Djarju ta’ Swor Fawstina – Is-6 Pitazz (par.1741-1750)

Is-Sitt Pitazz – Paragrafi 1741-1750

divinefp-e1498840729967

It-Tjubija Infinita’ ta’ Alla fil-Ħolqien tal-Anġli.

1741. O Alla, li Inti l-hena stess fik innifsek u m’għandekx bżonn ta’ ħlejjaq biex iferrħuk, għax Int minnek stess il-milja tal-imħabba; iżda fil-ħniena Tiegħek bla tarf Inti toħloq il-ħlejjaq u tagħtihom sehem fil-hena etern Tiegħek u f’ħajtek, dik il-ħajja divina li hemm ġewwa fik u li Int tgħix, Alla wieħed fi tliet Persuni. Fil-ħniena Tiegħek bla tarf, Inti ħlaqt spirti anġeliċi u daħħalthom fl-imħabba Tiegħek u fl-intimita’ divina Tiegħek. Inti għamilthom kapaċi li jħobbu għall-eternita’. Għalkemm Int ferrajt fuqhom bl-abbundanza, O Mulej, lanqas ma żidulek xejn l-imħabba u s-sbuħija tagħhom, għax Inti kollox fik innifsek. U jekk Inti ppermettejtilhom li jieħdu sehem fil-hena Tiegħek u jeżistu u jħobbuk, dan biss grazzi għall-abbiss tal-ħniena Tiegħek. Din hi t-tjubija Tiegħek bla tarf, u huma għal dejjem jigglorifkawk minħabba fiha, u jumiljaw ruħhom f’riġlejn il-majesta’ Tiegħek filwaqt li jkantaw l-innu tagħhom għal dejjem: Qaddis, Qaddis, Qaddis . . .

1742. Kun imfaħħar, Alla ħanin, Alla wieħed fis-Santissima Trinita’,
Bla tarf, infinit, li ħadd ma jista’ jifhmek,
Huma jintilfu fik imma xorta waħda moħħhom ma jasalx li jifhmek,
Għalhekk huma jtennu bla heda għal dejjem: Qaddis.

Kun igglorifikat, O Ħallieq ħanin tagħna, O Mulej,
Ta’ Setgħa bla tarf, imma mimli kompassjoni, inkonċepibbli;
Li jiena nħobbok hija l-missjoni tal-eżistenza tagħna,
Filwaqt li nkantawlek għal dejjem: Qaddis . . .

Kun imbierek, Alla ħanin, Imħabba Eterna,
Inti ‘l fuq mis-smewwiet, miż-żaffiri, mill-ogħla.
L-armata ta’ spirti safja tkantalek it-tifħir,
Bl-innu tagħha għal dejjem: Qaddis, Qaddis, Qaddis.

U filwaqt li huma jħarsu lejk wiċċ imb’wiċċ, O Alla,
Jiena nista’ nara li Inti stajt sejjaħt ħlejjaq oħra qabilhom.
Għalhekk huma jumiljaw ruħhom quddiemek b’umilta’ kbira,
Għax jistgħu jaraw sewwa li din il-grazzja ġejja biss mill-ħniena Tiegħek.

Wieħed mill-isbaħ spirti ma riedx jagħraf il-ħniena Tiegħek,
U ġibed lill-oħrajn warajh meta għamietu s-suppervja tiegħu.
Anġlu ta’ sbuħija kbira, huwa sar Satana
U f’daqqa waħda ġie mitfugħ mill-għoli tas-smewwiet għal ġol-infern.

Imbagħad l-ispirti fidili għajtu, “Glorja lill-ħniena ta’ Alla!”
U baqgħu sodi minkejja l-prova tan-nar.
Glorja lil Ġesu’, ‘il Kristu li ċċekken
Glorja lil Ommu, il-Verġni umli u safja.

Wara din il-battalja, l-ispirti safja għoddsu fl-oċejan tad-Divinita’;
Huma kkontemplaw u faħħru l-profondita’ tal-ħniena Tiegħu,
Għerqu fil-ħniena u fid-dawl qawwi Tiegħu,
Għax kellhom l-għarfien tat-Trinita’ tal-Persuni, Alla wieħed.

