Djarju ta’ Swor Fawstina – Il-5 Pitazz (par.1511-1520)

Il-Ħames Pitazz – Paragrafi 1511-1520

74677000354af4d7d96ba010b6b673451

1511. Fi żminijiet bħal dawn, Alla nnifsu jiġi biex jgħinna, għax inkella r-ruħ ma tkunx tiflaħ dawn is-slaleb li għadni anqas biss bdejt nikteb dwarhom, u lanqas għandi intenzjoni nagħmel hekk issa. Imma meta nħoss l-ispirazzjoni biex nagħmel dan, għad nikteb dwarhom . . .

1512. Illum waqt il-Quddiesa, rajt lill-Mulej Ġesu’ f’nofs it-tbatijiet Tiegħu, bħallikieku qed imut fuq is-salib. Huwa qalli, Binti, immedita ta’ spiss fuq it-tbatijiet li Jiena għaddejt minnhom minħabba fik, u mbagħad xejn minn dak li inti tbati għalija ma jkun jidher kbir f’għajnejk. Inti togħġobni l-iktar meta inti timmedita fuq il-Passjoni Ħarxa Tiegħi. Għaqqad it-tbatijiet ċkejknin tiegħek mal-Passjoni Ħarxa Tiegħi, sabiex huma jkollhom valur infint quddiem il-Majesta’ Tiegħi.

1513. + Ġesu’ qalli llum, Inti spiss issejjaħli Mgħallem. Dan jogħġob lil Qalbi; imma tinsiex, dixxiplu Tiegħi, li inti dixxiplu ta’ Mgħallem Imsallab. Dik il-kelma għandha tkun biżżejjed għalik. Inti taf x’hemm fis-salib.

1514. + Jiena tgħallimt li l-ikbar setgħa tinsab moħbija fil-paċenzja. Jiena nista’ nara li l-paċenzja dejjem twassal għar-rebħa, għalkemm mhux fil-pront; imma dik ir-rebħa għad tidher wara ħafna snin. Il-paċenzja hija marbuta mal-manswetudni.

1515. + Jiena għaddejt dan il-lejl kollu flimkien ma’ Ġesu’ fil-ħabs fid-dlam. Dan kien lejl ta’ adorazzjoni. Is-sorijiet kienu qegħdin jitolbu fil-kappella, u kont qiegħda ningħaqad magħhom fl-ispirtu, għax in-nuqqas ta’ saħħa ma tippermettilix li mmur fil-kappella. Imma l-lejl kollu ma stajtx norqod, għalhekk għaddejt il-lejl fil-ħabs mudlam flimkien ma’ Ġesu’. Ġesu’ tani x’nifhem it-tbatijiet li Hu għadda minnhom hemmhekk. Id-dinja għad issir taf bihom f’jum il-ġudizzju.

1516. Binti, għid lill-erwieħ li Jiena qed nagħtihom il-ħniena Tiegħi bħala difiża. Jiena stess qed nissielet għalihom u qed inġorr fuqi l-korla ġusta ta’ Missieri.

1517. Għid, binti, li l-Festa tal-Ħniena Tiegħi ħarġet mill-irkejjen l-aktar fondi Tiegħi għall-konsolazzjoni tad-dinja kollha.

1518. Ġesu’, il-paċi u s-serħan tiegħi, jiena qiegħda nitolbok bil-ħerqa għal dik is-soru , sabiex hija tinbidel minn ġewwa; għinha bis-saħħa tal-grazzja Tiegħek sabiex hi wkoll tista’ ssir perfetta.

1519. + Illum qabel ma tqarbint, il-Mulej qalli, Binti, illum kellem bil-miftuħ lis-Superjura (Madre Irene) dwar il-ħniena Tiegħi għax, mis-superjuri kollha, hija l-iktar li għamlet biex ixxandar il-ħniena Tiegħi. U fil-fatt, il-Madre Superjura ġiet illum wara nofs inhar, u tkellimna dwar din l-Opra ta’ Alla. Il-Madre qaltli li x-xbihat ma tantx ħarġu tajbin u ma tantx qegħdin jinbiegħu. “Imma”, hija qaltli, “Jiena stess qbadt kwantita’ minnhom u qiegħda nqassamhom kull fejn nista’ u qiegħda nagħmel mill-aħjar biex inxerred l-Opra tal-Ħniena.” X’ħin telqet, il-Mulej tani x’nifhem kemm kienet togħġbu din r-ruħ.

1520. Illum il-Mulej qalli, Jiena ftaħt Qalbi bħala għajn ħajja tal-ħniena. Ħalli l-erwieħ kollha jiġu jiġbdu l-ħajja minnha. Għidilhom jersqu lejn dan il-baħar tal-ħniena b’fiduċja kbira. Il-midinbin jiksbu l-ġustifikazzjoni, u l-ġusti jiġu mwettqin fis-sewwa. Kull min ipoġġi l-fiduċja tiegħu fil-ħniena Tiegħi jimtela bil-paċi divina Tiegħi fis-siegħa tal-mewt.