Djarju ta’ Swor Fawstina – Il-5 Pitazz (par.1341-1350)

Il-Ħames Pitazz – Paragrafi 1341-1350

wp03b989bc_05_06-e1498408992857.jpg

1341. Meta bniedem ma tantx ikun b’saħħtu, ikollu jissaporti ħafna affarijiet. Għax meta wieħed ikun marid, imma mhux fis-sodda, ma jkunx ikkunsidrat li hu marid. Għal ħafna raġunijiet, mela, hemm okkażjonijiet il-ħin kollu għal sagrifiċċji, u xi drabi sagrifiċċji kbar. Jiena qiegħda nifhem issa li ħafna affarijiet jiġu rivelati biss fl-eternita’. Imma nista’ nifhem ukoll li jekk Alla jitlob sagrifiċċju, ma jżommx lura l-grazzja Tiegħu, imma jagħtiha lir-ruħ b’abbundanza.

1342. Ġesu’ Tiegħi, filwaqt li nitolbok bil-ħerqa ikollok ħniena mill-erwieħ, ħalli s-sagrifiċċju tiegħi jaqbad quddiem it-tron Tiegħek fi skiet totali, imma bil-qawwa kollha tal-imħabba.

1343. It-tielet jum. Fil-meditazzjoni fuq il-mewt, ħejjejt ruħi bħallikieku għall-mewt vera. Eżaminajt il-kuxjenza tiegħi u fittixt fl-affarijiet tiegħi kollha kif il-mewt bdiet riesqa, u grazzi għall-grazzja Tiegħek, l-affarijiet tiegħi kienu indirizzati lejn dak l-iskop aħħari. Dan imlieli qalbi bi gratitudni kbira lejn Alla, u ddeċidejt li nservi lil Alla tiegħi b’fedelta’ ikbar fil-ġejjieni. Ħaġa waħda biss hemm bżonn: immewwet il-bniedem il-qadim ġewwa fija u nerġa’ nibda ħajja ġdida. Filgħodu, ħejjejt ruħi biex nitqarben bħallikieku din kienet l-aħħar Tqarbina ta’ ħajti, u wara li tqarbint ġibt quddiem l-għajnejn ta’ ruħi l-mewta tiegħi li għad trid isseħħ fiż-żgur, u għidt it-talb tal-moribondi u mbagħad id-De Profundis għal ruħi stess. Ġismi tniżżel fil-qabar, u jiena għidt lil ruħi, “Ara x’ġara minn ġismek, gozz trab mimli dud – dak hu wirtek.”

1344. O Alla ħanin, li għadek tippermettili ngħix, agħtini s-saħħa biex ngħix ħajja ġdida, il-ħajja tal-ispirtu, li fuqha l-mewt m’għandha l-ebda ħakma. U ma’ dan il-kliem, qalbi ġiet imġedda, u bdejt ngħix ħajja ġdida filwaqt li għadni hawn fl-art, ħajja mimlija mħabba ta’ Alla. Madankollu, ma nistax ninsa li jiena l-istess dgħjufija, għalkemm ma nistax niddubita lanqas għal waqt wieħed li jiena ser ikolli l-għajnuna tal-grazzja Tiegħek, O Alla.

1345. + Ir-raba’ jum. O Ġesu’ ħassejtni tassew tajba, b’mod straordinarju, qrib il-Qalb tiegħek, matul dan l-irtir. Xejn ma jtellef il-profondita’ tal-paċi tiegħi. B’għajn waħda inħares lejn l-abbiss tal-miżerja tiegħi u bl-oħra, lejn l-abbiss tal-ħniena Tiegħek.

1346. Waqt il-Quddiesa, li qaddisha Patri Andrasz, rajt lill-Bambin Ġesu’ li b’idejh miftuħin lejna, kien bilqiegħda fil-kalċi li kien qed jintuża fil-Quddiesa. Wara li ħares fiss lejja b’mod li ħarstu nifditni, Huwa qal dan il-kliem: Bħalma qed tarani f’dan il-kalċi, hekk Jiena ngħammar ġewwa qalbek.

1347. + Il-Qrar. Wara li tajt rendikont skont il-kuxjenza tiegħi, ingħatajt il-permess li kont tlabt, li nilbes il-brazzuletta (oġġetti tal-ħadid li kienu jintużaw għall-penitenza) għal nofs siegħa kuljum waqt il-Quddiesa, u fi żminijiet ta’ diffikulta’, nilbes iċ-ċilizju għal sagħtejn. (Is-saċerdot qalli,) “Sor, ippersevera f’din il-fedelta’ kbira lejn il-Mulej Ġesu’.”

1348. Il-ħames jum. X’ħin dħalt fil-kappella dalgħodu, sirt naf li l-Madre Superjura kellha xi nkwiet minħabba fija. Din il-ħaġa weġġgħatni ħafna. Wara t-Tqarbin, mejjilt rasi fuq il-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesu’ u għidtlu, “O Mulejja, nitolbok bil-ħerqa, ippermetti li l-konsolazzjoni kollha li jiena qiegħda nħoss permezz tal-preżenza Tiegħek ġewwa qalbi tiġi mferrgħa fir-ruħ tal-għażiża Madre Superjura tiegħi, li minħabba fija kellha xi nkwiet, u dan mhux għax ridt jiena.”

1349. Ġesu’ farraġni u qalli li l-erwieħ tagħna t-tnejn kienu approfittaw minn dan. Imma jiena tlabt bil-ħerqa lill-Mulej, jekk jogħġbu, jeħlisni milli nkun l-okkażjoni ta’ tbatija għal xi ħadd, għax qalbi ma kenitx tiflaħha din il-ħaġa.

1350. O Ostja bajda, Inti żżommli ruħi bajda; nibża’ minn dak il-jum meta jiena forsi nitbiegħed minnek. Inti l-Ħobż tal-Anġli u għalhekk ukoll il-Ħobż tal-Verġni.