Djarju ta’ Swor Fawstina – L-1 Pitazz (par.351-360)

L-Ewwel Pitazz – Paragrafi 351-360

2420895_orig

351. O Alla ħanin tiegħi, kemm hi ħaġa ħelwa li tbati għalik, tbati fl-irkejjen l-iżjed sigrieti tal-qalb, fl-iktar moħba li taqbad bħal sagrifiċċju li ħadd ma jintebaħ bih, safi bħal kristall, bla ebda faraġ jew kumpassjoni. L-ispirtu tiegħi jaqbad bi mħabba attiva. Ma nħalix ħin noħlom. Nieħu kull waqt wieħed wieħed kif jiġi, għax din hi ħaġa li jien nista’ nagħmilha. L-imgħoddi mhux tiegħi; il-ġejjieni mhux tiegħi, b’ruħi kollha nipprova nagħmel użu mill-waqt ta’ issa.

4 ta’ Jannar 1935. L-ewwel laqgħa tal-kapitlu (nota82) ta’ Madre Borgia (nota83)

352. Fil-Kapitlu, Madre (Borgia) saħqet fuq il-ħtieġa ta’ ħajja ta’ fidi u fedelta’ fl-affarijiet żgħar. F’nofs il-kapitlu, jiena smajt dan il-kliem: Jiena nixtieq li intom, ilkoll kemm intom, ikollkom iktar fidi fil-preżent. Kemm ikun kbir il-ferħ Tiegħi meta nara l-fedelta’ tal-għarusa Tiegħi fl-iċken affarijiet. Imbagħad ħarist lejn il-kurċifiss u rajt ras Ġesu’ qegħda tħares lejn ir-reffetorju, u xofftejh jiċċaqalqu.

Meta għidt lill-Madre Superjura b’din il-ħaġa hija wieġbet, “Qed tara, Sor, kif Ġesu’ jrid li ħajjitna tkun ħajja ta’ fidi.”

353. Meta l-Madre ħarġet biex tmur il-kappella u jiena bqajt hemm biex nirranġa l-kamra smajt dan il-kliem: Għid lis-sorijiet kollha li Jiena rrid li huma jgħixu fl-ispirtu ta’ fidi lejn is-superjuri fil-preżent. Jiena tlabt lill-konfessur tiegħi jeħlisni minn dan id-dmir.

354. Filwaqt li kont qiegħda nitkellem ma’ persuna (nota84) li kellha tpinġi x-xbieha, imma għal xi raġunijiet ma kenitx qiegħda tpittriha, smajt din il-vuċi ġewwa ruħi: Irridha tkun iktar ubbidjenti. Jiena fhimt li l-isforzi tagħna, kbar kemm ikunu kbar, ma jkunux jogħġbu lil Alla jekk ma jkollhomx is-siġill tal-ubbidjenza; qiegħda nitkellem dwar ruħ reliġjuża. O Alla tiegħi, kemm hi ħaġa faċli li wieħed ikun jaf ir-rieda Tiegħek fil-kunvent! Aħna r-reliġjużi għandna r-rieda ta’ Alla ċara quddiem għajnejna minn filgħodu sa filgħaxija, u f’waqtiet ta’ dubju għandna s-superjuri tagħna li Alla jitkellem permezz tagħhom.

355. 1934-1935. Lejlet l-Aħħar tas-Sena.

Kelli l-permess li ma mmurx norqod, imma li noqgħod nitlob fil-kappella. Waħda mis-sorijet kienet talbitni noffri siegħa adorazzjoni għaliha. Jiena aċċettajt, u tlabt għaliha għal siegħa. Waqt din is-siegħa, Alla tani x’nifhem kemm din ir-ruħ kienet tassew togħġbu.

Offrejt it-tieni siegħa tal-adorazzjoni għall-konverżjoni tal-midinbin, u b’mod speċjali ppruvajt noffri riparazzjoni lil Alla għall-insulti li Hu kien qiegħed iġarrab kontrieh f’dak l-istess waqt. Kemm jiġi offiż Alla!

Offrejt it-tielet siegħa għad-direttur spiritwali tiegħi. Tlabt għalih bil-ħerqa sabiex huwa jkollu d-dawl f’ħaġa partikolari.

Sa fl-aħħar daqq nofs il-lejl, l-aħħar siegħa tas-sena. Spiċċajtha f’isem is-Santissma Trinita’, u bdejt ukoll l-ewwel siegħa tas-Sena l-Ġdida f’isem is-Santissma Trinita’. Tlabt lil kull wieħed mit-Tliet Persuni iberkuni u, b’fiduċja kbira, bdejt inħares ‘il quddiem lejn is-Sena l-Ġdida li żgur ma kenitx ser tkun nieqsa mit-tbatija.

356. Ostja Mqaddsa, li Fik hemm it-testment tal-ħniena ta’ Alla għalina, u l-aktar għall-imsejkna midinbin.

Ostja Mqaddsa, li Fik hemm il-Ġisem u d-Demm tal-Mulej Ġesu’ bħala prova ta’ ħniena bla qies għalina, u l-aktar għall-imskejkna midinbin.

Ostja Mqaddsa, li Fik hemm il-ħajja eterna u ħniena bla qies, li jingħataw lilna b’ubbidjenza u l-aktar lill-imsejkna midinbin.

Ostja Mqaddsa, li Fik hemm il-ħniena tal-Missier, tal-Iben, u tal-Ispirtu s-Santu għalina, u l-aktar għall-imsejkna midinbin.

Ostja Mqaddsa, li Fik hemm il-prezz bla qies ta’ ħniena li jpatti għad-djun tagħna kollha, u l-aktar għall-imsejkna midinbin.

Ostja Mqaddsa, li fiha tinsab l-għajn tal-ilma ħaj li joħroġ mill-ħniena Tiegħek bla tarf għalina, u speċjalment għall-midinbin imsejkna.

Ostja Mqaddsa, li Fik hemm in-nar ta’ mħabba l-iżjed safja li toħroġ minn ħdan il-Missier Etern, bħallikieku minn għajn, għalina u l-aktar għall-imsejkna midinbin.

Ostja Mqaddsa, li Fik hemm il-mediċina għall-mard tagħna kollu, ħierġa mill-ħniena bla qies bħallikieku minn għajn, għalina u l-aktar għall-imsejkna midinbin.

Ostja Mqaddsa, li Fik hemm l-għaqda ta’ Alla magħna permezz tal-ħniena bla qies Tiegħu għalina, u l-aktar għall-imsejkna midinbin.

Ostja Mqaddsa, li Fik hemm is-sentimenti kollha tal-Qalb l-iżjed ħelwa ta’ Ġesu’ għalina, u l-aktar għall-imsejkna midinbin.

Ostja Mqaddsa, it-tama tagħna waħdanija fit-tbatijiet u fit-taħbit kollu tal-ħajja.

Ostja Mqaddsa, it-tama tagħna waħdanija fost id-dlam u l-maltempati ta’ ġewwa u ta’ barra.

Ostja Mqaddsa, it-tama tagħna waħdanija fil-ħajja u fis-siegħa tal-mewt tagħna.

Ostja Mqaddsa, it-tama tagħna waħdanija fost it-taħbit u l-qtigħ il-qalb.

Ostja Mqaddsa, it-tama tagħna waħdanija fost il-gideb u t-tradimenti.

Ostja Mqaddsa, it-tama waħdanija fost id-dlam u l-assenza ta’ Alla li qegħdin jimlew l-art.

Ostja Mqaddsa, tama tagħna waħdanija fix-xenqa u fl-uġigħ ta’ meta ħadd ma jifhimna.

Ostja Mqaddsa, tama tagħna waħdanija fix-xogħol u l-monotonija tal-ħajja ta’ kuljum.

Ostja Mqaddsa, tama tagħna waħdanija fost ir-rovini tat-tamiet u tal-isforzi tagħna.

Ostja Mqaddsa, tama tagħna waħdanija fost l-istraġi tal-għadu u l-isforzi tal-infern.

Ostja Mqaddsa, jiena nafda Fik meta t-toqol ikun iżjed milli jiena niflaħ u nsib l-isforzi tiegħi jkunu għalxejn.

Ostja Mqaddsa, jiena nafda Fik meta l-matempati jaħbtu għal qalbi u l-ispirtu tiegħi jimtela bil-biża’ u jkun ser jitlef kull tama.

Ostja Mqaddsa, jiena nafda Fik meta qalbi tkun ser tibda tferfer u l-għaraq tal-mewt ixoqq għal ġbini.

Ostja Mqaddsa, jiena nafda Fik meta kollox idur kontrija u disperazzjoni sewda tibda dieħla ftit ftit ġewwa ruħi.

Ostja Mqaddsa, jiena nafda Fik meta għajnejja jibdew jingħalqu għall-affarijiet kollha ta’ din id-dinja u, għall-ewwel darba, l-ispirtu tiegħi jara d-dinjijiet li ħadd ma jafhom.

Ostja Mqaddsa, jiena nafda Fik meta l-ħidmiet li jkolli nagħmel ikunu ikbar milli nkun niflaħ u l-kuntrarju jkun id-destin tiegħi ta’ kuljum.

Ostja Mqaddsa, jiena nafda Fik meta l-prattika tal-virtu’ tidher li tkun diffiċli għalija u n-natura tiegħi tibda tirvella.

Ostja Mqaddsa, jiena nafda Fik meta daqqiet tal-għadu jiġu mmirati kontrija.

Ostja Mqaddsa, jiena nafda Fik meta l-oħrajn jiġġudikaw ħażin l-ħidmiet u l-isforzi tiegħi.

Ostja Mqaddsa, jiena nafda Fik meta l-ġudizzji Tiegħek jirbombjaw madwari; huwa f’dak il-waqt li jiena nafda fil-baħar tal-ħniena tiegħek.

357. + Santissma Trinita’, jiena nafda fil-ħniena bla qies Tiegħek. Alla huwa Missieri u għalhekk jiena bintu, nista’ nistenna kollox mill-Qalb divina Tiegħu, u iktar ma jikber id-dlam, iktar trid tkun sħiħa l-fiduċja tagħna.

358. Ma nistax nifhem kif inhu possibli ma tafdax Fih li jista’ jagħmel kollox. Flimkien miegħu, kollox; mingħajru; xejn. Huwa l-Mulej. Huwa mhux ser jippermetti lil dawk li poġġew il-fiduċja tagħhom kollha Fih jaqgħu fil-mistħija.

359. 10 ta’ Jannar 1935. Il-Ħamis. Filgħaxija waqt il-barka (nota85) ħsibijiet bħal dawn bdew idejquni: Forsi dan kollu li jiena qiegħda ngħid fuq il-Ħniena ta’ Alla hi biss gidba jew xi illużjoni…? U jiena ridt naħseb fuq din il-ħaġa għal ftit, meta smajt vuċi qawwija u ċara ġewwa fija qiegħda tgħid, Dan kollu li int tgħid dwar it-tjubija Tiegħi huwa minnu, m’hemmx ilsien li jista’ jfaħħar b’mod xieraq it-tjubija Tiegħi. Dan il-kliem kellu qawwa hekk kbira u kien hekk ċar li kont nagħti ħajti biex niddikjara li kien ġej minn Alla. Kont naf dan minħabba l-paċi profonda li akkumpanjathom f’dak il-ħin u li għadha miegħi s’issa. Din il-paċi tagħtini saħħa u qawwa kbira li d-diffikultajiet kollha, il-kuntrarju, it-tbatijiet u wkoll l-istess mewt huma daqslikieku xejn. Dan id-dawl jagħtini lemħa tal-verita’, li l-isforzi tiegħi kollha sabiex jiena nwassal l-erwieħ isiru jafu l-ħniena tal-Mulej, jogħġbuh ħafna lil Alla. U minn dan l-għarfien jinbet ferħ hekk kbir ġewwa ruħi li ma nafx jekk il-ferħ jistax ikun ikbar fil-ġenna. Mhux li kieku l-erwieħ ikunu jridu jisimgħu, għallinqas għal ftit, il-leħen tal-kuxjenza u l-leħen – jiġifieri l-ispirazzjonijiet – tal-Ispirtu s-Santu! Jiena ngħid “għallinqas għal ftit”, għax la darba aħna ninfetħu għall-inqas qawwa tal-Ispirtu s-Santu, Huwa stess jimla dak li hemm nieqes fina.

Is-Sena l-Ġdida 1935

360. Ġesu’ jieħu gost jidħol fl-iċken dettalji ta’ ħajjitna, u Huwa spiss iwettaq xewqat sigrieti li jiena jkolli u li xi drabi jiena naħbihomlu, għalkemm jiena naf li xejn ma jista’ jibqa’ moħbi Minnu.

Hemm drawwa fostna li, fl-ewwel jum tas-sena, intellgħu bix-xorti Patruni speċjali għalina għas-sena sħiħa. Filgħodu waqt il-meditazzjoni, nibtet ġewwa fija xewqa sigrieta li Ġesu’ Ewkaristija jkun l-Patrun speċjali tiegħi din is-sena wkoll, bħalma kien fl-imgħoddi. Imma jiena ħbejt din ix-xewqa mill-Maħbub tiegħi u kellimtu fuq kollox minbarra fuq din il-ħaġa. Meta wasalna r-reffetorju għall-ewwel kolazzjon tal-ġurnata raddejna s-salib u bdejna ntellgħu l-ismijiet tal-patruni tagħna. Meta jiena rsaqt lejn il-biljetti mqaddsa li fuqhom kien hemm miktubin l-ismijiet tal-patruni tagħna, mingħajr eżitazzjoni qbadt waħda imma ma qrajtx l-isem mill-ewwel għax ridt nimmortifika ruħi għal ftit minuti. F’daqqa waħda, smajt leħen ġewwa ruħi: Jiena l-patrun tiegħek. Aqra. Ħarist mill-ewwel lejn il-kitba u qrajt, “Patrun għas-sena 1935 – L-Ewkaristija Mqaddsa.” Qalbi bdiet taqbeż bil-ferħ, u tlaqt bil-mod minn fejn is-sorijiet u mort għal viżta żgħira quddiem is-Sagrament Imqaddes, fejn ftaħt qalbi. Imma Ġesu’ bil-ħlewwa kollha widdibni li f’dak il-ħin jiena suppost kelli nkun mas-sorijiet. Jiena mort minnufih b’ubbidjenza lejn ir-regola.

Djarju ta’ Swor Fawstina – L-1 Pitazz (par.341-350)

L-Ewwel Pitazz – Paragrafi 341-350

Child Sacred Heart of Jesus

341. 5 ta’ Novembru 1934. Darba waħda filgħodu, meta kien id-dmir tiegħi li niftaħ il-kanċell sabiex joħorġu n-nies li jġibulna l-ikel, mort fil-kappella ż-żgħira sabiex inżur lil Ġesu’ għal minuta waħda u nġedded l-intenzjonijiet tal-ġurnata. Illum, Ġesu’ jiena noffrilek it-tbatijiet kollha tiegħi, il-mortifikazzjonijiet u t-talb għall-Qdusija Tiegħu l-Papa, sabiex huwa japprova l-Festa tal-Ħniena. Imma, Ġesu’, għandi kelma waħda oħra x’ngħidlek: jiena nistagħġeb ħafna li Inti qiegħed tgħidli nitkellem dwar din il-Festa tal-Ħniena, għax qed igħiduli li diġa’ hemm festa bħal din (nota81); mela għalfejn għandi nitkellem dwarha. U Ġesu qalli: U min jaf biha din il-festa? Ħadd! Saħansitra dawk li suppost qegħdin jipproklamaw il-ħniena Tiegħi u jgħallmu n-nies dwarha, ħafna drabi lanqas huma ma jafu biha. Din hi r-raġuni għaliex Jiena rrid li din ix-xbieha tiġi mbierka solennement fl-Ewwel Ħadd fuq l-Għid, u Jiena rridha tkun meqjuma fil-pubbliku sabiex kull ruħ issir taf biha. Agħmel novena għall-intenzjoni tal-Qdusija Tiegħu il-Papa. Din trid tikkonsisti fi tlieta u tletin att; jiġifieri, ripetizzjoni għal daqstant drabi tat-talba qasira – li Jiena għallimtek – lill-Ħniena Divina.

342. It-tbatija hija l-ikbar teżor f’din l-art; tippurifika r-ruħ. Fit-tbatija aħna nitgħallmu min hu l-veru ħabib tagħna.

343. Imħabba vera titkejjel bit-termometru tat-tbatija. Ġesu’, jiena nroddlok ħajr għas-slaleb ċkejknin ta’ kuljum, għall-oppożizzjoni għall-isforzi tiegħi, għat-tbatijiet tal-ħajja fil-komunita’, għall-umiljazzjonijiet li jkolli nbati mingħand l-oħrajn, għall-mod aħrax li bih aħna niġu ttrattati, għas-suspetti foloz, għan-nuqqas ta’ saħħa, għaċ-ċaħdiet, għall-mewt tiegħi għalija nnifsi, għan-nuqqas ta’ għarfien nagħmel x’ nagħmel, għall-kuntarju għall-pjanijiet tiegħi kollha.

Grazzi , Ġesu’ għat-tbatijiet interni, għan-nixfa tal-ispirtu, għat-terruri, beżgħat u nuqqas ta’ ċertezza, għad-dalma u l-lejl profond intern, għat-tentazzjonijiet u t-tiġrib kollu; għat-turmenti li huma diffiċli wisq li tiddeskrivihom, l-aktar dawk li ħadd m’hu ser jifimhom, għas-siegħa tal-mewt bit-taqbida ħarxa tagħha u l-imrar kollu tagħha.

Nirringrazzjak, Ġesu’, Inti li l-ewwel xrobt it-tazza tal-imrar qabel ma Inti tajthieli, f’sura iktar ġentili. Poġġejt xufftejja ma’ din it-tazza tar-rieda qaddisa Tiegħek. Jalla dak li Inti ordnajt skont il-Għerf Tiegħek sa minn dejjem jitwettaq fija. Jiena rrid nixrob mit-tazza sal-aħħar qatra, u ma nfittixx li nistaqsi għaliex. Fl-imrar jinsab il-hena tiegħi, fin-nuqqas tat-tama tinsab il-fiduċja tiegħi. Fik, O Mulej, kollox hu tajjeb, kollox huwa don tal-Qalb Tiegħek ta’ Missier. Jiena ma nippreferix konsolazzjonijiet għall-imrar jew l-imrar għall-konsolazzjonijiet, imma nroddlok ħajr, O Ġesu’, għal kollox! Hija l-għaxqa tiegħi li niffissa ħarsti lejk, O Alla li ħadd ma jista’ jifhmu! L-ispirtu tiegħi jgħammar f’dawn il-għamajjar misterjużi, u hemmhekk jiena nħossni f’posti. Jiena naf sewwa fejn jgħammar l-Għarus tiegħi. Jiena nħoss li m’hemm l-ebda qatra demm fija li ma taqbadx bl-imħabba għalik.

O Sbuħija li ma ġejtx maħluqa, min isir jafek darba ma jista’ jħobb xejn iktar. Jiena nista’ nħoss l-abbiss bla qiegħ ta’ ruħi u xejn m’hu ser jimlieha ħlief Alla nnifsu. Inħossni għeriqt fih bħalma farka ramel tegħreq f’oċejan bla qiegħ.

20 ta’ Diċembru 1934.

344. Darba filgħaxija hekk kif dħalt fiċ-ċella tiegħi, rajt lill-Mulej Ġesu’ espost fl-ostensorju fil-beraħ taħt is-Sema, għallinqas hekk deherli. F’riġlejn Ġesu’ rajt il-konfessur tiegħi, u warajh numru kbir ta’ ekklesjastiċi ta’ grad għoli, lebsin ilbies sagru li bħalhom qatt ma rajt ħlief f’din id-dehra; u warajhom, gruppi ta’ reliġjużi minn ordnijiet diversi; u iktar minn hekk, rajt folol enormi ta’ nies, li baqgħu sejrin ‘il bogħod fejn ma stajtx nara iżjed. Rajt iż-żewġ raġġi ħerġin mill-Ostja, bħal fix-xbieha, maqgħudin mill-qrib imma mhux imħalltin flimkien; u għaddew mill-idejn tal-konfessur tiegħi u mill-idejn tal-kleru, u minn idejhom għan-nies, u mbagħad reġgħu lura fl-Ostja… u f’dan il-waqt erġajt rajt lili nnifsi għal darb’oħra fiċ-ċella li kont għadni kif dħalt fiha.

345. 22 ta’ Diċembru 1934. Meta kien possibli għalija mmur inqerr matul il-ġimgħa, inzertajt li wasalt hemmhekk meta l-konfessur tiegħi kien qed iqaddes. Waqt it-tielet parti tal-Quddiesa, rajt il-Bambin Ġesu’, daqsxejn iċken mis-soltu u b’din id-differenza, li kien liebes tunika vjola. Is-soltu jkollu waħda bajda.

346. 24 ta’ Diċembru 1934. Il-viġili tal-Milied. Waqt il-quddiesa ta’ filgħodu, ħassejt lil Alla qrib ħafna. Għalkemm bilkemm kont konxja minn din il-ħaġa, l-ispirtu tiegħi kien jinsab mgħaddas f’Alla. F’daqqa waħda smajt dan il-kliem: Inti l-għamara Tiegħi, li fiha Jiena nitpaxxa; l-Ispirtu Tiegħi jistrieħ ġewwa fik. Wara dan il-kliem ħassejt lill-Mulej qiegħed iħares fil-profondita’ ta’ qalbi; u meta rajt il-miżerja tiegħi, umiljajt lili nnifsi fl-ispirtu u ammirajt il-ħniena mmensa ta’ Alla, kif il-Mulej l-iktar Għoli kien lest jersaq lejn miżera bħal din.

Waqt it-Tqarbin, il-ferħ imlieli ruħi. Ħassejtni magħquda mill-qrib ma’ Alla. Is-setgħa bla tarf Tiegħu dawret l-esseri tiegħi kollu. Matul il-ġurnata kollha ħassejt lil Alla qrib b’mod speċjali; u għalkemm dmirijieti ma ħallewnix il-ġurnata kollha mmur il-kappella lanqas għal mument wieħed, ma kien hemm l-ebda waqt meta jiena ma kontx maqgħuda ma’ Alla. Ħassejtu ġewwa fija iktar ċar milli qatt ħassejtu. Filwaqt li bdejt insellem il-ħin kollu lil Omm Alla u nidħol fl-ispirtu Tagħha, bdejt nitlobha sabiex tgħallimni x’inhi l-vera mħabba ta’ Alla. U mbagħad smajt dan il-kliem: Dal-lejl waqt il-Quddiesa jien ser naqsam miegħek is-sigriet tal-ferħ Tiegħi.

Kilna qabel is-sitta ta’ filgħaxija. Minkejja l-ferħ kollu u l-istorbju estern li kien hemm, meta qsamna l-wejfer (nota80a) u tajna l-awguri lil xulxin, lanqas għal waqt wieħed ma tlift is-sens tal-preżenza ta’ Alla. Wara l-ikel ħaffifna biex nispiċċaw ix-xogħol tagħna, u fid-disgħa stajt immur il-kappella għall-adorazzjoni. Kelli l-permess nibqa’ mqajma u nistenna l-Quddiesa ta’ nofs il-lejl. Fraħt li kelli l-ħin liberu mid-disgħa sa nofs il-lejl. Mid-disgħa sal-għaxra offrejt l-adorazzjoni tiegħi għall-ġenituri tiegħi u għall-intenzjoni tad-Direttur Spiritwali tiegħi. Għall-ewwel raddejt ħajr lil Alla talli tani din l-għajnuna viżibbli hawn fl-art, bħalma kien wegħedni, u tlabt lil Alla wkoll jagħtih id-dawl li għandu bżonn sabiex hu jkun jista’ jsir jaf lil ruħi u jmexxini skont ix-xewqa ta’ Alla. U mill-ħdax sa nofs il-lejl tlabt għall-Knisja Mqaddsa u għall-kleru, għall-midinbin, għall-missjonijiet u għad-djar tal-Kongregazzjoni tagħna. Offrejt l-indulġenzi għall-erwieħ tal-Puragtorju.

Nofs il-lejl, 25 ta’ Diċembru 1934.

347. Quddiesa ta’ Nofs il-Lejl. Meta bdiet il-Quddiesa minnufih ħassejt ġabra kbira interna; ferħ imlieli ruħi. Waqt l-offertorju rajt lil Ġesu’ fuq l-altar; ma tistax tiddeskrivih kemm kien sabiħ. Il-ħin kollu l-Bambin baqa’ jħares lejn kulħadd, b’idejh ċkejknin miftuħa lejna. Waqt l-elevazzjoni, il-Bambin ma kienx qed iħares lejn il-kappella, imma lejn is-sema. Wara l-elevazzjoni reġa’ ħares lejna, imma għal ftit ħin biss, għax ġie maqsum u mittiekel mis-saċerdot bħas-soltu. Il-fardal Tiegħu issa kien abjad. L-għada rajt l-istess ħaġa, u l-ġurnata ta’ wara wkoll. Diffiċli għalija nfisser il-ferħ li kien hemm ġo ruħi. Id-dehra ġiet imtennija fit-tliet Quddisiet bl-istess mod bħalma kien ġara f’dawk tal-ewwel.

1934

348. Il-Ħamis fuq il-Milied. Insejt għal kollox li kien il-Ħamis u għahekk m’għamiltx l-adorazzjoni tiegħi. Fid-disgħa mort direttament id-dormitorju flimkien mas-sorijiet l-oħrajn. Imma, ħaġa stramba, ma stajtx norqod. Qisu kien hemm xi ħaġa li suppost nagħmilha li kont għadni ma għamilthiex. F’moħħi rġajt ftakart fid-dmirijiet tiegħi kollha, u ma stajt niftakar xejn. Bqajt sejra hekk sal-għaxra. Fl-għaxra, rajt Wiċċ Ġesu’ mimli duluri. Imbagħad Ġesu’ qalli dan il-kliem: Ili nistenna sabiex naqsam it-tbatija Tiegħi miegħek, għax min jista’ jifhem it-tbatija Tiegħi aħjar mill-għarusa Tiegħi? Tlabt lil Ġesu’ jaħfirli l-qalb kiesħa tiegħi. Bil-mistħija ma ssugrajtx inħares lejn il-Mulej Ġesu’, imma b’qalb niedma, tlabtu jagħtini xewka waħda mill-kuruna Tiegħu. Hu wieġeb li kien ser jikkonċedili dan il-favur, imma mhux qabel għada, u f’daqqa waħda id-dehra spiċċat.

349. Filgħodu, waqt il-meditazzjoni, ħassejt xewka tweġġgħani fin-naħa tax-xellug ta’ rasi. It-tbatija baqgħet għaddejja l-jum kollu. Bqajt nimmedita il-ħin kollu kif Ġesu’ seta’ jissaporti l-uġigħ ta’ tant xewk li minnu kienet magħmula l-kuruna Tiegħu. Għaqqadt it-tbatija tiegħi mat-tbatijiet ta’ Ġesu’ u offrejtha għall-midinbin. Meta mort għall-adorazzjoni fl-erbgħa, rajt waħda mit-tfajliet li aħna nindukraw qiegħda toffendi lil Alla ħafna bi dnubiet ta’ ħsibijiet impuri. Rajt ukoll ċerta persuna li kienet il-kawża tad-dnub tagħha. Ruħi kienet minfuda bil-biża’, u tlabt lil Alla, għall-imħabba tal-uġigħ ta’ Ġesu’, jaħtfaha minn din il-miżerja terribli.

350. Ġesu’ wieġeb li kien ser jagħtiha din il-grazzja, mhux minħabba fiha, imma minħabba t-talb tiegħi. Issa fhimt kemm għandna nitlobu għall-midinbin, u l-aktar għat-tfajliet li aħna nieħdu ħsieb.

Ħajjitna hija tassew appostolika; jiena ma nistax nistħajjel reliġjuża li qiegħda tgħix f’waħda mid-djar tagħna – jiġifieri fil-Komunita’ tagħna – u ma għandhiex spirtu appostoliku. Ħerqa għas-salvazzjoni tal-erwieħ għandha taqbad fi qlubna.

Djarju ta’ Swor Fawstina – L-1 Pitazz (par.331-340)

L-Ewwel Pitazz – Paragrafi 331-340

monstrance_divine_mercy_rays

331. Kemm hi grazzja kbira li jkollok direttur spirtwali! Wieħed ikun jista’ jagħmel progress iktar malajr fil-virtu’, jara x’inhi r-rieda ta’ Alla b’mod iktar ċar, iwettaqha b’fedelta’ ikbar, u jimxi fit-triq li hi żgura u li ma fihiex perikli. Id-direttur ikun jaf kif jaħrab mill-blat li fuqhom tista’ titfarrak ir-ruħ. Il-Mulej tani din il-grazzja aktar tard, biex ngħid is-sewwa, imma ninsab ferħana ħafna biha, meta nara kif Alla jinklina r-rieda Tiegħu għax-xewqat tad-direttur tiegħi. Ser insemmi ġrajja waħda biss minn elf waħda li ġrawli. Bħalma nagħmel is-soltu, darba waħda filgħaxija, tlabt lill-Mulej Ġesu’ jagħtini l-punti għall-meditazzjoni tal-għada. Jiena rċevejt din it-tweġiba: Immedita l-profeta Ġona u l-missjoni tiegħu. Irringrazzjajt lill-Mulej, imma bdejt naħseb ġewwa fija kemm kien differenti s-suġġett mill-oħrajn. Imma b’ruħi kollha, ppruvajt nimmedita fuqu, u fil-persuna tal-profeta għaraft lili nnifsi, fis-sens li spiss jiena wkoll nipprova nġib ħafna skużi lill-Mulej, għax ngħidlu li xi ħadd ieħor żgur jagħmel ir-rieda qaddisa Tiegħu (aħjar minni), u nuri li ma nifhimx li Alla jista’ jagħmel kollox u li s-setgħa Tiegħu bla qies tkun tista’ tidher aktar ċara jekk l-għodda li juża tkun iktar fqira. Alla wrieni dan b’mod ċar kif issa ser nispjega. Dak in-nhar wara nofsinhar, kien hemm il-qrar għall-komunita’. Meta jiena ppreżentajt quddiem id-direttur ta’ ruħi l-biża’ li qabadni minħabba din il-missjoni li Alla kien qed jużani għaliha, għodda bla grazzja bħali, il-missier spiritwali tiegħi wieġeb li, rridu jew ma rridux, jeħtiġilna nwettqu r-rieda ta’ Alla, u tani l-profeta Ġona bħala eżempju. Wara li qerrejt, bdejt nistagħġeb kif il-konfessur kien jaf li Alla kien qalli nimmedita fuq Ġona; jiena żgur ma kontx għidtlu. Imbagħad smajt dan il-kliem: Meta s-saċerdot ikun qiegħed jaħdem minfloki, ma jaħdimx waħdu, imma naħdem Jiena permezz tiegħu. Ix-xewqat tiegħu huma x-xewqat Tiegħi. Nista’ nara kif Ġesu’ jiddefendi r-rappreżentanti Tiegħu. Huwa stess jidħol fl-azzjonijiet tagħhom.

332. + Il-Ħamis. Meta bdejt is-siegħa adorazzjoni, ridt ngħaddas lili nnifsi fl-agunija ta’ Ġesu’ fil-Ġnien taż-Żebbuġ. Imbagħad smajt vuċi ġewwa ruħi: Immedita fuq l-misteru tal-Inkarnazzjoni. U f’daqqa waħda l-Bambin Ġesu’ deher quddiemi, jiddi bis-sbuħija. Huwa qalli kemm togħġbu lil Alla s-sempliċita’ fir-ruħ. Għalkemm il-kobor Tiegħi jisboq kull għerf, Jiena nikkomunika biss ma’ dawk li huma ċkejknin. Jiena rrid mingħandek tfulija spiritwali.

333. Issa nista’ nara ċar kif Alla jaħdem permezz tal-konfessur u b’liema fedelta’ Huwa jżomm il-wegħdiet Tiegħu. Ġimgħatejn ilu, il-konfessur tiegħi qalli nirrifletti fuq din it-tfulija spiritwali. Kien daqsxejn diffiċli għalija għall-ewwel, imma l-konfessur tiegħi ma tax kas tad-diffikultajiet tiegħi u qalli nirrifletti fuq it-tfulija spirtwali. “Fil-prattika, din it-tfulija spirtwali, (huwa qal) turi lilha nfisha b’dan il-mod: tifel ma jinkwetax fuq l-imgħoddi jew il-ġejjieni, imma jagħmel użu mill-mument ta’ issa. Jiena rrid nisħaq fuq dan ix-xebħ mat-tifel fl-ispiritwalita’ tiegħek, Sor, u nisħaq ħafna fuq din il-ħaġa.” Nista, nara kif Alla jiċċekken daqshekk għax-xewqat tal-konfessur tiegħi; Huwa ma jurix lilu nnifsu lili f’dan il-waqt bħala Għalliem fil-milja ta’ saħħtu u bħala adult, imma bħala Tifel ċkejken. Dak Alla li jisboq kull fehma jidhirli fix-xebħ ta’ Tifel ċkejken.

334. Imma l-għajnejn ta’ ruħi ma jieqfux f’din id-dehra. Għalkemm Inti tieħu s-sura ta’ Tifel ċkejken, jiena nara fik il-Mulej li ma jmut qatt, Sid tas-Sidien, li jadurawk l-ispirti safja lejl u nhar, u li għalik il-qlub tas-Serafini jaqbdu bin-nar tal-imħabba l-iżjed safja. O Kristu, O Ġesu’, jiena rrid ngħaddihom f’imħabbti għalik! Nitolbkom skuża, O spirti safja, talli għandi l-kuraġġ inxebbaħ lili nnifsi magħkom. Jiena, dan l-abbiss ta’ miżerja; u Int, O Alla, li Inti l-abbiss tal-ħniena li ħadd ma jista’ jifhmu, iblagħni bħalma s-sħana tax-xemx taħtaf u tixrob ġewwa fiha qatra nida. Ħarsa mimlija mħabba mingħandek għandha s-setgħa timla kull abbiss. Jiena nħossni kuntenta immens quddiem il-kobor ta’ Alla. Li nara l-kobor ta’ Alla huwa iżjed minn biżżejjed sabiex jagħmilni kuntenta għall-eternita’ kollha!

335. Darba, meta rajt lil Ġesu’ f’sura ta’ tifel ċkejken staqsejtu: “Ġesu’, għaliex qiegħed tieħu s-sura ta’ tfiel bħalissa meta Inti qiegħed tikkomunika miegħi? Minkejja dan jiena xorta waħda għadni nara fik Alla bla tarf, il-Mulej u l-Ħallieq tiegħi.” Ġesu’ wieġeb li sakemm jiena nkun tgħallimt is-sempliċita’ u l-umilta’, Huwa kien ser jikkomunika miegħi bħal tifel ċkejken.

336. + 1934. Waqt il-Quddiesa, meta l-Mulej Ġesu’ kien espost fis-Sagrament Imqaddes, qabel it-Tqarbin jien rajt żewġ raġġi ħerġin mill-Ostja Mqaddsa, preċiż bħalma huma mpenġijin fix-xbieha, wieħed minnhom aħmar u l-ieħor ċar. U kienu riflessi fuq kull waħda mis-sorijiet u t-tfajliet (li konna nieħdu ħsiebhom), imma mhux fuq kollha kemm huma bl-istess mod. Fuq xi wħud minnhom bilkemm stajt narahom ir-raġġi. Kien l-aħħar jum tal-irtir tat-tfal.

