Djarju ta’ Swor Fawstina – Il-5 Pitazz (par.1431-1440)

Il-Ħames Pitazz – Paragrafi 1431-1440

img_8407-2

1431. Iżda xorta waħda, fir-refettorju kelli nissaporti li ta’ spiss jissuspettaw li kont qiegħda nagħmel għaġeb (dwar l-ikel li kont nieħu). F’waqtiet bħal dawn, bħas-soltu jien niġri ħdejn it-Tabernaklu u nitbaxxa quddiem il-pissidi u minn hemm niġbed is-saħħa sabiex inkun nista’ naċċetta r-rieda ta’ Alla. Dak li ktibt s’issa għadu mhux kollox.

1432. Illum waqt il-qrar, filwaqt li spirtwalment qasam l-wejfer (nota220a) flimkien miegħi, (il-konfessur) tani dawn ix-xewqat: “Kun fidila kemm tista’ mal-grazzja ta’ Alla; it-tieni, itlob il-ħniena ta’ Alla għalik u għad-dinja kollha, għax aħna lkoll kemm aħna neħtieġu ħafna l-ħniena ta’ Alla.”

1433. Jumejn qabel il-Milied, fir-refettorju nqara dan il-kliem: “għada t-Twelid ta’ Ġesu’ Kristu skont il-ġisem.” (nota221) Ma’ dan il-kliem, ruħi ġiet minfuda mid-dawl u l-imħabba ta’ Alla, u ngħatajt għarfien iktar profond tal-Misteru tal-Inkarnazzjoni tal-Iben ta’ Alla. Kemm hi kbira l-ħniena ta’ Alla li tinsab fil-Misteru tal-Inkarnazzjoni tal-Iben ta’ Alla!

1434. Illum, il-Mulej għarrafni bil-korla Tiegħu għall-umanita’ li, minħabba d-dnubiet tagħha, jixirqilha li jkollha jiemha mqassra. Imma sirt naf li l-eżistenza tad-dinja qegħdin iżommuha l-erwieħ magħżulin; jiġifieri, l-ordnijiet reliġjużi. Gwaj għad-dinja meta għad ikun hemm nixfa fl-ordnijiet reliġjużi!

+
Ġ.M.Ġ

1435. Jiena qiegħda nwettaq kull għemil filwaqt li qiegħda nistenna l-mewt.
Nagħmlu bħalissa bħalma nixtieq narah isir fl-aħħar siegħa tiegħi.
Għalkemm il-ħajja tgħaddi malajr bħar-riħ
L-ebda għemil li jsir għal Alla m’hu ser jintilef.

Qiegħda nħoss tmermir sħiħ tal-organi tiegħi,
Għalkemm għadni ħajja u għadni naħdem.
Il-mewt mhix ser tkun traċedja għalija,
Għax ili nħossha għal żmien twil.

Għalkemm hi ħaġa kerha ħafna għan-natura
Li l-ħin kollu xxomm il-kadavru tiegħek stess,
Imma mhix ħaġa daqshekk terribbli meta r-ruħ tkun mimlija bid-dawl ta’ Alla,
Għax fiha jitqajmu l-fidi, it-tama, l-imħabba u l-indiema.

Kuljum nagħmel sforzi kbar
Biex nieħu sehem fil-ħajja tal-komunita’,
U b’dan il-mod ningħata l-grazzji għas-salvazzjoni tal-erwieħ,
Filwaqt li nħarishom min-nar tal-infern permezz tas-sagrifiċċju tiegħi.

Għax is-salvazzjoni ta’ ruħ waħda biss
Tiswa s-sagrifiċċju ta’ ħajja sħiħa
U li wieħed jissaporti l-ikbar sagrifiċċju u turmenti,
Ladarba kbira hi l-glorja li tingħata lil Alla.

1436. + Mulej, għalkemm Inti spiss tgħarrafni bir-ragħad tal-korla Tiegħek, il-korla Tiegħek tgħib quddiem erwieħ umli u ċkejknin. Għalkemm Inti kbir, Mulej, tippermetti li tingħeleb minn ruħ li hi ċejkna u profondament umli. O umilta’, virtu’ l-iktar prezzjuża, kemm huma ftit l-erwieħ li għandhom lilek. Nista’ nara biss xebh ta’ din il-virtu’ kullimkien madwari, imma mhux il-virtu’ fiha nnifisha. Mulej, ċċekkinni f’għajnejja stess sabiex inkun nista’ nsib il-grazzja quddiemek.

