Djarju ta’ Swor Fawstina – It-3 Pitazz (par.1201-1210)

It-Tielet Pitazz – Paragrafi 1201-1210

868dd85178d98849bff2399a2f5fce6f-e1499794919178.jpg

1201. Iżda tant qiegħda nħossni marida hawnhekk, li jkolli noqgħod fis-sodda. Inħoss uġigħ stramb u qawwi ma’ sidri kollu; lanqas nista’ nċaqlaq idi. Lejl minnhom, kelli noqgħod ma niċċaqlaqx, għax deherli li jekk kont ser niċċaqlaq, kulma għandi fil-pulmuni kien ser jiċċarrat. Il-lejl ma kien ser jispiċċa qatt. Ingħaqadt ma’ Ġesu’ Msallab, u tlabt lill-Missier tas-sema għall-midinbin. Jgħidu li l-mard tal-pulmun ma jikkawżax uġigħ hekk qawwi, imma jiena qiegħda nbati dan l-uġigħ qawwi l-ħin kollu. Saħħti tant marret lura hawnhekk li jkolli noqgħod fis-sodda, u Swor N. (probabilment Swor Helen) (nota203) tgħid li minix ser niġi għall-aħjar, għax il-klima ta’ Rabka mhix tajba għal kull persuna li tinsab marida.

1202. Lanqas stajt immur il-Quddies jew nitqarben illum imma, fost it-tbatijiet tar-ruħ u l-ġisem, bqajt intenni, “ Tkun magħmula r-rieda tal-Mulej. Jiena naf li l-ġenerożita’ Tiegħek m’għandhiex limiti.” Imbagħad smajt anġlu li kanta l-istorja ta’ ħajti kollha u kulma kien fiha. Kont sorpriża, imma ssaħħaħt ukoll.

1203. San Ġużepp ħeġġiġni biex ikolli devozzjoni lejh il-ħin kollu. Hu stess qalli ngħid tliet darbiet (il-Missierna, is-Sliema, u l-Glorja) u l-Memorare (nota204) darba kuljum. Hu ħares lejja bi tjubija kbira u tani x’nifhem kemm hu qiegħed jgħin f’din l-opra (tal-ħniena). Hu wegħedni din l-għajnuna speċjali u l-ħarsien tiegħu. Jiena nitlob it-talb li qalli ngħid kuljum u nħoss il-ħarsien speċjali tiegħu.

1 ta’ Awissu 1937. Irtir ta’ ġurnata.

1204. Irtir ta’ tbatija. O Ġesu’, f’dawn il-jiem ta’ tbatija, m’inix kapaċi nitlob bl-ebda mod. Id-dwejjaq żdiedu f’ruħi u f’ġismi. O Ġesu’ tiegħi, Inti tista’ tara li bintek tinsab fit-triq tan-niżla. M’inix qiegħda nisforza lili nnifsi iktar, imma qiegħda sempliċiment nissottometti r-rieda tiegħi għar-rieda ta’ Ġesu’. O Ġesu’, Inti dejjem Ġesu’ għalija.

1205. Meta mort inqerr, lanqas biss kont naf kif kelli nqerr. Iżda, is-saċerdot (probabilment Patri Casimir Ratkiewicz) (nota205) għaraf il-kundizzjoni ta’ ruħi mill-ewwel u qalli, “Minkejja kollox, inti tinsab miexja fit-triq tas-salvazzjoni; tinsab miexja fit-triq it-tajba, imma Alla jista’ jħallilek ruħek f’din id-dalma sal-mewt, u jista’ jkun li d-dawl ta’ qabel ma jerġa’ jiġi lura qatt. Imma f’kollox intelaq għar-rieda ta’ Alla.”

1206. Illum bdejt novena lill-Madonna Mtellgħa s-Sema għal tliet intenzjonijiet: l-ewwel, li nkun nista’ nara lir-Reverendu Dr Sopocko; it-tieni, li Alla jħaffef biex iwassal din l-opra; u t-tielet, għall-intenzjoni ta’ pajjiżi.

1207. 10 ta’ Awissu. Illum sejra lura Krakovja, fil-kumpanija ta’ waħda mis-sorijiet. Ruħi tinsab imgeżwra fit-tbatija. Jiena kontinwamet ningħaqad Miegħu permezz ta’ att tar-rieda tiegħi. Huwa s-saħħa u l-qawwa tiegħi.

1208. Tkun imbierek, O Alla, għal dak kollu li inti tibgħatli. Xejn taħt il-kappa tax-xemx ma jiġri mingħajr ir-rieda Tiegħek. Ma nistax ninfed is-sigrieti Tiegħek f’dak li għandu x’jaqsam miegħi, imma nagħfas xofftejja mal-kalċi li Inti qed toffrili.

1209. Ġesu’, jiena nafda Fik.

Novena lill-Ħniena Divina (nota206)
li Ġesu’ qalli niktibha u nagħmilha qabel il-Festa tal-Ħniena.
Din tibda fil-jum tal-Ġimgħa l-Kbira.

Jiena nixtieq li matul dawn id-disat ijiem inti ġġib l-erwieħ fejn l-għajn tal-ħniena Tiegħi, sabiex huma jieħdu minnha saħħa u serħan u dawk il-grazzji kollha li jkollhom bżonn fit-tbatijiet tal-ħajja u, l-aktar, fis-siegħa tal-mewt.

Kuljum inti ġġib f’Qalbi grupp differenti ta’ erwieħ, u inti ddaħħalhom f’dan l-oċejan tal-ħniena Tiegħi, u Jiena nieħu dawn l-erwieħ kollha fid-dar ta’ Missieri. Inti tagħmel dan f’din il-ħajja u f’dik li ġejja; Jiena ma niċħad xejn lil ebda ruħ li inti ġġib fejn l-għajn tal-ħniena Tiegħi. Kuljum inti titlob lil Missieri, grazzji għal dawn l-erwieħ, f’ġieħ il-Passjoni ħarxa Tiegħi.

Jiena weġibt, “Ġesu’, jiena ma nafx kif għandi nagħmel din in-Novena jew liema erwieħ għandi nġiblek l-ewwel fil-Qalb l-iktar ħanina Tiegħek.” Ġesu’ wieġeb li Hu kien ser jgħidli liema erwieħ kelli nġiblu kuljum fil-Qalb Tiegħu.

L-Ewwel Jum

1210. Illum ġibli l-umanita’ kollha, l-aktar il-midinbin kollha, u għaddashom fl-oċejan tal-ħniena Tiegħi. B’dal-mod tfarraġni min-niket li jkolli minħabba t-telfa tal-erwieħ.