1743. + It-Tjubija Infinita ta’ Alla meta ħalaq il-bniedem.

Alla, li fil-ħniena Tiegħek toħloq lill-bniedem mix-xejn, Inti ferrajt fuqu bil-ġenerożita’ n-natura u l-grazzja. Imma fit-tjubija infinita Tiegħek din il-ħaġa dehret ftit wisq. Fil-ħniena Tiegħek, O Mulej, Inti tajtna l-ħajja ta’ dejjem. Inti ddaħħalna fil-hena etern Tiegħek u tagħtina sehem fil-ħajja interjuri tiegħek. U dan Inti tagħmlu biss għax Inti ħanin. Inti tagħtina d-don tal-grazzja Tiegħek u dan tagħmlu biss għax Inti twajjeb u mimli mħabba. Inti ma kellekx bżonn bl-ebda mod sabiex tkun hieni, imma Inti, O Mulej, trid taqsam magħna l-hena Tiegħek stess. Imma l-bniedem m’għaddiex mill-prova. Inti stajt ikkastigajtu, bħall-anġli, billi ddawwar wiċċek minnu għal dejjem, imma hawn dehret il-ħniena Tiegħek, u fil-fond Tiegħek qanqlitlek kompassjoni kbira, u Int tajt wegħda li kont se tagħtina s-salvazzjoni. Huwa abbiss tal-kompassjoni Tiegħek li ħadd ma jista’ jifhmu li Inti ma kkastigajtniex bħalma kien jistħoqqlina. Jalla l-ħniena Tiegħek tkun igglorifikata, O Mulej, aħna nibqgħu nfaħħruha għal dejjem ta’ dejjem. U l-anġli stagħġbu bil-kobor tal-ħniena li Inti wrejt mal-bniedem . . .

1744. Jalla tkun adurat, O Alla tagħna ħanin,
O Mulej u Ħallieq li tista’ kollox.
Bl-akbar umilta’ aħna nfaħħruk,
U nintefgħu fl-oċejan tad-divinita’ Tiegħek.

Imma l-bniedem ma pperseverax fis-siegħa tal-prova
Meta waqa’ fil-ħażin, ma baqax fidil lejk.
Hu tilef il-grazzja u d-doni Tiegħek; kien baqagħlu biss il-miżerja,
U dmugħ, tbatija, niket u mrar, sakemm imur jistrieħ fil-qabar.

Imma Int, O Alla ħanin, ma ħallejtx lill-umanita’ tinqered,
U tajtha l-wegħda ta’ Feddej.
Ma ħallejtniex naqgħu fid-disperazzjoni, minkejja l-offiżi gravi tagħna,
U Inti bgħatt il-profeti Tiegħek lil Iżrael.

Xorta waħda, lejl u nhar, l-umanita’ baqgħet tgħajjatlek,
Mill-abbiss tal-miżerja, tad-dnub u l-uġigħ kollu.
Isma’ l-krib u d-dmugħ, Inti li ssaltan fis-sema,
Alla ta’ ħniena kbira, Alla ta’ kompassjoni.

Il-bniedem żbalja, imma ma jistax jitlob maħfra,
Għax firda kbira dehret bejn Alla u l-bniedem.
Bil-vuċi tal-miżerja tiegħu, huwa jgħajjat, “Ħniena!”
Imma Jahwe jibqa’ sieket . . . u seklu wara jibqa’ għaddej.

Imma x-xenqa tal-umanita’ kollha tibqa’ tikber.
Xenqa għal Dak li ġie mwiegħed.
Ejja, Ħaruf ta’ Alla, neħħi d-dnubiet koroh tagħna,
Ejja, dawwal id-dlamijiet tagħna bħal raġġ dawl.

L-umanita’ tibqa’ ssejjaħlek bla heda, O Sid tas-sidien,
Issejjaħ lill-ħniena Tiegħek bla tarf, il-kompassjoni Tiegħek.
O Jahwe kbir, agħmel li aħna nagħmlu tpattija għal dnubietna.
Ftakar fit-tjubija Tiegħek, u aħfrilna.