337. 22 ta’ Novembru 1934. + F’okkażjoni minnhom id-direttur spirtwali tiegħi (Dun Sopocko) qalli ngħarbel sewwa fija nnifsi u nara sewwa jekk kellix xi rabta ma’ xi oġġett jew kreatura partikolari, jew ukoll miegħi nnifsi; jew jekk jiena kontx ninħela fit-tpaċpiċ bla sens ‘għax dawn l-affarijiet kollha.’ (huwa qal) ‘ifixklu lill-Mulej Ġesu’, li jrid liberta’ sħiħa biex imexxilek ruħek. Alla hu għajjur għal qlubna u jridna nħobbu lilu biss.

338. Meta bdejt infittex fil-qiegħ ġewwa fija ma sibt l-ebda rabta ma’ xi ħaġa, imma bħalma jiġri fl-affarijiet kollha li jikkonċernaw lili hekk ġrali wkoll f’din il-ħaġa, bdejt nibża’ u m’afdajtx lili nnifsi. Ħassejtni għajjiena b’dan l-eżami dettaljat tiegħi nnifsi, għalhekk mort quddiem is-Sagrament Imqaddes u tlabt lil Ġesu’ b’qalbi kollha, “Ġesu’, Għarus tiegħi, Teżor ta’ qalbi, Int taf li jiena naf lilek biss u li jiena m’għandi l-ebda mħabba oħra ħliefek; imma, Ġesu’ li kieku jiena kont ser nintrabat ma’ xi ħaġa li mhix Inti, jiena nitolbok u nerġa’ nitolbok, Ġesu’ bil-qawwa tal-ħniena Tiegħek, ħalli tinżel fuqi mewta f’daqqa, għax jiena nippreferi li mmut għal elf darba milli ma nkunx fidila lejk darba waħda wkoll fl-iċken ħaġa.”

339. F’dak il-waqt, Ġesu’ f’daqqa waħda rajtu quddiemi, ġej minn ma nafx fejn, jiddi bi sbuħija li ma titwemminx, liebes libsa bajda b’dirgħajh merfugħin ‘il fuq, u qalli dan il-kliem: Binti, qalbek hija s-serħan Tiegħi, hija l-għaxqa Tiegħi. Fiha ssib dak kollu li tant erwieħ ma jagħtunix. Għid din il-ħaġa lir-rappreżentant Tiegħi. U mument wara, ma rajt xejn, imma baħar kbir ta’ konsolazzjonijiet daħal ġewwa ruħi.

340. Issa jiena naf li xejn m’hu ser iwaqqaf imħabbti għalik, Ġesu’ la t-tbatija lanqas il-kuntrarju, la nar u lanqas ix-xabla, lanqas l-istess mewt. Inħossni iktar b’saħħti minn dawn l-affarijiet kollha. Xejn ma’ jista’ jħabbatha mal-imħabba. Jiena qiegħda nara li l-iċken affarijiet magħmula minn ruħ li sinċerament tħobb lil Alla għandhom valur enormi fl-għajnejn qaddisa Tiegħu.

Djarju ta’ Swor Fawstina – L-1 Pitazz (par.321-330)

L-Ewwel Pitazz – Paragrafi 321-330

hi-res-cropped-2-14-16-1.jpeg

321. Marda f’daqqa waħda – tbatija mortali. Ma kienx każ ta’ mewt. Jiġifieri, passaġġ għall-ħajja reali, imma tomgħa tat-tbatijiet tal-mewt. Għalkemm tagħtina ħajja eterna, il-mewt hi terribli. F’daqqa waħda, ħassejtni marida, bdejt nipprova nieħu n-nifs, quddiem għajnejja kien hemm id-dlam, marret il-ħajja minn idejja u saqajja – u kien hemm qtigħ ta’ nifs terribli. Ukoll mument wieħed biss ta’ qtigħ ta’ nifs bħal dan huwa twil eternita’… Jiġi fuqna wkoll biża’ stramb minkejja l-fiduċja. Ridt nirċievi l-Griżma tal-Morda, imma kienet ħaġa diffiċli ħafna li nqerr għalkemm xtaqt nagħmlu dan. Wieħed ma jkunx jaf x’ikun qiegħed jgħid, mingħajr ma jispiċċa ħaġa, jibda oħra.

Jalla Alla jżomm lil kull ruħ li ma tħallix il-qrar sal-aħħar siegħa! Jiena fhimt x’qawwa kbira għandu l-kliem tas-saċerdot meta jitferrgħu fuq ruħ l-marid. Meta jiena staqsejt lid-direttur spirtwali tiegħi jekk kontx lesta nidher quddiem il-Mulej u jekk kontx fil-paċi, irċevejt din it-tweġiba: “Tista’ tkun għal kollox fil-paċi, mhux biss issa iżda wara l-qrara kull ġimgħa.” Kbira hi l-grazzja divina li takkumpanja dan il-kliem tas-saċerdot. Ir-ruħ tħoss saħħa u kuraġġ għat-taqbida.

322. O Kongregazzjoni tiegħi, ommi, kemm hi ħaġa ħelwa li ngħix fik, imma hi ħaġa aħjar li mmut fik!

323. Wara li rċevejt il-Griżma tal-Morda, kien hemm titjib ċar. Bqajt waħdi. Din il-ħaġa damet nofs siegħa u mbagħad ġie attakk ieħor; imma dan ma kienx daqshekk qawwi, għax ħa ħsiebi t-tabib.

Jiena għaqqadt it-tbatijiet tiegħi mat-tbatijiet ta’ Ġesu’ u offrejthom għalija nnifsi u għall-konverżjoni tal-erwieħ li ma jafdawx fit-tjubija ta’ Alla. F’daqqa waħda, iċ-ċella tiegħi mtliet b’figuri suwed mimlijin rabja u mibgħeda għalija. Wieħed minnhom qal, “Tkun misħuta, int u Dak li hemm ġewwa fik, għax inti bdejt titturmentana wkoll fl-infern.” Malli jiena għedt, “ U l-kelma saret bniedem u għammret fostna”, il-figuri għebu f’daqqa waħda.

324. L-għada ħassejtni dgħajfa ħafna, imma ma kelli l-ebda tbatija oħra. Wara t-Tqarbin, rajt lill-Mulej Ġesu’ preċiż bħalma kont rajtu waqt adorazzjoni. Il-ħarsa tal-Mulej nifditli ruħi sa ġewwa nett u l-ebda farka trab ma ħarbitlu. U jiena għidtlu lil Ġesu’: “Ġesu’, jiena ħsibt li kont ser teħodni.” U Ġesu’ wieġeb: Għadha ma seħħitx kompletament fik ir-rieda Tiegħi; int ser tibqa’ f’din id-dinja imma mhux għal żmien twil. Togħġobni ħafna l-fiduċja tiegħek, imma l-imħabba tiegħek trid tkun iktar imħeġġa. Imħabba safja tagħti s-saħħa lir-ruħ filwaqt tal-mewt. Meta Jiena kont qed immut fuq is-Salib, ma kontx qed naħseb fuqi nnifsi, imma fuq l-imsejkna midinbin, u tlabt għalihom lil Missieri. Irrid li l-aħħar mumenti tiegħek ikunu bħal Tiegħi fuq is-Salib b’mod sħiħ. Hemm prezz wieħed biss li bih jistgħu jinxtraw l-erwieħ dan hu t-tbatija maqgħuda mat-tbatija Tiegħi fuq is-Salib. Imħabba safja tifhimhom dan il-kliem; imħabba egoista qatt m’hi ser tifhimhom.

325. 1934. Fil-jum tat-Tlugħ fis-Sema ta’ Omm Alla jiena ma smajtx quddies. It-tabiba (nota80) ma ħallitnix; imma tlabt bil-ħerqa fiċ-ċella tiegħi. Ftit wara, rajt lil Omm Alla, ma tistax tiddeskriviha kemm hi sabiħa. Hija qaltli, Binti dak li jiena qiegħda nitlob mingħandek hu talb, talb, u għal darb’oħra talb, għad-dinja u l-aktar għal pajjiżek. Għal disat ijiem tqarben bi tpattija u ngħaqad sewwa mas-Sagrifiċċju tal-Quddiesa. Matul dawn id-disat ijiem int tidher quddiem Alla bħala offerta; dejjem u kullimkien f’kull ħin u f’kull post, lejl u nhar, kull x’ħin tistenbaħ, itlob fl-ispirtu. Fl-ispirtu, dak li jkun jista’ jibqa’ jitlob dejjem.

326. Darba Ġesu’ qalli, Il-ħarsa Tiegħi minn din ix-xbieha hi bħall-ħarsa Tiegħi minn fuq is-Salib.

327. Darba, il-konfessur tiegħi (Dun Sopocko) staqsieni fejn kellha titpoġġa l-iskrizzjoni għax ma kienx hemm spazju biżżejjed għal kollox fix-xbieha. Jiena weġibtu, ‘Issa nitlob u nagħtik it-tweġiba l-ġimgħa d-dieħla.’ Meta ħriġt mill-konfessinarju u kont għaddejja minn quddiem is-Sagrament Imqaddes, irċevejt għarfien interjuri dwar l-iskrizzjoni. Ġesu’ fakkarni f’dak li kien qalli l-ewwel darba’, jiġifieri, li dawn it-tliet kelmiet ikunu jidhru b’mod ċar: ‘Ġesu’, jiena nafda Fik’ (‘Jezu, Ufam Tobie’). Jiena fhimt li Ġesu’ ried li l-formula kollha tkun hemm imma ma tax ordnijiet diretti dwar din il-ħaġa bħalma għamel għal dawn it-tliet kelmiet.

Jiena qiegħed noffri lill-bnedmin mezz li bih huma jkunu jistgħu jiġu għall-grazzji fl-għajn tal-ħniena. Dan il-mezz hu din ix-xbieha bil-firma ‘Ġesu’, jiena nafda Fik.’

328. O Mħabba l-iktar safja, saltan fil-milja kollha Tiegħek ġewwa qalbi u għinni nagħmel ir-Rieda qaddisa Tiegħek bl-akbar fedelta’!

329. Qrib it-tmiem ta’ rtir ta’ tlett ijiem, rajt lili nnifsi miexja fuq passaġġ imħarbat. Bdejt naqa’ l-ħin kollu, u rajt miexja warajja l-figura ta’ persuna li kienet qiegħda tgħinni l-ħin kollu. Ma kontx kuntenta b’din il-ħaġa u tlabt lil din il-persuna tħallini waħdi, għax ridt nimxi waħdi. Imma l-figura, li jiena ma stajtx nagħrafha ma ħallitnix waħdi għal waqt wieħed. Bdejt nitlef il-paċenzja u dort u mbuttajt il-persuna ’l bogħod minni. F’dak il-waqt jiena ħsibt li kienet il-Madre Superjura (Irene), u fl-istess waqt intbaħt li mhux il-Madre Superjura kienet, iżda l-Mulej Ġesu’ li ħares sewwa ġewwa fija u tani x’nifhem kemm kien iweġġa’ Hu meta jiena wkoll fl-iċken affarijiet, ma kontx nagħmel ir-rieda tas-Superjuri tiegħi, li hi r-Rieda Tiegħi, (qalli Hu). Tlabt maħfra lill-Mulej u tajt widen bis-serjeta’ għal din it-twiddiba.

330. + Darba, il-konfessur qalli nitlob għall-intenzjoni tiegħu, u bdejt novena lil Omm Alla. Din in-novena kienet tikkonsisti fit-talba, ‘Salve Reġina’, li kelli nitlob disa’ darbiet. Għall-aħħar tan-novena rajt lil Omm Alla bil-Bambin Ġesu’ f’dirgħajha, u rajt lil konfessur tiegħi għarkobbtejh f’riġlejha u jitkellem magħha. Ma stajtx nifhem x’kien qed jgħidilha għax jiena kont mitlufa nitkellem mal-Bambin Ġesu’, li niżel min dirgħajn Ommu u resaq lejja. Ma stajtx nieqaf nammira s-sbuħija Tiegħu. Smajt ftit mill-kliem li Omm Alla kienet qiegħda tgħidlu (jiġifieri, lill-konfessur tiegħi) imma mhux kollox. (Il-kliem kien): Jiena mhux biss is-Sultana tas-Sema, imma wkoll Omm il-Ħniena u Ommok. U f’dak il-waqt ħarġet idha l-leminija, fejn kienet qiegħda żżomm il-mantell tagħha, u għattiet lis-saċerdot bih. F’dak il-waqt, għebet id-dehra.

Djarju ta’ Swor Fawstina – L-1 Pitazz (par.311-320)

L-Ewwel Pitazz – Paragrafi 311-320

unnamed-17-740x493

311. Meta rċevejt il-permess mill-konfessur tiegħi (Dun Sopocko) sabiex nagħmel dan l-att ta’ vittma, malajr sirt naf li lil Alla għoġbitu, għax minufih beda jkolli esperjenza tal-effetti tagħha. F’waqt wieħed ruħi saret bħal ġebla – imnixxfa, mimlija turmenti u nkwiet. Kull xorta ta’ dagħa u saħta bdew jagħfsu fuq widnejja. Nuqqas ta’ fiduċja u qtigħ ta’ qalb imlewli qalbi. Din hi l-kundizzjoni tan-nies imsejkna, li jien ħadt fuqi nnifsi. Għall-ewwel, beżżgħuni ħafna dawn l-affarijiet koroh, imma fl-ewwel qrara (li stajt nagħmel), kelli l-paċi.

312. + Darba meta ħriġt mill-kunvent biex immur inqerr (fil-knisja ta’ San Mikiel), inzertajt il-konfessur tiegħi (Dun Sopocko) qiegħed iqaddes propju dak il-ħin.Wara ftit rajt lill-Bambin Ġesu’ fuq l-altar , jiftaħlu jdejh ferħan qisu jrid jilgħab miegħu. Imma mument wieħed wara, is-saċerdot ħa t-Tifel ċkejken sabiħ f’idejh, qasmu u kielu ħaj. F’dak il-waqt ħassejt stmerrija għas-saċerdot għal din il-ħaġa li għamel lil Ġesu’, imma minnufih irċevejt id-dawl f’din il-ħaġa u fhimt lil Alla dan is-saċerdot kien jogħġbu ħafna.

313. Darba, meta kont qiegħda nżur l-artist (Eugene Kazimierowksi) li kien qiegħed ipitter ix-xbieha, u rajt li ma kenitx sabiħa bħalma hu sabiħ Ġesu’, ħassejtni qalbi sewda ħafna dwar din il-ħaġa, imma ħbejtha sewwa f’qalbi. Meta tlaqtna mid-dar tal-artist, il-Madre Superjura (Irene) baqgħet fil-belt biex tirranġa xi affarijiet filwaqt li jiena rġajt mort lura d-dar waħdi. Mort minnufih fil-kappella u bkejt ħafna. Għidt lill-Mulej, “Min ser ipenġik sabiħ kif Int?” Imbagħad smajt dan il-kliem: ‘Il-kobor ta’ din ix-xbieha qiegħed mhux fis-sbuħija tal-kulur, lanqas tal-pinzell imma fil-grazzja Tiegħi.’

314. + Meta darba, wara nofsinhar, mort fil-ġnien l-Anġlu Kustodju tiegħi qalli, “Itlob għall-moribondi.” U għalhekk mill-ewwel bdejt nitlob ir-Rużarju flimkien mal-ġenniena għall-moribondi. Wara r-Rużarju, għidna diversi talb għall-moribondi. Wara t-talb, l-istudenti bdew ipaċpċu bejniethom ferħanin. Minkejja l-istorbju li kienu qegħdin jagħmlu, smajt dan il-kliem ġewwa ruħi: “Itlob għalija!” Imma billi ma stajtx nifhem sewwa dan il-kliem, imxejt ftit passi ‘l bogħod mill-istudenti, nipprova naħseb f’min seta’ kien li kien qed jitlobni nitlob. Imbagħad smajt il-kliem: “Jiena Sor…” (nota78) Din is-soru kienet Varsavja filwaqt li dak iż-żmien, jiena kont qiegħda Vilnius. “Itlob għalija sakemm ngħidlek tieqaf. Jiena qiegħda mmut.” Jiena bdejt minnufih nitlob għaliha bil-ħerqa (u ndirizzajt lili nnifsi) lill-Qalb agonizzanti ta’ Ġesu’. Hija ma ħallitniex bi kwieti, u jiena bqajt nitlob mit-tlieta sal-ħamsa. Fil-ħamsa, smajt il-kliem ‘Grazzi!’ u fhimt li kienet mietet. Imma waqt il-Quddies il-għada, komplejt nitlob bil-ħerqa għal ruħha. Wara nofsinhar, waslet kartolina bl-aħbar li Swor…. kienet mietet fit-tali ħin. Jiena fhimt li dan li kien seħħ f’dik l-istess siegħa meta hi kienet qaltli, ‘Itlob għalija.’

315. + Omm Alla, Ruħek kienet mgħaddsa f’baħar ta’ mrar; ħares lejn bintek u għallimha tbati u tħobb waqt li hi qiegħda tbati. Saħħaħli ruħi u tħallix it-tbatijiet inaqqsuli l-ħeġġa. Omm tal-grazzja, għallimni ngħix (bil-qawwa ta’) Alla.

316. Darba, ġiet l-Omm ta’ Alla żżurni. Kellha qalbha sewda, għajnejha jħarsu ‘l isfel. Għamlithieli ċara li riedet tgħidli xi ħaġa u fl-istess ħin, mill-banda l-oħra, kienet qisha ma tridx tkellimni dwar din il-ħaġa. Meta jiena fhimt, bdejt nitlob bil-ħerqa lil Omm Alla biex tgħidli dak li riedet tgħidli, u tħares lejja. F’dak il-ħin Marija ħarset lejja bi tbissima dħulija u qaltli, Int ser tgħaddi minn esperjenza ta’ xi sofferenza minħabba marda u t-tobba; se tbati ħafna wkoll minħabba x-xbieha. Imma m’għandek tibża’ minn xejn. L-għada mradt u batejt ħafna, bħalma kienet qaltli Omm Alla. Imma ruħi kienet lesta għat-tbatijiet. It-tbatija takkumpanjani ħajti kollha.

317. O Alla tiegħi, it-tama waħdanija tiegħi, jiena poġġejt il-fiduċja kollha tiegħi fik, u naf li minix ser inkun diżappuntata.

318. Spiss inħoss il-preżenza ta’ Alla wara t-Tqarbin b’mod speċjali u tanġibbli. Naf li Alla jkun jinsab ġewwa qalbi. U l-fatt li jiena nħossu ġewwa qalbi ma jtellifnix fi dmirijieti. Ukoll meta nkun qiegħda moħħi f’affarijiet importanti ħafna li jkunu jridu l-attenzjoni, ma nitlifx il-preżenza ta’ Alla ġewwa ruħi, u nkun maqgħuda miegħu mill-qrib. Miegħu mmur għax-xogħol, miegħu mmur għar-rikreazzjoni, miegħu nbati, miegħu nifraħ; ngħix fih u Hu jgħix fija. Qatt ma nkun waħdi, għax Hu miegħi l-ħin kollu. Huwa jkun preżenti għalija f’kull waqt. L-intimita’ tagħna hija profonda, permezz ta’ għaqda ta’ demm u ta’ ħajja.

319. 9 ta’Awissu 1934. Adorazzjoni ta’ billejl ta’ kull nhar ta’ Ħamis. (nota79) Għamilt is-siegħa adorazzjoni tiegħi mill-ħdax ta’ billejl sa nofs illejl. Offrejtha għall-konverżjoni ta’ midinbin li jkunu webbsu qalbhom, l-aktar ta’ dawk li jkunu tilfu t-tama fil-ħniena ta’ Alla. Kont qiegħda naħseb kemm bata Alla u kemm hi kbira l-imħabba li Hu wera għalina; u fuq il-fatt li aħna għandna m’aħniex nemmnu li Alla jħobbna daqshekk. O Ġesu’ min jista’ jifhimha din il-ħaġa? Xi tbatija kbira hi din, għas-Salvatur tagħna! Kif jista’ jikkonvinċina? Sejjaħt il-ġenna kollha sabiex tingħaqad miegħi, sabiex inpatti lill-Mulej għall-ingratitudni ta’ xi erwieħ.

320. Ġesu’ għarrafni kemm tassew jogħġbu t-talb ta’ tpattija. Qalli: It-talba ta’ ruħ umli mimlija mħabba żżarma l-korla ta’ Missieri u tiġbed baħar kbir ta’ barkiet. Wara l-adorazzjoni, meta kont nofs triq lejn iċ-ċella tiegħi, dawruni qatta klieb enormi suwed jaqbżu u jinbħu b’kemm għandhom saħħa u jippruvaw itertquni biċċiet. Jien ntbaħt li ma kinux klieb, imma demonji. Wieħed minnhom tkellem mimli rabja, “Aħna ser inqattgħuk biċċiet għax inti l-lejla ħtaftilna tant erwieħ minn idejna.” Weġibt, “Jekk din hija r-rieda ta’ Alla l-iżjed ħanin, qattgħuni biċċiet, għax jiena ġustament immeritajt dan, għax jiena midinba l-iktar imsejkna, u Alla hu dejjem qaddis, ġust u mimli ħniena bla tarf.” Għal dan il-kliem id-demonji kollha wieġbu b’vuċi waħda: “Ejjew naħarbu, għax mhix waħedha; Dak li jista’ kollox hu magħha!” U f’daqqa waħda għebu bħat-trab, filwaqt li jiena ssuktajt lejn iċ-ċella tiegħi mingħajr iktar tfixkil, spiċċajt it-Te Deum tiegħi filwaqt li komplejt naħseb dwar il-ħniena infinita u bla tarf ta’ Alla.

Djarju ta’ Swor Fawstina – L-1 Pitazz (par.301-310)

L-Ewwel Pitazz – Paragrafi 301-310

eccb286c0c68c5a4796d65658d433e50

301. Xandar li l-ħniena hija l-ikbar attribut ta’ Alla. Il-ħidmiet ta’ idejja huma nkurunati bil-ħniena.

302. + O Mħabba Eterna, jiena rrid li l-erwieħ kollha li Int ħlaqt isiru jafuk. Nixtieq kieku nkun saċerdot, għax kieku kont inkellem bla waqfien fuq l-ħniena Tiegħek lill-erwieħ midinbin li jinsabu mgħarrqin fid-disperazzjoni. Nixtieq inkun missjunarju u nġorr id-dawl tal-fidi lin-nazzjonijiet mhux ċivilizzati sabiex l-erwieħ isiru jafuk, u li nkun ikkunsmata kollni kemm jiena għalihom u mmut mewta ta’ martri, bħalma Inti mitt għalihom u għalija. O Ġesu’, jiena naf wisq tajjeb li nista’ nkun saċerdot missjunarju predikatur, u li nista’ mmut mewta ta’ martri jekk niżvojta lili nnifsi għal kollox u niċħad lili nnifsi għall-imħabba Tiegħek, Ġesu’, u tal-erwieħ immortali.

303. Imħabba kbira tista’ tbiddel affarijiet żgħar f’affarijiet kbar, u hija l-imħabba biss li tagħti valur lill-azzjonijiet tagħna. U iktar ma tissaffa l-imħabba tagħna, ikun hemm inqas affariijiet ġewwa fina li bihom jistgħu jitkebbsu l-fjammi tat-tbatija, u t-tbatija ma tibqax tbatija għalina, issir għaxqa! Bil-grazzja ta’ Alla, jiena rċevejt dispożizzjoni bħal din ġewwa qalbi li qatt ma nkun daqshekk kuntenta bħalma meta jiena nbati għal Ġesu’, li jiena nħobbu b’kull taħbita ta’ qalbi.

Darba meta kont qiegħda nbati ħafna, tlaqt xogħli u ħrabt għal għand Ġesu’ u tlabtu jagħtini s-saħħa Tiegħu. Wara talba qasira ħafna mort lura fuq xogħli mimlija entużjażmu u ferħ. Imbagħad, waħda mis-sorijiet (aktarx Swor Justine) qaltli, “Illum għandek ħafna konsolazzjonijiet, Sor, tidher tarmi l-ferħ. Alla żgur mhux jagħtik tbatija, imma konsolazzjonijiet biss.” “Għandek żball kbir, Sor”, weġibt jiena, “għax preċiżament meta jiena nkun qiegħda nbati ħafna li l-ferħ tiegħi jikber; u meta nbati inqas; jonqos ukoll il-ferħ tiegħi.” Imma dik ir-ruħ kienet qiegħda turini li ma kenitx qed tifhem x’kont qiegħda ngħid. Ippruvajt infhemha li, meta aħna nbatu ħafna, ikollna ċans kbir nuru lil Alla kemm inħobbuh; imma meta nbatu ftit, ikollna inqas okkażjoni nuru lil Alla mħabbtina; u meta ma nbatu xejn, imħabbitna la tkun kbira u lanqas safja. Bil-grazzja ta’ Alla, nistgħu nilħqu punt fejn it-tbatija issir għaxqa f’għajnejna, għax l-imħabba tista’ tagħmel dawn l-affarijiet possibli f’erwieħ safja.

304. + O Ġesu’ tiegħi, it-tama waħda tiegħi, grazzi għall-ktieb li Inti ftaħtli quddiem l-għajnejn ta’ ruħi. Dak il-ktieb hu l-Passjoni Tiegħek li Inti għaddejt minnha għax Inti tħobbni. Huwa minn dan il-ktieb li jiena tgħallimt kif għandi nħobb lil Alla u lill-erwieħ. F’dan il-ktieb aħna nsibu teżori bla għadd. O Ġesu’ kemm huma ftit l-erwieħ li jifhmuk fil-martirju Tiegħek ta’ mħabba! Kemm hu kbir in-nar ta’ mħabba l-iżjed safja li hemm taqbad fil-Qalb Mqaddsa Qaddisa Tiegħek! Imbierka r-ruħ li waslet li tifhem l-imħabba tal-Qalb ta’ Ġesu’!

305. Hija l-ikbar xewqa tiegħi li l-erwieħ jagħrfuk bħala l-ferħ etern tagħhom, li huma jaslu li jemmnu fit-tjubija Tiegħek u jigglorifikaw il-ħniena nfinita’ Tiegħek.

306. Jiena tlabt lill-Mulej jagħtini l-grazzja li n-natura tiegħi tkun kapaċi tirreżisti l-qawwiet li xi drabi jippruvaw jiġbduni ‘l bogħod mill-ispirtu tar-regola tagħna u mir-regoli inqas importanti. Dawn id-difetti ċkejknin huma bħal kamla żgħira li tipprova teqred il-ħajja spiritwali minn ġewwa fina, u żgur teqridha jekk r-ruħ ma tintebaħx b’dawn id-difetti żgħar u tibqa’ ma tagħtix kashom għax huma affarijiet żgħar. Jiena ma nista’ nara xejn li hu żgħir fil-ħajja reliġjuża. Hija ħaġa żgħira li jiena xi drabi inkun vittma ta’ nkejja u żufjett, sakemm l-ispirtu tiegħi jibqa’ f’armonija mal-ispirtu tar-regoli, il-voti u l-istatuti reliġjużi.

O Ġesu’ tiegħi, għaxqa ta’ qalbi, Inti taf jien x’nixtieq. Li kont nista’, ninħeba minn għajnejn in-nies sabiex inkun bħal xi ħadd li hu ħaj u fl-istess ħin mhux ħaj. Irrid ngħix safja bħal fjura selvaġġa; irrid li mħabbti tkun indirizzata dejjem lejk, bħalma fjura dejjem iddur max-xemx. Irrid li l-fwieħa u l-ħajja friska tal-fjura ta’ qalbi tkun dejjem ippreservata għalik biss. Irid ingħix taħt il-ħarsa divina Tiegħek, għaliex Int biss biżżejjed għalija. Meta jiena nkun miegħek, Ġesu’ ma nibża’ minn xejn, għax xejn ma jista’ jagħmili ħsara.

307. + 1934 Darba waqt ir-Randan, rajt dawl kbir u dalma kbira fuq id-dar u l-kappella. Rajt it-taqbida bejn dawn iż-żewġ setgħat…

308. Ħamis ix-Xirka. Ġesu’ qalli, Jiena nixtieq li inti tagħti lilek innifsek għall-midinbin u l-aktar għal dawk l-erwieħ li tilfu t-tama fil-ħniena ta’ Alla.

Alla u l-erwieħ. Att ta’ Vittma

309. Quddiem is-sema u l-art, quddiem il-kori kollha tal-Anġli, quddiem l-Imqaddsa Verġni Marija, quddiem il-Qawwiet kollha tas-Sema, jiena niddikjara, lil Alla wieħed fi tliet persuni, li llum f’għaqda ma’ Ġesu’ Kristu, Feddej tal-erwieħ, jiena minn rajja noffri lili nnifsi għall-konverżjoni tal-midinbin, l-aktar għal dawk l-erwieħ li tilfu t-tama fil-ħniena ta’ Alla. Din l-offerta tikkonsisti filli jiena naċċetta b’att ta’ sottomissjoni sħiħa għar-rieda ta’ Alla, it-tbatijiet kollha, il-beżgħat u t-terruri li bihom huma mimlijin l-midinbin. Minflok dawn, jiena nagħtihom il-konsolazzjonijiet kollha li ruħi tirċievi mill-għaqda tiegħi ma’ Alla. F’kelma waħda, jiena noffri kollox għalihom: il-quddies, Tqarbin, penitenzi, mortifikazzjonijiet, talb. Ma nibżax mid-daqqiet, id-daqqiet tal-ġustizzja divina, għax jiena maqgħuda ma’ Ġesu’. O Alla tiegħi, b’dan il-mod irrid inpattilek għall-erwieħ li ma jafdawx fit-tjubija Tiegħek. Jiena nittama kontra kull tama fl-oċejan tal-ħniena Tiegħek. Mulej tiegħi, u Alla tiegħi, sehmi – sehmi għal dejjem, jiena ma nibbażax dan l-att ta’ vittma fuq is-saħħa tiegħi stess, imma fuq is-saħħa li toħroġ mill-merti ta’ Ġesu’ Kristu. Kuljum ser nirrepeti dan l-att ta’ vittma tiegħi nnifsi billi ngħid it-talba li ġejja li Inti stess għallimtni, Ġesu’:

“O Demm u Ilma li ħriġtu mill-Qalb ta’ Ġesu’ bħala għajn ta’ ħniena għalina, jiena nafda Fik!”

Swor M. Fawstina tas-Sagrament Imqaddes.
Ħamis ix-Xirka, waqt il-Quddiesa, 29 ta’ Marzu 1934.

310. Jiena qiegħed nagħtik sehem fil-fidwa tal-umanita’. Inti faraġ fis-siegħa tal-mewt Tiegħi.

Djarju ta’ Swor Fawstina – L-1 Pitazz (par.291-300)

L-Ewwel Pitazz – Paragrafi 291-300

1200px-Divine_Mercy_Sanctuary_in_Vilnius4

291. Darba jien rajt persuna ser tagħmel dnub mejjet. Jien tlabt lill-Mulej jibgħatli l-ikbar torturi sabiex dik ir-ruħ issalva. Imbagħad f’daqqa waħda ħassejt l-uġigħ terribli tal-kuruna tax-xewk fuq rasi. Damet għal żmien twil mhux ħażin, imma dik il-persuna baqgħet fil-grazzja tal-Mulej. O Ġesu’ tiegħi, kemm hija ħaġa faċli li wieħed isir qaddis; kulma hemm bżonn ftit rieda tajba. Jekk Ġesu’ jara din id-daqsxejn rieda tajba fir-ruħ Huwa jgħaġġel sabiex jagħti lilu nnifsu lir-ruħ, u xejn ma jwaqqfu, la difetti u lanqas waqgħat – assolutament xejn. Ġesu’ jkun anzjuż li jgħinha lil dik ir-ruħ, u jekk hija tibqa’ fidila għal din il-grazzja minn Alla, f’qasir żmien tkun tista’ tilħaq l-ogħla grad ta’ qdusija possibli għall-kreatura hawn fl-art. Alla hu ġeneruż u ma jiċħad il-grazzja Tiegħu lil ħadd. Fil-fatt, huwa jagħti ħafna iktar milli nitolbuh. Fedelta’ lejn l-ispirazzjonijiet tal-Ispirtu s-Santu – din hija l-iqsar rotta.

292. + Meta ruħ tħobb lil Alla sinċerament, hi m’għandha tibża’ minn xejn fil-ħajja spirtwali. Għandha tissottometti ruħha għall-azzjoni tal-grazzja, u m’għandha tpoġġi fuqha innfisha l-ebda restrizzjoni meta tikkomunika mal-Mulej.

293. + Meta Ġesu’ affaxxinani bis-sbuħija Tiegħu u ġibidni lejh, jiena mbagħad rajt x’kien hemm f’ruħi li ma kienx jogħġbu u ddeċidejt li neħħieh, jiswieli x’jiswieli; u bl-għajnuna tal-grazzja ta’ Alla; neħħejtu mill-ewwel. Din il-qalb kbira għoġbitu lill-Mulej, u minn dak il-waqt Alla beda jagħtini grazzji ikbar. Fil-ħajja interjuri tiegħi qatt ma nuża r-raġuni; ma nanalizzax it-toroq li jmexxini fihom l-Ispirtu ta’ Alla. Għalija biżżejjed li naf li jiena maħbuba u li jiena nħobb, Imħabba safja tagħmilhieli possibli li nkun naf lil Alla u nifhem ħafna misteri. Il-konfessur tiegħi huwa oraklu għalija. Il-kelma tiegħu hija sagra għalija – qiegħda nitkellem dwar id-Direttur Spiritwali (Dun Sopocko).

294. + Darba l-Mulej qalli: Ġib ruħek bħal tallab li ma jitlaqx meta jirċievi iktar flus (milli jkun talab), imma jrodd il-ħajr b’ħeġġa ikbar. Inti wkoll m’għandekx titlaq u tgħid li m’intix denja li tirċievi grazzji ikbar meta jiena nagħtihomlok. Jiena naf li m’intix denja, imma ifraħ iżjed u iżjed u ħu miegħek kemm tista’ teżori mill-Qalb Tiegħi daqskemm inti tiflaħ iġġorr, għax imbagħad inti togħġobni iktar. U Jiena ngħidlek ħaġa oħra: ħu dawn il-grazzji mhux għalik biss, imma wkoll għall-oħrajn; jiġifieri, ħajjar lill-erwieħ li inti tiġi f’kuntatt magħhom jafdaw fil-ħniena Tiegħi bla tarf. Kemm inħobb lil dawk l-erwieħ li juru fiduċja sħiħa Fija! Jiena nagħmel kollox għalihom.

