Djarju ta’ Swor Fawstina – It-3 Pitazz (par.1161-1170)

It-Tielet Pitazz – Paragrafi 1161-1170

biogfaustyna

1161. Illum, ruħi batiet tant agunija li jiena bdejt nilmenta mal-Mulej Ġesu’, “Ġesu’, kif tista’ tħallini waħdi? Lanqas pass wieħed ‘il quddiem waħdi ma nista’ nagħmel. Inti ħadtli l-konfessur tiegħi, u Inti stess qed tistaħba minni. Inti żgur taf, Ġesu’ li waħdi jiena ma nafx xejn ħlief li naħli l-grazzji Tiegħek, Ġesu’, trid tirranġa l-affarijiet sabiex Patri Andrasz jerġa’ jiġi lura.” Imma komplejt inħoss dieqa ta’ qalb.

1162. Ġietni f’moħħi mmur għand xi saċerdot u ngħidlu bid-dwejjaq tiegħi kif ukoll b’xi ispirazzjonijiet diversi, sabiex hu jkun jista’ jagħtini s-soluzzjoni; jiena għidt lill-Madre Superjura (Irene) b’din l-idea. Il-Madre wieġbet, “Qed nifhem, Sor, li int għaddejja minn żmien diffiċli, imma bħalissa, verament ma naf bl-ebda saċerdot li jgħodd għalik. Hekk jew hekk, Patri Andrasz dalwaqt jiġi lura. Mela, għalissa, mur u għid kollox lill-Mulej Ġesu’.”

1163. X’ħin mort nitkellem ftit mal-Mulej, smajt vuċi ġewwa ruħi . . . Tiegħi. Minix ser nagħtik il-grazzja li turi lilek innifsek lil xi ħaddieħor u wkoll li kieku kellek tikxef lilek innifsek, Jiena ma nagħtix lil dak is-saċerdot il-grazzja li jkun jeħtieġ biex jifhmek. F’dan iż-żmien, hija x-xewqa Tiegħi li inti tissaporti lilek innifsek bil-paċenzja. Binti, mhix ir-rieda Tiegħi li inti tgħid lil kulħadd bid-doni li Jiena tajtek. Jiena afdajtek fil-kura tal-ħabib tal-Qalb Tiegħi, u taħt id-direzzjoni tiegħu ruħek għad twarrad. Jiena tajtu d-dawl li hu jagħraf il-ħajja Tiegħi f’ruħek.

1164. Binti, meta Jiena kont ninsab quddiem Erodi, ksibtlek grazzja; jiġifieri, li inti tkun kapaċi togħla ‘l fuq mid-disprezz uman u timxi bil-fedelta’ fil-passi Tiegħi. Żomm is-skiet meta ma jkunux iridu jammettu u jaċċettaw il-verita’ tiegħek, għax ikun f’dak il-waqt li inti titkellem b’elokwenza ikbar.

1165. Kun af din il-ħaġa, binti: jekk inti tissielet għall-perfezzjoni inti tqaddes ħafna erwieħ; u jekk inti ma titqabadx għall-qdusija, bl-istess raġunar, ħafna erwieħ jibqgħu imperfetti. Kun af li l-perfezzjoni tagħhom tiddependi mill-perfezzjoni tiegħek, u l-patri l-kbira tar-responsabbilta’ għal dawn l-erwieħ taqa’ fuqek.

1166. Imbagħad Hu qalli, Tibżax, binti; imma ibqa’ fidila biss għall-grazzja Tiegħi . . .

1167. Satana ammetta miegħi li jiena l-mira tal-mibgħeda tiegħu. Huwa qalli li “elf ruħ jagħmluli inqas ħsara milli tagħmel inti meta inti titkellem dwar il-ħniena kbira tas-Setgħani.” L-ikbar midinbin jerġgħu jiksbu l-fiduċja u jerġgħu lura għand Alla, u jiena nitlef kollox. Imma iktar minn hekk, inti tippersegwitani personalment b’dik il-ħniena bla tarf tas-Setgħani.” Jiena ħadt nota tal-mibgħeda kbira li Satana għandu għall-Ħniena ta’ Alla. Ma jridx jammetti u jaċċetta li Alla Hu tajjeb.

1168. 29 ta’ Ġunju 1937. Waqt il-kolazzjon illum Patri Andrasz sellem lill-komunita’ kollha bit-telefon. Diġa’ ġie lura (minn Ruma), u llum stess wara nofs inhar ġie jarana. Is-sorijiet li pprofessaw, in-novizzi, u ż-żewġ gruppi ta’ studenti nġabru fil-bitħa (il-grawnd tat-tfajliet quddiem il-bini) u qagħdu jistennew lil dan is-saċerdot, missierna l-għażiż. It-tfal tawh merħba bil-kant u l-poeżiji, u mbagħad tlabnieh ikellimna dwar Ruma u l-ħafna affarijiet sbieħ li hu kien ra hemmhekk. Dam jitkellem iktar minn sagħtejn, u minħabba f’hekk ma kienx għad baqa’ ħin biex nitkellmu waħedna.

1169. Illum, ruħi daħlet f’għaqda mill-qrib mal-Mulej. Hu għarrafni kif jiena għandi dejjem nintelaq fir-rieda qaddisa Tiegħu: F’waqt wieħed, Jiena nista’ nagħtik iżjed milli inti kapaċi tixtieq.

1170. 30 ta’ Ġunju 1937. Illum, il-Mulej qalli, Jiena ridt neżalta lil din il-Kongregazzjoni ħafna drabi, imma ma nistax nagħmlu dan minħabba s-suppervja tagħha. Kun af, binti, li Jiena ma nagħtix il-grazzji Tiegħi lill-erwieħ suppervi, u Jiena saħansitra noħdilhom il-grazzji li nkun tajthom.