It-Tjubija Infinita ta’ Alla meta bagħatilna lil Ibnu l-Waħdieni.

1745. Alla, Inti lill-bniedem ma qridtux wara li waqa’, imma fil-ħniena Tiegħek Inti ħfirtlu, Int ħfirt b’mod divin; jiġifieri, Inti mhux biss tajtu l-assoluzzjoni mill-ħtija, imma tajtu kull grazzja. Il-ħniena qanqlitek sabiex Inti jogħġbok tinżel fostna u terfgħana mill-miżerja tagħna. Alla ser jinżel fid-dinja; is-Sid tas-sidien immortali ser jiċċekken. Imma fejn ser tinżel, Mulej; sat-tempju ta’ Salamun? Jew ser ikollok tabernaklu ġdid mibni għalik? Fejn għandek intenzjoni li tinżel? O Mulej, x’tip ta’ tabernaklu nistgħu nħejjulek, ladarba l-art kollha hija l-banketta fejn Inti tpoġġi riġlejk?

Inti fil-fatt ħejjejt bħal tabernaklu għalik: il-Verġni Mbierka. Il-Ġuf Immakulat tagħha hu l-għamara Tiegħek, u jseħħ il-miraklu tal-ħniena Tiegħek li ħadd ma jista’ jifhmu, O Mulej. Il-Verb jinkarna; Alla jgħix fostna, il-Verb ta’ Alla, Ħniena Inkarnata. Meta Inti nżilt fostna, Inti għollejtna sad-divinita’ Tiegħek. Dawn huma l-eċċessi ta’ mħabbtek, l-abbiss tal-ħniena Tiegħek. Il-ġenna tistagħġeb bl-abbundanza bla tarf ta’ mħabbtek. Ħadd ma jibża’ jersaq lejk issa. Inti Alla tal-ħniena. Int turi kompassjoni mal-miżerja. Inti Alla tagħna, u aħna l-poplu Tiegħek. Inti Missierna, u aħna wliedek permezz tal-grazzja. Tkun imfaħħra l-ħniena Tiegħek, li Inti għoġbok tinżel fostna.

1746. Tkun adurat, O Alla tal-Ħniena,
Għax Int għoġbok tinżel mis-sema sal-art.
Bl-akbar umilta’ aħna nadurawk
Għax Inti ridt tgħolli l-umanita’ kollha.

Ħadd ma jista’ jifhem il-ħniena Tiegħek bla tarf,
Għax tħobbna Inti ħadt il-ġisem
Mill-Verġni Immakulata, qatt mittiefsa mid-dnub,
Għax hekk Inti ridt sa minn dejjem.

Il-Verġni Mbierka, dik il-Ġilju abjad silġ,
Hi l-ewwel waħda li faħħret is-Setgħa bla tarf tal-ħniena Tiegħek.
Il-qalb safja tagħha tinfetaħ bl-imħabba għall-miġja tal-Verb;
Hija temmen il-kliem tal-messaġġier ta’ Alla u tiġi kkonfermata fil-fiduċja tagħha.

Il-ġenna tistagħġeb li Alla sar bniedem,
Li fl-art, tinstab qalb denja ta’ Alla nnifsu.
Għaliex Inti ma tingħaqadx ma’ Serafin imma ma’ midneb, O Mulej?
Għax, minkejja s-safa tal-ġuf verġinali, dan hu misteru tal-ħniena Tiegħek.

O misteru tal-ħniena ta’ Alla, O Alla tal-kompassjoni,
Li inti għoġbok tħalli t-tron Tiegħek fis-sema
U titbaxxa sal-miżerja tagħna, sad-dgħjufija umana,
Għax mhux l-anġli, imma l-bniedem li jeħtieġ il-ħniena.

Sabiex aħna nagħtu tifħir li jistħoqq lill-ħniena tal-Mulej,
Aħna ningħaqdu mal-Omm Immakulata Tiegħek,
Għax b’hekk l-innu tagħna jsir iktar jogħġbok,
Għax Hi magħżula fost il-bnedmin u l-anġli.