295. + F’dak il-waqt Ġesu’ staqsieni, Binti, kif inhu sejjer l-irtir tiegħek? Jiena weġibt. “Imma Ġesu’ inti taf kif inhu sejjer.” Iva, Jiena naf, imma rrid nismagħha mingħandek stess u minn qalbek. O Mgħallem tiegħi, meta tkun tmexxini Inti, kollox imur sewwa, u jiena qiegħda nitolbok, Mulej, li qatt ma tħallini.” U Ġesu’ qal, Iva, Jiena nkun miegħek dejjem, jekk int tibqa’ dejjem tifla ċkejkna u ma tibża’ minn xejn. Bħalma Jiena kont il-bidu tiegħek hawnhekk, hekk ukoll inkun it-tmiem tiegħek. Toqgħodx tiddependi minn kreaturi oħra, ukoll fl-iċken affarijiet, għax din il-ħaġa ma togħġobnix. Jiena rrid inkun waħdi ġewwa ruħek. Jiena nagħti dawl u saħħa lil ruħek, u inti titgħallem mingħand ir-rappreżentant Tiegħi li Jiena qiegħed fik, u l-inċertezza tiegħek tisparixxi bħalma ċ-ċpar jgħib quddiem ir-raġġi tax-xemx.

296. + O Tjieba l-Aktar Għolja, jiena rrid inħobbok bħalma qatt ħadd ma ħabbek fuq din l-art! Jiena rrid nadurak b’kull mument ta’ ħajti u ngħaqqad ir-rieda tiegħi mill-qrib mar-rieda qaddisa Tiegħek. Ħajti mhix bla interess jew monotona, imma hija varjata bħal ġnien mimli fjuri jfuħu, sakemm nasal fejn ma nafx liema fjura rrid naqta’ l-ewwel, il-ġilji tat-tbatija jew il-warda tal-imħabba tal-proxxmu jew il-vjola tal-umilta’. Minix sejra nagħmel lista ta’ dawn it-teżori li jfawwru kull jum ta’ ħajti. Hija ħaġa kbira li inti tkun taf li għandek tagħmel użu mill-mument ta’ issa.

297. + Ġesu’, Dawl l-Aktar Għoli, agħtini l-grazzja li nkun naf lili nnifsi, u infed id-dlamijiet ta’ ruħi bid-Dawl Tiegħek, u imla l-abbiss ta’ruħi bik stess, għaliex Inti biss (…)

298. O Ġesu’ tiegħi, li Inti l-Ħajja, it-Triq u l-Verita’, jiena nitolbok iżżommni qrib Tiegħek bħalma omm iżżomm it-tarbija tagħha magħfusa magħha, għax jiena mhux biss tarbija bla saħħa, imma jiena taħlita u ġabra ta’ miżerja u xejn.

Il-Misteru tar-Ruħ. Vilnius,1934

299. Meta, darba, l-konfessur tiegħi qalli nsaqsi lill-Mulej Ġesu’ xi jfissru ż-żewġ raġġi fix-xbieha, (nota77) jiena weġibt, ‘Tajjeb ħafna, nistaqsi lill-Mulej.’

Waqt it-talb jiena smajt dan il-kliem ġewwa fija: Iż-żewġ raġġi jfissru Demm u Ilma. Ir-raġġ l-abjad jissimbolizza l-Ilma li jsaffi lill-erwieħ u jagħmilhom ġusti. Ir-raġġ l-aħmar jissimbolizza d-Demm li hu l-ħajja tal-erwieħ…

Dawn iż-żewġ raġġi ħarġu mill-qiegħ nett tal-ħniena tenera Tiegħi meta l-Qalb agonizzanti Tiegħi ġiet minfuda b’lanza fuq s-Salib.

Dawn ir-raġġi iħarsu lill-erwieħ mill-korla ta’ Missieri. Ħieni dak li jgħammar għall-kenn tagħhom, għax l-id ġusta ta’ Alla ma tmissux. Jiena nixtieq li l-Ewwel Ħadd fuq l-Għid ikun il-Festa tal-Ħniena.

300. + Għid lis-serv fidil Tiegħi (Dun Sopocko) li f’dan il-jum, huwa għandu jgħid lid-dinja kollha bil-ħniena kbira Tiegħi; li kull min jersaq lejn l-Għajn tal-Ħajja f’dan il-jum jingħata maħfra sħiħa ta’ dnubietu u l-kastig tagħhom.

+ Il-bnedmin ma jkollhomx paċi sakemm ma jdurux bil-fiduċja lejn il-Ħniena Tiegħi.

+ O kemm iweġġagħni n-nuqqas ta’ fiduċja tar-ruħ! Ruħ bħal din tgħid li Jiena Qaddis u Ġust, imma ma temminx li Jiena Ħniena u ma tafdax fit-tjubija Tiegħi. Ukoll ix-xjaten jigglorifikaw il-Ġustizzja Tiegħi, imma ma jemmnux fit-tjubija Tiegħi.

Qalbi tifraħ b’dan it-titlu ta’ Ħniena.

Djarju ta’ Swor Fawstina – L-1 Pitazz (par.281-290)

L-Ewwel Pitazz – Paragrafi 281-290

5824193464_e9733f3481_b

281. Jiena nħossni ċerta li l-missjoni tiegħi mhix ser tispiċċa ma’ mewti, imma tibda. Intom erwieħ li tiddubitaw, jiena nneħħilkom minn quddiem għajnejkom il-velijiet tal-ġenna sabiex nipperswadikom kemm Hu twajjeb Alla, sabiex ma tkomplux iżjed tidorbu l-Qalb l-iżjed ħelwa ta’ Ġesu’ bin-nuqqas ta’ fiduċja tagħkom. Alla hu Mħabba u Ħniena.

282. Darba l-Mulej qalli: Qalbi tqanqlet bi ħniena kbira lejk, binti l-iżjed għażiża, meta rajtek imtertqa minħabba l-uġigħ kbir li inti batejt meta ndimt minn dnubietek, Jiena qed nara mħabbtek, hekk safja u vera li Jiena nagħtik l-ewwel post fost il-Verġni, Inti l-unur u l-glorja tal-Passjoni Tiegħi. Nara kull sforz sabiex inti ċċekken lilek innifsek, u xejn ma jaħrab l-attenzjoni Tiegħi. Jiena ngħolli l-umli sa l-istess tron Tiegħi għax Jiena hekk irrid.

Alla, Wieħed fit-Trinita’ Qaddisa

283. Jiena rrid inħobbok bħalma ebda ruħ umana s’issa qatt ma ħabbitek; u għalkemm jiena għal kollox miżerabbli u ċkejkna, ankrajt il-fiduċja tiegħi fil-fond tal-abbiss tal-ħniena Tiegħek, O Alla u Ħallieq tiegħi! Minkejja l-miżerja kbira tiegħi, ma nibża’ minn xejn, imma nittama li nkantalek innu ta’ glorja għal dejjem. L-ebda ruħ, anqas l-iktar waħda msejkna, m’għandha taqa’ vittma tad-dubju għax, sakemm wieħed ikun għadu ħaj jista’ jsir qaddis kbir, daqshekk kbira hi l-qawwa tal-grazzja t’Alla. Il-parti tagħna hija biss li ma noħduhiex kontra l-ħidma ta’ Alla.

284. O Ġesu’, li kieku stajt insir bħal ċpar quddiem għajnejk, sabiex niksi l-art u Inti ma tkunx tista’ tara l-ħtijiet terribli tagħna. Ġesu’, meta jiena nħares lejn id-dinja u l-indifferenza tagħha lejk, jerġa’ joħroġ id-dmugħ minn għajnejja; imma meta nħares lejn ir-ruħ bierda ta’ xi persuna reliġjuża, qalbi tnixxi d-demm.

285. 1934. Darba meta rġajt lura fiċ-ċella tiegħi, kont hekk għajjiena li kelli nieqaf nistrieħ għal mument qabel ma bdejt ninża’, u meta kont inżajt, waħda mis-sorijiet talbitni nġibilha ftit misħun. Għalkemm kont għajjiena, ilbist malajr u ġibtilha l-ilma li xtaqet għalkemm kien hemm mixja mhux ħażin miċ-ċella sal-kċina, u kelli ngħoddos sal-għarqub fit-tajn. Meta rġajt dħalt fiċ-ċella tiegħi, rajt il-pissidi bis-Sagrament Imqaddes u smajt din il-vuċi, Ħu dan il-pissidi u ħudu fit-tabernaklu. Għall-ewwel bqajt lura, imma meta rsaqt u missejtu, smajt dan il-kliem: Ersaq lejn waħda mis-sorijiet bl-istess imħabba li biha int tersaq lejja; u kulma tagħmel għalihom qisek qed tagħmlu Għalija. Sekonda wara, indunajt li kont waħdi.

286. + Darba wara adorazzjoni għal pajjiżna, uġigħ nifidli ruħi, u jiena bdejt nitlob b’dan il-mod. “Ġesu’, l-aktar ħanin, jiena nitolbok permezz tal-interċessjoni tal-Qaddisin Tiegħek u speċjalment tal-Omm l-aktar għażiża Tiegħek li ħadet ħsiebek minn tfulitek, bierek lil pajjiżi. Nitolbok Ġesu’, tħarisx lejn dnubietna, imma ħares lejn id-dmugħ tat-tfal ċkejknin, lejn il-ġuħ u l-kesħa li jbatu. Ġesu’ minħabba dawk l-innoċenti, agħtini l-grazzja li qiegħda nitolbok għal pajjiżi.” F’dak il-waqt, rajt lill-Mulej Ġesu’, għajnejh mimlijin dmugħ u qalli: Qiegħda tara, binti, x’kompassjoni kbira Jiena għandi għalihom. Kun af li huma qegħdin iżommu d-dinja.

287. + Ġesu’ tiegħi, meta nħares lejn din il-ħajja tal-erwieħ, nara li ħafna minnhom iservuk b’xi nuqqas ta’ fiduċja. F’xi żminijiet, l-aktar meta jkun hemm opportunita’ biex juru l-imħabba tagħhom lejn Alla, narahom jaħarbu mill-kamp tal-battalja. U darba Ġesu’ qalli: Inti wkoll, binti, trid ġġib ruħek bħalhom? Jiena weġibt lill-Mulej. “Le, Ġesu’ tiegħi, jiena qatt ma ser nirtira mill-kamp tal-battalja wkoll jekk joħroġ għaraq tal-mewt minn ġbini; qatt ma sejra nitlaq ix-xabla minn idi sakemm nistrieħ f’riġlejn is-Santissma Trinita’.” Nagħmel x’nagħmel, ma nistrieħx fuq saħħti biss imma fuq il-grazzja ta’ Alla. Bil-grazzja ta’ Alla, ruħ tista’ tirbaħ l-ikbar diffikultajiet.

288. + Darba, meta kelli diskursata twila ma’ Ġesu’ dwar l-istudenti tagħna, it-tjubija Tiegħu għamlitli l-qalb u għidtlu, “Fost l-istudenti tagħna, hemm xi ħadd li hu ta’ faraġ għal Qalbek?” Il-Mulej wieġeb (li) Hu għandu lil xi ħadd ‘imma l-imħabba tagħhom hija dgħajfa, u għalhekk Jiena qiegħed inpoġġihom f’idejk b’mod speċjali – itlob għalihom.’

O Alla kbir, jiena nammira t-tjubija Tiegħek! Inti l-Mulej tal-qtajja’ tas-sema, u xorta waħda tiċċekken daqshekk għall-kreaturi msejknin Tiegħek. B’liema ħerqa nixtieq inħobbok b’kull taħbita ta’ qalbi! Il-wisa’ kollha tal-art mhix biżżejjed għalija, il-ġenna hija żgħira wisq, u l-ispazju infinit m’hu xejn; Inti biss biżżejjed għalija, Alla Etern. Inti biss tista’ timla l-qigħan ta’ruħi.

289. L-iktar waqtiet sbieħ tiegħi huma meta nkun ninsab waħdi mal-Mulej tiegħi. F’dawn il-mumenti jkolli esperjenza ta’ kobor ta’ Alla u tal-miżerja tiegħi stess.

Darba Ġesu’ qalli: M’għandekx teħodha bi kbira li xi drabi jakkużawk bla ħtija. Jiena stess kont l-ewwel wieħed li xrobt din it-tazza ta’ tbatija li ma kenitx tistħoqqli, għax inħobbok.

290. Darba meta kont impressjonata sewwa bil-ħsieb tal-eternita’ u l-misteri tagħha, ruħi saret beżgħana; u meta ħsibt fuqhom għal ftit ħin ieħor diversi dubji bdew jinkwetawni. Imbagħad Ġesu’ qalli: Binti tibżax mid-dar ta’ Missierek. Ħalli dawn il-mistoqsijiet bla bżonn għall-għorrief ta’ din id-dinja. Jiena rrid narak dejjem bħal tifla ċkejkna. Staqsi lill-konfessur tiegħek dejjem bis-sempliċita’ kollha, u jiena nwieġbek permezz tiegħu.

Djarju ta’ Swor Fawstina – L-1 Pitazz (par.271-280)

L-Ewwel Pitazz – Paragrafi 271-280

278-foto2

271. Meta r-Reverendu Dun Sopocko mar l-Art Imqaddsa, Patri Dabrowski, SJ kien il-konfessur tal-komunita’. Fi qrara minnhom staqsieni jekk jiena kontx konxja tal-grad għoli tal-ħajja (spiritwali) preżenti ġewwa ruħi. Jiena weġibt li konxja minn din il-ħaġa u kont naf x’kien qed jiġri ġewwa fija. Għal dan, is-saċerdot wieġeb, “Ara li ma teqridx dak li qed tiġri f’ruħek, Sor, lanqas m’għandek tibdel xejn waħdek. Mhux f’kull ruħ ikun jista’ jidher id-don sabiħ ta’ ħajja interna għolja bħalma jidher fil-kas tiegħek, Sor, għax din tidher fi grad immens. Oqgħod attenta li ma taħlix dawn il-grazzji kbar ta’ Alla; ħaġa kbira.”… (Hawnhekk jinqata’ l-fil tal-ħsieb)

272. Imma qabel dan, dan is-saċerdot kien għaddieni minn ħafna provi. Meta jiena għidtlu li l-Mulej ried dawn l-affarijiet mingħandi (jiġifieri, il-pittura tax-xbieha, it-twaqqif tal-festa tal-Ħniena Divina, u t-twaqqif ta’ komunita’ ġdida), huwa beda jidħak bija u qalli mmur inqerr fit-tmienja ta’ filgħaxija. Meta mort fit-tmienja, fratell kien diġa’ qed isakkar il-knisja. Meta għidtlu li s-saċerdot kien ikkmandani mmur dak il-ħin u tlabtu jgħarraf lis-saċerdot li jien kont hemm, il-fratell twajjeb mar jgħidlu. Is-saċerdot qallu biex jgħidli li s-saċerdoti ma jqarrux nies f’dak il-ħin. Jiena mort lura d-dar mingħajr qrar u ma rġajtx mort għandu għall-qrar, imma għamilt siegħa sħiħa adorazzjoni u xi mortifikazzjonijiet għalih sabiex Alla jagħtih id-dawl sabiex huwa jagħraf l-erwieħ. Imma meta telaq Dun Sopocko u hu qagħad minfloku, jiena kelli bilfors immur inqerr għandu. Imma, filwaqt li qabel ma tantx ried jammetti li dawn kienu ispirazzjonijiet interni, issa obbligani nkun fidila lejhom. Xi drabi Alla jippermetti li jiġru affarijiet bħal dawn, imma jalla jkun igglorifikat f’kollox. Imma, hemm bżonn ħafna grazzja biex dak li jkun ma jaqtax qalbu u ma jerġax lura.

Irtiri Annwali. 10 ta’ Jannar 1934

273. Ġesu’ tiegħi, qed jerġa’ joqrob il-waqt meta nerġa’ nkun waħdi miegħek. Ġesu’, nitolbok b’qalbi kollha, ħallini nkun naf x’hemm ġo fija li ma jogħġbokx u ħallini wkoll inkun naf x’għandi nagħmel sabiex inkun nista’ nogħġbok iktar. Tiċħadlix dan il-favur u kun miegħi. Jiena naf li mingħajrek, Mulej, l-isforzi tiegħi kollha ma jwasslux ħafna. Kemm nifraħ bil-kobor Tiegħek, O Mulej! Iktar ma nsir nafek, b’ħerqa ikbar nixxennaq u nitniehed għalik!

274. Ġesu’ tani l-grazzja li nsir naf lili nnifsi. F’dan id-dawl divin nara d-difetti prinċipali tiegħi; hija s-suppervja li tieħu l-forma li ningħalaq fija nnifsi u tonqos is-sempliċita’ min-naħa tiegħi fir-relazzjoni tiegħi mal-Madre Superjura (Irene).

It-tieni dawl dwar id-diskors. Xi drabi jiena ngħid iżżejjed. Ħaġa tista’ tingħad f’kelma jew tnejn u jiena ndum sejra wisq biha. Imma Ġesu’ jridni nuża dak il-ħin sabiex ngħid xi talb qasir li għandu l-indulġenza għall-erwieħ tal-purgatorju. U l-Mulej jgħid li kull kelma tiġi kkunsidrata fil-jum tal-ġudizzju.

It-tielet dawl kien dwar ir-regoli tagħna. Jiena m’għamiltx kulma kelli nagħmel biex nevita l-okkażjonijiet li jwasslu li jinkisru r-regoli, l-aktar dik tas-skiet. Jiena ser naġixxi daqslikieku r-regola nkitbet għalija biss; m’għandux jaffettwani bl-ebda mod kif jaġixxi ħaddieħor, sakemm jiena naġixxi bħalma jrid Alla.

Riżoluzzjoni. Kwalunkwe ħaġa li Ġesu’ jitlob mingħandi dwar affarijiet esterni jiena mmur mill-ewwel ngħid lis-superjuri tiegħi u nipprova li jkolli t-trasparenza tat-tfal u s-sinċerita’ fir-relazzjonijiet tiegħi mas-Superjura.

275. Ġesu’ jħobb erwieħ moħbijin. Fjura moħbija l-iktar li tfuħ. Irrid nisforza sabiex l-intern ta’ ruħi jsir post fejn il-Qalb ta’ Ġesu’ tkun tista’ tistrieħ. F’mumenti diffiċli u mimlija uġigħ, O Ħallieq tiegħi, jiena nkantalek innu ta’ fiduċja, għax bla qiegħ huwa l-abbiss ta’ fiduċja tiegħi fik u fil-ħniena Tiegħek!

276. Minn dak il-waqt meta jiena bdejt inħobb it-tbatija, ma baqgħetx tbatija għalija. It-tbatija hija l-ikel ta’ kuljum ta’ ruħi.

277. Minix ser nitkellem ma’ ċerta persuna, għax naf li Ġesu’ ma jieħux gost biha u hi ma tikseb xejn minn din il-ħaġa.

278. F’riġlejn il-Mulej. Ġesu’ Moħbi, Imħabba Eterna, l-Għajn tal-Ħajja tagħna, Alla mimli b’Imħabba tal-ġenn għalina. Għax Inti tinsa lilek innifsek u tara lilna biss. Qabel ma Int ħlaqt is-sema u l-art, Inti kont qiegħed iġġorna fil-qiegħ ta’ Qalbek. O Mħabba, O Profondita’ ta’ kif Int tinżel għal-livell uman, O misteru ta’ hena għaliex jafuk hekk ftit nies? Għaliex ma nweġbux għal Imħabbtek? O Mħabba Divina għaliex taħbi s-sbuħija tiegħek? O Esseri Infinit li ħadd ma jista’ jifhmu, iktar ma nsir nafek, inqas nifhmek; imma għax jiena ma nistax nifhmek, nista’ nifhem aħjar il-kobor Tiegħek. Jiena ma ngħirx għas-Serafini għan-nar tagħhom, għax jiena għandi don ikbar depożitat f’qalbi.

Huma jammirawk f’estasi, imma Demmek jitħallat ma’ tiegħi. L-Imħabba hija l-ġenna mogħtija lilna sa minn hawnhekk fl-art. Għaliex tistaħba fil-fidi? L-Imħabba tneħħi min-nofs il-velu. M’hemm l-ebda velu quddiem l-għajn ta’ ruħi, għax Inti stess ġbidtni fil-ħdan tal-imħabba sigrieta għal dejjem. Ġieħ u glorja lilek, O Trinita’ Indiviżibbli, Alla wieħed, għal dejjem ta’ dejjem!

279. Alla għarrafni f’hiex tikkonsisti l-imħabba vera u tani d-dawl kif, fil-prattika nista’ nagħtih prova tagħha. L-Imħabba vera ta’ Alla tikkonsisti filli nagħmlu r-rieda ta’ Alla. Biex nuru lil Alla mħabbitna f’kull ma nagħmlu, l-azzjonijiet kollha tagħna, ukoll l-iċken waħda, iridu joħorġu mill-imħabba tagħna għal Alla. U l-Mulej qalli: Binti, inti togħġobni l-iżjed permezz tat-tbatijiet. Fit-tbatijiet tiegħek fiżiċi kif ukoll mentali, Binti, tfittixx il-faraġ mingħand il-kreaturi. Jiena rrid li l-fwieħa tat-tbatijiet tiegħek tkun safja u ma titħallat ma’ xejn. Jiena rridek tiddistakka ruħek, mhux biss mill-kreaturi, imma wkoll minnek innifsek. Binti, jiena rrid nitpaxxa bl-imħabba ta’ qalbek, imħabba safja, verġinali bla ebda tebgħa. Iktar ma inti ssir tħobb it-tbatija, Binti, iktar tkun safja mħabbtek għalija.

280. Ġesu’ tani ordni niċċelebra l-Festa tal-Ħniena ta’ Alla fl-Ewwel Ħadd fuq l-Għid. (Dan jiena għamiltu) permezz ta’ ġabra interjuri u mortifikazzjoni esterna, ilbist iċ-ċinturin (tal-penitenza) għal tlett sigħat u tlabt il-ħin kollu għall-midinbin u għall-ħniena fid-dinja kollha. U Ġesu’ qalli: Għajnejja jistrieħu u jitpaxxew b’din id-dar illum.

Djarju ta’ Swor Fawstina – L-1 Pitazz (par.261-270)

L-Ewwel Pitazz – Paragrafi 261-270

Lomza_Holycross_fc03

261. + Illum jiena ninsab diġa’ f’Vilnius. Il-kunvent huwa magħmul minn ftit għarajjex żgħar imxerrdin ‘l hemm u ‘l hawn. Għalija jidher daqsxejn stramb wara l-bini kbir f’Jozefow. Hawnhekk hawn biss tmintax –il soru. Id-dar hija ċkejkna, imma l-ħajja tal-komunita’ hija iktar intima. Is-sorijiet kollha laqgħuni tajjeb ħafna, li kien għalija inkuraġġiment kbir biex inkun niflaħ nissaporti t-tbatijiet li kellhom jiġu fil-futur. Swor Justine kienet ħaslet l-art ukoll għax kienet taf li ġejja jiena.

262. Meta mort għall-Barka, Ġesu’ tani d-dawl kif kelli nġib ruħi ma’ ċerti persuni. Jiena bqajt imqabbda b’saħħti kollha mal-Qalb l-iżjed ħelwa ta’ Ġesu’, għax kont naf kemm kont ser inkun esposta għal distrazzjonijiet esterni minħabba x-xogħol li kien ser ikolli nagħmel hawnhekk fil-ġnien, fejn bilfors kien ser ikolli kuntatt mill-qrib ma’ persuni lajċi.

263. + Waslet il-ġurnata tal-qrar u fraħt ħafna meta rajt is-saċerdot li kont naf qabel ma mort Vilnius. (Jiġifieri) kont nafu meta rajtu f’dehra. F’dak il-waqt, jiena smajt dan il-kliem ġewwa ruħi: Dan hu l-qaddej fidil Tiegħi; huwa jgħinek twettaq ir-rieda Tiegħi hawnhekk fl-art. Imma jiena ma ftaħtx qalbi miegħu bħalma xtaq il-Mulej. U għal xi żmien irreżistejt il-grazzja. Matul kull qrara, il-grazzja ta’ Alla daħlet ġewwa fija b’mod speċjali ħafna, iżda jiena ma wrejtx ruħi lilu, u kelli l-intenzjoni li ma mmurx inqerr għand dak is-saċerdot. Wara li ħadt din id-deċiżjoni, ruħi nħakmet minn anzjeta’ terribli. Alla ċanfarni bil-qawwa. Meta wrejt ruħi kollha lil dan is-saċerdot, Ġesu’ ferra’ oċejan ta’ grazzji fiha. Issa nifhem xi jfisser tkun fidil għal xi grazzja partikolari. Dik il-grazzja waħda tiġbed ħafna oħrajn warajha.

264. + O Ġesu’ tiegħi, żommni maġenbek! Ara kemm jiena dgħajfa! Ma nistax nagħmel pass ‘il quddiem waħdi; mela Inti, Ġesu’ trid tkun maġenbi l-ħin kollu bħal omm maġenb tifla li għandha bżonn kull għajnuna – u iktar ukoll.

265. Ġranet ta’ xogħol, ta’ taqbid u ta’ tbatija issa bdew. Kollox baqa’ miexi skont ir-rutina tal-kunvent. Wieħed dejjem jibqa’ novizz għax ikollu jitgħallem ħafna affarijiet u jsir jaf dwar ħafna affarijiet, għaliex, għalkemm ir-regola hija waħda, kull dar għandha d-drawwiet tagħha; u għalhekk, kull bidla hija novizzjat żgħir.

5 ta’ Awissu, 1933. Il-Festa tal-Madonna tal-Ħniena.

266. Illum irċevejt grazzja kbira u li ma nistax nifhimha, li hi kollha kemm hi interjuri, u li minħabba fiha nibqa’ grata lejn Alla f’din il-ħajja kollha u għall-eternita’…

267. Ġesu’ qalli li jiena nogħġbu l-iktar billi nimmedita fuq il-Passjoni ħarxa Tiegħu, u permezz ta’ din il-meditazzjoni ruħi tirċievi ħafna dawl. Min irid jitgħallem umilta’ vera għandu jirrifletti fuq il-Passjoni ta’ Ġesu’. Meta jiena nimmedita fuq il-Passjoni ta’ Ġesu’, inkun nista’ nifhem b’mod ċar ħafna affarijiet li qabel ma kontx nista’ nifhimhom. Jiena rrid nixbaħ lilek, O Ġesu’, – lilek mislub, ittorturat u umiljat. Ġesu, stampa fuq qalbi u ruħi l-umilta’ Tiegħek stess. Jiena nħobbok Ġesu’, bi mħabba tal-ġenn, Inti li kont misħuq bit-tbatija, bħalma jiddeskrivi l-profeta (Isaija 53: 2-9), bħallikieku hu ma setax jara fik is-sura ta’ bniedem minħabba t-tbatija kbira Tiegħek. Huwa f’din il-kundizzjoni, Ġesu’, li jiena nħobbok, b’mod tal-ġenn. O Alla etern u bla tarf, x’għamlitlek l-imħabba?…

268. 11 ta’ Ottubru 1933 – Il-Ħamis. – Ippruvajt nagħmel Siegħa Adorazzjoni, imma bdejtha b’diffikulta’ kbira. Ċerta xenqa bdiet tiġbidli qalbi. Moħħi ddallam b’mod li ma stajtx nifhem l-iktar suriet sempliċi ta’ talb. U b’dan il-mod għaddiet siegħa talb, jew aħjar ngħid siegħa ta’ sforzi. Iddeċidejt li nitlob għal siegħa oħra, imma t-tbatijiet interni tiegħi żdiedu – nixfa kbira u qtiegħ il-qalb. Iddeċidejt li nitlob għal siegħa oħra. Fit-tielet siegħa, li ddeċidejt li ngħaddiha għarkubtejja mingħajr ma nżomm ma xejn, ġismi beda jgħajjat li jrid jistrieħ. Imma ma ċedejt bl-ebda mod. Ftaħt dirgħajja quddiemi u, għalkemm ma lissint l-ebda kelma bqajt hemm b’rieda sħiħa. Wara xi ħin, neħħejt iċ-ċurkett minn subgħajja u tlabt lil Ġesu’ sabiex iħares lejn iċ-ċurkett, dak is-sinjal tal-għaqda eterna tagħna, u jiena offrejt lil Ġesu’ s-sentimenti li kelli f’dak il-jum tal-voti perpetwi. Wara ftit, inħoss qalbi mgħarrqa b’mewġa ta’ mħabba. F’daqqa waħda ninġabar fl-ispirtu, is-sensi jikkwetaw, u l-preżenza ta’ Alla timlieli ruħi. Ħaġa waħda biss naf: li kien hemm Ġesu’ u jiena. Rajtu hekk kif kien deherli f’dak il-waqt wara l-voti perpetwi tiegħi, meta wkoll kont qiegħda nagħmel is-Siegħa Adorazzjoni. F’daqqa waħda, Ġesu’ kien jinsab bilwieqfa quddiemi, mneżża’ minn ħwejġu, ġismu miksi kollu b’feriti, għajnejh mimlijin dmugħ u demm, wiċċu sfigurat u miksi bżieq. Il-Mulej imbagħad qalli, L-għarusa trid tkun tixbaħ lill-Maħbub tagħha. Jiena dan il-kliem fhimthom mill-bidu sal-aħħar. M’hawn l-ebda lok għal dubju hawnhekk. Ix-xebħ ma’ Ġesu’ jrid iseħħ permezz tat-tbatija u tal-umilta’. Ara x’għamlitli l-imħabba għall-erwieħ tal-bnedmin. Binti, fil-qalb tiegħek Jiena nsib dak kollu li numru hekk kbir ta’ erwieħ jirrifjutawli. Qalbek hija l-mistrieħ Tiegħi. Jiena spiss nibqa’ nistenna bi grazzji kbar sakemm tasal fit-tmiem tat-talb.

269. Darba, meta kont spiċċajt novena lill-Ispirtu s-Santu għall-intenzjoni tal-konfessur tiegħi (Dun Sopocko), il-Mulej weġibni: Jiena kont urejthulek ukoll qabel ma s-superjuri tiegħek bagħtuk hawnhekk. Bħalma inti taġixxi mal-konfessur tiegħek, hekk ukoll Jiena naġixxi miegħek. Jekk int taħbilu xi ħaġa, ukoll jekk tkun l-iċken waħda mill-grazzji Tiegħi, Jiena wkoll ninħeba minnek, u int tibqa’ waħdek. U għalhekk, jiena għamilt ir-rieda ta’ Alla, paċi profonda mlietli ruħi. Issa jiena nista’ nifhem kif il-Mulej jiddefendi l-konfessuri u jħarishom.

Parir tar-Reverendu Dun Sopocko.

270. Jekk ma nkunux umli, ma nistgħux nogħġbu lil Alla. Ipprattika t-tielet grad tal-umilta’, (nota76) jiġifieri, mhux biss m’għandux wieħed jispjega u jiddefendi lilu nnifsu meta jċanfruh għal xi raġuni, imma wieħed għandu jifraħ bl-umiljazzjoni.

Jekk l-affarijiet li inti qiegħda tgħidli ġejjin tassew minn Alla, ħejji ruħek għal tbatija kbira. Int għad tiltaqa’ ma’ disapprovazzjoni u persekuzzjoni. Huma jgħodduk b’isterika u eċċentrika, imma l-Mulej jagħtik il-grazzji Tiegħu bl-abbundanza. Opri veri ta’ Alla dejjem jiltaqgħu ma’ oppożizzjoni u jkunu mmarkati bit-tbatija. Jekk Alla jrid li sseħħ xi ħaġa, xi darba jew oħra Huwa jagħmel li għandu jagħmel minkejja d-diffikultajiet. Is-sehem tiegħek, sadattant, hu li tarma lilek nnifsek b’paċenzja kbira.

Djarju ta’ Swor Fawstina – L-1 Pitazz (par.251-260)

L-Ewwel Pitazz – Paragrafi 251-260

Capture

251. Wara l-voti perpetwi, bqajt Krakovja matul ix-xahar ta’ Mejju, għax ma ddeċidewx jekk kellix immur Rabka jew Vilnius. Darba l-Madre Ġenerali (Michael) staqsietni: “Għaliex qiegħda hawn bi kwietek u m’intix qiegħda tlesti sabiex tmur x’imkien, Sor?” Jiena weġibt: “Irrid nagħmel biss r-rieda safja ta’ Alla; fejn inti tibgħatni, għażiża Madre, jiena nsir naf li f’dak il-post ikun hemm ir-rieda sħiħa ta’ Alla għalija, mingħajr ma nkun żidtilha xejn magħha min-naħa tiegħi.”

Il-Madre Ġenerali wieġbet għal dan, “Tajjeb, wisq!” L-għada hija sejħitli u qaltli, “Int ridt tkun taf ir-rieda sħiħa ta’ Alla, Sor; tajjeb ħafna, mela; inti sejra Vilnius.” Jiena rringrazzjatha u stennejt il-jum meta kellhom jgħiduli mmur. Imma ruħi kienet mimlija b’ċertu ferħ u biża’, fl-istess ħin. Ħassejt li Alla kien qiegħed iħejji għalija grazzji kbar hemmhekk, imma wkoll tbatijiet kbar. Imma bqajt Krakovja sas-27 ta’ Mejju. Ġaladarba ma kellix dmirijiet regolari x’naqdi, kont ngħin biss fil-ġnien. U billi ġara li kont qiegħda naħdem waħdi għal xahar sħiħ, stajt nagħmel irtir tal-Ġiżwiti. (nota74) Għalkemm kont immur għar-rikreazzjoni mal-komunita’, xorta waħda rnexxieli nagħmel l-irtir tal-Ġiżwiti. Irċevejt ħafna dawl minn Alla f’dan żmien.

252. Kienu għaddew erbat ijiem wara l-voti perpetwi tiegħi. Kont qiegħda nipprova nagħmel Siegħa Adorazzjoni. Kien l-ewwel Ħamis tax-xahar. Malli dħalt fil-kappella, daret miegħi kollni kemm jiena l-preżenza ta’ Alla. Kont konxja b’mod ċar li l-Mulej kien qrib tiegħi. Mument wara, rajt il-Mulej, miksi kollu kemm Hu bil-feriti; u Huwa qalli, Ħares lejn Dak li inti tgħarrast miegħu. Jiena fhimt it-tifsira ta’ dan il-kliem u weġibt lill-Mulej: “Ġesu’, jiena nħobbok iktar meta narak ferut u mgħaffeġ hekk bit-tbatija milli kieku narak fil-majesta.” Ġesu’ staqsieni: Għaliex? Jiena weġibt, “Majesta’ kbira tbeżżagħni, għaliex jiena daqshekk ċkejkna, u l-feriti Tiegħek jiġbduni lejn Qalbek u jgħiduli x’imħabba kbira Inti għandek għalija.” Wara din il-konverżazzjoni kien hemm is-skiet. Jiena ffissajt ħarsti fuq il-pjagi qaddisa Tiegħu u ħassejtni kuntenta li nbati flimkien miegħu. Jiena batejt, u fl-istess waqt ma batejtx, għaliex ħassejtni kuntenta li nkun naf il-profondita’ ta’ mħabbtu, u s-siegħa għaddiet bħal minuta.

253. + M’għandi qatt niġġudika lil ħadd, imma nħares lejn l-oħrajn bil-ħniena u lejja stess b’mod sever. Jiena rrid nirreferi kollox lil Alla u f’għajnejja stess, nagħraf lili nnifsi għal dak li jiena: miżerja biss u xejn. Fit-tbatija irrid nuri paċenzja u nżomm il-kwiet, għax naf li kollox jgħaddi meta jgħaddi żmienu.

