Djarju ta’ Swor Fawstina – It-3 Pitazz (par.1121-1130)

It-Tielet Pitazz – Paragrafi 1121-1130

16582036289_eed1a44fcd_b

1121. 6 ta’ Mejju (1937). It-Tlugħ fis-Sema ta’ Ġesu’.

Minn kmieni dalgħodu, Alla messli ruħi. Wara t-Tqarbin, qgħadt nikkomunika għal ftit mal-Missier tas-Sema. Ruħi nġibdet fiċ-ċentru jaqbad u jikwi tal-imħabba. Jiena fhimt li l-ebda opri esterni ma tista’ xxebbaħhom mal-imħabba safja ta’ Alla … jiena rajt il-ferħ tal-Verb Inkarnat, u ġejt mgħaddsa fit-Trinita’ Divina. X’ħin erġajt ġejt f’tiegħi, xewqa kbira mlietli ruħi, u bdejt nixxennaq li ningħaqad ma’ Alla. Imħabba hekk tremenda għall-Missier tas-Sema dawritni li dan il-jum nista’ nsejjaħlu estasi ta’ mħabba bla ebda waqfien. L-univers kollu jidher f’għajnejja bħal qatra żgħira meta mxebbaħ ma’ Alla. M’hemm l-ebda hena ikbar milli meta Alla jgħarrafni ġewwa fija li kull taħbita ta’ qalbi togħġbu, u meta jurini li jħobbni b’mod speċjali. Din il-konvinzjoni qawwija li għandi ġewwa fija, li permezz tagħha Alla jassigurani mill-imħabba li għandu għalija u kemm togħġbu ruħi, iġġibli paċi profonda f’ruħi. Matul dan il-jum ma stajtx nieħu l-ebda ikel; ħassejtni mimlija sax-xifer bl-imħabba.

1122. Alla ta’ ħniena kbira, li ndenjajt ruħek tibgħatilna l-Iben Waħdieni Tiegħek bħala l-ikbar prova tal-imħabba u l-ħniena Tiegħek bla tarf, Inti ma tirrifjutax lill-midinbin; imma fil-ħniena infinita Tiegħek Inti ftaħtilhom ukoll it-teżori Tiegħek, teżori li minnhom huma jistgħu jieħdu bl-abbundanza, mhux biss ġustifikazzjoni, imma wkoll il-qdusija kollha li ruħ jista’ jkollha. Missier ta’ ħniena kbira, nixtieq li l-qlub kollha jduru bil-fiduċja lejn il-ħniena infinita Tiegħek. Ħadd ma jista’ jkun iġġustifikat quddiemek jekk ma jkunx akkumpanjat mill-ħniena Tiegħek bla tarf. Meta Inti turina l-misteru tal-ħniena Tiegħek għalina, l-eternita’ ma tkunx biżżejjed biex nirringrazzjawk b’mod xieraq għalih.

1123. O, kemm hi ħaġa ħelwa li jkollok fil-fond ta’ ruħek dak li l-Knisja tgħidilna li għandna nemmnu. Meta ruħi tkun tinsab mitlufa fl-imħabba, jiena nkun nista’ nsolvi l-mistoqsijiet l-iktar ikkumplikati malajr u b’mod ċar. L-imħabba biss hi kapaċi taqsam il-preċipizzji u l-qċaċet tal-muntanji. L-imħabba, għal darb’oħra, l-imħabba.

1124. + 12 (ta’ Mejju 1937). Dalma stramba xi kultant taqa’ fuq l-intellett tiegħi. Ninsab mgħaddsa fix-xejn kontra r-rieda tiegħi.

1125. 20 ta’ Mejju 1937. Meta għal xahar sħiħ kien ili ngawdi saħħti, ġieni f’moħħi li ma kontx naf x’kien jogħġob l-aktar lill-Mulej – inservih fil-mard jew fis-saħħa li jiena kont tlabtu għaliha – u jiena għidt lill-Mulej, “Ġesu’, agħmel bija kif jogħġbok,” u Ġesu’ reġa’ ħadni lura għall-kundizzjoni li kelli qabel.

1126. O kemm hi ħaġa ħelwa tgħix f’kunvent fost is-sorijiet, imma ma rridx ninsa li dawn l-anġli qegħdin f’iġsma umani.

1127. Darba, rajt lil Satana għaddej jgħaġġel ifittex xi waħda fost is-sorijiet, imma ma seta’ jsib lil ħadd. Ħassejt ispirazzjoni ġewwa fija li nikkmandah f’Isem Alla jistqarrli x’kien qed ifittex fost is-sorijiet. U hu stqarr, għalkemm kontra qalbu, “Qed infittex erwieħ li m’għandhomx x’jagħmlu.” (ara Sir 33:28, Prov 12:11). Meta rġajt ikkmandajtu jgħidli f’Isem Alla liema erwieħ fil-ħajja reliġjuża hu jista’ jilħaq b’mod l-iktar faċli, hu reġa’ qal kontra qalbu, “Erwieħ għażżenin li m’għandhomx x’jagħmlu.” Innutajt il-fatt li, bħalissa, ma kienx hemm erwieħ bħal dawn f’din id-dar. L-erwieħ imħabbtin u għejjenin għandhom jifirħu.

1128. 22 ta’ Mejju 1937. Tant hi sħana llum li diffiċli tissaportiha. Ilkoll ninsabu għatxana għax-xita, u tibqa’ ma tagħmilx. Għal xi jiem is-sema kien imsaħħab, imma m’għamlitx xita. X’ħin ħarist lejn il-pjanti, għatxana għax-xita, bdejt nitħassarhom, u ddeċidejt li ngħid il-kurunella sakemm il-Mulej jibgħatilna x-xita. Qabel l-ikel ta’ filgħaxija, is-sema nkesa bis-sħab, u xita qliel bdiet nieżla fuq l-art. Kien ili ngħid din it-talba bla heda għal tliet sigħat. U l-Mulej tani x’nifhem li nistgħu nakkwistaw kollox permezz ta’ din it-talba.

23 (ta’ Mejju). Il-Festa tas-Santissima Trinita’.

1129. Waqt il-Quddiesa, sibt ruħi f’daqqa waħba magħquda mas-Santissima Trinita’. Jiena għaraft il-majesta’ u l-kobor Tiegħu. Kont magħquda mat-Tliet Persuni. U ladarba kont magħquda ma’ Wieħed minn dawn il-Persuni l-iktar Venerabbli, kont fl-istess ħin magħquda maż-Żewġ Persuni l-oħrajn. Il-ferħ u l-hena li ruħi ħasset ma nistax niddeskrivihom. Jiddispjaċini li ma nistax inpoġġi fi kliem dak li m’għandux kliem.

1130. Smajt dan il-kliem: Għid lis-Superjura Ġenerali tafdak bħala l-bint l-iktar fidila fl-Ordni. (nota195)