarbin tiegħi jogħġbok, nitolbok bl-umilta’ kollha, agħmel li għada filgħodu lanqas grad wieħed deni ma jkolli.”

Filgħodu, filwaqt li kont qiegħda nipprova għad-deni, bdejt naħseb bejni u bejn ruħi, “Jekk ikolli grad wieħed biss, ma nqumx għax dan ikun kontra l-ubbidjenza.” Imma x’ħin ħarist lejn it-termometru, ma kienx hemm lanqas grad wieħed deni. B’salt wieħed tirt mis-sodda u mort nitqarben. X’ħin ġie t-tabib jiena għidtlu li ma kelli lanqas grad wieħed deni, u għalhekk kont mort nitqarben, baqa’ mistagħġeb. Jiena talbtu ma jagħmilhilix diffiċli li mmur nitqarben, għax dan kien ikollu effett ħażin fuq il-kura li kont qiegħda nagħmel. It-tabib wieġeb, “Għall-paċi fil-kuxjenza u fl-istess ħin biex tevita diffikultajiet għalik innifsek, Sor, ejja nagħmlu dan l-arranġament: meta t-temp ikun sabiħ, u ma tkunx xita, u tħossok tajba, mela Sor, mur jekk jogħġbok hekk; imma dawn l-affarijiet trid tiżinhom fil-kuxjenza tiegħek.” Ħassejtni verament ferħana lit-tabib kien qed jipprova jikkuntentani daqshekk. Tista’ tara, Ġesu’, li jiena l-parti tiegħi diġa’ għamiltha; issa qiegħda niddependi minnek u nħossni fil-paċi.

879. Rajt lil Patri Andrasz filwaqt li kien qed iqaddes illum. Qabel l-Elevazzjoni, rajt lill-Bambin Ġesu’ b’idejh miftuħin, u kien ferħan ħafna; imbagħad, mument wieħed wara, ma rajt xejn iżjed. Kont ninsab fil-kamra tiegħi u komplejt nagħmel ir-ringrazzjament tiegħi. Imma wara, bdejt naħseb bejni u bejn ruħi. “Għaliex kien tant ferħan il-Bambin Ġesu’? Fuq kollox, mhux dejjem ikun daqshekk ferħan meta narah.” Imbagħad smajt dan il-kliem ġewwa fija: Għax inħossni komdu ħafna f’qalbu. U ma stagħġibt xejn b’dan kollu, għax naf li hu jħobb ħafna lil Ġesu’.

880. L-għaqda tiegħi mal-moribondi għadha mill-qrib bħalma dejjem kienet. O kemm ma nistgħux nifhmu l-ħniena ta’ Alla li l-Mulej jippermettili permezz tat-talb indenn tiegħi, immur ngħin lill-moribondi. Nipprova nkun maġenb kull persuna li tkun qiegħda tmut kull ċans li jkolli. Għandu jkollkom fiduċja f’Alla, għax Hu tajjeb u moħħna ma jistax ilaħħaq miegħu. Il-ħniena Tiegħu tisboq il-fehma tagħna.