254. Aħjar ma ngħid xejn dwar dawk il-waqtiet li għixt meta kont qiegħda nagħmel il-voti perpetwi.

Jiena fih, u Huwa fija. Fil-waqt li l-Isqof (Rospond) kien qiegħed ipoġġi ċ-ċurkett fuq subgħajja, Alla mela l-esseri tiegħi kollu, u la ma nistax niddeskrivi dak il-mument, ma sejra ngħid xejn fuqu, Ir-relazzjoni tiegħi ma’ Alla, minn mindu għamilt il-voti perpetwi, saret iktar intima milli qatt kienet qabel. Jiena nħoss li nħobb lil Alla u li Huwa jħobbni. Ladarba jiena doqt lil Alla, ruħi ma tistax tgħix mingħajru. Siegħa li jiena ngħaddi f’riġlejn l-altar fl-ikbar nixfa tal-ispirtu hija aktar għażiża għalija minn mitt sena ta’ pjaċiri tad-dinja. Jiena nippreferi nkun qaddejja umli f’kunvent milli sultana fid-dinja.

255. + Jiena nipprova naħbi minn għajnejn in-nies dak il-ġid li jiena kapaċi nagħmel biex Alla nnifsu jkun il-premju tiegħi. Jiena nkun bħal vjola ċkejkna moħbija fil-ħaxix, li ma tweġġax is-sieq li tirfes fuqha, imma xxerred il-fwieħa tagħha, u filwaqt li tinsa lilha nnfisha għal kollox, tipprova togħġob il-persuna li għaffġitha. Din hi diffiċli ħafna għan-natura umana, imma l-grazzja t’Alla tgħin lil dak li jkun.

256. Grazzi, Ġesu’, għall-favur kbir li għamiltli meta għarrafni l-abbiss sħiħ tal-miżerja tiegħi. Jiena naf li jiena abbiss tax-xejn u naf ukoll li jekk il-grazzja qaddisa Tiegħek ma żżommnix, jiena nerġa’ lura għax-xejn f’waqt wieħed. U għalhekk, b’kull taħbita ta’ qalbi, jiena nirringrazzjak, Alla tiegħi, għall-ħniena kbira Tiegħek lejja.

257. Għada rrid nitlaq Vilnius, Illum, mort inqerr għand Patri Andrasz; dan is-saċerdot li hu hekk mimli bl-ispirtu ta’ Alla, li għen il-ġwienaħ tiegħi sabiex inkun nista’ nogħla sal-ogħla qċaċet. Huwa serraħli moħħi dwar kollox u qalli nemmen fil-Providenza Divina. “Għandu jkollok fiduċja u ibqa’ miexja ‘l quddiem bil-kuraġġ.” Qawwa straordinarja u divina ġiet fuqi wara dik il-qrara. Patri (Andrasz) saħaq li għandi nkun fidila mal-grazzja ta’ Alla u qalli, “L-ebda ħsara ma tiġrilek jekk ‘il quddiem, inti tibqa’ żżomm din l-istess sempliċita’ u ubbidjenza. Għandu jkollok fiduċja f’Alla; inti miexja fit-triq it-tajba u qiegħda f’idejn tajba, u f’idejn Alla.”

258. + Dak inhar filgħaxija, jiena bqajt fil-kappella daqsxejn iktar. Kellimt lill-Mulej fuq ċerta ruħ. It-tjubija Tiegħu għamlitli l-qalb u jiena għidtlu, “Ġesu’ Inti tajtni dan is-saċerdot li jifhem l-ispirazzjonijiet tiegħi, u issa Inti qiegħed terġa’ teħoduli, jiena x’ser nagħmel Vilnius? Hemmhekk ma naf lil ħadd, u wkoll id-djalett tan-nies t’hemmhekk huwa stramb għalija.” U l-Mulej qalli: Tibżax; Jiena minix ser inħallik waħdek. Ruħi ntilfet f’talba ta’ radd il-ħajr għall-grazzji kollha li l-Mulej kien tani permezz tal-meditazzjoni ta’ Patri Andrasz.

F’daqqa waħda jiena ftakart fid-dehra li kelli fejn jiena kont rajt lil dak is-saċerdot bejn il-konfessinarju u l-altar, bit-tama li xi darba kont sejra niltaqa’ miegħu. U l-kliem li kont smajt erġajt smajtu ċar: Huwa ser jgħinek twettaq ir-rieda Tiegħi hawn fl-art.

259. Illum, is-27 (ta’ Mejju 1933), se nitlaq Vilnius. Meta ħriġt mid-dar, ħarist lejn il-ġnien tad-dar, u meta tajt daqqa t’għajn lejn in-novizzjat, f’daqqa waħda beda nieżel id-dmugħ ma’ ħaddejja. Ftakart fil-barkiet u l-grazzji kollha li l-Mulej kien tani. Imbagħad, f’daqqa waħda bla ma kont qiegħda nistennieh, jien rajt il-Mulej maġenb ir-rokna tal-fjuri, u Huwa qalli: Tibkix; Jiena dejjem miegħek. Il-preżenza ta’ Alla, li daret miegħi waqt li Ġesu’ kien qiegħed jitkellem, baqgħet miegħi matul il-vjaġġ kollu.

260. Kelli permess inżur Czetochowa waqt il-vjaġġ tiegħi. Għall-ewwel darba rajt (ix-xbieha) ta’ Omm Alla, meta mort fil-ħamsa ta’ filgħodu sabiex inkun hemm meta jneħħu l-velu minn fuq ix-xbieha. Bla ebda waqfien bqajt nitlob sal-ħdax, u għalija kien qiesu għadni kif wasalt. Is-Superjura tad-dar t’hemmhekk (Madre Serafin (nota75)) bagħtet soru għalija, biex tgħidli mmur nieħu l-kalazzjon u qaltli li kienet qiegħda tinkwieta li kont sejra nitlef it-tren. Omm Alla qaltli ħafna affarijiet. Jien afdajt f’idejha l-voti perpetwi Tiegħi. Ħassejt li jiena bintha u li Hi kienet Ommi. Hija ma rrifjutatx l-ebda waħda mit-talbiet tiegħi.

Djarju ta’ Swor Fawstina – L-1 Pitazz (par.241-250)

L-Ewwel Pitazz – Paragrafi 241-250

divinemercy

Riżoluzzjonijiet Speċjali tal-Irtir, 1 ta’ Mejju 1933

241. Imħabba għall-proxxmu. L-ewwel: Inkun ta’ għajnuna għas-sorijiet. It-tieni: Titkellimx fuq dawk li ma jkunux preżenti u niddefendi l-isem tajjeb tal-proxxmu tiegħi. It-tielet: Ifraħ bis-suċċessi tal-oħrajn.

242. + Mulej Alla, kemm nixtieq li nkun tifla ċkejkna. (nota71) Inti Missieri, u Inti taf kemm jiena ċkejkna u dgħajfa. Għalhekk nitolbok bil-ħerqa li żżommni qrib Tiegħek ħajti kollha u l-aktar fis-siegħa ta’ mewti. Ġesu’, jiena naf li t-tjubija Tiegħek tiżboq t-tjubija tal-omm l-iktar tenera.

243. Nirringrazzja lill-Mulej Ġesu’ ta’ kull umiljazzjoni u nitlob l-aktar għall-persuna li tkun tatni ċ-ċans li niġi umiljata. Noffri lili nnifsi bħala sagrifiċċju għall-ġid tal-erwieħ. Ma noqgħodx nqis kemm jiswa kull sagrifiċċju. Nintefa’ taħt riġlejn is-sorijiet, bħal tapit li fuqu huma mhux biss jistgħu jirfsu, imma wkoll jimsħu saqajhom fija. Posti taħt riġlejn is-sorijiet. Nagħmel kull sforz biex nakkwista dak il-post li ħadd ma jinduna bih. Għalija biżżejjed li Alla qiegħed jara din il-ħaġa.

244. Issa bdiet ġurnata griża u ordinarja. Is-sigħat solenni tal-voti perpetwi għaddew, imma l-grazzja kbira ta’ Alla; nħossni li jiena bintu, inħossni kollni kemm jiena propjeta’ Tiegħu. Din l-esperjenza nħossha b’mod li jista’ jinħass fiżikament. Ninsab fil-paċi sħiħa dwar kollox, għax naf li hu xogħol il-Għarus li jieħu ħsiebi. Insejt lili nnifsi għal kollox. Il-fiduċja li jiena poġġejt fil-Qalb l-iżjed ħanina Tiegħu m’għandha l-ebda limitu. Ninsab maqgħuda miegħu kontinwament. Jidhirli bħallikieku Ġesu’ ma jistax ikun kuntent mingħajri, lanqas jiena mingħajru. Għalkemm nifhem li, la Huwa Alla, Huwa kuntent fih innifsu u assolutament ma jeħtieġ l-ebda kreatura, xorta waħda, it-tjubija Tiegħu ġġiegħlu jagħti lilu nnifsu lill-kreatura, u dan b’ġenerożita’ li ħadd ma jista’ jifhimha.

245. Ġesu’ tiegħi, issa rrid nipprova nagħti unur u glorja lil Ismek, nitqabad biex nagħmel dan sal-jum meta Inti stess għad tgħid, issa biżżejjed! Kull ruħ li Inti afdajtli f’idejja, Ġesu’, nipprova ngħinha bit-talb u bis-sagrifiċċju, sabiex tkun tista’ taħdem fihom il-grazzja Tiegħek. Ġesu’ tiegħi, maħbub kbir tal-erwieħ, jiena nirringrazzjak għal din il-fiduċja hekk kbira li biha Inti indenjajt tpoġġi l-erwieħ f’idejna. Intom ġranet ta’ xogħol u ta’ monotonija, intom m’intomx monotoni għalija bl-ebda mod, għax kull mument qiegħed iġibli grazzji ġodda u l-okkażjoni sabiex nagħmel il-ġid.

25 ta’ April 1933

Permessi ta’ kull xahar (nota72)

246. Li nidħol fil-kappella meta ngħaddi minn ma’ ġenbha.
Li nitlob fil-waqtiet meta ma jkollix x’nagħmel.
Li naċċetta, nagħti jew nislef xi affarijiet żgħar.
Li nieħu xi ħaġa żgħira x’niekol u x’nixrob f’nofs il-għodwa u wara nofsinhar.
Xi drabi ma nkunx nista’ nieħu sehem fir-rikreazzjoni.
Xi drabi ma nkunx nista’ nieħu sehem fl-eżerċizzju tal-komunita’.
Xi drabi ma nkunx nista’ nieħu sehem fit-talb ta’ filgħaxija u ta’ filgħodu.
Xi drabi li nibqa’ naħdem ftit wara d-disgħa, jew li nagħmel l-eżerċizzi spiritwali tiegħi wara d-disgħa.
Li nikteb xi ħaġa jew nieħu n-noti meta jkolli mument liberu.
Li nuża t-telefon.
Li noħorġu mid-dar.
Li nżur knisja meta nkun il-belt.
Li nidħol fiċ-ċelel ta’ sorijiet oħra jekk ikunu fil-bżonn.
Li nixrob xarba ilma xi drabi barra mill-ħinijiet preskritti.

Mortifikazzjonijiet żgħar

Li nitlob l-Kurunella tal-Ħniena Divina b’dirgħajja miftuħin.
Is-Sibt, li ngħid Ħames Posti tar-Rużarju b’dirgħajja miftuħin.
Li xi kultant ngħid talba (waqt) li nkun mixħuta minn tuli fl-art.
Il-Ħamisjiet, Siegħa Adorazzjoni.
Il-ġurnata tal-Ġimgħa, xi mortifikazzjoni ikbar għall-midinbin fis-siegħa tal-mewt.

247. Ġesu’, Ħabib tar-ruħ li tħossha weħidha, Inti l-kenn tiegħi, Inti l-paċi tiegħi. Inti s-salvazzjoni tiegħi, Inti l-mistrieħ tiegħi fil-ħin tat-taqbida u f’nofs baħar ta’ dubji. Int r-raġġ jiddi li ddawwalli l-mogħdija ta’ ħajti. Inti kollox għar-ruħ imqar jekk tibqa’ siekta. Inti taf id-dgħjufija tagħna, u bħal tabib tajjeb, Int sserraħna u tfejjaqna billi tiffrankalna t-tbatijiet – ta’ espert li int.

248. Il-kliem tal-Isqof (Rospond (nota73)) li hu qal fiċ-ċerimonja tal-voti perpetwi: ‘ Ilqa’ din ix-xemgħa bħala sinjal ta’ dawl tas-sema u ta’ mħabba taqbad’.

Waqt l-għoti ċ-ċurkett: ‘Jiena ngħarrsek ma’ Ġesu’ Kristu, Iben tal-Missier l-iktar Għoli; jalla Huwa jżommok bla tebgħa. Ħu dan iċ-ċurkett bħala sinjal tal-patt etern li inti qiegħda tagħmel ma’ Kristu, l-Għarus tal-Verġni. Jalla jkun għalik iċ-ċurkett tal-fidi u sinjal tal-Ispirtu s-Santu, sabiex tkun tista’ tissejjaħ l-għarusa ta’ Kristu u, jekk isservih bil-fedelta’, tiġi nkurunata (tali) għall-eternita’ kollha.

249. + Ġesu’, jiena nafda fik; nafda fl-oċejan tal-ħniena Tiegħek. Inti Ommi għalija.

250. + Din is-sena, 1933, hija għalija sena li hi solenni b’mod speċjali, għax f’din is-Sena tal-Ġublew tal-Passjoni tal-Mulej, jiena għamilt il-Voti Perpetwi. Għaqqadt is-sagrifiċċju ta’ Ġesu’ Kurċifiss, sabiex b’dan il-mod inkun nista’ nogħġob iktar lil Alla. Nagħmel kollox ma’ Ġesu’, permezz ta’ Ġesu’, u f’Ġesu’.

Djarju ta’ Swor Fawstina – L-1 Pitazz (par.231-240)

L-Ewwel Pitazz – Paragrafi 231-240

Pierwsze-sluby

231. Ħadd ma’ jista’ jifhem xi tħoss qalbi meta jiena naħseb fuq il-fatt li Alla jgħaqqadni miegħu permezz tal-voti. Alla jgħarrafni, ukoll, issa, l-immensita’ tal-imħabba li Hu diġa’ kellu għalija qabel ma beda ż-żmien; u jiena għadni kif bdejt inħobbu, fiż-żmien. Imħabbtu kienet (dejjem) kbira, safja u diżinteressata, u mħabbti għalih ġejja mill-fatt li jiena qiegħda nsir nafu, iktar inħobbu bil-ħerqa u l-qawwa kollha, u iktar isiru perfetti l-azzjonijiet tiegħi. Sadattant, kull darba li niftakar li fi ftit ġranet oħra sejra nsir ħaġa waħda mal-Mulej permezz tal-voti perpetwi, ferħ li ma nistax niddeskrivih ifawwarli ruħi. Mill-ewwel darba li jiena sirt naf lill-Mulej, il-ħarsa ta’ ruħi ntilfet fih għall-eternita’ kollha. Kull darba li l-Mulej jersaq lejja u nsir nafu iktar, imħabba perfetta tikber ġewwa ruħi.

232. Qabel il-qrar, jiena smajt dan il-kliem f’ruħi, Binti għidlu kollox u wrih ruħek bħalma inti tagħmel quddiemi. Tibża’ minn xejn. Għax Jiena rrid inżommok fil-paċi, Jiena qiegħed inpoġġi dan is-saċerdot bejni u bejn ruħek. Il-kliem li huwa jgħidlek huma kliemi. Urih l-ikbar sigrieti ta’ ruħek. Jiena nagħtih id-dawl sabiex huwa jagħraf lil ruħek.

233. Meta rsaqt lejn il-konfessinarju, jiena ħassejtni hekk kalma f’ruħi ngħidlu kollox li, iktar tard, jiena stess bqajt mistagħġba. It-tweġibiet tiegħu ġabuli paċi kbira f’ruħi. Kliemu kienu, għadhom u dejjem jibqgħu kolonni tan-nar li dawlu u jkomplu jdawluli ruħi fit-tfittxija tagħha għall-ikbar qdusija.

Id-direzzjonijiet li jiena rċevejt minn Patri Andrasz jiena nnotajthom f’paġna oħra f’dan il-ktieb. (Djarju, 55)

234. Meta jiena spiċċajt din il-qrara, l-ispirtu tiegħi kien mitluf f’Alla, u tlabt għal tliet sigħat, imma dan il-ħin deherli li kien biss ftit minuti. Minn dak il-ħin ‘l hawn, jiena ma poġġejt l-ebda ostaklu li seta’ jxekkel il-grazzja milli taħdem ġewwa ruħi. Ġesu’ kien jaf għax jiena kont qiegħda nibża’ nikkomunika b’mod intimu miegħu u bl-ebda mod ma ħa għalih. Minn dak il-waqt meta s-saċerdot assigurani li dak li kont ġarrabt ma kienx illużjoni, imma l-grazzja ta’ Alla, jiena ppruvajt inkun fidila lejn Alla f’kollox. Jiena issa nista’ nara li hemm tassew ftit saċerdoti li huma kapaċi jifhmu l-profondita’ sħiħa tal-ħidma ta’ Alla fir-ruħ. Minn dak iż-żmien ‘l hawn, il-ġwienaħ tiegħi saru liberi li jtiru, u jiena nixxennaq sabiex nogħla ‘l fuq sa ġo l-istess nar tax-xemx. It-titjira tiegħi mhijiex ser tieqaf sakemm jiena nistrieħ fih għal dejjem. Meta aħna ntiru fil-għoli ħafna, in-nida, iċ-ċpar u s-sħab kollha jkunu jinsabu taħt saqajna, u l-esseri kollha tagħna tad-demm u l-laħam ikollu bilfors joqgħod suġġett għall-ispirtu.

235. O Ġesu’, jiena nixxennaq għas-salvazzjoni tal-erwieħ immortali. Qalbi ssib l-esperessjoni libera tagħha fis-sagrifiċċju, sagrifiċċju li ħadd ma jkun jaf bih. Jiena ninħaraq u niġi kkunsmata, mingħajr ħadd ma jintebaħ, fil-fjammi qaddisa tal-imħabba ta’ Alla. Il-preżenza ta’ Alla tgħin sabiex is-sagrifiċċju tiegħi jkun perfett u safi.

236. Kemm mhux ta’ min joqgħod fuqhom l-apparenzi, u kemm huma nġusti l-ġudizzji, u kemm –il darba l-virtu’ tbati biss għax hi tibqa’ siekta. Li nkunu sinċieri ma’ dawk li l-ħin kollu jweġġgħuna jitlob minna ħafna ċaħda. Wieħed ikun qiegħed inixxi d-demm, imma m’hemm l-ebda ferita tidher minn barra. O Ġesu’, fl-aħħar jum biss ħafna minn dawn l-affarijiet insiru nafuhom. X’ferħ – l-ebda sforz li nagħmlu ma jintilef!

237. Siegħa Adorazzjoni. Waqt din is-siegħa, jiena rajt l-abbiss tal-miżerja tiegħi; dak kollu li hemm tajjeb ġewwa fija huwa Tiegħek, O Mulej. Imma għax jiena daqshekk ċkejkna u imsejkna għandi dritt nistenna l-ħniena bla tarf Tiegħek.

238. Filgħaxija. O Ġesu’, għada filgħodu jiena sejra nieħu l-voti perpetwi tiegħi. Kont tlabt lis-sema u l-art u kont sejjaħt lil kulħadd sabiex jirringrazzja lil Alla għal din il-grazzja hekk kbira u li ma nistax nifhimha li Huwa tani, meta f’daqqa waħda smajt dan il-kliem, Binti, il-qalb tiegħek hi l-ġenna Tiegħi. Ftit waqtiet ta’ talb biss u rrid nitlaq niġri, għax ikeċċuna minn kullimkien; għax kull post – il-kappella, ir-refettorju, il-kamra tar-rikreazzjoni u l-kċina – qiegħda titlesta għal għada u aħna suppost immorru norqdu. Imma ma hemmx wisq ċans ta’ rqad. Il-ferħ, mhux ser iħallini norqod. Ħsibt: X’ser inħoss fil-ġenna, jekk hawnhekk fl-eżilju Alla diġa qiegħed jimlieli ruħi b’dan il-mod?

239. Talba waqt il-quddiesa fil-jum tal-voti perpetwi. Illum jiena npoġġi lil qalbi fuq il-patena fejn tpoġġiet qalbek, O Ġesu’, u llum noffri lili nnifsi flimkien miegħek lil Alla, il-Missier Tiegħek u tiegħi, bħala sagrifiċċju ta’ mħabba u ta’ tifħir. Missier tal-Ħniena, ħares lejn is-sagrifiċċju tal-qalb tiegħi, imma minn ġol-ferita tal-Qalb ta’ Ġesu’.

1 ta’ Mejju 1933. L-Ewwel Jum

Għaqda ma’ Ġesu’ fil-jum tal-voti perpetwi. Ġesu’ mil-lum ‘il quddiem Qalbek hija qalbi, u qalbi hija Tiegħek biss. Il-ħsieb ta’ ismek, Ġesu’, huwa l-għaxqa ta’ qalbi. Ma nistax ngħix mingħajrek, lanqas għal mument wieħed, Ġesu’. Illum ruħi ntilfet Fik, it-teżor waħdieni tiegħi. Imħabbti m’għandha xejn xi jżommha lura milli tagħti prova tagħha nnfisha lill-Maħbub tagħha.

Il-kliem ta’ Ġesu’ waqt il-voti perpetwi tiegħi. Għarusa Tiegħi, il-qlub tagħna jinsabu maqgħudin għal dejjem. Ftakar lil min wegħidt… ma jistax ikun li kollox jitfisser bil-kliem.

It-talba tiegħi fil-waqt li konna qegħdin mixħuta fl-art taħt il-faldrappa. (nota69) Jiena tlabt lill-Mulej jagħtini l-grazzja li qatt ma noffendih lanqas bl-iċken dnub jew imperfezzjoni filwaqt li nkun naf x’qed nagħmel.

Ġesu’, jiena nafda Fik! Ġesu’, jiena nħobbok b’qalbi kollha. Fl-iktar żminijiet diffiċli, Inti Ommi.

Għall-imħabba Tiegħek, O Ġesu’, jiena mmut għalija nnifsi kollni kemm jien illum u nibda ngħix għall-ikbar glorja tal-Isem Qaddis Tiegħek.

+ Għall-imħabba Tiegħek, Santissma Trinita’, jiena noffri lili nnifsi lilek bħala għotja ta’ tifħir, bħala olokawstu ta’ ruħ vittma. U permezz ta’ dan l-olokawstu, jiena nixtieq infaħħar lil Ismek, O Mulej. Nintefa’ bħal blanzun ċkejken ta’ warda f’riġlejk, Mulej, u jalla Inti biss issir taf il-fwieħa ta’ din il-fjura.

240. Tliet talbiet fil-jum tal-voti perpetwi tiegħi, Ġesu’, jiena naf li llum Inti ma’ tista’ tiċħadli xejn.

L-ewwel talba: Ġesu’, Għarus tiegħi l-iżjed maħbub, jiena nitolbok għat-trijonf tal-Knisja, l-aktar fir-Russja u fi Spanja; għall-barkiet fuq il-Qdusija Tiegħu l-Papa, Piju XI, u fuq l-kleru kollu; għall-grazzja tal-konverżjoni għall-midinbin li m’għandhomx indiema. U nitolbok għall-barka speċjali u għad-dawl, Ġesu’, għas-saċerdoti li se nqerr għandhom matul ħajti kollha.

It-tieni talba: Jiena nitolbok il-barkiet Tiegħek fuq il-Kongregazzjoni tagħna, u jalla din tkun mimlija b’ħeġġa kbira. Bierek, O Ġesu’, lill-Madre Ġenerali u lill-Madre Direttriċi tagħna, lin-novizzi kollha u lis-Superjuri kollha. Bierek l-għeżież ġenituri tiegħi. Agħti l-grazzja Tiegħek, O Ġesu’, lit-tfajliet li huma taħt il-kura tagħna; saħħaħhom b’mod hekk qawwi bil-grazzja Tiegħek sabiex dawk li joħorġu mid-djar tagħna ma jibqgħux joffenduk bl-ebda dnub. Ġesu’, jiena nitolbok għal pajjiżi, ħarsu mill-attakki tal-għedewwa tiegħu.

It-tielet talba: Ġesu, Jiena nitolbok għall-erwieħ li l-iktar għandhom bżonn tat-talb. Nitlob għall-moribondi; kun ħanin magħhom. Nitolbok ukoll, Ġesu’, li teħles l-erwieħ kollha mill-purgatorju.

Ġesu’, nirrakkomandalek dawn il-persuni b’mod partikolari; il-konfessur tiegħi, persuni li rrikmandaw ruħhom fit-talb tiegħi, ċerta persuna…. Patri Andrasz, Dun Czaputa, u s-saċerdot li ltaqjt miegħu f’Vilnius (Dun Sopocko) li ser ikun il-konfessur tiegħi, ċerta ruħ…, ċertu saċerdot, ċertu reliġjuż (nota70) li Inti taf li jien għandi dejn kbir miegħu,Ġesu’, u dawk il-persuni kollha li rrikmandawhomli fit-talb tiegħi. Ġesu’, f’dan il-jum Inti tista’ tagħmel kollox għal dawk li qiegħda nitlob għalihom. Għalija jiena nitolbok, Mulej, li tibdilni kollni kemm jiena fik; żomm ġewwa fija ħerqa qaddisa għall-glorja Tiegħek, agħtini l-grazzja u s-saħħa spiritwali li nagħmel f’kollox ir-rieda qaddisa Tiegħek.

Grazzi, Għarus tiegħi l-iżjed maħbub għad-dinjita’ li Inti tajtni, u b’mod speċjali għall-istemma araldika rjali li ser iżejjini bih mil-lum ‘il quddiem u li lanqas l-Anġli ma għandhom; jiġifieri; is-salib, ix-xabla, u l-kuruna tax-xewk. Imma fuq kollox, O Ġesu’ tiegħi, jiena nirringrazzjak ta’ Qalbek – dik kulma jiena neħtieġ.

Omm Alla, Marija l-iżjed Qaddisa, Ommi, inti ommi b’mod speċjali issa għax l-Iben maħbub tiegħek huwa l-Għarus tiegħi, u għalhekk aħna, it-tnejn li aħna, uliedek. Minħabba Ibnek, Inti ma tistax ma tħobbnix. O Marija, Ommi l-iżjed għażiża mexxili l-ħajja spirtwali tiegħi b’tali mod li din tkun togħġob lil Ibnek.

Alla qaddis u li tista’ kollox, f’dan il-waqt ta’ grazzja hekk kbira li, permezz tagħha, Inti qiegħed tgħaqqadni miegħek għal dejjem, jiena, li ma jiena xejn, bl-ikbar gratitudni, ninxteħet f’riġlejk bħal fjura ċkejkna li ħadd ma jaf biha u kuljum il-fwieħa ta’ dik il-fjura ta’ mħabba titla’ sat-tron Tiegħek.

Fi żminijiet ta’ taqbid u tbatija, ta’ dlam u maltemp, ta’ xewqat u ta’ dwejjaq, fi żminijiet ta’ tiġrib diffiċli, fi żminijiet meta ħadd ma jifhimni, meta kulħadd jasal biex jikkundannani u jżeblaħni, jiena niftakar fil-jum tal-voti perpetwi tiegħi, il-jum tal-grazzja ta’ Alla li ħadd ma jista’ jifhimha.

Ġ.M.Ġ

Djarju ta’ Swor Fawstina – L-1 Pitazz (par.221-230)

L-Ewwel Pitazz – Paragrafi 221-230

Bishop-Stika-Monstrance-and-Statue-Gift-1

221. Illum ma stajtx nifhem il-meditazzjoni. L-ispirtu tiegħi kien mitluf f’Alla b’mod straordinarju. Ma stajtx nisforza lili nnifsi sabiex naħseb fuq dak li kien qed jgħid is-saċerdot waqt l-irtir (konferenzi). Spiss ma nkunx kapaċi naħseb skont il-punti; l-ispirtu tiegħi jkun mal-Mulej, u dik hi l-meditazzjoni tiegħi.

222. Ftit kliem mil-laqgħa li kelli mal-madre Direttriċi, Mary Joseph. Iċċaratli ħafna affarijiet, u kkalmatni f’dak li għandu x’jaqsam mal-ħajja spirtwali tiegħi, u assiguratni li kont miexja fit-triq it-tajba. Jien irringrazzjajt lill-Mulej Ġesu’ ta’ din l-grazzja kbira, għaliex hija l-ewwel Superjura li kelli li ma ġabitlix dubji dwar din il-ħaġa. Kemm hu infinitament twajjeb Alla!

223. O Ostja ħajja, l-unika saħħa tiegħi, għajn ta’ mħabba u ħniena għannaq id-dinja kollha, saħħaħ l-erwieħ debboli. Ikun imbierek dak il-waqt u l-mument meta Ġesu’ ħallielna l-Qalb l-iżjed ħanina Tiegħu!

224. Li nsofri mingħajr ma nilmenta, li nġib il-faraġ lill-oħrajn u li ngħaddas it-tbatijiet tiegħi stess fil-Qalb l-iżjed qaddisa ta’ Ġesu’!

Jiena ser inqatta’ l-mumenti liberi tiegħi f’riġlejn (il-Mulej) is-Sagrament Imqaddes. F’riġlejn Ġesu’ ser infittex dawl, faraġ u saħħa. Jiena sejra nuri l-gratitudni tiegħi bla waqfien lil Alla għall-ħniena kbira Tiegħu lejja, u qatt ma ninsa l-grazzji li tani, speċjalment il-grazzja tal-vokazzjoni. Jiena sejra naħbi lili nnifsi fost is-sorijiet bħal vjola ċkejkna fost il-ġilji. Irrid niftaħ bħal blanzun għall-Mulej u Ħallieq tiegħi, sabiex jiena ninsa lili nnifsi, niżvojta lili nnifsi kollni kemm jiena għall-erwieħ immortali – dan hu l-hena tiegħi.

Xi ftit mill-ħsibijiet tiegħi

225. Dwar il-Qrar, jiena sejra nagħżel dak li l-iktar jiswieli u jumiljani. Xi drabi ħaġa żgħira tiswa iktar minn xi ħaġa ikbar. Jiena niftakar fil-Passjoni ta’ Ġesu’ f’kull qrara, sabiex inħeġġeġ f’qalbi l-indiema. Sakemm huwa possibbli bil-grazzja ta’ Alla, jiena nipprova dejjem ikolli ndiema perfetta. Irrid niddedika iktar ħin għal din l-indiema. Qabel ma nersaq lejn il-konfessinarju, l-ewwel nidħol fil-Qalb miftuħa u l-iktar ħanina tas-Salvatur. Meta noħroġ mill-konfessinarju, inħeġġeġ ġewwa ruħi gratitudni kbira lejn is-Santissma Trinita’ għal dan il-miraklu ta’ ħniena tal-għaġeb u li ma nistgħux nifhmuh, li ġie mwettaq ġewwa ruħi. U iktar ma hi msejkna ruħi, iktar inħoss l-oċejan tal-ħniena ta’ Alla jdur madwari u jagħtini s-saħħa u qawwa kbira.

226. Ir-regoli li l-iktar spiss ma jirnexxilix nobdihom: xi drabi nikser is-silenzju; diżubbidjenza għas-sinjali tal-qanpiena; xi drabi nindaħal fl-affarijiet tal-oħrajn. Ser nipprova mill-aħjar li nista’ sabiex nsir aħjar.

Jiena ser nevita s-sorijiet li jgorru, u jekk ma nistax nevitahom, għallinqas inżomm is-skiet fil-preżenza tagħhom, u b’hekk nagħtihom x’jifhmu kemm jiddispjaċini nisma’ affarijiet bħal dawn.

Jiena ma rrid nagħti l-ebda kas tal-opinjoni tal-oħrajn, imma nobdi x-xhieda tal-kuxjenza tiegħi stess u nżomm lil Alla b’xhud tal-azzjonjiet tiegħi kollha. Irrid nagħmel kollox issa bħalma kieku nixtieq nagħmel u naġixxi fis-siegħa ta’ mewti. Minħabba f’hekk f’kull azzjoni li nagħmel irrid niftakar f’Alla.

Evita permessi li inti mingħalik li għandek. (nota67) Irrid ngħarraf lis-Superjuri tiegħi wkoll b’affarijiet żgħar u dan nagħmlu b’kemm ikun possibbli li jingħataw dettalji. Irrid inkun fidila fl-eżerċizzi spiritwali tiegħi; ma rridx nitlob mal-inqas ċans li nkun meħlusa minnhom. Irrid inżomm is-skiet barra l-ħin tar-rikreazzjoni u nevita ċajt u kliem bi spirtu pront li l-oħrajn iġegħilhom jidħku u jiksru s-skiet. Irrid nuri apprezzament kbir ukoll għar-regoli li huma l-iktar ċkejknin. Ma rridx inħalli lili nnifsi ninqabad fil-ġirja sfrenata tax-xogħol (imma) nieħu nifs sabiex inħares ‘il fuq lejn il-ġenna. Nitkellem ftit man-nies, imma ħafna ma’ Alla. Evita l-familjarita’. Nagħti ftit kas ta’ min hu favur tiegħi u min hu kontra. Ma rridx ngħid lill-oħrajn x’inhuma dawk l-affarijiet li kelli nissaporti. Irrid nevita nitkellem ngħajjat mal-oħrajn waqt ix-xogħol. Irrid inżomm il-paċi u l-kalma fi żminijiet ta’ tbatija. F’mumenti diffiċli rrid nistkenn fil-pjagi ta’ Ġesu’; irrid infittex konsolazzjoni, faraġ, dawl u approvazzjoni fil-pjagi ta’ Ġesu’.

227. + Fil-waqt tal-provi, nipprova nara l-id ta’ Alla mimlija mħabba. Xejn m’hu daqshekk kostanti daqs it-tbatija – hija dejjem iżżommilha kumpanija lir-ruħ bil-fedelta’. O Ġesu’, jiena minix sejra nħalli lil ħadd jgħaddini fl-imħabba tiegħi għalik.

+ O Ġesu’, moħbi fis-Sagrament Imqaddes.

228. Inti qiegħed tara li, meta jiena nieħu l-voti perpetwi tiegħi, jiena nkun qiegħda inħalli n-novizzjat warajja (nota68) illum. Ġesu’, Int taf kemm jiena ċkejkna u dgħajfa, u għalhekk mil-lum ‘il quddiem, qiegħda nibda n-novizzjat Tiegħek b’mod speċjali ħafna. Ser inkompli nkun novizza, imma n-novizza Tiegħek, Ġesu’, u Int tkun l-Imgħallem tiegħi sa l-aħħar jum. Kuljum nattendi t-tgħallim Tiegħek billi noqgħod f’riġlejk. Waħdi ma rrid nagħmel lanqas l-iċken ħaġa, mingħajr ma nikkonsultak l-ewwel bħala l-Imgħallem tiegħi. Ġesu’, kemm ninsab ferħana li Inti stess ġbidtni lejk u ħadtni fin-novizzjat Tiegħek; jiġifieri, fit-Tabernaklu. Meta nieħu l-voti perpetwi tiegħi; bl-ebda mod ma nkun sirt soru perfetta. Le, le! Għadni novizza ċkejkna dgħajfa ta’ Ġesu’ u rrid nipprova nakkwista l-perfezzjoni bħalma kont nagħmel fl-ewwel jiem tan-novizzjat, u nagħmel l-istess sforz sabiex inżomm l-istess dispożizzjoni f’ruħi li kelli fl-ewwel jum meta nfetaħ il-bieb tal-kunvent sabiex idaħħluni ġewwa.