Permezz tagħha, bħal permezz ta’ kristall pur,
Il-ħniena Tiegħek tgħaddi għal għandna.
Permezz tagħha, il-bniedem sar jogħġob lil Alla;
Permezz tagħha, xmajjar ta’ grazzja niżlu jgelglu fuqna.

+ It-Tjubija nfinita ta’ Alla meta feda lill-bniedem.

1747. Alla, Inti stajt salvajt eluf ta’ dinjiet b’kelma waħda; tnehida waħda mingħand Ġesu’ kienet tkun biżżejjed għall-ġustizzja Tiegħek. Imma Inti stess, Ġesu’, sempliċiment għall-imħabba tagħna, issottomettejt ruħek għal Passjoni hekk terribbli. Tnehida waħda minn għandek kienet tkun biżżejjed biex tpatti għall-ġustizzja ta’ Missierek, u dak kollu li Inti ċċekkint għalih kien biss opra tal-ħniena Tiegħek u tal-imħabba Tiegħek bla tarf. Meta Inti ħallejt din l-art, O Mulej, ridt tibqa’ magħna, u għalhekk ħallejtilna lilek innifsek fis-Sagrament tal-Altar, u ftaħt beraħ il-ħniena Tiegħek għalina. M’hemm l-ebda miżerja li tista’ tasal sat-tarf Tiegħek; Inti ssejjħtilna lkoll kemm aħna sa din il-għajn tal-imħabba, din l-għajn tal-kompassjoni ta’ Alla. Hawn jinsab it-tabernaklu tal-ħniena Tiegħek, hawn hu r-rimedju għall-gwaj kollu tagħna. Lejk, O għajn ħajja tal-ħniena, jinġibdu l-erwieħ kollha; xi wħud bħaċ-ċriev għatxana għal imħabbtek, oħrajn biex jaħslu l-ġrieħi ta’ dnubiethom, u oħrajn, għajjenin bit-tiġrib tal-ħajja, sabiex jiġbdu s-saħħa minnek. Filwaqt tal-mewt Tiegħek fuq is-Salib, Inti tajtna l-ħajja eterna; meta Int ħallejthom jiftħulek il-ġenb qaddis Tiegħek, Inti ftaħtilna għajn tal-ħniena li ma tispiċċa qatt meta Int tajtna l-egħżeż ħaġa li għandek, id-Demm u l-Ilma minn ġo Qalbek. Daqshekk hija kbira s-Setgħa bla tarf tal-Ħniena Tiegħek. Minnha tinżel sa għandna l-grazzja kollha.

1748. Tkun adurat, O Alla , fl-opra tal-ħniena Tiegħek,
Tkun imbierek mill-qlub fidili kollha
Li fuqhom tistrieħ il-ħarsa Tiegħek,
Li fihom tgħammar il-ħajja immortali Tiegħek.

O Ġesu’ tiegħi, ikollok ħniena, imnikkta kienet ħajtek f’din l-art,
U f’turmenti terribbli waslet fi tmiemha l-opra Tiegħek,
Meta Inti sfajt imdendel u minxur fuq l-għuda tas-Salib,
U dan kollu għall-imħabba tar-ruħ tagħna.

Fl-imħabba Tiegħek bla tarf, Int ħallejt li ġenbek imqaddes jinfetaħ,
U ħarġu jgelglu minn qalbek xmajjar ta’ Demm u Ilma.
Hawn hi l-għajn ħajja tal-ħniena Tiegħek,
Hawnhekk l-erwieħ jirċievu faraġ u serħan.

Fis-Sagrament Imqaddes; Inti ħallejtilna l-ħniena Tiegħek;
Imħabbtek ippermettietli li dan jitwettaq,
Filwaqt li jiena ngħaddi minn din il-ħajja, bit-tbatija u t-taqbid tagħha,
Qatt ma nasal li niddubita mit-tjubija u l-ħniena Tiegħek.