1437. + Lejliet il-Milied (1937). Wara t-Tqarbin, Omm Alla tatni l-esperjenza tal-ħsieb u tal-ansjeta’ li kellha f’qalbha minħabba l-Iben ta’ Alla. Imma din l-ansjeta’ kienet mimlija b’tant fwieħa ta’ abbandun għar-rieda ta’ Alla li aħjar ngħid li kienet qiegħda titpaxxa milli kienet ansjuża. Jiena fhimt kif ruħi kellha taċċetta r-rieda ta’ Alla f’kollox. Ħasra li ma nistax nikteb dwar din il-ħaġa bl-istess mod li kelli esperjenza tagħha. Ruħi kienet mitfugħa f’ġabra profonda l-jum kollu. Xejn ma seta’ jifridni minn din il-ġabra, la d-dmirijiet tiegħi, lanqas ix-xogħol li kelli x’naqsam fih mal-lajċi.

1438. Qabel l-ikla ta’ filgħaxija, mort il-kappella għal waqt wieħed sabiex naqsam il-wejfer spirtwalment ma’ dawk il-persuni maħbubin, tant għeżież għal qalbi, għalkemm kienu jinsabu ‘l bogħod. L-ewwel, intlift f’talb profond u tlabt lill-Mulej għal grazzji għalihom ilkoll bħala grupp u mbagħad għal kull wieħed individwalment. Ġesu’ tani x’nifhem kemm għoġbitu din il-ħaġa, u ruħi mtliet b’ferħ ikbar meta setgħet tara kif Alla jħobb b’mod speċjali lil dawk li aħna nħobbu.

1439. + Wara li mort fir-refettorju, waqt il-lettura, sibt ruħi kollni kemm jiena mitlufa f’Alla. Ġewwa fija, rajt lil Alla jħares lejna bi pjaċir kbir. Bqajt waħdi flimkien mal-Missier tas-Sema. F’dak il-waqt, kelli għarfien iktar profond tat-Tliet Persuni Divini, li aħna għad nikkontemplawhom għall-eternita’ kollha, u wara miljuni ta’ snin, għad niskopru li għadna biss bilkemm bdejna l-kontemplazzjoni tagħna. O, kemm hi kbira l-ħniena ta’ Alla, li jippermetti lill-bniedem jieħu sehem fi grad hekk għoli fil-ferħ divin Tiegħu! Fl-istess ħin, x’weġgħa kbira tinfidli qalbi (meta naħseb) li tant erwieħ ikkalpestaw dan il-ferħ.

1440. Meta bdejna naqsmu l-wejfer, kien hemm issaltan fostna mħabba sinċiera u reċiproka. Il-Madre Superjura (Irene) esprimietli din ix-xewqa: “Sor, l-opri ta’ Alla jimxu bil-mod, mela tgħaġġilx.” B’mod ġenerali, is-sorijiet sinċerament xtaquli ħafna mħabba, li hi ħaġa li jiena nixtieq iktar minn kwalunkwe ħaġa oħra. Stajt nara li dawn ix-xewqat kienu verament ġejjin minn qalbhom, b’eċċezzjoni ta’ soru waħda, li kellha l-malizzja moħbija fix-xewqat tagħha, għalkemm dan ma weġġagħnix ħafna, għax ruħi kienet mimlija b’Alla. Imma din il-ħaġa dawlitli moħħi dwar il-għala Alla jikkomunika hekk ftit ma’ ruħ ta’ dan it-tip, u sirt naf li ruħ bħal din tkun qiegħda dejjem tfittex lilha nnfisha, f’affarijiet qaddisa wkoll. O, kemm Hu twajjeb il-Mulej li ma jħallinix nitfixkel! Naf li Hu ser iħarisni, ukoll bl-ikbar ġelosija, imma dan jagħmlu biss sakemm jiena nibqa’ ċkejkna, għax hu ma’ erwieħ bħal dawn li l-Mulej Setgħan jħobb jikkomunika . L-erwieħ suppervi Hu jħares lejhom mill-bogħod u jeħodha kontra tagħhom.