Bil-fiduċja u s-sempliċita’ ta’ tifla ċkejkna, jiena nagħti lili nnifsi lilek, illum, O Ġesu’, Mgħallem tiegħi. Jiena nħallilek liberta’ sħiħa sabiex Int tmexxili ruħi. Mexxini fit-toroq li Inti tixtieq. Ma nagħmillekx mistoqsijiet. Ser nimxi warajk bil-fiduċja. Il-Qalb ħanina tiegħek tista’ tagħmel kollox!

In-novizza ċkejkna ta’ Ġesu’ – Swor Fawstina.

229. Fil-bidu tal-irtir, Ġesu qalli: Waqt dan l-irtir, Jiena stess ser imexxi lil ruħek. Jiena rrid inwettqek fil-paċi u fl-imħabba. U hekk għaddew l-ewwel ftit ġranet. Fir-raba’ jum iħabbtuni d-dubji: Tgħid din it-trankwillita’ tiegħi falza? Imbagħad smajt dan il-kliem: Binti, stħajjel li inti s-sultana tad-dinja kollha u għandek is-setgħa tiddisponi kollox skont ma jogħġbok. Int għandek is-setgħa tagħmel il-ġid kollu li tixtieq, u f’daqqa waħda tifel ċkejken iħabbat il-bieb, jirtogħod u jibki u, b’fiduċja fit-tjubija tiegħek, jitolbok biċċa ħobż biex ma jmutx bil-ġuħ. Int x’kont tagħmel għal dan it-tifel? Weġibni, Binti. U jiena għidtlu: “Ġesu’, jiena kont nagħti lil dak it-tifel kulma talabni u elf darba iktar.” U l-Mulej qalli: Bl-istess mod Jiena qed nimxi ma’ ruħek. F’dan l-irtir Jiena qiegħed nagħtik, mhux biss il-paċi, imma wkoll dispożizzjoni f’ruħek li, ukoll kieku ridt tħossok inkwetata, ma tkunx tista’. Imħabbti ppossediet lil ruħek, u Jiena rridek tkun imwettqa Fiha. Poġġi widintek qrib tal-Qalb Tiegħi, insa kollox u aħseb fuq il-ħniena tal-għaġeb Tiegħi. Imħabbti tagħtik is-saħħa u l-kuraġġ li inti teħtieġ f’dawn l-affarijiet.

230. Ġesu’, Ostja ħajja, Inti Ommi, Int kollox għalija! Jiena dejjem niġi għandek, O Ġesu’, bis-sempliċita’ u bl-imħabba, bil-fidi u bil-fiduċja. Jiena naqsam kollox miegħek, bħalma tagħmel tifla ma’ ommha li tħobbha: il-ferħ u d-dwejjaq tiegħi – f’kelma waħda, kollox.

Djarju ta’ Swor Fawstina – L-1 Pitazz (par.211-220)

L-Ewwel Pitazz – Paragrafi 211-220

IMG_3362_-_Copy-600x403

211. + Għal darb’oħra, dalma terribli tinsab madwar ruħi. Donni qiegħda naqa’ vittma ta’ illużjonijiet. Meta mort inqerr sabiex nakkwista ftit dawl u paċi, xejn ma sibthom. Il-konfessur (nota66) ħallieni b’iktar dubji milli qatt kelli qabel. Huwa qalli, “Ma nistax nagħraf liema qawwa qiegħda taħdem fik, Sor; forsi huwa Alla u forsi l-ispirtu ħażin.” Malli ħriġt mill-konfessinarju, bdejt naħseb fuq dak li kien qalli. Iktar ma bdejt nagħmel dan, iktar ruħi għoddsot fid-dlam. “Ġesu’ x’ser nagħmel?” Meta Ġesu’ resaq lejja bi tjubija, bdejt nibża’. “Int verament Ġesu’?” Min-naħa l-waħda kienet qiegħda tiġbidni l-imħabba u, mill-oħra, il-biża’. X’tortura! Ma nistax niddeskriviha!

212. Meta rġajt mort inqerr, irċevejt din it-tweġiba, “Ma nifhmekx, Sor. Aħjar li kieku ma tiġix għandi għall-qrar.” Alla tiegħi!… Irrid nirrestrinġi lili nnifsi qabel ma ngħid xejn fuq l-ispirtwalita’ tiegħi, u hawnhekk qiegħda nirċievi din it-tweġiba: “Sor, ma nistax nifhmek.”

213. Meta jiena ħriġt mill-konfessinarju, mijiet ta’ turmenti għafsu fuqi. Jiena mort quddiem is-Sagrament Imqaddes u għidtlu, “Ġesu’, salvani; qiegħed tara kemm jiena dgħajfa!” Imbagħad jiena smajt dan il-kliem: Jiena ser nagħtik l-għajnuna waqt l-irtir qabel ma tagħmel il-voti. Dan il-kliem għamilli l-kuraġġ u bdejt miexja ‘l quddiem mingħajr ma nitlob l-parir ta’ ħadd. Imma ma kellix fiduċja fija nnifsi hekk li ddeċidejt li nwaqqaf dawn id-dubji darba għal dejjem. Għal din ir-raġuni kont qiegħda nistenna b’ħerqa speċjali l-irtir ta’ qabel il-voti perpetwi. Imma wkoll għal ħafna ġranet qabel l-irtir, bqajt nitlob lil Alla li jagħti d-dawl lis-saċerdot li jiena kont sejra nqerr għandu, sabiex ikun jista’ jgħid, darba għal dejjem, jew iva jew le. U ħsibt bejni u bejn ruħi, ‘Jiena nkun nista’ noqgħod fil-paċi darba għal dejjem.’ Imma bqajt ninkwieta jekk ikunx hemm xi ħadd lest li jismagħni dwar dawn l-affarijiet. U mbagħad għal darb’oħra, iddeċidejt li ma noqgħodx naħseb dwar dan kollu u nafda fil-Mulej. Il-kliem li baqa’ jidwi f’widnejja kien ‘waqt l-irtir.’

214. Kollox jinsab lest issa. Għada filgħodu ser nitilqu għal Krakovja, għall-irtir. Illum dħalt fil-kappella sabiex inrodd ħajr lill-Mulej għall-grazzji bla għadd li Huwa tani f’dawn il-ħames xhur. Qalbi kienet verament kommossa meta bdejt naħseb f’tant grazzji u tant premura min-naħa tas-superjuri tiegħi.

215. Binti, kun fil-paċi; Jiena qiegħed nieħu dawn l-affarijiet kollha f’idejja. Jiena ser nirranġa kollox mas-superjuri tiegħek u mal-konfessur. Tkellem ma’ Patri Andrasz bl-istess sempliċita’ u fiduċja, kif inti titkellem Miegħi.

216. Wasalna Krakovja llum (18 ta’ April 1933). X’ferħ qiegħda nħoss li ninsab għal darb’oħra fl-istess post fejn għamilt l-ewwel passi tiegħi fil-ħajja spiritwali! L-għażiża Madre Direttriċi (Mary Joseph) hi bħas-soltu, ferriħija u mimlija mħabba għall-proxxmu. Dħalt fil-kappella għal waqt wieħed u l-ferħ imlieli ruħi. F’mument wieħed erġajt ftakart fl-oċejan sħiħ ta’ grazzji li kont irċevejt hawnhekk bħala novizza.

217. U llum iltaqjna flimkien biex imorru nagħmlu żjara ta’ siegħa fin-novizzjat. Il-Madre Direttriċi, Mary Joseph, kellmitna fil-qosor u tatna l-programm tal-irtir. Fil-waqt li kienet qiegħda tgħidilna dan il-ftit kliem, jien rajt quddiem għajnejja dawk l-affarijiet kollha tajbin li l-Madre għażiża kienet għamlet għalina. Ħassejt ġewwa ruħi gratitudni kbira lejha. Kelli qalbi sewda għall-ħsieb li din kienet l-aħħar darba li jien kelli nkun fin-novizzjat. Issa rrid inkompli nitqabad flimkien ma’ Ġesu’, naħdem ma’ Ġesu’, inbati ma’ Ġesu’; f’kelma waħda, ngħix u mmut flimkien ma’ Ġesu’. Il-Madre Direttriċi issa ma kenitx ser tibqa’ miegħi sabiex daqqa tgħallimni, daqqa twissini, jew twiddibni, tinkuraġġini jew iċċanfarni. Tant qiegħda nibża’ noqgħod waħdi. Ġesu’, agħmel xi ħaġa dwar dan. Dejjem ser ikolli Superjura, veru; imma issa persuna qiegħda titħalla iżjed waħedha.

Krakovja. 21 ta’ April 1933

Għall-ikbar glorja ta’ Alla.
L-irtir ta’ tmint ijiem qabel il-Voti Perpetwi

218. Qiegħda nibda l-irtir illum. Ġesu’, Mgħallem tiegħi, mexxini Int. Ikkmandani skont ir-rieda Tiegħek, ippurifika mħabbti sabiex tkun denja Tiegħek; agħmel bija bħalma tixtieq il-Qalb l-iżjed ħanina Tiegħek. Ġesu’, inkunu aħna it-tnejn biss, matul dawn il-ġranet sal-waqt tal-għaqda tagħna. Żommni, Ġesu’, fi spirtu ta’ ġabra.

219. Filgħaxija Ġesu’ qalli: Binti, tħalli xejn ibeżżgħek jew iħawdek. Ibqa’ f’paċi profonda. Kollox qiegħed f’idejja. Nippermettilek li tifhem kollox permezz ta’ Patri Andrasz. Kun bħal tifla miegħu.

Mument quddiem is-Sagrament Imqaddes

220. O Mulej u Ħallieq etern tiegħi, kif sejra nirringrazzjak għal dan il-favur kbir; jiġifieri li Int indenjajt ruħek tagħżel lili fil-miżerja tiegħi sabiex jiena nkun l-għarusa Tiegħek u li Int ser tgħaqqadni Miegħek b’rabta eterna? Teżor ta’ qalbi, l-iżjed maħbub, jiena noffrilek l-adorazzjoni u r-radd ta’ ħajr kollu tal-Qaddisin u tal-kori kollha tal-Anġli, u ningħaqad b’mod speċjali ma’ Ommok. Marija, Omm tiegħi, bl-umlita’ kollha jiena nitolbok tgħattili ruħi bil-mantell verġinali tiegħek f’dan il-waqt hekk importanti f’ħajti, sabiex b’dan il-mod inkun nista’ nfaħħar kif jixraq il-ħniena ta’ Ibnek quddiem id-dinja kollha u fl-eternita’ kollha.

Djarju ta’ Swor Fawstina – L-1 Pitazz (par.201-210)

L-Ewwel Pitazz – Paragrafi 201-210

timthumb

201. Jiena nixtieq ninħeba sabiex l-ebda kreatura ma tkun taf lil qalbi. Inti biss taf lil qalbi u tippossediha kollha kemm hi. Ħadd ma jaf bis-sigriet tagħna. Aħna nifhmu lil xulxin b’ħarsa waħda biss. Minn dak il-waqt meta aħna sirna nafu lil xulxin, jiena fraħt. Il-kobor Tiegħek jimlieni. O Ġesu’, meta jiena nkun fl-aħħar post, inqas mill-postulanti, ukoll l-iżgħar waħda fosthom, imbagħad jiena nħoss li qiegħda fil-post propju tiegħi. Jiena ma kontx naf li l-Mulej poġġa daqshekk ferħ f’dawn l-irkejjen ċkejknin ordinarji. Issa jiena nista’ nifhem li ukoll fil-ħabs minn qalb safja tista’ toħroġ il-milja tal-imħabba għalik, O Mulej! Affarijiet esterni ma jfissru xejn meta tqabbilhom ma’ mħabba safja: hija tgħaddihom, kollha kemm huma. La bibien tal-ħabs u lanqas tal-ġenna m’huma b’saħħithom biżżejjed biex iwaqqfuha. Hija tilħaq lil Alla nnifsu, u xejn ma jista’ jitfiha. M’hemm l-ebda ostaklu għaliha; hija libera bħal sultana u tilħaq bil-liberta’ kollha l-postijiet kollha. L-istess mewt trid tbaxxi rasha quddiemha…

202. Oħti (Wanda) (nota65) ġiet tarani llum. Meta qaltli x’kienet qiegħda tippjana, twerwirt. Kif setgħet tkun ħaġa bħal din? Ruħ hekk ċkejkna u sabiħa quddiem il-Mulej, u xorta waħda waqgħet dalma kbira fuqha, u hija ma kenitx taf kif kienet sejra tgħin lilha nnfisha. Kienet qiegħda tara kollox imdallam. Alla li Hu ħanin afdaha f’idejja, u għal ġimgħatejn jien stajt naħdem magħha. Imma kemm swietli sagrifiċċji din ir-ruħ Alla biss jaf. Għall-ebda ruħ oħra ma offrejt daqshekk sagrifiċċji u tbatijiet u talb quddiem it-tron ta’ Alla, daqskemm offrejt għal ruħha. Jien ħassejt li kont sfurzajt lil Alla jikkonċedilha l-grazzja li kellha bżonn. Meta naħseb fuq dan kollu, nara li verament miraklu. Issa nista’ nara x’qawwa għandu t-talb ta’ interċessjoni quddiem Alla.

203. Issa, matul dan ir-Randan, spiss ikolli esperjenza tal-Passjoni tal-Mulej Ġesu’ f’ġismi stess. Jiena nġarrab b’mod profond f’qalbi dak kollu li bata Ġesu’, għalkemm l-ebda sinjal estern ma jixhed dawn it-tbatijiet tiegħi. Il-konfessur tiegħi biss jaf bihom.

204. Konverżazzjoni żgħira mal-Madre Direttriċi (Margaret). Meta jiena staqsejtha xi dettalji dwar il-progress fil-ħajja spirtwali, din l-Madre qaddisa weġbitni b’mod ċar ħafna. Qaltli: “Jekk inti tkompli tikkopera mal-grazzja ta’ Alla b’dan il-mod, Sor, int tkun pass wieħed biss ‘il bogħod mill-għaqda intima’ ma’ Alla. Int tista’ tifhem x’irrid ngħid b’din il-ħaġa. Dan ifisser li l-karatteristika tiegħek għandha tkun il-fedelta’ mal-grazzja tal-Mulej. Alla ma jmexxix lill-erwieħ kollha fi triq bħal din.”

205. + Il-Qawmien. Illum, waqt il-(Quddiesa tal-) Qawmien, jiena rajt lill-Mulej Ġesu’ ; f’nofs dawl kbir. Huwa resaq lejja u qal: Paċi lilkom uliedi, u għolla idu u tani l-barka Tiegħu. Il-pjagi ta’ jdejh, riġlejh u ġenbu kienu mimlijin bid-dija u ma setgħux jitħassru. Meta ħares lejja b’daqshekk tjubija u mħabba, ruħi kollha għerqet fih. U Huwa qalli: Inti kellek sehem kbir fil-Passjoni Tiegħi; mela Jiena issa nagħtik sehem kbir fil-ferħ u fil-glorja Tiegħi. Il-ħin kollu tal-(Quddiesa) tal-Qawmien deherli li dam biss minuta. Ġabra tal-għaġeb imlietli ruħi u din damet matul l-istaġun kollu tal-festi. It-tjubija ta’ Ġesu’ hija hekk kbira li jiena ma nistax infissriha bil-kliem.

206. L-għada, wara t-Tqarbin, jiena smajt il-vuċi tgħid: Binti, ħares fl-abbiss tal-ħniena Tiegħi u agħti tifħir u glorja lil din il-ħniena Tiegħi. Aħdem b’dan il-mod: Iġbor il-midinbin kollha tad-dinja u daħħalhom fl-abbiss tal-ħniena Tiegħi. Jiena rrid ningħata lill-erwieħ; Jiena nixxennaq għall-erwieħ, binti. Fil-jum tal-festa tiegħi, il-Festa tal-Ħniena, inti tmur fid-dinja kollha u ġġib lejn l-għajn tal-ħniena Tiegħi, erwieħ li jkunu qegħdin iċedu. Jiena nfejjaqhom u nsaħħaħhom.

207. Illum jiena tlabt għal ruħ li tinsab fl-agunija, li kienet qiegħda tmut mingħajr is-Sagramenti, għalkemm xtaqet tirċevihom. Imma kien diġa’ tard wisq. Hi kienet tiġi minni, il-mara taz-ziju. Kienet ruħ togħġob lil Alla. Ma kien hemm xejn x’jifridna f’dak il-waqt.

208. Intom sagrifiċċji żgħar ta’ kuljum, intom għalija bħal fjuri selvaġġi li jiena nifrex fuq saqajn il-maħbub tiegħi Ġesu’. Xi drabi jiena nxebbaħ dawn l-affarijiet ċkejknin mal-virtujiet erojċi, u r-raġuni hi li n-natura dejjiema tagħhom titlob minn għandna l-qlubija.

209. Fit-tbatijiet tiegħi, jiena ma nfittixx għajnuna mingħand il-kreaturi, imma Alla huwa kollox għalija. Madankollu, ta’ spiss jidhirli li lanqas il-Mulej ma jismagħni. Jiena narma lili nnifsi bil-paċenzja u s-skiet, bħal ħamiema li ma tgergirx u ma tħoss l-ebda mrar meta jeħdulha lil uliedha ‘l bogħod. Jiena nixtieq intir ‘l fuq fis-sħana stess tax-xemx, u ma rridx nieqaf fil-fwar tagħha. Ma ngħejjiex, għax qiegħda nserraħ fuqek – Inti, li inti s-Saħħa tiegħi!

210. Jiena nitlob lill-Mulej bil-ħeġġa jsaħħaħli l-fidi tiegħi sabiex fil-ħajja tiegħi ta’ kuljum ma jmexxunix id-dispożizzjonijiet umani, imma dawk tal-ispirtu. Kif kollox jiġbed il-bniedem ‘l isfel lejn l-art! Imma fidi ħajja żżomm ir-ruħ ‘il fuq u lill-egoiżmu tpoġġih f’postu; jiġifieri, l-iktar wieħed baxx.

Djarju ta’ Swor Fawstina – L-1 Pitazz (par.191-200)

L-Ewwel Pitazz – Paragrafi 191-200

16831819_1251754154921682_2882305381416629876_n

191. + Darba waħda filgħodu jien smajt dan il-kliem ġewwa ruħi: Mur għand il-Madre Ġenerali (Michael) u għidilha li din il-ħaġa mhix togħġobni fit-tali dar. Ma nistax insemmi x’kienet din il-ħaġa u lanqas liema dar issemmiet, imma jien għidt biha lill-Madre Ġenerali, għalkemm batejt ħafna sakemm għamilt dan.

192. Darba, jiena ħadt fuqi nnifsi tentazzjoni terribli li waħda mill-istudenti tagħna fid-dar ta’ Varsavja kienet għaddejja minnha. Kienet tentazzjoni ta’ suwiċidju. Jiena batejt għal sebat ijiem; u wara sebat ijiem Ġesu’ taha l-grazzja li konna qegħdin nitolbu għaliha, u mbagħad waqfet ukoll it-tbatija tiegħi. Kienet tbatija kbira. Jiena spiss nieħu fuqi nnifsi t-turmenti tal-istudenti tagħna. Ġesu’ tani permess nagħmel din il-ħaġa, kif għamlu wkoll il-konfessuri tiegħi.

193. Il-qalb tiegħi hija post fejn Ġesu’ jgħammar il-ħin kollu. Ħadd ħlief Ġesu’ m’għandu aċċess għaliha. Huwa mingħand Ġesu’ li jiena niġbed is-saħħa sabiex niġġieled kontra d-diffikultajiet u l-oppożizzjonijiet. Jiena rrid niġi midbula f’Ġesu’ sabiex inkun nista’ ningħata kollni kemm jien lill-erwieħ. Mingħajr Ġesu’ jiena ma nkunx nista’ nersaq qrib l-erwieħ, għax jiena naf x’insarraf waħdi. Jiena nassorbi lil Alla ġewwa fija sabiex inkun nista’ nagħtih lill-erwieħ.

194. + 27 ta’ Marzu. Jiena nixtieq nissielet, nitħabat u niżvojta lili nnifsi għall-ħidma tagħna sabiex insalvaw lill-erwieħ immortali. Ma jimpurtax jekk dawn l-isforzi jqassruli ħajti; ħajti mhjiex iżjed tiegħi, iżda tal-Komunita’. Jiena rrid ikun ta’ użu għall-Knisja kollha billi nkun fidila lejn il-Komunita’ tiegħi.

195. O Ġesu’, illum ruħi qisha mdallma bit-tbatija. L-ebda raġġ ta’ dawl. It-tempesta għaddejja, u Ġesu; rieqed. O Mgħallem tiegħi, jiena minix sejra nqajmek; minix sejra nfixkel ir-raqda ħelwa Tiegħek. Jiena nemmen li Inti qiegħed tagħtini s-saħħa mingħajr ma naf kif.

Matul is-sigħat twal jiena nadurak, O ħobż ħaj, fost in-nixfa kbira li hemm ġewwa fija. O Ġesu’, Imħabba Safja, jiena m’għandix bżonn konsolazzjonijiet; tmantnini r-rieda Tiegħek – Inti li int l-istess Qawwa! Ir-rieda Tiegħek hija l-mira tal-eżistenza tiegħi. Għalija qisu, li d-dinja kollha qiegħda taqdini u tiddependi minni. Inti, Mulej, tifhem ir-ruħ tiegħi bl-aspirazzjonijet kollha tagħha.

Ġesu’, meta jiena stess ma nistax inkantalek l-innu tal-imħabba, nammira l-kant tas-Serafini, li huma hekk maħbubin minnek. Jiena nixtieq li nintilef fik bħalma jagħmlu huma. Xejn ma jista’ jżomm imħabba bħal din, għax l-ebda qawwa m’għandha s-setgħa fuqha. Hija bħal berqa li ddawwal id-dalma, imma ma tibqax fiha. O Mgħallem tiegħi, ifformali ruħi skont ir-Rieda Tiegħek u skont il-pjanijiet eterni Tiegħek!

196. Kien hemm persuna li qisha ddeċidiet li ġġarrab il-virtu’ tiegħi b’ħafna modi. Ġurnata waħda, waqqfitni fil-kuritur u bdiet billi qaltli li ma kellhiex għalfejn iċċanfarni, imma kkmandatni noqgħod hemm bil-wieqfa quddiem il-kappella ż-żgħira (nota63) għal nofs siegħa u nistenna lill-Madre Superjura, li kellha tgħaddi minn hemm wara r-rikreazzjoni, (nota64) u jiena kelli nakkuża lili nnifsi f’diversi affarijiet li hija kienet qaltli ngħid. Għalkemm jiena ma kelli l-ebda ideja li kelli dawn l-affarijiet f’ruħi, obdejt u qagħadt nistenna lill-Madre Superjura għal nofs siegħa sħiħa. Kull soru li għaddiet ħarset lejja bi tbissima. Meta akkużajt lili nnifsi quddiem il-Madre Superjura (Raphael), hi bagħtitni għand il-konfessur tiegħi. Meta qerrejt, is-saċerdot intebaħ mill-ewwel li din kienet xi ħaġa li ma kenitx ġejja minn ruħi u li jiena ma kellix l-iċken ideja ta’ affarijiet bħal dawn. Huwa stagħġeb mhux ftit li din il-persuna kellha l-kuraġġ tagħtini ordnijiet bħal dawn.

197. Knisja ta’ Alla, inti l-aqwa omm, inti biss tista’ trabbi ruħ u tgħinha tikber. O, kemm huma kbar l-imħabba u r-rispett tiegħi lejn il-Knisja, dik l-aqwa fost l-ommijiet.

198. Darba il-Mulej qalli: Binti, il-fiduċja u l-imħabba tiegħek irażżnu l-ġustizzja Tiegħi u Jiena ma nistax nagħti l-kastig għax inti ma tħallinix nagħmlu dan. Kemm għandha qawwa kbira ruħ mimlija fiduċja!

199. Meta naħseb fil-voti perpetwi tiegħi u min Hu dak li jrid jingħaqad miegħi, nagħmel sigħat mitlufa naħseb fih. Kif jista’ jkun dan? Inti Alla u jiena – jiena l-ħlejqa Tiegħek. Inti, s-Sultan għall-eternita’ u jiena, tallaba u l-istess miżerja! Imma issa kollox huwa ċar quddiem għajnejja; il-grazzja u l-imħabba Tiegħek, O Mulej, il-quddiem jimlew il-vojt li hemm bejnek u bejni, Ġesu’.

200. O Ġesu’ kemm tweġġa’ ruħ meta hija dejjem tipprova tkun sinċiera u jakkużawha b’ipokrisija u juru li mhumiex jafdawha bil-mod kif iġibu ruħhom magħha. O Ġesu’ Inti wkoll batejt b’dan il-mod biex tissodisfa lil Missierek.

Djarju ta’ Swor Fawstina – L-1 Pitazz (par.181-190)

L-Ewwel Pitazz – Paragrafi 181-190

Jesus Divine Mercy pictures 03

181. Illum kont qiegħda nnaddaf il-kamra ta’ waħda mis-sorijiet. Għalkemm kont qiegħda nipprova nnaddafha b’attenzjoni mill-ikbar, hi baqgħet issegwini l-ħin kollu u tgħidli: “Hawnhekk ħallejt għabra trab u hemmhekk hemm tebgħa fl-art.” Ma’ kull rimarka li għamlitli, erġajt dort dik ir-rokna iktar minn tnax –il darba sempliċiment biex naqtgħalha xewqitha. Mhux ix-xogħol li jgħajjini, imma dawn il-paroli kollha u l-insistenza eċċessiva. Il-martirju li batejt ġurnata sħiħa ma kienx biżżejjed għaliha; għalhekk marret għand id-Direttriċi u bdiet tgerger: “Madre din min hi din is-soru traskurata li ma tafx taħdem u tħaffef?” L-għada, jiena mort, nerġa’ nagħmel l-istess xogħol, mingħajr ma ppruvajt nispjega xejn dwari nnifsi. Meta bdiet issuqni, kont qiegħda naħseb, “Ġesu’, wieħed jista’ jbati l-martirju fis-skiet; mhux ix-xogħol li jgħajjik, imma dan it-tip ta’ martirju.”

182. Jiena tgħallimt li ċerti nies għandhom don speċjali sabiex jinnervjaw lil ħaddieħor. Jippruvaw mill-aħjar li jistgħu. Dik ir-ruħ imsejkna li taqa’ f’idejhom ma tista’ tagħmel xejn sewwa; l-aħjar sforzi tagħha jiġu milqugħin bi kritika malizzjuża.

+ Lejliet il-Milied

Illum jien kont maqgħuda mill-qrib ma’ Omm Alla. Rġajt għext is-sentimenti interni tagħha. Filgħaxija, qabel iċ-ċerimonja tal-qsim tal-wejfer (nota60a) mort fil-kappella sabiex, fl-ispirtu, naqsam il-wejfer mal-għeżież tiegħi, u tlabt lil Omm Alla għall-grazzji għalihom. L-ispirtu tiegħi kien mitluf kollu f’Alla. Waqt il-Quddiesa ta’ nofsillejl, (‘Pasterka’ jew il-Quddiesa tar-Rgħajja) rajt lill-Bambin Ġesu’ fl-Ostja, u l-ispirtu tiegħi kien mitluf fih. Għalkemm kien daqsxejn ta’ tarbija, il-majesta’ Tiegħu nifditli ruħi. Kont mimlija sal-profondita’ tal-esseri tiegħi b’dan il-misteru, dan il-fatt kif Alla jiċċekken daqshekk, svojta lilu nnifsu b’mod li aħna ma nistgħux nifhmuh. Dawn is-sentimenti baqgħu ħajjin ġewwa ruħi matul l-istaġun kollu tal-festi. Aħna ma nistgħu qatt nifhmu dan il-mod hekk kbir kif Alla għoġbu jiċċekken daqshekk; iktar ma naħseb fuq hekk, (il-ħsieb waqaf hawnhekk).

183. Darba waħda filgħodu wara t-Tqarbin, smajt din il-vuċi, “Nixtieqek tikkumpanjani meta Jiena mmur għand il-morda.” Weġibt li jiena wkoll xtaqtha din il-ħaġa, imma wara mument riflessjoni bdejt naħseb kif kont ser nagħmel din il-ħaġa; is-sorijiet tat-tieni kor (nota61) ma jakkumpanjawx is-Sagrament Imqaddes. Dejjem imorru jakkumpanjaw is-sorijiet li huma Direttriċi. Jiena qgħadt naħseb bejni u bejn ruħi: Ġesu’ jsib mezz. Ftit wara, Madre Raphael bagħtet għalija u qaltli: “Sor, inti mur akkumpanja lill-Mulej Ġesu’ meta s-saċerdot imur iżur lill-morda.” U matul dak iż-żmien kollu tal-prova tiegħi kont immur bid-dawl nakkumpanja lill-Mulej u, bħal kavallier ta’ Ġesu’ , dejjem ippruvajt nitħażżem biċ-ċintorin tal-ħadid, (nota62) għax ma kenitx tkun ħaġa xierqa li nakkumpanja lis-Sultan bi lbies ta’ kuljum. U jiena offrejt din il-mortifikazzjoni għall-morda.

184. + Siegħa Adorazzjoni. Matul din is-siegħa, jien ppruvajt nimmedita fuq il-Passjoni tal-Mulej. Imma ruħi kienet mimlija ferħ, u f’daqqa waħda rajt lill-Bambin Ġesu’. Imma l-Majesta’ Tiegħu daħlet ġewwa fija b’tali mod li jiena għidt, “Ġesu’, Inti daqshekk ċkejken, imma jiena xorta waħda naf li Inti l-Ħallieq u l-Mulej tiegħi.” U Ġesu’ weġibni, Iva, hekk hu; u Jiena qiegħed inżommlok kumpanija bħala tifel ċkejken sabiex ngħallmek l-umilta’ u s-sempliċita’.

Jiena ġbart flimkien it-tbatijiet u d-diffikultajiet kollha tiegħi u għamilthom bukkett għal Ġesu’ għall-jum tal-għerusija perpetwa tagħna. Xejn ma kien diffiċli għalija, meta jiena kont niftakar li dan kien għall-Għarus tiegħi bħala prova ta’ mħabbti għalih.

185. + Is-skiet tiegħi għal Ġesu’. Ippruvajt inżomm skiet kbir għal Ġesu’. Fost l-ikbar storbju, Ġesu’ dejjem sab is-skiet ġewwa qalbi, għalkemm xi drabi dan kien jiswieli ħafna. Imma x’jista’ jkun daqshekk kbir għal Ġesu’, għal Dak li jien nħobb b’qalbi kollha?

186. + Illum Ġesu’ qalli: Jiena nixtieqek tkun taf b’mod iktar profond l-imħabba li hemm taqbad ġewwa Qalbi għall-erwieħ, u dan inti tkun tista’ tifhmu meta timmedita fuq il-Passjoni Tiegħi. Itlobni għall-ħniena Tiegħi għall-midinbin. Jiena nixtieq is-salvazzjoni tagħhom. Meta inti tgħid din it-talba, b’qalb niedma u bil-fidi għal xi midneb, Jiena nagħtih il-grazzja tal-konverżjoni. Din hi t talba:

187. ‘O Demm u Ilma, li ħriġtu mill-Qalb ta’ Ġesu’ bħala għajn ta’ ħniena għalina, jiena nafda Fik.’

188. Matul l-aħħar jiem tal-karnival, waqt li kont qiegħda nagħmel siegħa Adorazzjoni, jiena rajt kemm bata l-Mulej Ġesu’, waqt li kien qed jiġi fflaġellat. O x’agunija li ma nistgħux nimmaġinawha! Kemm bata b’mod aħrax Ġesu’ waqt il-flaġellazzjoni! O msejkna midinbin, f’Jum il-Ġudizzju kif ser tiffaċċjaw lil Ġesu’ li issa intom qegħdin tittorturawh b’mod hekk aħrax? Demmu kien nieżel sal-art, u f’xi postijiet laħmu beda jaqa’. Fuq dahru jien rajt xi għadam jidher mikxuf. Ġesu’ ġwejjed beda jingħi u jitniehed bil-mod.

189. Darba, Ġesu’ tani x’nifhem kemm togħġbu ruħ li żżomm ir-regola fedelment. Ruħ tirċievi premju ikbar talli tosserva r-regola milli għall-penitenzi u mortifikazzjonjiet kbar. Dawn tal-aħħar jiġu ppremjati wkoll jekk isiru minbarra r-regola, imma m’humiex iktar importanti mir-regola.

190. Darba waqt l-adorazzjoni, il-Mulej talabni nagħti lili nnifsi lilu bħala offerta u nissaporti ċerta tbatija bħala tpattija, mhux biss għad-dnubiet tad-dinja in ġenerali, imma b’mod speċjali għan-nuqqasijiet li saru f’din id-dar. Jiena għidtlu minnufih, “Tajjeb ħafna; jiena lesta.” Imma Ġesu’ ħallieni nara x’kont sejra nbati u f’waqt wieħed rajt il-passjoni kollha quddiem għajnejja. L-ewwelnett, l-intenzjonijiet tiegħi ma kienux sejrin jirrikonoxxuhom; kont sejra ngħaddi minn kull sura ta’ suspett u nuqqas ta’ fiduċja kif ukoll diversi tipi ta’ umiljazzjonjiet u kuntrarju. Minix sejra ngħid kollox hawnhekk. Dawn l-affarijiet kollha dehru quddiem l-għajnejn ta’ ruħi bħal maltempata sewda li minnha l-beraq kien lest biex ifiġġ minn waqt għall-ieħor. Ġesu’ kien qed jistenna biss il-kunsens tiegħi. Għal mument, in-natura tiegħi għelibha l-biża’. Imbagħad f’daqqa waħda daqqet il-qanpiena għall-ikel. Jiena ħriġt mill-kappella, nirtogħod u ma nafx x’ser nagħmel. Imma s-sagrifiċċju kien dejjem quddiemi, għax jiena la kont iddeċidejt li naċċettah lanqas ma kont għidtlu ‘le’ lill-Mulej. Jiena ridt inpoġġi lili nnifsi kollni kemm jien fir-rieda Tiegħu. Li kieku l-Mulej Ġesu’ kellu jimponieha fuqi Huwa stess, jiena kont lesta. Imma Ġesu’ tani x’nifhem li jiena stess kelli nagħti l-kunsens tiegħi bil-liberta’ kollha u naċċetta filwaqt li nkun naf sewwa x’jiena nagħmel inkella ma kien ikollu l-ebda tifsira. Il-qawwa kollha tiegħu kienet tinsab fl-att ħieles tiegħi quddiem Alla. Imma fl-istess ħin, Ġesu’ tani x’nifhem li d-deċiżjoni kienet għal kollox f’idejja. Jiena stajt neħodha u stajt ma neħodhiex. U għalhekk jiena mbagħad weġibt minnufih, “ Ġesu’, jiena naċċetta dak kollu li Inti tixtieq tibgħatli; jiena nafda fit-tjieba Tiegħek.” F’dak il-waqt, jiena ħassejt li b’dan l-att kont qiegħda nagħti glorja kbira lil Alla. Imma armajt lili nnifsi bil-paċenzja. Malli ħriġt mill-kappella, iltqajt mar-realta’. Ma rridx niddeskrivi d-dettalji, imma kelli daqskemm flaħt nissaporti. Ma kontx inkun niflaħ nissaporti imqar qatra waħda iktar.