Għax ukoll jekk il-miżerji tad-dinja kollha jagħfsu fuq ruħi,
M’għandniex niddubitaw lanqas għal waqt wieħed biss,
Imma għandu jkollna fiduċja fil-qawwa tal-ħniena ta’ Alla,
Għax Alla jilqa’ għandu bil-ħlewwa lir-ruħ niedma.

O ħniena ta’ Sidna li m’hemmx kliem għaliha,
Għajn ta’ kompassjoni u ta’ kull ħlewwa,
Afda, afda, O ruħ, għalkemm inti mtebbgħa bid-dnub,
Għax meta inti tersaq lejn Alla, inti ma dduqx imrar.

Għaliex Hu nar ħaj ta’ mħabba kbira,
Meta aħna nersqu lejh bis-sinċerita’
Jgħibu l-miżerji tagħna, id-dnubiet u l-għemejjel ħżiena tagħna;
Huwa jħallas id-djun tagħna meta aħna nintelqu f’idejh.

1749. + It-Tjubija infinita ta’ Alla meta Huwa żejjen lid-dinja kollha bis-sbuħija sabiex jagħmel ż-żmien tagħna f’din l-art ikun żmien sabiħ.

O Alla, b’liema ġenerożita’ l-ħniena Tiegħek hi mxerrda ma’ kullimkien, u dan kollu Inti għamiltu għall-bnedmin. O kemm tħobbu Inti l-bniedem ladarba mħabbtek hi tant attiva sabiex tgħinu. O Ħallieq u Sid tiegħi, kullimkien jiena nista’ nara minn fejn għaddiet idek u s-siġill tal-ħniena tiegħek, li tgħannaq il-ħolqien kollu. O Ħallieq Tiegħi mimli kompassjoni, jiena rrid nagħtik il-qima tiegħi f’isem il-ħlejjaq kollha u f’isem il-ħolqien l-ieħor kollu; qiegħda nsejjaħ l-univers kollu biex jagħti glorja lill-ħniena Tiegħek. O kemm hi kbira t-tjubija Tiegħek, O Alla!

1750. Tkun adurat, O Ħallieq u Mulej tagħna,
O univers, bl-umilta’ kollha agħti glorja lil Alla Tiegħek;
Rodd ħajr lill-Ħallieq tiegħek mill-aħjar li tista’
U faħħar il-ħniena ta’ Alla li ħadd ma jista’ jifhimha.

Ejja, O art, fil-ħdura kollha tiegħek sabiħa;
Ejja, inti wkoll, O baħar bla qiegħ.
Ħalli l-gratitudni tiegħek issir għanja ta’ mħabba
U kanta l-kobor tal-ħniena ta’ Alla.

Ejja, xemx sabiħa, li tiddi,
Ejja, żerniq jiddi li jiġi qabilha.
Ingħaqdu f’innu wieħed, u ħallu l-ilħna ċari tagħkom
Ikantaw flimkien il-ħniena kbira ta’ Alla.

Ejjew, għoljiet u widien, foresti u boskijiet jitniedhu,
Ejjew, fjuri sbieħ ta’ filgħodu;
Ħallu l-fwieħa unika tagħkom
Tadura u tigglorifika l-ħniena ta’ Alla.

Ejjew, intom affarijiet kollha sbieħ tal-art,
Li l-bniedem jibqa’ jiskanta bihom.
Ejjew, aduraw lil Alla fl-armonija tagħkom,
Agħtu glorja lill-ħniena bla tarf ta’ Alla.

Ejja, sbuħija li ma titħassarx tal-art kollha,
U, b’umilta’ kbira, adura l-Ħallieq tiegħek,
Għax kollox jinsab imsakkar fil-ħniena Tiegħu,
B’vuċi waħda qawwija kollox jgħajjat; kemm hi kbira l-ħniena ta’ Alla.

Imma ‘l fuq minn din is-sbuħija kollha,
Tifħir li jogħġob iktar lil Alla
Hi r-ruħ li hi innoċenti u mimlija fiduċja bħal tat-tfal,
U li, permezz tal-grazzja, tkun magħquda Miegħu mill-qrib.