Djarju ta’ Swor Fawstina – L-1 Pitazz (par.161-170)

L-Ewwel Pitazz – Paragrafi 161-170

99fe5724f1e95dec641f2ea89f9cd5ca

161. O Marija, Verġni Immakulata,
Kristall safi għal qalbi,
Inti s-saħħa tiegħi O ankra b’saħħitha!
Inti t-tarka u l-protezzjoni tal-qalb debboli tieghi.

O Marija inti safja, ta’ safa li bħalu m’hawnx
Fl-istess waqt kemm Verġni u Omm,
Inti sabiħa bħax-xemx, bla ebda tebgħa,
U ruħek ma tista’ tqabbilha ma’ xejn.

Is-sbuħija tiegħek tpaxxiet biha l-għajn ta’ Dak li Hu
Qaddis għal tlett, darbiet,
Huwa nieżel mis-sema u ħalla t-tron etern Tiegħu
U ħa l-Ġisem u d-Demm mill-qalb tiegħek
U għal disa’ xhur qagħad moħbi f’Qalb ta’ Verġni.

O Omm, Verġni, li ħadd ma jista’ jifhem.
Kif Alla etern isir bniedem;
l-għan Tiegħu hi biss l-imħabba u l-Ħniena li ma titfissirx,
U li permezz tiegħek, O Omm tagħna – jiġu mogħtija lilna li ngħixu
Miegħu għal dejjem.

O Marija, Verġni u Ommna: il-bieb tal-Ġenna għalina.
Permezz tiegħek is-salvazzjoni waslet għandna.
Min idejk jgelglu l-grazzji kollha għal għandna
U l-limitazzjoni tiegħek biss tista’ tqaddisni.

O Omm, Verġni, l-iktar safja fost il-ġilji kollha,
Il-Qalb tiegħek kienet l-ewwel tabernaklu ta’ Ġesu’ f’din l-art.
Kien biss għax ma kienx hemm umilta’ iktar profonda minn tiegħek
Li inti ġejt imtellgħa fuq il-kori tal-Anġli u fuq il-Qaddisin kollha.

O Marija, l-Omm tiegħi ħelwa,
Jiena nagħtik ruħi, ġismi u l-qalb fqira tiegħi
Kun int l-għassiesa ta’ ħajti,
L-aktar fis-siegħa ta’ mewti, fl-aħħar taqbida.

162. ĠMĠ.    Ġesu’, jiena nafda Fik.    1 ta’ Jannar 1937
Ċart tal-kontroll intern tar-ruħ.
Eżami partikulari – sabiex ningħaqad ma’ Kristu tal-ħniena.
Prattika: silenzju intern, osservanza stretta tas-silenzju.

Il-Kuxjenza.

Jannar : Alla u r-ruħ: skiet. Rebħiet 41, waqgħat 4.
Ġakulatorja: Imma Ġesu’ żamm is-skiet.

Frar: Alla u r-ruħ: skiet. Rebħiet 36, waqgħat 3.
Ġakulatorja: Ġesu’, jiena nafda Fik.

Marzu: Alla u r-ruħ: skiet. Rebħiet 51, waqgħat 2.
Ġakulatorja: Ġesu’, kebbes lil qalbi bl-imħabba.

April: Alla u r-ruħ: skiet. Rebħiet 61, waqgħat 4.
Ġakulatorja: Flimkien ma’ Alla, jiena nista’ kollox.

Mejju: Alla u r-ruħ: skiet. Rebħiet 92, waqgħat 3.
Ġakulatorja: F’Ismu jiena nsib is-saħħa tiegħi.

Ġunju: Alla u r-ruħ: skiet. Rebħiet 64, waqgħat 1.
Ġakulatorja: Kollox għal Ġesu’.

Lulju: Alla u r-ruħ: skiet. Rebħiet 62, waqgħat 8.
Ġakulatorja: Ġesu’ strieħ f’qalbi.

Awissu: Alla u r-ruħ: skiet. Rebħiet 88, waqgħat 7.
Ġakulatorja: Ġesu’, Inti taf …

Settembru: Alla u r-ruħ: skiet. Rebħiet 99, waqgħat 1
Ġakulatorja: Ġesu’, aħbini ġewwa Qalbek.

Ottubru: Alla u r-ruħ: skiet. Rebħiet 41, waqgħat 3.
Ġakulatorja: Marija, għaqqadni ma’ Ġesu’.

Novembru: Alla u r-ruħ: skiet. Rebħiet , waqgħat
Ġakulatorja: Ġesu’ tiegħek, ikollok ħniena!

Diċembru: Alla u r-ruħ: skiet. Rebħiet, waqgħat
Ġakulatorja: Insellimlek, Ostja ħajja!

163. ĠMĠ Is-sena 1937

Eżerċizzi Ġenerali

+ O Santissma Trinita’! Daqskemm jiena nieħu n-nifs, daqskemm qalbi tħabbat, daqskemm demmi jiġri f’ġismi, daqshekk ieħor għal elf darba jiena rrid nigglorifika l-ħniena Tiegħek.

+ Mulej, irrid ninbidel għal kollox fil-ħniena Tiegħek u nkun rifless ħaj Tiegħek. Agħmel li l-ikbar wieħed fost l-attributi divini, dak tal-Ħniena Tiegħek bla tarf, igħaddi minn qalbi u ruħi għal għand il-proxxmu tiegħi.

Għinni, O Mulej, sabiex għajnejja jħaddmu l-ħniena, ħalli qatt ma nissuspetta f’ħadd u lanqas niġġudika lil ħaddieħor minn dak li jidher minbarra imma nfittex is-sabiħ fl-erwieħ tal-proxxmu tiegħi u nagħmel ħilti biex ngħinnhom.

Għinni, sabiex widnejja jkunu ħanina, billi nagħti kas tal-ħtiġijiet ta’ għajri u ma nkunx indifferenti għall-uġigħ u għall-krib tagħhom.

Għinni, O Mulej, ħalli nkun ħanina fi lsieni, u ma nqasqas qatt fuq ħaddieħor, imma jkolli kelma ta’ faraġ u maħfra għal kulħadd.

Għinni, O Mulej, sabiex idejja jagħmlu ħafna għemejjel tajba ta’ ħniena ħalli b’hekk inkun ta’ ġid għall-proxxmu u biex ngħinu, nitgħabba bid-dmirijiet l-iktar tqal.

Għinni, sabiex riġlejja jgħaġġlu għall-għajnuna ta’ min ikun fil-bżonn billi mqanqla mill-ħniena, ninsa t-taħbit u l-għejja tiegħi. Il-mistrieħ tiegħi nsibu filli naqdi lil għajri.

Għinni, O Mulej, sabiex qalbi tkun daqshekk ħanina, li jiena stess inġarrab it-tbatija kollha tal-oħrajn. Qalbi ma niċħadha lil ħadd. Inkun sinċiera wkoll ma’ dawk li nkun naf li se jabbużaw mit-tjieba tiegħi. U jiena ningħalaq fil-Qalb l-iżjed ħanina ta’ Ġesu’. Inġarrab it-tbatija tiegħi fis-skiet. Ħa tistrieħ fuqi Mulej, il-ħniena tiegħek.

+ Inti stess tikkmandani nħaddan t-tliet gradi tal-ħniena. L-ewwel: att tal-ħniena, ikun ta’ liema kwalita’ jkun. It-tieni: il-kelma tal-ħniena – jekk ma nistax nagħmel opra tal-ħniena ngħin permezz ta’ kliemi. It-tielet: it-talb – jekk ma nistax nuri ħniena permezz tal-għemil jew tal-kliem, dejjem nista’ nagħmel dan permezz tat-talb. It-talb tiegħi jilħaq ukoll fejn jiena ma nistax nilħaq b’mod fiżiku. O Ġesu’ tiegħi, ibdilni fik, għax Inti tista’ tagħmel kollox.

(erba’ paġni tħallew vojta) (nota55)

164. ĠMĠ Varsavja, 1933

Prova Qabel il-Voti Perpetwi (noti 56)

Meta jiena sirt naf li kelli mmur għall-prova, qalbi kienet tħabbat bil-ferħ meta ħsibt fi grazzja tassew kbira bħal dik tal-voti perpetwi. Mort quddiem is-Sagrament Imqaddes; u meta ntlift f’talba ta’ ringrazzjament, smajt dan il-kliem ġewwa ruħi: Binti, inti l-għaxqa Tiegħi, inti l-faraġ ta’ Qalbi. Jiena nagħtik grazzji daqskemm inti tiflaħ tesa’. Dawk id-drabi kollha li Inti tkun tixtieq tagħmilni ferħan, kellem lid-dinja fuq l-ħniena kbira Tiegħi li ħadd ma jista’ jkejjilha.

165. Ftit ġimgħat qabel ma qaluli dwar il-provi jien dħalt għal mument fil-kappella u Ġesu’ qalli: Eżatt issa, is-superjuri qegħdin jiddeċiedu liema sorijiet ser jagħmlu l-voti perpetwi. Din il-grazzja ma tingħatax lilhom kollha kemm huma, imma dan huwa tort tagħhom stess. Min ma jagħmilx ħiltu biex jilqa’ grazzji żgħar ma jingħatawlux grazzji kbar. Imma lilek, binti, qiegħda tingħata din il-grazzja. Ruħi ġiet maħkuma mill-ferħ ta’ din is-sorpriża, għax ftit jiem qabel waħda mis-sorijiet kienet qaltli: “Sor, inti m’intix sejra għat-tielet prova. Jiena stess ser nara li ma jagħtukx permess sabiex inti tagħmel il-voti tiegħek.” Jiena m’għidtilha xejn lil din is-soru, imma ħassejt weġgħa kbira li ppruvajt naħbiha mill-aħjar li stajt.

O Ġesu’, kemm huma strambi l-mogħdijiet Tiegħek! Issa qiegħda nara li mingħajr Alla, il-bnedmin ftit li xejn jistgħu jwettqu waħedhom, għaliex jiena għamiltha l-prova tiegħi, bħalma kien qalli Ġesu’.

166. Fit-talb jiena dejjem insib dawl u saħħa fl-ispirtu, għalkemm ikun hemm waqtiet hekk iebsin u li jweġġgħu, li xi drabi jkun diffiċli timmaġina li jistgħu jiġru dawn l-affarijiet f’kunvent. Hi ħaġa stramba, Alla xi drabi jippermettihom, imma dejjem sabiex juri jew ikabbar il-virtu’ fir-ruħ. Din hi raġuni tal-provi.

167. Illum (Novembru 1932), wasalt Varsavja għat-tielet prova. Wara laqgħa kordjali mas-superjuri għeżież, jiena mort għal mument wieħed fil-kappella ż-żgħira. F’daqqa waħda il-preżenza ta’ Alla mtliet ruħi, u smajt dan il-kliem: Binti, Jiena nixtieq li qalbek tiġi ffurmata fuq il-mudell tal-Qalb Tiegħi mimlija ħniena. Inti trid tkun mimlija kompletament bil-ħniena Tiegħi.

L-għażiża Madre Superjura (Margaret) mill-ewwel staqsietni jekk jiena kontx għamilt irtir dik is-sena u għidtilha le. “Mela inti l-ewwel trid tagħmel irtir ta’ għallinqas tlett ijiem.”

Nirringrazzja lil Alla li f’Walendow (nota57) kien qed isir irtir ta’ tmint ijiem li stajt nieħu sehem fih jiena. Imma nqalgħu xi diffikultajiet dwar it-tluq tiegħi għal dan l-irtir. Kien hemm persuna li opponiet ħafna t-tluq tiegħi u diġa’ (kien qed jidher) li jien ma kontx sejra. Wara l-ikel mort fil-kappella għal ħames minuti adorazzjoni. F’daqqa waħda rajt il-Mulej Ġesu’ u qalli: Binti, Jiena qiegħed inħejji ħafna grazzji għalik, li inti sejra tirċievi matul dan l-irtir li ser tibda għada. Jiena weġibt, “Ġesu’, l-irtir diġa’ beda u jiena mhux suppost immur”. Hu qalli: Ħejji ruħek għalih għax int ser tibda l-irtir għada. U dwar it-tluq tiegħek, Jiena nirranġa dik il-ħaġa mas-superjuri tiegħek. U f’daqqa waħda Ġesu’ ma deherx iktar.

Jiena bdejt nipprova naħseb kif kienet ser iseħħ din il-ħaġa. Imma mument wara, warrabt dawn il-ħsibijiet kollha u ddedikajt il-ħin li kelli għat-talb. Tlabt l-Ispirtu s-Santu jagħtini d-dawl sabiex nkun nista’ nara l-miżerja tiegħi. Wara ftit, ħriġt mill-kappella ż-żgħira sabiex inkompli bid-doveri tiegħi. Ftit wara l-Madre Ġenerali (Michael) sejħitli u qaltli: “Sor, illum int ser tmur Walendow flimkien ma’ Madre Valeria sabiex tkun tista’ tibda l-irtir għada. B’xorti tajba, Madre Valeria nzertat qiegħda hawnhekk u intom tistgħu tmorru flimkien.” Fi żmien sagħtejn jiena kont diġa’ Walendow. Għal mument qgħadt naħseb bejni u bejn ruħi u ndunajt li Ġesu’ biss jista’ jirranġa l-affarijiet b’dan il-mod.

168. Meta dik il-persuna li kienet opponiet hekk bis-sħiħ li jien nieħu sehem fl-irtir ratni, hija wriet li kienet sorpriża u li ma kenitx qiegħda tieħu gost. Jien ma tajtx kas ta’ dan u sellimtilha bil-qalb u bqajt sejra ninviżta lill-Mulej, sabiex inkun naf kif għandi nġib ruħi fl-irtir.

169. Il-konversazzjoni tiegħi mal-Mulej Ġesu’ qabel l-irtir. Ġesu’ qalli li dan l-irtir kellu jkun daqsxejn differenti mill-oħrajn. Għandek tagħmel ħiltek sabiex iżżomm paċi profonda dwar id-diskorsi tiegħek Miegħi. Jiena nneħħilek id-dubji kollha dwar din il-ħaġa. Jiena naf li bħalissa waqt li Jiena qiegħed nitkellem miegħek inti tinsab fil-paċi, imma f’dak l-istess waqt li Jiena nieqaf nitkellem, int tibda tfittex id-dubji. Imma Jiena rridek tkun taf li Jiena għad inwettaqlek ruħek b’tali mod li wkoll jekk inti tkun trid tinkwieta, ma tkunx tista’. U bħala prova li Jiena Hu dak li qiegħed nitkellem miegħek, inti tmur tqerr fit-tieni jum tal-irtir għand is-saċerdot li qiegħed imexxi l-irtir, inti tmur għandu malli huwa jispiċċa l-konferenza u tippreżentalu d-dubji kollha li inti għandek fuqi. Jiena nwieġbek permezz tal-kliem tiegħu, u mbagħad il-biżgħat tiegħek jispiċċaw. Matul dan l-irtir, żomm skiet hekk strett li inti tħossok bħallikieku xejn ma jeżisti madwarek. Inti titkellem biss Miegħi u mal-konfessur tiegħek; inti tistaqsi lis-superjuri tiegħek għall-penitenzi biss. Ħassejt ferħ kbir ħafna li l-Mulej kien ser jurini daqshekk tjubija u jiċċekken daqshekk għalija.

170. L-ewwel jum tal-irtir. Jiena ppruvajt inkun l-ewwel waħda fil-kappella filgħodu; qabel il-meditazzjoni kelli ftit ħin għat-talb lill-Ispirtu s-Santu u lill-Madonna. Jien tlabt bil-ħerqa lil Omm Alla taqlagħli l-grazzja li nkun fidila għal dawn l-ispirazzjonijiet interjuri u li nwettaq bil-fedelta’ r-rieda ta’ Alla tkun xi tkun. Bdejt dan l-irtir b’kuraġġ speċjali ħafna.

Djarju ta’ Swor Fawstina – L-1 Pitazz (par.151-160)

L-Ewwel Pitazz – Paragrafi 151-160

gn-22

151. Darba, meta jiena kont fil-kċina flimkien ma’ Swor N, (nota47), hija tilfet il-paċenzja miegħi, u bħala kastig, ordnatli noqgħod bilqiegħda fuq il-mejda filwaqt li hi kompliet taħdem iebes, tnaddaf u togħrok. U filwaqt li kont bilqiegħda hemmhekk, ġew is-sorijiet u stagħġbu mhux ftit meta sabuni bilqiegħda fuq il-mejda, u kull waħda qalet tagħha. Waħda qalet li jiena nħobb niskarta u oħra kkumentat: “Kemm hi eċċentrika!” Dak iż-żmien jiena kont postulanta. Oħrajn qalu: “Din xi kwalita’ ta’ soru ser tkun?” Minkejja dan, jiena ma stajtx ninżel minn hemm għaliex is-soru kienet ordnatli noqgħod bilqiegħda hemm b’ubbidjenza (nota48) sakemm hija tgħidli ninżel. Verament, Alla biss jaf kemm kelli nagħmel atti ta’ ċaħda tiegħi nnifsi. Ħsibt li kont ser immut bil-mistħija. Alla kien ta’ spiss jippermetti affarijiet bħal dawn minħabba l-formazzjoni interna tiegħi, imma kien ipattili għal din l-umiljazzjoni b’konsolazzjoni kbira. Waqt il-Barka jiena rajtu fis-sbuħija kbira Tiegħu. Ġesu’ ħares lejja bil-ħlewwa u qalli: Binti, tibżax mit-tbatijiet; Jiena qiegħed miegħek.

152. Darba, jiena kont ta’ billejl, (nota49), u kont qiegħda nbati ħafna fl-ispirtu minħabba l-pittura tax-xbieha, u ma kontx naf lejn min ser nirrikorri għax kienu l-ħin kollu jippruvaw jikkonvinċuni li kienet kollha kemm hi illużjoni. Mill-banda l-oħra, saċerdot qalli li Alla forsi ried li jkun meqjum permezz ta’ din ix-xbieha u għalhekk jiena kelli nipprova sabiex din ix-xbieha tiġi mpittra. Sadattant, ruħi kienet qiegħda ssir għajjiena ħafna. Meta dħalt fil-kappella ż-żgħira, poġġejt rasi qrib it-tabernaklu, ħabbatt u għidt: “Ġesu’, ara kemm qiegħda jkolli diffikultajiet kbar minħabba l-pittura ta’din ix-xbieha.” U smajt vuċi minn ġot-tabernaklu: Binti, it-tbatijiet tiegħek m’humiex ser idumu ħafna iktar.

153. Ġurnata minnhom, jiena rajt żewġ toroq. Waħda kienet wiesgħa, miksija ramel u fjuri, mimlija ferħ, mużika u kull xorta ta’ pjaċiri. Kien hemm in-nies mexjin fiha, jiżfnu u jieħdu gost. Huma waslu fit-tarf tagħha mingħajr ma lanqas biss indunaw. U fit-tarf ta’ din it-triq kien hemm preċipizzju tal-biża’, jiġifieri, l-abbiss tal-infern. L-erwieħ kienu neżlin fih bl-għama; filli mexjin, filli waqgħu ġo fih. U kienu hekk numerużi li kien impossibbli tgħoddhom. U rajt it-triq l-oħra, jew aħjar insejħilha mogħdija, għax kienet dejqa u mimlija xewk u blat; u n-nies li kienu mexjin fiha kellhom id-dmugħ f’għajnejhom, u kienu għaddejjin minn kull xorta ta’ tbatija. Xi wħud tfixklu u waqgħu fuq il-blat, imma reġgħu qamu minnufih fuq saqajhom u komplew mexjin. Fit-tarf tat-triq kien hemm ġnien meraviljuż mimli b’kull xorta ta’ hena, u l-erwieħ kollha daħlu hemm. Mill-ewwel waqt huma nsew it-tbatijiet kollha tagħhom.

154. Darba, meta kien hemm adorazzjoni fil-kunvent tas-Sorijiet tas-Sagra Familja, (nota50) jiena mort hemmhekk filgħaxija ma’ waħda mis-sorijiet tagħna. Malli dħalt fil-kappella, il-preżenza ta’ Alla mliet ruħi. Jiena tlabt bħalma nitlob f’xi żminijiet, mingħajr ma nlissen lanqas kelma waħda. F’daqqa waħda, rajt il-Mulej, li qalli: Kun af li jekk inti ma tagħtix kas l-affari tal-pittura tax-xbieha u x-xogħol kollu tal-ħniena, int ikollok twieġeb għal għadd kbir ta’ erwieħ f’jum il-ġudizzju. Wara dan il-kliem tal-Mulej Ġesu’, ruħi mtliet b’ċerta biża’, u qabadni paniku. Nipprova kemm nipprova, ma stajtx nikkalma. Dan il-kliem bqajt nisimgħu. Mela mhux ser ikolli nwieġeb għalija nnifsi biss f’jum il-ġudizzju, imma wkoll għall-erwieħ tal-oħrajn. Dan il-kliem niżel fil-fond ta’qalbi. Meta mort lura d-dar, mort quddiem iċ-ċkejken Ġesu’, (nota51) inżilt wiċċi fl-art quddiem is-Sagrament Imqaddes u għidt lill-Mulej: “Jiena sejra nagħmel dak kollu li jiddependi minni, imma qiegħda nitolbok tkun dejjem miegħi u tagħtini s-saħħa biex nagħmel ir-rieda qaddisa Tiegħek; għax Inti tista’ tagħmel kollox, filwaqt li jiena waħdi ma nista’ nagħmel xejn.”

155. + Ġrali kemm –il darba issa li jiena minnufih inħoss ġewwa ruħi meta xi ħadd ikun qiegħed jitlob għalija; u bl-istess mod inħoss ukoll ġewwa ruħi meta xi ruħ tkun qiegħda tfittixni għat-talb, ukoll jekk ma jkellmunix dwar dan. Is-sensazzjoni hija waħda ta’ ċertu nkwiet, bħallikieku xi ħadd qiegħed isejjaħli; u meta nitlob, ikolli l-paċi.

156. + Darba, xtaqt ħafna li nitqarben, imma kelli ċertu dubju, u ma tlajtx nitqarben. Batejt ħafna minħabba din il-ħaġa. Dehrli li qalbi kienet ser tinqasam bl-uġigħ. Meta bdejt nagħmel ix-xogħol tiegħi, qalbi kienet mimlija bl-imrar. Rajt lil Ġesu’ f’daqqa waħda bil-wieqfa maġenbi u qalli: Binti, tħallix barra t-tqarbin jekk int ma tkunx ċerta li l-waqgħa tiegħek kienet waħda serja; minbarra din il-ħaġa, l-ebda dubju m’għandu jwaqqfek milli tingħaqad Miegħi fil-misteru ta’ mħabbti. Id-difetti żgħar tiegħek jisparixxu f’imħabbti bħal biċċa tiben mitfugħa f’forn kbir. Kun af li ssewwidli Qalbi ħafna meta inti ma tirċevinix fit-Tqarbin.

157. + Filgħaxija meta dħalt fil-kappella ż-żgħira, smajt dan il-kliem ġewwa ruħi: Binti, aħseb f’dan il-kliem: U meta kien fl-agunija, Huwa talab aktar bil-qalb. Meta jiena bdejt naħseb fuqhom iktar, beda dieħel ħafna dawl ġewwa ruħi. Jiena tgħallimt kemm aħna għandna bżonn perseveranza fit-talb u li s-salvazzjoni tagħna spiss tiddependi minn talb diffiċli bħal dan.

158. + Meta kont Kiekrz (1930) minflok waħda mis-sorijiet (nota52) għal ftit żmien, jiena qsamt il-ġnien darba wara nofsinhar u waqaft fuq ix-xatt tal-għadira, domt hemm għal żmien twil, nikkontempla x-xena madwari. F’daqqa waħda, rajt il-Mulej Ġesu’ maġenbi, u qalli dan il-kliem bil-ġentilezza: Dan kollu Jiena ħlaqtu għalik, għarusa Tiegħi; u kun af li din is-sbuħija kollha m’hi xejn meta tqabbilha ma’ dak li Jiena ħejjejt għalik għall-eternita’. Ruħi kienet għal kollox mimlija b’konsolazzjoni bħal din u jiena bqajt hemmhekk sa filgħaxija, u deherli daqslikieku kien mument wieħed qasir. Dik kienet il-ġurnata libera tiegħi, li kont ħallejt għal irtir ta’ ġurnata, (nota53) għalhekk stajt inkun libera li niddedika ruħi għat-talb. O kif Alla tjubija bla qies jiġri warajna bit-tjieba Tiegħu! Spiss jiġri li l-Mulej jikkonċedili l-ikbar grazzji meta ma nkunx qiegħda qatt nistenniehom.

159. + Ostja Mqaddsa, magħluqa fil-pissidi tad-deheb għalija,
Sabiex fid-deżert immens tal-eżilju
Jiena nkun nista’ nibqa’ għaddejja – safja, bla ebda tebgħa;
Agħmel li, permezz tal-qawwa ta’ Mħabbtek, dan jista’ jseħħ.

Ostja Mqaddsa, ejja għammar ġewwa ruħi,
Inti, l-imħabba l-iktar safja tal-qalb tiegħi!
Bid-dija Tiegħek keċċi d-dlamijiet.
Iċċaħħadx il-qalb umli mill-grazzja Tiegħek.

Ostja Mqaddsa, is-seħer tal-ġenna kollha,
Għalkemm is-sbuħija Tiegħek tinsab mgħottija
U maqbuda ġewwa farka ħobż,
Fidi soda taf tneħħi dak il-velu min-nofs.

160. Il-ġurnata tal-kruċjata, (nota54) li tiġi fil-ħamsa tax-xahar, ħabtet fl-ewwel Ġimgħa tax-xahar. Dan kien il-jum meta jiena kelli nishar quddiem il-Mulej Ġesu’ għall-offiżi kollha u għall-atti ta’ nuqqas ta’ rispett u li nitlob li, f’dan il-jum, ma jsir l-ebda sagrileġġ. F’dan il-jum, l-ispirtu tiegħi kien qiegħed jaqbad bin-nar ta’ mħabba speċjali fl-Ewkaristija. Qisni kont mibdula f’nar iħeġġeġ. Meta kont ser nitqarben, Ostja oħra waqgħet fil-komma tas-saċerdot, u jiena ma kontx naf liema Ostja kelli nirċievi. Wara li qgħadt naħsibha għal mument, is-saċerdot għamel ġest b’idu b’nuqqas ta’ paċenzja biex jgħidli li kelli nirċievi l-Ostja. Meta jiena ħadt l-Ostja li huwa tani, l-oħra waqgħet f’idejja. Is-saċerdot mexa mal-grada tal-altar sabiex ikompli jqarben, u jiena żammejt il-Mulej Ġesu’ f’idejja il-ħin kollu. Meta reġa’ ġie lejja għal darb’oħra, jien għollejt l-Ostja sabiex hu jkun jista’ jaraha u jpoġġiha lura fil-pissidi, għax meta qabel kont irċevejt lil Ġesu’, jiena ma stajtx nitkellem qabel ma kkonsmajt l-Ostja, u għalhekk ma stajtx ngħidlu li kienet waqgħet l-Ostja l-oħra. Imma waqt li jiena kont qiegħda inżomm l-Ostja f’idejja, ħassejt tant qawwa ta’ mħabba li għall-bqija tal-ġurnata la stajt niekol u lanqas niġi f’sensija. Jien smajt dan il-kliem ġej mill-Ostja: Jiena xtaqt nistrieħ f’idejk, mhux f’qalbek biss. U f’dak il-mument rajt liċ-ċkejken Ġesu’. Imma meta resaq lejja s-saċerdot, jien rġajt rajt biss l-Ostja.

Djarju ta’ Swor Fawstina – L-1 Pitazz (par.141-150)

L-Ewwel Pitazz – Paragrafi 141-150

Sopoćko

141. Imma t-turmenti tiegħi qegħdin jaslu fit-tmiem. Il-Mulej qiegħed jagħtini l-għajnuna li Hu kien wegħidni. Dan nista’ narah f’żewġ saċerdoti; jiġifieri, Patri Andrasz u Dun Sopocko. Waqt l-irtir qabel il-voti perpetwi tiegħi (nota44), għall-ewwel darba ħassejtni kollni kemm jien fil-paċi (permezz ta’ Patri Andrasz ) (nota45), u wara mexxieni fl-istess direzzjoni Dun Sopocko. Dan kien it-twettiq tal-wegħda tal-Mulej.

142. Meta ħassejtni fil-paċi u ġejt mgħallma kif għandi nimxi fil-mogħdijiet ta’ Alla, l-ispirtu tiegħi feraħ fil-Mulej, u deherli li kont qiegħda niġri, u mhux nimxi. Ġwinħajja kienu miftuħin biex intir; tlajt ‘il fuq fl-istess sħana tax-xemx, u minix se ninżel ‘l isfel sakemm nistrieħ f’Dak li ruħi ntilfet fih għal dejjem. Issottomittejt ruħi kollni kemm jien għall-ħidma tal-grazzja. Alla qiegħed jinżel ferm lejn ruħi. Jien ma ninġibidx lura, lanqas niqaflu, imma nintilef Fih bħala teżor waħdieni tiegħi. Sirt ħaġa waħda mal-Mulej. Bħallikieku d-distanza bejnietna, il-Ħallieq u l-ħlejqa għabet. Għal ftit ġranet, ruħi kienet tinsab fi stat ta’ estasi kontinwa. Il-Preżenza ta’ Alla ma ħallitnix waħdi għal mument wieħed biss. U ruħi baqgħet f’għaqda kontinwa ta’ mħabba mal-Mulej. Imma dan bl-ebda mod ma tellef it-twettiq ta’ dmirijieti. Ħassejtni li ġejt mibdula f’imħabba; kont qiegħda naqbad kollni kemm jiena, imma mingħajr ma ninħaraq. Kont mitlufa kontinwament f’Alla; Alla ġibidni lejh b’mod hekk qawwi li xi drabi lanqas kont inkun naf li qiegħda f’din id-dinja. Kont tfixkilt u bżajt mill-grazzja ta’ Alla għal żmien twil, u issa Alla stess, permezz ta’ Patri Andrasz, neħħa d-diffikultajiet kollha. L-ispirtu tiegħi qiegħed iħares lejn ix-Xemx u fetaħ fil-blanzuni ir-raġġi Tiegħu għalih biss; ma nista’ nifhem xejn iżjed… (is-sentenza tinqata’ hawnhekk u ħsieb għal kollox ġdid jibda fil-linja li jmiss.)

143. + Ħlejt ħafna mill-grazzji ta’ Alla għax dejjem kont nibża’ li nisfa mqarrqa. Alla ġibidni lejh b’mod hekk qawwi li spiss ma kienx ikolli l-qawwa biex nirreżisti l-grazzja Tiegħu meta kont inkun f’daqqa waħda mgħaddsa Fih. F’dawn il-waqtiet, Ġesu’ kien jimlieni b’paċi hekk kbira li, iktar tard, ukoll meta kont nipprova nsir anzjuża, ma kienx jirnexxili.U mbagħad, smajt dan il-kliem ġewwa ruħi: Sabiex inti tkun żgura li nkun Jiena li qed nitlob dawn l-affarijiet kollha mingħandek, Jiena nagħtik paċi profonda li wkoll, jekk inti tkun trid tħossok inkwetata u mbeżżgħa, ma jkunx possibli għalik li tagħmel dan illum, imma l-imħabba timla lil ruħek sakemm tinsa lilek innifsek.

144. Iktar tard Ġesu’ tani saċerdot ieħor (Dun Sopocko) u kkmandani niftaħ qalbi miegħu. Għall-ewwel tqalt biex nagħmel dan, imma ċanfira severa mingħand Ġesu’ sawbet umilta’ profonda ġewwa ruħi. Taħt id-direzzjoni tiegħu, ruħi malajr għamlet progress fl-imħabba ta’ Alla u ħafna xewqat tal-Mulej ġew imwettqa esternament. (nota46) Ħafna drabi stagħġibt bil-kuraġġ u l-umilta’ profonda ta’ dan is-saċerdot.

145. Kemm hi mnikkta ruħi talli ħliet dawk il-grazzji kollha! Kont qiegħda naħrab minn quddiem Alla, u Hu kien qiegħed jiġri warajja bil-grazzji Tiegħu. L-iktar li jiena kien ikolli esperjenza tal-grazzji ta’ Alla kien meta Hu tani direttur spiritwali, jien kont iktar fidila għall-grazzji. Grazzi għad-direttur u l-mod kif hu kien jgħasses fuq ruħi, tgħallimt x’jiġifieri tmexxija u kif iħares lejha Ġesu’. Ġesu’ kien iwiddibni dwar l-iċken difett u saħaq li Huwa stess kien jiġġudika l-każ li jien kont inpoġġi quddiem il-konfessur tiegħi; u (Huwa qalli) li… kull nuqqas kontra l-konfessur kien jolqot Lili stess.

Meta, taħt id-direzzjoni tiegħu, ruħi bdiet tħoss ġabra u paċi profonda, jiena spiss kont nisma’ dan il-kliem ġewwa ruħi: Saħħaħ lilek innfisek għat-taqbida – kliem li kien jiġi mtenni diversi drabi f’ħinijiet diversi.

+ Ġesu’ spiss jgħarrafni x’ma jogħġbux f’ruħi, u iktar minn darba ċanfarni għal dawk li jidhru li huma affarijiet żgħar imma li kienu, fil-fatt, affarijiet ta’ importanza kbira. Huwa widdibni u ppruvani bħala Mgħallem. Għal ħafna snin Huwa stess kien jedukani sa ma wasal il-waqt meta tani direttur spiritwali. Qabel, Hu stess kien ifisser dak li ma stajtx nifhem; imma issa, Huwa jgħidli nistaqsi lill-konfessur tiegħi dwar kollox u spiss igħid: Jiena nwieġbek permezz tal-kliem tiegħu. Kun fil-paċi. Qatt ma ġrali li rċevejt tweġiba li kienet tmur kontra dak li l-Mulej ried mingħandi, meta kont nippreżentaha lid-direttur spiritwali (Dun Sopocko). Xi kultant jiġri li Ġesu’ l-ewwel jitlob mingħandi ċerti affarijiet, li dwarhom ħadd ma jaf xejn, u mbagħad, meta jiena noqgħod għarkobbtejja fil-konfessinarju, il-konfessur tiegħi jagħtini l-istess ordni – imma dan, ma jiġrix ta’ spiss.

Meta, fuq perjodu twil, ruħ tkun irċieviet ħafna dawl u ħafna ispirazzjonijiet, u meta l-konfessuri jkunu kkonfermaw minn fejn ikunu ġejjin dawn l-ispirazzjonijiet u lir-ruħ ikunu serrħulha rasha; jekk l-imħabba tagħha tkun kbira, Ġesu’ issa jgħarrafha li jkun wasal iż-żmien li tpoġġi fil-prattika dak li tkun irċeviet. Ir-ruħ tintebaħ li Alla qiegħed jafda fuqha, u dan l-għarfien jagħtiha s-saħħa. Tkun taf li, sabiex tkun fidila, hija spiss ikollha tħabbat wiċċha ma’ diversi diffikultajiet, imma hija tafda f’Alla u, grazzi għal din il-fiduċja, tilħaq dak il-punt li Alla jkun qiegħed isejħilha għalih. Id-diffikultajiet ma jwerwruhiex; huma bħallikieku l-ħobż ta’ kuljum tagħha. La jbeżżgħu u lanqas iwerwru lir-ruħ, bħalma gwerrier li l-ħin kollu jaffaċċja l-battalja ma jibżax mit-tir tal-kanun. Minflok ma tibża’, hija toqgħod tissemma’ sabiex tkun ċerta minn fejn l-għadu jibda l-attakk tiegħu sabiex tirbaħlu. Ma tagħmel xejn bl-addoċċ, imma tifli u taħseb sewwa fuq kollox u ma toqgħodx fuqha nnfisha biss, imma titlob bil-ħerqa u titlob il-parir ta’ gwerriera oħra li għandhom l-esperjenza u huma għaqlin. Meta r-ruħ taġixxi b’dan il-mod, hija kważi dejjem tirbaħ.

Ikun hemm attakki meta r-ruħ ma jkollhiex ħin toqgħod taħseb jew tfittex li tieħu parir; imbagħad jkollha tidħol f’taqbida li tfisser jew ħajja jew mewt. Xi drabi tkun ħaġa tajba li taħrab u tistkenn fil-Qalb midruba ta’ Ġesu’, mingħajr ma twieġeb lanqas kelma waħda. B’dan l-istess att l-għadu jkun diġa ntrebaħ.

Fi żmien ta’ kwiet, ukoll, ir-ruħ tkompli tisforza, bħalma jiġri fiż-żmien tal-battalja. Għandha taħdem, u taħdem bl-enerġija; inkella m’għandhiex l-ebda ċans li takkwista r-rebħa. Jiena nħares il-mumenti ta’ paċi bħala preparament għar-rebħa. Ir-ruħ trid tkun dejjem għassa, għassa, u dejjem għassa. Ir-ruħ li tirrifletti tirċievi ħafna dawl. Ruħ li tkun distratta tkun fil-periklu li taqa’ u ma jkollhiex għalfejn tistagħġeb meta taqa’. O Spirtu ta’ Alla, Direttur tar-ruħ, għaref huwa dak li inti rawwimt! Imma, sabiex l-Ispirtu ta’ Alla jaħdem fir-ruħ, hemm bżonn il-paċi u l-ġabra.

146. It-talb – Ruħ tarma lilha nnfisha permezz tat-talb għal taqbid ta’ kull xorta. Ikun xi jkun stat li r-ruħ tkun tinsab fih, hija għandha titlob. Ruħ li hi safja u sabiħa għandha titlob, inkella titlef is-sbuħija tagħha; ruħ li qiegħda tistinka għas-safa trid titlob għax inkella qatt ma tiksbu; ruħ li għadha kemm ikkonvertiet trid titlob, inkella terġa’ taqa’; ruħ midinba, mgħaddsa fid-dnubiet, trid titlob, sabiex terġa’ tqum. M’hemm l-ebda ruħ li m’għandhiex id-dmir titlob, għax kull grazzja tasal għand ir-ruħ permezz tat-talb.

147. Jien niftakar li rċevejt l-iktar dawl waqt l-adorazzjoni li kont nagħmel wiċċi mal-art quddiem is-Sagrament Imqaddes għal nofs siegħa kuljum matul ir-Randan kollu. F’dak il-ħin sirt naf lili nnifsi u lil Alla b’mod iktar profond. Madankollu, għalkemm kelli l-permess tas-Superjuri tiegħi biex dan nagħmlu, xorta waħda ltqajt ma’ ħafna ostakli biex inkun nista’ nitlob b’dan il-mod. Ir-ruħ għandha tintebaħ li, sabiex wieħed jitlob u jippersevera fit-talb, irid jarma lilu nnifsu bil-paċenzja u jħabbat wiċċu bil-kuraġġ kollu ma’ diffikultajiet minn ġewwa. Id-diffikultajiet minn ġewwa huma l-iskuraġġiment, in-nixfa, it-toqol fl-ispirtu u t-tentazzjonijiet. Id-diffikultajiet minn barra huma r-rispett uman tal-ħin; wieħed għandu josserva l-ħin li hu riservat għat-talb. Din kienet l-esperjenza personali tiegħi għax, meta ma kontx nitlob fil-ħin riservat għat-talb, iktar tard ma kontx inkun nista’ nagħmlu dan minħabba d-dmirijiet tiegħi; jew inkella wkoll jekk kien jirnexxili nagħmlu, dan kont nagħmlu biss b’diffikulta’ kbira għax fil-ħsieb kont nibqa’ nhewden fuq dmirijieti. Kelli wkoll diffikulta’ oħra: meta ruħ tkun talbet sewwa u spiċċat it-talb fi stat ta’ ġabra profonda interna, nies oħrajn jirreżistu din l-ġabra tagħha; u għalhekk ir-ruħ għandha tieħu paċenzja sabiex tippersevera fit-talb. Kien jiġrili ta’ spiss li meta ruħi kienet tkun mgħaddsa iktar fil-fond t’Alla, u jiena nkun ħadt frott ikbar mit-talb, u l-preżenza ta’ Alla kienet tkun miegħi matul il-ġurnata, u waqt xogħli kien ikun hemm iktar ġabra u eżatezza u sforz waqt il-qadi ta’ dmirijieti, dan kien preċiżament meta kont naqla’ l-aktar ċanfir talli kont traskurata fi dmirijieti u indifferenti għal kollox. Erwieħ li mhumiex daqshekk miġburin iridu li l-oħrajn ikun bħalhom, għax huma (kawża) ta’ rimors kontinwu għalihom.

148. + Ruħ nobbli u delikata, ukoll l-iktar waħda sempliċi, imma li għandha sensibbiltajiet delikati, tara lil Alla f’kollox, issibu kullimkien, u taf issibu wkoll fl-affarijiet l-iktar moħbijin. Għaliha kollox hu importanti, tapprezza ħafna kollox; trodd ħajr lil Alla għal kollox; tieħu ġid għar-ruħ minn kollox, u tagħti l-glorja kollha lil Alla. Tqiegħed l-fiduċja tagħha f’Alla u ma titħawwadx meta jasal il-waqt tat-tiġrib. Taf li Alla huwa dejjem l-aqwa Missier u ftit tagħti kas ta’ kif jaħsbuha l-oħrajn. Hija ssegwi bil-fedelta’ l-inqas nifs tal-Ispirtu s-Santu; tifraħ b’dan il-Mistieden Spirtwali u taqbad miegħu l-ħin kollu bħalma tagħmel tarbija ma’ ommha. Fejn erwieħ oħra jieqfu bil-biża’, din ir-ruħ tibqa’ miexja mingħajr biża’ jew diffikulta’.

149. Meta l-Mulej innifsu irid ikun qrib ruħ u jmexxiha, Huwa jneħħi min-nofs kulma hu estern. Meta mradt u ħaduni fl-infermerija kelli nbati ħafna affarijiet koroh minħabba din il-ħaġa. Konna tnejn morda fl-infermerija. Is-sorijiet kienu jiġu jaraw lil Swor N. imma ħadd ma kien jiġi jara lili. Veru li kien hemm infermerija waħda biss, imma kulħadd kien ikollu ċ-ċella tiegħu. L-iljieli fix-xitwa kienu jkunu twal, u Swor N. kien ikollha d-dawl u l-kuffji tal-widna biex tisma’ r-radju, filwaqt li jiena lanqas biss ma stajt inħejji l-meditazzjoni tiegħi għax ma kellix dawl.

Meta kienu għaddew ġimgħatejn b’dan il-mod, darba waħda filgħaxija lmenjtajt mal-Mulej li kont qiegħda nbati ħafna u li lanqas biss stajt inħejji l-meditazzjoni tiegħi għax ma kellix dawl. U l-Mulej qalli li Hu kien ser jiġi kull filgħaxija u jagħtini l-punti għall-meditazzjoni tal-ġurnata li tmiss. Dawn il-punti dejjem kienu jkunu dwar il-Passjoni ħarxa Tiegħu. Huwa kien igħid: Aħseb fuq it-tbatijiet Tiegħi quddiem Pilatu. U hekk b’dan il-mod, punt wara l-ieħor jien mmeditajt il-Passjoni ħarxa Tiegħu għal ġimgħa sħiħa. Minn dak iż-żmien ‘il quddiem, daħal ferħ kbir ġewwa ruħi u ma bqajtx irrid la viżitaturi u lanqas id-dawl; għalija kien biżżejjed Ġesu’ għal kollox. Is-superjuri kienu verament jieħdu ħsieb il-morda, imma l-Mulej ordna li jiena nħossni abbandunata. Dan l-aqwa fost l-għalliema kollha, jneħħilek kull ħlejqa sabiex ikun jista’ jaġixxi Hu stess. Ħafna drabi, kelli l-esperjenza ta’ tant tbatija u persekuzzjonijiet li s-Superjura M. (aktarx Madre Margaret) hi stess qaltli: “Sor, narak bħala waħda fuq is-salib. Imma jiena nista’ nara li hemm Ġesu’ fin-nofs. Kun fidila lejn il-Mulej.”

150. + Jiena nixtieq nikteb ħolma li kelli dwar Santa Tereża tal-Bambin Ġesu’. F’dak iż-żmien kont għadni novizza u kont għaddejja minn xi diffikultajiet interjuri marbutin ma’ oħrajn esterjuri. Għamilt noveni lil diversi qaddisin, imma s-sitwazzjoni saret iktar diffiċli. It-tbatijiet li din ikkawżatli kienu hekk kbar li ma kontx naf kif kont ser inkompli ngħix; imma f’daqqa waħda ġieni l-ħsieb li kelli nitlob lil Santa Tereża tal-Bambin Ġesu’. Bdejt novena lil din il-qaddisa, għaliex qabel ma dħalt il-kunvent kelli devozzjoni kbira lejha. Dan l-aħħar kont b’xi mod ittraskurajt din id-devozzjoni, imma fil-bżonn tiegħi rġajt bdejt nitlob b’ħeġġa kbira.

Fil-ħames jum tan-novena, ħlomt b’Santa Tereża, imma dehritli bħallikieku kienet għadha ħajja hawnhekk. Ħbiet minni l-fatt li kienet qaddisa u bdiet tfarraġni u tgħidli li m’għandix ninkwieta dwar din il-ħaġa, imma nafda iktar f’Alla. Hija qaltli: ‘Jiena wkoll batejt ħafna’ imma jiena ma tantx emmintha u għidt: “Jiena jidhirli li inti ma batejt xejn.” Imma Santa Tereża weġbitni b’mod konvinċenti li hija kienet tassew batiet ħafna u qaltli: “Sor, kun af li fi żmien tlett ijiem id-diffikulta’ tispiċċa b’mod sodisfaċenti.” Meta jiena wrejt li ma tantx kont lesta li nemminha, hija wrietni li hi kienet qaddisa. F’dak il-waqt, ruħi mtliet b’ferħ kbir u jiena għidtilha: “Inti qaddisa?” “Iva.” Hija wieġbet: “Jiena qaddisa. Emmen li din il-ħaġa ser tiġi maħlula fi żmien tlett ijiem.” U jiena għidt: “Għażiża ħelwa Tereża, għidli jiena għad immur il-ġenna?” U hija wieġbet, “Iva, inti għad tmur il-ġenna, Sor.” “ U jien għad inkun qaddisa?” U għal din hija wieġbet: “Iva, int għad tkun qaddisa.” “Imma, ċkejkna Tereża, jiena għad inkun qaddisa bħalek, meqjuma fuq l-altar?” U hija wieġbet: “Iva, inti għad tkun qaddisa bħali, imma trid tafda fil-Mulej Ġesu’”. Jiena mbagħad staqsejtha jekk ommi u missieri jmorrux il-ġenna, jekk… (sentenza mhux kompluta). U hija wieġbet iva. Komplejt nistaqsi: “U ħuti jmorru l-ġenna?” Hija qaltli nitlob ħafna għalihom, imma ma tatnix tweġiba definita. Jiena fhimt li huma kellhom bżonn ħafna talb.

Din kienet il-ħolma. U bħalma jgħid il-qawl, il-ħolm hu imaġinazzjoni; Alla huwa fidi. Madankollu, tlett ijiem wara, il-problema ġiet maħlula b’mod tassew faċli, bħalma kienet qaltli. Kienet ħolma, imma kellha tifsira tagħha.

Djarju ta’ Swor Fawstina – L-1 Pitazz (par.131-140)

L-Ewwel Pitazz – Paragrafi 131-140

faustina

131. Imma sejra biss insemmi hawnhekk li dawn id-diversi tbatijiet kienu waslu għall-quċċata, u jiena ddeċidejt li dawn id-dubji tiegħi kellhom jieqfu qabel il-voti perpetwi tiegħi. Matul iż-żmien kollu tat-tiġrib tiegħi, tlabt li s-saċerdot, li miegħu jiena kelli niftaħ qalbi kollha, biex jiġi imdawwal. Tlabt lil Alla li Huwa stess jgħinni u jagħtini l-grazzja biex inkun nista’ nfisser ukoll anke l-iktar affarijiet sigrieti li jeżistu bejni u bejnu u li nkun lesta li, jiddeċiedi x’jiddeċiedi s-saċerdot, inkun nista’ naċċettah bħallikieku kien ġej minn Ġesu’ nnifsu. Jgħaddi x’jgħaddi ġudizzju fuqi, kulma ridt kienet il-verita’ u tweġiba deċiża għal ċerti mistoqsijiet. Jien tlaqt lili nnifsi f’idejn Alla għal kollox, u ruħi (kollha) kienet qiegħda tixtieq il-verita’. Ma stajtx inkompli ngħix iktar fid-dubju għalkemm, fil-fond ta’ ruħi, kont ċerta fuq li ċerta li dawn l-affarijiet kienu ġejjin minn Alla, li kont lesta nagħti ħajti għal din il-ħaġa. Imma poġġejt l-opinjoni tal-konfessur fuq kollox, u ddeċidejt li nagħmel dak li ħaseb li jkun l-aħjar u li naġixxi skont il-parir li hu jagħtini. Kont qiegħda nistenna l-waqt li jiddeċiedi x’kelli nagħmel għall-bqija ta’ ħajti. Kont naf li kollox kien jiddependi minn din il-ħaġa. Ma tantx kien jimpurtani jekk dak li kellu xi jgħidli kienx jaqbel ma’ l-ispirazzjonjiet tiegħi jew il-kuntrarju; dan ma kellux iktar importanza għalija. Ridt inkun naf il-verita’ u nimxi fuqha.

Ġesu’, Inti tista’ tgħinni! Minn dan il-mument, erġajt bdejt mill-ġdid. Naħbi l-grazzji kollha ġewwa ruħi u nistenna lil dak li l-Mulej bi ħsiebu jibgħatli, ikun min ikun. Bl-ebda dubju f’qalbi, tlabt lill-Mulej innifsu li jindenja ruħu jgħinni f’dawn il-mumenti, u ħassejt ħjiel ta’ kuraġġ jidħol ġewwa ruħi.

132. Irrid nerġa’ nsemmi li hemm xi konfessuri li qishom diretturi spiritwali veri, imma biss sakemm l-affarijiet ikunu sejrin sewwa. Meta r-ruħ issib ruħha fi bżonn ikbar, huma jitħawdu, u jew ma jkunux jistgħu, jew ma jkunux iridu jifhmu lir-ruħ. Huma jippruvaw jeħilsu minn dak li jkun malajr kemm jista’ jkun. Imma jekk ir-ruħ tkun umli, dejjem tieħu xi ġid żgħir jew ieħor. Alla stess xi drabi jitfa’ xaqq dawl fil-profondita’ tar-ruħ, minħabba l-umilta’ u l-fidi tagħha. Il-konfessur xi drabi jgħid xi ħaġa li hu qatt ma kellu l-intenzjoni li jgħid, mingħajr ma hu stess jintebaħ sewwa x’ikun qed jgħid. O, ħalli lir-ruħ temmen li kliem bħal dan huwa l-kliem tal-Mulej innifsu! Għalkemm fil-verita’ għandna nemmnu li kull kelma li tingħad fil-konfessinarju tkun ġejja minn Alla, dik li semmejt hawnhekk hija ħaġa direttament minn Alla. U r-ruħ tintebaħ li s-saċerdot ma jkunx jaf x’inhu jagħmel, li hu qiegħed igħid affarijiet li kieku ma jixtieqx igħid. Alla jippremja l-fidi b’dan il-mod.

Ħafna drabi jiena stess għaddejt min din l-esperjenza. Wieħed saċerdot għaref ħafna u rrispettat (aktarx Dun Wilkowski, il-konfessur tas-sorijiet fi Plock), li xi drabi kont inzertajt immur inqerr għandu, dejjem kien sever u kontra dawn l-affarijiet (li kont inressaq quddiemu). Imma darba hu weġibni: “Ftakar, Sor, li jekk Alla qiegħed jitlob dan mingħandek, inti m’għandekx teħodha kontrih. Xi drabi Alla jkun irid jiġi mfaħħar propju b’dan il-mod. Kun fil-paċi; dak li Alla jkun beda, Huwa jispiċċah. Imma ngħidlek dan: fedelta’ lejn Alla u umilta’. U għal darb’oħra: umilta’. Ftakar sewwa dak li għidtlek illum.” Jiena fraħt ħafna, u ħsibt li forsi dan is-saċerdot kien fehemni. Imma ġara li qatt ma rġajt mort inqerr għandu.

133. + Darba minnhom, waħda Madre mill-anzjani (aktarx Madre Jane (nota 43)) sejħitli, u bdew donnhom neżlin fuq rasi sajjetti jaħarqu mis-sema kaħlani, tant li lanqas stajt nifhem fuq xiex kien l-istorbju kollu. Imma wara ftit fhimt li dan kollu kien dwar ħaġa li fuqha jiena ma kelli l-ebda kontroll. Hija qaltli, “Neħħiha minn rasek, Sor, li l-Mulej Ġesu’ jista’ jkun qiegħed jikkomunika b’mod hekk intimu ma’ gozz miżeru ta’ imperfezzjonijiet bħalek! Ftakar li huwa biss ma’ erwieħ qaddisin li l-Mulej Ġesu’ jikkomunika b’dan il-mod!” Jien ammettejt li kellha raġun, għax jien tassew persuna miżerabbli, imma jiena xorta waħda nafda fil-ħniena ta’ Alla. Meta ltqajt mal-Mulej, umiljajt ruħi u għidtlu, “Ġesu’, jien jidhirli li Inti ma tassoċjax ruħek b’mod intimu ma’ persuni msejkna bħali.” Kun fil-paċi, binti, huwa preċiżament permezz ta’ miżerja bħal din li Jiena rrid nuri l-qawwa tal-ħniena Tiegħi. Jiena fhimt li din l-Madre riedet biss tgħaddini minn umiljazzjoni (li tiswa għall-ġid).

134. + O Ġesu’ tiegħi, Int ġarrabtni tant drabi f’din il-ħajja qasira tiegħi! Wasalt biex nifhem ħafna affarijiet, affarijiet li issa jgħaġġbuni. O, kemm hi ħaġa tajba tintelaq għal kollox f’idejn Alla u tagħtih liberta’ sħiħa sabiex Huwa jaħdem f’ruħ dak li jkun!

135. Waqt it-tielet prova, il-Mulej tani x’nifhem li għandi noffri lili nnifsi Lilu, sabiex ikun jista’ jagħmel fija dak li jogħġbu. Kien ser ikolli nibqa’ wieqfa quddiemu bħala offerta ta’ vittma. Għall-ewwel, ħassejt ċertu ammont ta’ biża’, għax ħassejtni kompletament miżerabbli u kont naf tajjeb ħafna li dan kien il-każ. Għal darb’oħra weġibt lill-Mulej, “Jien l-istess miżerja: kif jista’ nkun ostaġġ (għall-oħrajn)?” Illum inti dan ma tistax tifhmu. Għada waqt l-adorazzjoni, Jiena ngħarrafhulek. Qalbi bdiet tirtogħod, kif ukoll ruħi, għax dan il-kliem baqa’ nieżel fil-fond ta’ ruħi. Il-kelma ta’ Alla hija ħajja.

X’ħin mort għall-adorazzjoni, ħassejt ġewwa ruħi li kont dħalt fit-tempju ta’ Alla l-ħaj, li l-Majesta’ Tiegħu hija kbira u ħadd ma jista’ jifhimha. U Huwa għarrafni dak li wkoll l-ispirti l-iżjed safja huma f’għajnejh. Għalkemm minn barra ma rajt xejn, il-preżenza ta’ Alla mlietni. F’dak l-istess waqt l-intellett tiegħi iddawwal b’mod stramb. Quddiem l-għajnejn ta’ ruħi għaddiet dehra; din kienet bħad-dehra li Ġesu’ kellu fil-Ġnien taż- Żebbuġ. L-ewwel it-tbatijiet fiżiċi u ċ-ċirkostanzi kollha li kellhom iżiduhom; (imbagħad) il-għan kollu tat-tbatijiet spiritwali u dawk li ħadd ma kien ser ikun jaf bihom. Kollox daħal fid-dehra; suspetti foloz, telfien tal-fama. Jiena hawnhekk, qed naqtagħha fil-qasir, imma dan l-għarfien kien diġa’ daqshekk ċar li dak li għaddejt minnu iktar tard ma kien bl-ebda mod differenti minn dak li jien għaraft f’dak il-waqt. Ismi kellu jkun: “sagrifiċċju.”

Meta spiċċat din id-dehra, għaraq kiesaħ kien qed jaħsilli moħħi. Ġesu’ għarrafni li, ukoll jekk jiena ma kontx ser nagħti l-kunsens tiegħi għal din il-ħaġa, xorta waħda stajt insalva, u Hu ma kienx ser inaqqas il-grazzji Tiegħu, imma xorta kien ser ikompli jkollu l-istess relazzjoni intima miegħi, sabiex ukoll jekk ma nkunx tajt il-kunsens tiegħi biex nagħmel dan is-sagrifiċċju, il-ġenerożita’ ta’ Alla ma kenitx ser tonqos minħabba f’hekk.

136. U l-Mulej għarrafni li l-misteru kollu kien jiddependi minni, mill-kunsens ħieles tiegħi għas-sagrifiċċju, mogħti bl-użu sħiħ fil-fakultajiet tiegħi. F’dan l-att ħieles u konxju kien hemm il-qawwa u l-valur kollu quddiem il-Majesta’ Tiegħu. Ukoll jekk l-ebda waħda minn dawn l-affarijiet li jien kont offrejt lili nnifsi għalihom, qatt ma kienet ser tiġrili; quddiem il-Mulej kollox kien bħallikieku kien diġa sar. F’dak il-waqt, jiena ntbaħt li kont dieħla f’għaqda mal-Majesta’ ta’ Alla li ħadd ma jista’ jifhimha. Ħassejt li Alla kien qiegħed jistenna l-kelma tiegħi, il-kunsens tiegħi. Imma l-ispirtu tiegħi ntefa’ fil-Mulej u għidt: “Agħmel bija dak li jogħġbok. Jiena noqgħod għar-rieda Tiegħek. Mil-lum ‘il quddiem, ir-rieda mqaddsa Tiegħek tkun l-ikel tiegħi, u jiena nkun fidila għall-ordnijiet Tiegħek bil-għajnuna tal-grazzja Tiegħek. Agħmel bija dak li jogħġbok. Nitolbok, O Mulej, kun miegħi, f’kull mument ta’ ħajti.”

137. F’daqqa waħda, meta tajt il-kunsens tiegħi għas-sagrifiċċju b’qalbi kollha u bir-rieda tiegħi kollha, il-preżenza ta’ Alla mlietni. Ruħi ġiet mgħaddsa f’Alla u mimlija kollha kemm hi b’ferħ kbir li ma nistax infisser bil-kitba lanqas l-iċken parti minnu. Ħassejt li l-Majesta’ Tiegħu kien madwari. Kont magħuqda b’mod starordinarju ma’ Alla. Rajt li Alla kien ferħan ħafna bija u min-naħa tiegħi, l-ispirtu tiegħi għereq ġewwa Fih. Billi għaraft din l-għaqda tiegħi ma’ Alla, ħassejtni maħbuba b’mod speċjali u jien ukoll ħabbejt, b’ruħi kollha. Seħħ misteru kbir waqt dik l-adorazzjoni, misteru bejn il-Mulej u bejni. Deherli li kont ser immut bl-imħabba (meta kont se nara) il-ħarsa Tiegħu. Tkellimt ħafna mal-Mulej, mingħajr ma għidt kelma waħda. U l-Mulej qalli: Inti l-għaxqa ta’ Qalbi; mil-lum ‘il quddiem, kull waħda mill-azzjonjiet tiegħek, anke l-iċken waħda, se tkun għaxqa f’għajnejja, tagħmel x’tagħmel. F’dak il-waqt ħassejtni kkonsagrata mill-ġdid. Ġismi kien l-istess wieħed, imma ruħi kienet differenti; issa Alla kien qiegħed igħix ġewwa fiha bl-għaxqa kollha Tiegħu. Dan mhux dak li ħassejt, imma din kienet ir-realta’ li jiena kont qed nagħraf u li xejn ma jista’ jitfiha.

138. Seħħ misteru kbir bejn Alla u bejni. Il-kuraġġ u s-saħħa baqgħu ġewwa ruħi. Meta spiċċa l-ħin tal-adorazzjoni, ħriġt ‘il barra u lqajt bil-kalma kollha dak kollu li qabel kont nibża’ minnu. Meta ħriġt fil-kuritur, kien hemm tistennieni tbatija kbira u umiljazzjoni mingħand ċerta persuna. Aċċetajtha b’sottomissjoni għal volonta’ iktar għolja u fittixt il-kenn ħdejn il-Qalb l-iżjed Qaddisa ta’ Ġesu’, u għarraftu li jiena kont lesta għal dak li offrejt lili nnifsi għalih. It-tbatija bħal qisha kienet tinbet mill-art. Madre Margaret stess kienet tistagħġeb. Għall-oħrajn, ħafna affarijiet kienu jibqgħu għaddejjin mingħajr ħadd ma kien jagħti kashom; imma fil-każ tiegħi, xejn ma kien jibqa’ għaddej mingħajr ħadd ma jagħti kasu; kull kelma kienet tiġi miflija, kienu għassa għal kull pass li nagħmel. Waħda Soru qaltli, “Lesti ruħek, Sor, biex tilqa’ salib ċkejken mingħand il-Madre Superjura. Jiena nitħassrek.” Imma jien fraħt fil-fond ta’ ruħi meta smajt dan, u kien ili żmien twil lesta għalih. Meta hija rat il-kuraġġ tiegħi, stagħġbet. Issa qiegħda nara li ruħ ma tistax tagħmel ħafna waħedha, imma flimkien ma’ Alla tista’ tagħmel kollox. Araw x’tista’ tagħmel il-grazzja ta’ Alla. Ftit huma dawk l-erwieħ, li jkunu dejjem għassa għall-grazzji ta’ Alla u terġa’ huma anqas dawk l-erwieħ li jimxu bil-fedelta’ fuq dawk l-ispirazzjonijiet.

139. Imma ruħ li hija fidila lejn Alla ma tistax tikkonferma l-ispirazzjonijiet tagħha stess; għandha tissottomettihom għall-ġudizzju ta’ saċerdot li jkun għaref u prudenti ħafna; u sakemm tkun aktar ċerta mhux ħażin , għandha tibqa’ ma tafdax. M’għandhiex, fuq l-inizzjattiva tagħha biss, tpoġġi l-fiduċja tagħha f’dawn l-ispirazzjonijiet u l-grazzji għolja oħra, għax inkella tkun qiegħda tpoġġi lilha nnifisha quddiem telfiet kbar.

Ukoll jekk ruħ tista’ tiddistingwi mill-ewwel bejn ispirazzjonijiet foloz u dawk li jkunu ġejjin minn Alla, xorta waħda għandha toqgħod attenta, għax ħafna affarijiet mhumiex ċerti. Alla jieħu gost u jifraħ meta ruħ ma tafdax minħabba fiha nnfisha; għax tkun tħobbu, tkun prudenti u hi stess titlob u tfittex l-għajnuna sabiex tkun ċerta li jkun tassew Alla li qiegħed jaħdem ġewwa fiha. U meta l-konfessur li jkun jaf x’inhu jagħmel dan jikkonfermah, ir-ruħ għandha tkun fil-paċi u tingħata f’idejn Alla, skont id-direzzjonijiet tiegħu; jiġifieri, skont id-direzzjonijiet tal-konfessur.

140. Imħabba safja għandha l-ħila tagħmel affarijiet kbar, u mhijiex se titkisser minħabba xi diffikulta’ jew xkiel. Filwaqt li tibqa’ b’saħħitha fost diffikultajiet kbar, hekk ukoll hija tippersevera fil-ħajja mimlija bix-xogħol komuni ta’ kuljum. Hija taf li hemm bżonn ħaġa waħda biss sabiex togħġob lil Alla: li hija tagħmel ukoll l-iċken affarijiet b’imħabba kbira – imħabba, u dejjem imħabba.

L-imħabba safja ma tiżbalja qatt. Id-dawl tagħha huwa abbundanti iktar milli jkun mistenni. Hija ma tagħmel xejn li jista’ ma jogħġobx lil Alla. Hija inġenjuża sabiex tagħmel sak li l-iktar jogħġob lil Alla, u ħadd ma jlaħħaq magħha. Tkun kuntenta meta tkun tista’ tiżvojta lilha nnfisha u taqbad bin-nar bħal offerta safja. Iktar ma tagħti minn tagħha, iktar issir kuntenta. Imma minbarra hekk, ħadd ma jista’ jintebaħ bil-perikli mill-bogħod bħalma tista’ tagħmel l-imħabba; hija taf kif għandha tikxef xi ħaġa u taf ukoll ma’ min għandha taħdem.

Djarju ta’ Swor Fawstina – L-1 Pitazz (par.121-130)

L-Ewwel Pitazz – Paragrafi 121-130

weoxtph7ncty

121. + Hemm sensiela ta’ grazzji li Alla jferragħ ġewwa r-ruħ wara li jkun ġarrabtha bin-nar. Ir-ruħ tgawdi għaqda intima ma’ Alla. Hija jkollha ħafna dehriet, kemm bil-ġisem kif ukoll bl-intellett. Hija tisma’ ħafna kliem sopranaturali, u xi drabi ordnijiet ċari. Imma minkejja dawn il-grazzji, ma jkollhiex ħila tieqaf fuq saqajha u tfendi għal rasha. Fil-fatt dan jirnexxilha tagħmlu inqas u inqas bħala riżultat tal-grazzji ta’ Alla, għax tinsab miftuħa għal ħafna perikli u tista’ bil-ħeffa kollha taqa’ vittma ta’ illużjonijiet. Għandha titlob lil Alla għal direttur spiritwali; pero’ mhux biżżejjed titlob għal dan, imma għandha tagħmel kull sforz sabiex issib mexxej li jkun espert f’dawn l-affarijiet, bħalma mexxej militari jkun jaf il-modi kif hu ser imexxi (is-segwaċi tiegħu) fit-taqbid. Ruħ li hi maqgħuda ma’ Alla trid tkun imħejjija għal taqbid kbir li fihom trid tissielet bis-sħiħ.

+ Wara din it-tisfija u dmugħ, Alla jibda jgħammar fir-ruħ b’mod speċjali; imma r-ruħ mhux dejjem tikkopera ma’ dawn il-grazzji. Mhux għax ir-ruħ stess ma’ tkunx trid taħdem, imma għax tiltaqa’ ma’ ħafna diffikultajiet interjuri u esterni hekk li jkun hemm bżonn miraklu biex ir-ruħ tibqa’ fuq il-qċaċet. F’din il-ħaġa ma tistax tgħaddi mingħajr direttur spiritwali. Ħafna drabi in-nies żergħu d-dubju ġewwa ruħi, u jiena stess xi drabi bżajt meta ġieni l-ħsieb li jiena, wara kollox, kont persuna injoranta u ma kontx naf ħafna affarijiet, l-aktar fuq affarijiet spiritwali. Imma meta żdiduli d-dubji, fittixt id-dawl, mingħand il-konfessur jew is-superjuri tiegħi. Imma m’akkwistajtx dak li kont nixtieq.

122. Meta ftaħt qalbi mas-superjuri tiegħi, waħda minnhom (aktarx Madre Michael jew Madre Mary Joseph) fehmet lil ruħi u x’kienet it-triq li Alla kellu f’moħħu għalija. Meta jiena mxejt fuq il-parir tagħha, malajr għamilt progress lejn il-perfezzjoni. Imma dan ma damx sejjer ħafna. Meta ftaħt qalbi iżjed fil-profond, ma ksibtx dak li kont nixtieq; is-superjura tiegħi deherilha li dawn il-grazzji (li kont qiegħda nirċievi) ma kienux qed iseħħu, u għalhekk ma stajt nieħu l-ebda għajnuna oħra minn għandha. Qaltli li kien impossibli li Alla jikkomunika mal-ħlejjaq Tiegħu b’dan il-mod: “Sor qiegħda nibża’ minħabba fik; li ma tkunx tip ta’ illużjoni! Aħjar tmur u tfittex il-parir ta’ saċerdot.” Imma l-konfessur ma fehemnix u qalli, “Sor, aħjar tmur u tkellem is-superjuri tiegħek dwar dawn l-affarijiet.” Għalhekk kont immur mingħand is-superjuri għal għand il-konfessur, u mingħand il-konfessur għal għand is-superjuri, u ma stajtx nsib paċi. Dawn il-grazzji divini saru għalija tbatija kbira. U iktar minn darba għidt lill-Mulej direttament: “Ġesu’, qiegħda nibża’ minnek; għalli jista’ jkun, m’intix xi fatat?” Ġesu’ kien dejjem jassigurani, imma bqajt ma nemminx, Hija ħaġa stramba iżda li aktar ma bdejtx nemmen, aktar Ġesu’ kien jagħtini provi li dawn l-affarijiet kienu ġejjin mingħandu.

123. Meta rajt li s-superjuri tiegħi ma kienux qegħdin iserrħuli rasi, iddeċidejt li ma ngħidilhom xejn dwar dawn l-affarijiet li huma interjuri għal kollox. Għal dak li huwa esterm ppruvajt, bħalma suppost tagħmel soru tajba, ingħid kollox lis-superjuri; imma dwar il-ħtiġijiet ta’ ruħi, kont nitkellem fuqhom biss fil-konfessinajru. Għal ħafna raġunijiet tajbin tgħallimt li mara mhix imsejħa tiddixerni f’misteri bħal dawn. Issottomettejt ruħi għal ħafna tbatija bla bżonn, Għal żmien twil mhux ħażin, kienu jħarsu lejja bħallikieku kont ippossesata minn spirtu ħażin, u kienu jitfgħu ħarsa ta’ ħniena lejja; is-superjura ħadet ċerta prekawzjonijiet dwari. Għadda minn għala widnejja li s-sorijiet ukoll kienu jħarsu lejja bl-istess mod. U madwari s-sema ddallam. Bdejt nipprova naħrab minn dawn il-grazzji divini, imma dan ma stajtx nagħmlu. F’daqqa waħda kont inkun mgħaddsa għal kollox f’Alla, u l-Mulej żammni niddependi minnu f’kollox.

124. Għall-ewwel ruħi kienet tkun dejjem xi daqsxejn imbeżżgħa imma aktar tard kienet timtela b’ paċi stramba u b’saħħa.

125. + Dawn l-affarijiet kollha stajt nibqa’ nissaportihom. Imma meta l-Mulej ried li jiena npinġi dik ix-xbieha, ta’ madwari bdew jitkellmu fuqi bil-miftuħ u jħarsu lejja bħallikieku kont waqajt vittma tal-isteriżmu u tal-fantasija, u bdew jiżdiedu l-qlajjiet. Waħda mis-sorijiet ġiet tkellimni waħedha. L-ewwel bdiet billi titħassarni, u qaltli: “Smajthom jgħidu qed ikollok il-viżjonijiet. Imsejkna oħti; ħu ħsieb tiegħek innifsek f’din il-ħaġa.” Kienet ruħ sinċiera, u qaltli sinċierament dak li hija kienet semgħet. Kien ikolli nisma’ dawn l-affarijiet kuljum. Alla biss jaf kemm kienu jgħejjuni dawn l-affarijiet.

126. Madankollu ddeċidejt li nissaporti kollox fis-skiet u ma nagħti l-ebda tifsir meta kienu jistaqsuni xi ħaġa. Xi wħud kienu jibqgħu irritati minħabba fis-skiet tiegħi, l-aktar dawk li kienu jbatu bil-kurżita’. Oħrajn, li kienu jaħsbu aktar fil-fond, kienu jgħidu: “Swor Fawstina żgur li hi tassew qrib ta’ Alla jekk għandha s-saħħa tissaporti daqshekk tbatija.” Għalija kien bħal li kieku kelli quddiemi żewġ gruppi ta’ mħallfin. Ippruvajt inżomm is-skiet intern u estern. Ma kont ngħid xejn dwari nnifsi, għalkemm xi sorijiet kienu jistaqsuni b’mod dirett. Xofftejja kienu ssiġġillati. Kont inbati bħal ħamiema, mingħajr tgergir. Imma xi sorijiet donnhom kienu jieħdu gost idejquni b’xi mod jew ieħor. Il-paċenzja tiegħi kienet tirritahom. Imma Alla kien jagħtini biżżejjed saħħa ġewwa fija hekk li kont nissaporti bil-kalma.

127. Tgħallimt li ma kien ser ikolli l-ebda għajnuna mingħand ħadd f’waqtiet bħal dawn, u bdejt nitlob bil-ħerqa lill-Mulej biex jagħtini konfessur. Ix-xewqa waħdanija li kelli kienet li xi saċerdot jgħidli kelma waħda biss: “Kun fil-paċi, int miexja fit-triq it-tajba,” jew “Insa dan kollu għax mhux ġej minn Alla.” Imma ma stajtx insib saċerdot bħal dan li kien żgur biżżejjed minnu nnifsu biex jagħtini opinjoni ċerta f’isem il-Mulej. U għalhekk bqajt fl-inċertezza. O Ġesu’, jekk inhi r-rieda Tiegħek li ngħix f’inċertezza bħal din, ikun imbierek ismek! Nitolbok bil-ħerqa, Mulej, mexxi Inti lil ruħi u kun miegħi, għax jiena ma jien xejn waħdi.

128. B’dan il-mod kont diġa’ ġejt iġġudikata minn kulħadd. M’hemm xejn ġewwa fija li għadu m’għaddiex mill-ġudizzju tas-sorijiet. Imma issa donnu li l-interess kollu għadda, u bdew iħalluni fil-paċi. Ir-ruħ itturmentata tiegħi kellha ċans ta’ ftit mistrieħ, u tgħallimt li l-Mulej kien l-aktar qrib tiegħi waqt il-persekuzzjonijiet bħal dawn. Din (il-waqfa) damet għal ftit żmien biss. Maltempata qalila reġgħet feġġet. U issa s-suspetti l-qodma saru għalihom bħallikieku kienu fatti veri, u għal darb’ oħra kelli noqgħod nisma’ l-istess kantaliena bħal qabel. Il-Mulej hekk ried. Imma mbagħad – ħaġa stramba din – ukoll minn barra beda jkolli esperjenza ta’ diversi fallimenti. Din il-ħaġa ġabet fuqi ħafna tbatijiet ta’ kull tip, li Alla biss kien jaf bihom. Imma jien ippruvajt mill-aħjar li stajt nagħmel kollox bl-aħjar intenzjonijiet possibbli. Issa stajt nara li kullimkien kienu qegħdin jgħassuni bħallikieku kont xi ħalliela: fil-kappella; waqt li kont qiegħda nwettaq id-dmirijiet tiegħi; fiċ-ċella tiegħi. (nota40) Issa kont ntbaħt li, minbarra l-preżenza ta’ Alla, kelli dejjem qrib tiegħi xi preżenza umana wkoll. U jkolli ngħid li, aktar minn darba, din il-preżenza umana kienet iddejjaqni bil-bosta. Kien hemm xi drabi meta kont intella’ u nniżżel jekk għandiex ninża’ sabiex ninħasel jew le. Fil-verita’, ukoll dik il-povra sodda tiegħi kienu jiċċekjawha ħafna drabi. (nota41) Iktar minn darba kien jaqbadni id-daħk meta kont ninduna li lanqas is-sodda tiegħi ma kienu ser iħalluha fil-paċi. Waħda mis-sorijiet stess qaltli li kienet tiġi tosservani fiċ-ċella tiegħi kull filgħaxija biex tara kif kont inġib ruħi fiha.

Imma s-superjuri jibqgħu dejjem superjuri. U għalkemm kienu jumiljawni b’mod personali, u xi drabi, kienu jimlewni b’dubji ta’ kull xorta, dejjem ħallewni nagħmel dak li l-Mulej ried. Għalkemm mhux bil-mod li jiena kont nitlob, imma b’xi mod ieħor, huma kienu jwettqu dak li l-Mulej kien jitlob u tawni l-permess għad-dixxiplina ħarxa u l-mortifikazzjonijiet (li Hu kien jitlob mingħandi.)

Darba minnhom, waħda mill-Madre Superjuri (aktarx Madre Jane) tant ferrgħet il-korla tagħha fuqi u tant umiljanti li ħsibt li ma kontx ser ikolli l-ħila nissaportiha. Hija qaltli: “Int, viżjunarja, stramba u isterika, oħroġ minn din il-kamra; ejja, ċaqlaq, Sor!” U kompliet tferra’ fuq rasi kulma ġie f’ilsienha. Meta wasalt fiċ-ċella tiegħi, waqajt wiċċi fl-art quddiem is-salib, u mbagħad ħarist lejn Ġesu’, imma ma stajtx ngħid l-ebda kelma oħra. Madankollu jien ħbejt kollox mill-oħrajn u ppretendejt li ma kien ġara xejn bejnietna.

129. Satana dejjem jieħu vantaġġ minn mumenti bħal dawn; ħsibijiet ta’ skuraġġiment bdew jitilgħu fil-wiċċ – għall-fedelta’ u għas-sinċerita’ tiegħek – dan hu l-premju li tieħu. Kif jista’ xi ħadd ikun sinċier meta ħadd ma jifhmu b’dan il-mod? Ġesu’, Ġesu’, ma nistax inkompli iżjed. Għal darb’oħra rġajt waqajt fl-art taħt dan it-toqol, u beda jxoqq l-għaraq għalija, u l-biża’ beda jgħelibni. Ma kelli ‘l ħadd fuq min nistrieħ b’mod interjuri. F’daqqa waħda smajt vuċi ġewwa ruħi tgħidli: Tibżax; Jiena miegħek. U dawl mhux tas-soltu dawwalli moħħi, u fhimt li m’għandix inċedi għal dwejjaq bħal dawn. Imtlejt b’ċerta qawwa u ħriġt miċ-ċella tiegħi b’kuraġġ ġdid sabiex inkun nista’ nbati.

130. Madankollu, bdejt insir daqsxjen traskurata. Ma tajtx kas ta’ dawn l-ispirazzjonijiet interni u ppruvajt nedha b’xi ħaġa. Imma minkejja l-istorbju u d-distrazzjoni, stajt nara dak li kien qed jiġri ġewwa ruħi. Il-kelma ta’ Alla hija ċara, u xejn ma jista’ jżommha moħbija. Bdejt nipprova naħrab li niltaqa’ mal-Mulej ġewwa ruħi għax ma ridtx naqa’ vittma ta’ xi illużjonijiet, Imma f’ċertu sens, il-Mulej baqa’ jiġri warajja bid-doni Tiegħu, u kelli esperjenza daqqa ta’ tortura u daqqa ta’ ferħ. Hawnhekk minix ser insemmi d-diversi dehriet u grazzji li Alla tani f’dan iż-żmien, għax dwar dan jien ktibt x’imkien ieħor. (nota42)

Djarju ta’ Swor Fawstina – L-1 Pitazz (par.111-120)

L-Ewwel Pitazz – Paragrafi 111-120

St.-Faustina

111. Meta, f’nofs dawn it-turmenti interjuri, jiena ppruvajt nakkuża lili nnifsi fil-qrar bl-iċken affarijiet, is-saċerdot wera ruħu mistagħġeb li jiena ma kontx ħatja ta’ difetti iktar serji, u huwa qalli: “Jekk inti daqshekk fidila lejn Alla matul dawn it-tbatijiet, dan fih innifsu huwa prova ċara għalija li Alla qiegħed iżommok, Sor, bi grazzja speċjali, u hija ħaġa tajba li inti dan m’intix tifhmu.” Imma hija ħaġa stramba li l-konfessuri la setgħu jifhmuni u lanqas iserrħuli rasi dwar l-affarijiet sakemm iltqajt ma’ Patri Andrasz, u iktar tard, ma’ Dun Sopocko.

112. Xi ħaġa dwar il-qrar u l-konfessuri. Ser nitkellem biss dwar l-esperjenza tiegħi u dwar dak li għaddejt minnu jiena ġewwa ruħi. Huwa tliet affarijiet li ma jħallux lir-ruħ tieħu l-ġid mill-qrar f’dawn il-waqtiet eċċezzjonali.

L-ewwel ħaġa: meta l-konfessur ikun jaf ftit li xejn dwar modi straordinarji u juri ruħu sorpriż jekk ir-ruħ tgħarrfu bil-misteri kbar li Alla jkun wettaq ġewwa fiha. Din is-sorpriża min-naħa tiegħu tbeżża’ lir-ruħ sensittiva, u hija tintebaħ li l-konfessur qiegħed jaħsibha darbtejn qabel ma jagħti l-opinjoni tiegħu; u jekk hi tinduna b’dan jidħlulha aktar dubji u ma tkunx tista’ sserraħ rasha, għax tħoss ġewwa fiha li l-konfessur ikun qiegħed jipprova jserrħilha rasha fil-waqt li hu stess ma jkunx ċert minnu nnifsu. Jew inkella, bħalma ġara lili, il-konfessur, għax ma jkunx kapaċi jippenetra xi wħud mill-misteri tar-ruħ, jirrifjuta li jisma’ l-qrara u juri ċerta biża’ meta r-ruħ tersaq lejn il-konfessinarju.

Kif tista’ ruħ f’dan l-istat issib l-paċi fil-konfessinarju meta tkun saret hekk sensittiva għall-aħħar għal kull kelma tas-saċerdot? Fil-fehma tiegħi, fi żminijiet ta’ tiġrib hekk speċjali li Alla jibgħat lir-ruħ, is-saċerdot – jekk hu ma jifhimx lir-ruħ – għandu jibgħatha għand xi konfessur ieħor li jkollu esperjenza u t-tgħalim meħtieġ. Jew inkella huwa stess għandu jfittex id-dawl sabiex jagħti lir-ruħ dak li hi teħtieġ, minflok ma jiċħdilna b’mod assolut iċ-ċans li hi tqerr. Għax b’dan il-mod huwa jkun qiegħed jesponi lir-ruħ għal periklu kbir; u iktar minn ruħ waħda tista’ tħalli t-triq li fiha Alla jkun riedha timxi. Din hija ħaġa ta’ importanza kbira, u għalkemm Alla stess reġa’ assigurani, xorta waħda dejjem ridt li jkolli wkoll is-siġill tal-Knisja.

It-tieni ħaġa: il-konfessur ma jħallix lir-ruħ tesprimi ruħha b’mod miftuħ, u juri nuqqas ta’ paċenzja. Ir-ruħ imbagħad taqa’ fis-skiet ma tgħidx kollox (dak kollu li għandha xi tgħid) u b’dan il-mod, ma tieħu l-ebda ġid għal ruħha. Tieħu inqas u inqas meta l-konfessur lilha ma jafhiex, għax ma jkunx ippermettielha tinfetaħ sewwa dwar il-grazzji u l-miżerji tagħha. U għalhekk l-prova ma tkunx waħda tajba. Lili għamluli xi provi li kienu tad-daħk.

Ħa nfisser din il-ħaġa aħjar b’dan il-mod: Il-konfessur huwa t-tabib tar-ruħ, imma kif jista’ tabib jippreskrivi rimedju effettiv jekk hu ma jafx x’inhi sewwa l-marda? Qatt m’hu ser ikun jista’ jagħmlu dan. Għax jew ir-rimedju ma jkollux l-effett mixtieq, jew inkella jkun qawwi ħafna u jaggrava l-marda, u xi drabi – Alla ħares jiġri dan – iwassal ukoll għal mewt. Qiegħda nitkellem mill-esperjenzi tiegħi stess għax, f’ċerti każi, kien il-Mulej innifsu li weżinni direttament.

It-tielet ħaġa: jiġri wkoll xi drabi li l-konfessur jieħu biċ-ċajt affarijiet żgħar. M’hemm xejn li hu żgħir fil-ħajja spiritwali. Xi drabi xi ħaġa li tkun importanti ħafna u din tkun għall-konfessur raġġ ta’ dawl li jgħinu jsir jaf lir-ruħ. Ħafna tifsiriet spiritwali jkunu moħbijin f’affarijiet żgħar.

Biċċa bini meraviljuża m’hix ser titla’ jekk aħna ma naċċettawx xi biċċiet tal-ġebel insinjifikanti li jiffurmawha, Alla jkun qiegħed jitlob safa kbir mingħand ċerti erwieħ, u għalhekk jagħtihom għarfien aktar wiesa’ tal-miżerja tagħhom stess. Imdawla b’dawl li jkun ġej minn fuq, ir-ruħ tista’ tkun taf aħjar x’jogħġob lil Alla u x’ma jogħġbux. Id-dnub jiddependi minn kemm ir-ruħ ikollha għarfien u kemm dawl ikun hemm ġewwa fiha. L-istess jgħodd għal dawk li huma imperfezzjonijiet. Għalkemm ir-ruħ tkun taf li d-dnub biss, fil-veru sens tal-kelma, jitlob is-sagrament tal-qrar, imma dawn l-affarijiet iż-żgħar ikunu ta’ importanza kbira għar-ruħ li tkun miexja lejn il-qdusija, u l-konfessur m’għandux jittrattahom daqslikieku ma kienu xejn. Il-paċenzja u t-tjubija tal-konfessur jiftħu t-triq għas-sigrieti tal-qiegħ nett tar-ruħ. Ir-ruħ, bħallikieku mingħajr ma taf, tikxef il-fond tagħha li qisu abbiss u tħossha li hi iktar b’saħħitha u tiflaħ tiġġieled kontra t-tbatija u b’kuraġġ akbar u tipprova tagħmel l-affarijiet aħjar għax hija taf li trid tagħti tweġiba għal għemilha.

Sejra nsemmi ħaġa oħra dwar il-konfessur. Huwa d-dover tiegħu li, minn żmien għal żmien iressaq lir-ruħ għall-prova; jagħmel eżerċizzju, jsir jaf jekk għandux f’idejh tiben, ħadid jew deheb safi. Kull waħda minn dawn it-tliet tipi ta’ erwieħ għandha bżonn ta’ tip differenti ta’ taħriġ. Il-konfessur irid – u din il-ħaġa hi kollha kemm hi meħtieġa – jasal għall-ġudizzju ċar dwar kull ruħ sabiex ikun jaf kemm hu kbir il-piż li tkun tiflaħ iġġorr, f’ċerti ċirkostanzi, jew f’sitwazzjonijiet speċjali. Ngħid għalija, kien biss wara xi żmien, wara ħafna esperjenzi (negattivi) li, meta jiena rajt li ma kenux qedgħin jifhmuni, ma bqajtx niftaħ qalbi jew inħalli l-paċi tiegħi tiġi mfixkla. Imma dan ġara biss meta dawn il-grazzji kollha kienu diġa’ ġew imressqa għall-ġudizzju ta’ konfessur għaref li kellu ħafna tagħlim u esperjenza. Issa naf x’għandi nagħmel f’ċerti każijiet.

113. Nixtieq nerġa’ ngħid tliet kelmiet lir-ruħ li hi deċiża tissielet għall-qdusija u tiġbor il-frott; jiġifieri, tieħu l-ġid mill-qrar.

L-ewwel (kelma) – sinċerita’ sħiħa, li tkun miftuħa. Ukoll l-iktar konfessur qaddis u għaqli ma jistax iferragħ bil-fors fir-ruħ dak li jixtieq jekk hi ma tkunx sinċiera u miftuħa. Ruħ li ma tkunx sinċiera, li tingħalaq fiha nnfisha, tkun f’perikli kbar fil-ħajja spirtwali, u wkoll il-Mulej Ġesu’ nnifsu ma jingħatax lil ruħ bħal din fuq livell ogħla, għax Hu jaf li hi ma tieħu l-ebda ġid minn dawn il-grazzji speċjali.

It-tieni (kelma) – umilta’. Ruħ ma teħux ġid kemm għandha tieħu s-sagrament tal-qrar jekk ma tkunx umli. Is-suppervja żżommha fid-dlam. Ir-ruħ la tkun taf kif, lanqas tkun trid, tgħarbel bil-preċiżjoni l-fond tal-miżerja tagħha stess. Hija tilbes maskra u taħrab dak kollu li jista’ jġibilha l-fejqan.

It-tielet (kelma) – ubbidjenza. Ruħ li ma tridx tobdi ma tikseb l-ebda rebħa. Wkoll kieku l-Mulej Ġesu’ stess, kellu Hu stess jisma’ l-qrara tagħha. Il-konfessur bl-ikbar esperjenza ma jkunx jista’ bl-ebda mod jgħin lil ruħ bħal din. Ir-ruħ li ma tobdix tesponi lilha nnifisha għal disgrazzji kbar; ma tagħmel l-ebda progress lejn il-perfezzjoni, lanqas tirnexxi fil-ħajja spiritwali. Alla jagħti b’idejh miftuħa l-grazzji Tiegħu bl-akbar ġenerożita’ lir-ruħ, imma trid tkun ruħ li tobdi.

114. Kemm huma sbieħ l-innijiet li joħorġu minn ruħ li tkun qiegħda tbati! Is-sema kollha jitpaxxa b’ruħ bħal din, l-aktar meta Alla jkun qiegħed jippruvaha. Fin-nieket tagħha hija tkanta x-xenqa tagħha għalih. Kbira hi s-sbuħija tagħha, għax din tkun ġejja minn Alla. Ir-ruħ timxi fil-ġungla tal-ħajja, feruta mill-imħabba ta’ Alla. Hija tmiss l-art b’sieq waħda biss.

115. + Meta ruħ toħroġ minn dawn it-tribulazzjonijiet, tkun tabilħaqq umli. Is-safa tar-ruħ tagħha tkun kbira. Tkun taf aħjar, mingħajr ma jkollha bżonn tieqaf tirrifletti, bħallikieku, x’għandha tagħmel f’xi waqt u x’għandhiex tagħmel. Hija tħoss il-grazzja meta din tmissha b’mod ħafif u hija fidila ħafna lejn Alla. Hija tagħraf lil Alla mill-bogħod u tifraħ bla waqfien fih. Hija tiskopri malajr ħafna lil Alla f’erwieħ oħra u fl-ambjent ta’ madwarha inġenerali. Ir-ruħ tkun ġiet ippurifikata minn Alla stess. Alla, bħala Spirtu Pur, jintorduċi lir-ruħ għal ħajja li hi kollha kemm hi spiritwali. Alla stess ikun l-ewwel ħejja u saffa lir-ruħ; jiġifieri, ikun għamilha tista’ tasal għal għaqda mill-qrib miegħu. Ir-ruħ fi stat ta’ mistrieħ mimli mħabba, tingħaqad spiritwalment mal-Mulej. Titkellem ma’ Alla mingħajr il-bżonn li tfisser ruħha permezz tas-sensi. Alla jimlieha bid-dawl Tiegħu.

Il-moħħ imdawwal jara ċar u jagħżel bejn il-livelli diversi tal-ħajja spiritwali. Huwa jagħraf (dak l-istat) meta l-għaqda tiegħu ma’ Alla ma kenitx perfetta: fejn is-sensi kienu jintużaw, u l-ispirtu kien ikun maqgħud mas-sensi b’mod eżaltat u speċjali – imma għadu mhux perfett. Hemm għaqda iktar għolja u iktar perfetta ma’ Alla; jiġifieri għaqda intellettwali. Hawnhekk, ir-ruħ tkun iktar żgura li mhix qiegħda tbati minn illużjonijiet; l-ispiritwalita’ tagħha hi iktar safja u iktar profonda. F’ħajja fejn ikunu qegħdin jaħdmu s-sensi, ikun hemm aktar periklu ta’ xi illużjoni. Kemm għar-ruħ u kemm għall-konfessur tagħha, il-prudenza għandu jkollha importanza ikbar. Ikun hemm waqtiet meta Alla jdaħħal lir-ruħ fi stat li hu kollu kemm hu spiritwali. Is-sensi jintfew u jkunu donnhom mejtin. Ir-ruħ tkun maqgħuda ma’ Alla b’mod mill-aktar qrib; tkun mgħaddsa fid-Divinita’; l-għarfien tagħha jkun sħiħ u perfett, mhux daqqa iva u daqqa le bħal qabel, imma sħiħ u assolut. Hija tifraħ b’dan. Imma rrid ngħid iktar fuq dawk il-mumenti tat-tiġrib; f’dawk il-waqtiet il-konfessur irid juża l-paċenzja ma’ruħ bħal din. Imma r-ruħ irid jerġa’ jkollha aktar paċenzja magħha nnfisha.

116. Ġesu’ tiegħi, Inti taf minn xiex tgħaddi ruħi meta tiftakar f’dawn it-tbatijiet. Jien spiss kont nistagħġeb li l-anġli u l-qaddisin jisktu meta jaraw ruħ qegħda tbati b’dak il-mod. Imma huma jkollhom imħabba speċjali għalina f’waqtiet bħal dawn. Ruħi spiss kienet tgħajjat għal Alla, bħal tifla żgħira li tgħajjat kemm tiflaħ meta ommha tgħatti wiċċha u li ma tkunx tista’ tagħrafha. O Ġesu’ tiegħi, ġieħ u qima lilek għal dawn il-provi ta’ mħabba! Il-ħniena Tiegħek hi hekk kbira li ħadd ma jista’ jifhimha! Dak kollu li Inti kont fassalt għal ruħi, O Mulej, huwa mgħaddas fil-ħniena Tiegħek.

117. Hawnhekk irrid ngħid li dawk li jgħixu ma’ persuna bħal din m’għandhomx iżidulha t-tbatijiet esterni, għax jekk it-tazza tar-ruħ tkun mimlija sewwa, il-qatra żgħira li nżidulha tista’ tkun dik il-qatra li hi żejda, u t-tazza tal-imrar tfur. U min ser iwieġeb għal ruħ bħal din? Ejjew noqogħdu attenti li ma nżidux mat-tbatijiet tal-oħrajn, għax din il-ħaġa ma togħġbux lill-Mulej. Jekk is-sorijiet jew is-superjuri jkunu jafu jew ukoll jissuspettaw li xi ruħ qiegħda ġġarrab provi bħal dawn, u huma xorta waħda jżidulha tbatijiet oħrajn, huma jkunu qegħdin jidinbu bis-serjeta’, u Alla stess jitlob rendikont minn għandhom minħabba ruħ bħal din. Minix qiegħda nitkellem hawnhekk dwar affarijiet li min-natura tagħhom stess huma dnubiet, imma dwar affarijiet li f’ċirkustanzi oħra ma jkunux dnubiet. Ejjew noqogħdu attenti li ma jkollniex it-toqol ta’ ruħ bħal din fuq il-kuxjenza tagħna. Dan hu difett serju u komuni fil-ħajja reliġjuża, jiġifieri, li meta xi ħadd jara ruħ qiegħda tbati, dejjem ikun irid iżidilha aktar tbatija. Minix qiegħda ngħid li kulħadd jaġixxi b’dan il-mod, imma hemm xi wħud li jagħmlu hekk. Bil-liberta’ kollha ngħaddu kull tip ta’ ġudizzju, u nerġgħu nirrepetuhom meta konna nagħmlu ħafna aħjar li kieku kellna nżommu s-skiet.

118. L-ilsien membru ċkejken, imma jagħmel affarijiet kbar. Reliġjuża li ma żżomx is-skiet qatt m’hi sejra ssir qaddisa. Hi m’għandhiex tilludi ruħha – sakemm ma jkunx l-Ispirtu ta’ Alla li jkun qiegħed jitkellem permezz tagħha, għax imbagħad m’għandhiex tibqa’ siekta. Imma, sabiex jisma’ tal-vuċi ta’ Alla, wieħed irid iżomm is-skiet f’ruħu u joqgħod kwiet; dan ma jfissirx skiet mimli dieqa, imma skiet interjuri – jiġifieri ġabra f’Alla. Wieħed jista’ jitkellem ħafna mingħajr ma jikser is-skiet, u għal kuntrarju, wieħed jista’ jitkellem ftit u l-ħin kollu jkun qiegħed jikser is-skiet. Xi ħsara li ma tistax tissewwa ssir meta jinkiser is-skiet! Nikkawżaw ħsara kbira lill-proxxmu tagħna, imma iżjed u iżjed lilna nfusna.

Fil-fehma tiegħi, u skont l-esperjenza tiegħi, ir-regola dwar is-skiet għandu jkollha l-ewwel post. Alla ma jingħatax lil ruħ li tħobb tpaċpaċ li, bħal naħla li qiegħda fid-duqqajs, tibqa’ ddur u żżanżan imma ma tiġborx għasel. Ruħ li tpaċpaċ tkun vojta minn ġewwa. Tkun nieqsa kemm mill-virtujiet li teħtieġ u mill-intimita’ ma’ Alla. Għal din ir-ruħ m’hemmx post għal ħajja interjuri iktar profonda, waħda ta’ paċi ħelwa u ta’ dak is-skiet fejn jgħammar il-Mulej. Ruħ li qatt ma daqet il-ħlewwa ta’ skiet intern, hija spirtu bla kwiet li jfixkel is-skiet tal-oħrajn. Rajt ħafna erwieħ fil-qiegħ tal-infern għax ma żammewx is-skiet; huma stess qaluli dan meta staqsejthom x’kienet raġuni għaliex kienu qegħdin ibatu. Dawn kienu erwieħ ta’ reliġjużi. Alla tiegħi, x’agunija meta naħseb li mhux biss setgħu kienu fil-ġenna, imma setgħu wkoll saru qaddisin! O Ġesu’, ikollok ħniena!

119. Nirtogħod meta naħseb li rrid nagħti rendikont ta’ lsieni. Hemm il-ħajja, imma hemm ukoll il-mewt fl-ilsien. Xi drabi noqtlu permezz tal-ilsien! Nikkommettu qtil fil-veru sens tal-kelma. U dan għandna nibqgħu narawh bħallikieku kien ħaġa żgħira? Tassew ma nistax nifhem kuxjenzi bħal dawn. Kont naf persuna li, meta saret taf mingħand xi ħadd li kien hemm xi għajdut dwarha, mardet serjament. Tilfet ħafna demm u xerrdet ħafna dmugħ u r-riżultat kien tassew ta’ swied il-qalb. Ma kenitx ix-xabla li għamlet dan kollu, imma l-ilsien. O Ġesu’ tiegħi silenzjuż, ikollok ħniena minna!

120. Issa sibt ruħi nitkellem fuq is-suġġett tas-skiet. Imma dan mhux dak li ridt nitkellem dwaru, imma aktar fuq il-ħajja tar-ruħ ma’ Alla, u fuq it-tweġiba tagħha għall-grazzja. Meta ruħ tkun ġiet imsoffija, u l-Mulej ikun daħal f’intimita’ magħha, hija tibda tapplika l-enerġija kollha li jkollha ġewwa fiha filli tkun għatxana għal Alla. Imma r-ruħ ma tkunx tista’ tagħmel xejn waħedha. Alla waħdu jirranġa kollox. Ir-ruħ dan tafu u tintebaħ bih. Hija tkun għadha fl-eżilju u tifhem tajjeb li għad jerġgħu jiġu ġranet mimlijin sħab u xita, imma issa hija trid tħares lejn l-affarijiet b’mod differenti milli kienet tħares lejhom qabel. Ma tfittixx rassigurazzjoni f’paċi falza, imma tlesti għat-taqtiegħa. Hija issa tifhem kollox ħafna aħjar minn qabel. Taf li hi ġejja minn razza ta’ slaten. Għandha x’taqsam ma’ dak kollu li hu kbir u qaddis.

Djarju ta’ Swor Fawstina – L-1 Pitazz (par.101-110)

L-Ewwel Pitazz – Paragrafi 101-110

2-4-700x438

101. Ġesu’, inti biss taf kif ir-ruħ, mgħaddsa fid-dlam, titniehed f’nofs dawn it-turmenti, u, minkejja dan kollu, tħossha għatxana għal Alla bħalma xufftejn jaqbdu bin-nar iħossu l-għatx għall-ilma. Hija tmut u tidbiel; hija tmut mewta mingħajr mewt; jiġifieri, hija ma tistax tmut. L-isforzi tagħha kollha jiġu fix-xejn; tinsab taħt id setgħana. Issa r-ruħ tiġi taħt is-setgħa tal-Ġust. It-tentazzjonijiet minn barra kollha jieqfu; kulma hemm madwarha jaqa’ fis-skiet bħal persuna qiegħda tmut li titlef il-kuntatt ma’ kollox madwarha: ir-ruħ tal-persuna, kollha kemm hi, tinsab f’idejn Alla l-Ġust, Alla għal tlett darbiet Qaddis – miċħuda għall-eternita’ kollha! Dan il-mument huwa l-quċċata, u Alla biss jista’ jipprova r-ruħ b’dan il-mod, għaliex Huwa biss jaf kemm tiflaħ tissaporti r-ruħ.

Meta r-ruħ tkun għaddiet sewwa minn ġo dan in-nar infernali, tiġi, bħallikieku, mitfugħa għal rasha f’disperazzjoni kbira. Ruħi kellha esperjenza ta’ dan il-waqt meta kont għal kollox waħdi fiċ-ċella tiegħi. Meta ruħi bdiet nieżla ‘l isfel f’din id-disperazzjoni, ħassejt li t-tmiem kien qrib. Imma ħtaft b’saħħti kollha l-kurċifiss żgħir tiegħi u għafastu sew f’idi. U ħassejt ġismi jinfired minn ruħi; u għalkemm ridt immur għand is-Superjuri tiegħi, ma kienx baqagħli s-saħħa fiżika. Lissint l-aħħar kliem tiegħi: “Jiena nafda fil-Ħniena Tiegħek” – u deherli li kont ipprovokajt lil Alla għal korla dejjem ikbar. U issa għeriqt fid-disperazzjoni – u kulma kien għad baqagħli kienet tnehida ta’ uġigħ li, minn ħin għal ħin, kien qiegħed jiċċarrat minn ruħi. Ir-ruħ tinsab fl-agunija – u deherli li kont ser nibqa’ f’dan l-istat, għax, bis-saħħa tiegħi biss, ma stajtx noħroġ minnu. Kull darba li bdejt niftakar f’Alla beda jinfetaħ quddiemi oċejan ta’ tbatija li ma jistax jitfisser bil-kliem, u xorta waħda minkejja dan hemm xi ħaġa ġewwa ruħi li tinġibed lejh, għalkemm hija jidhrilha li dan jiġri għal dan il-għan biss – li hija tbati iżjed. Meta hija tiftakar fl-imħabba li biha Alla qabel kien idawwarha, din tkun tip ta’ tbatija oħra. Il-ħarsa Tiegħu tinfidha u kollox ġewwa r-ruħ jinħaraq taħt din il-ħarsa.

102. Ftit ħin wara, waħda mis-sorijiet daħlet fiċ-ċella u sabitni kważi mejta. Hija beżgħet u marret issib id-Direttriċi tan-novizzi li, f’isem l-ubbidjenza qaddisa, ordnatli nqum mill-art. Saħħti reġgħet ġiet lura mill-ewwel, u qomt nirtogħod. Id-Direttriċi għarfet minnufih l-istat ta’ ruħi u kellmitni dwar il-ħniena ta’ Alla li ħadd ma jista’ jifhimha, u qaltli: “Tinkwieta xejn Sor. Jiena qiegħda nordnalek dan b’ubbidjenza.” Imbagħad qaltli: “Issa qiegħda nara, Sor, li Alla qiegħed isejjaħlek għal grad għoli ta’ qdusija; il-Mulej irid jiġbdek qrib ħafna Tiegħu la Huwa ppermetta li jiġrulek dawn l-affarijiet hekk malajr. Kun fidila lejn Alla, Sor, għaliex dan huwa sinjal li Huwa jrid li jkollok post għoli fil-ġenna.” Imma jien ma fhimt xejn minn dan il-kliem. Meta dħalt fil-kappella ħassejtni bħallikieku ruħi kienet inħelset minn kollox, bħallikieku kont għadni kif ġejt f’dak il-waqt minn id Alla. Intbaħt li ruħi ma setgħetx tittiefes u tintmess; ħassejtni bħala tifla żgħira.

103. F’daqqa waħda rajt lill-Mulej ġewwa fija u Huwa qalli: Tibżax, binti; Jiena ninsab miegħek. F’dak il-waqt wieħed, id-dlam u t-turmenti kollha, għebu; is-sensi tiegħi imtlew ser ifuru b’ferħ li ma jistax jitfisser bil-kliem, s-setgħat ta’ ruħi mtlew bid-dawl.

104. Irrid inżid li, għalkemm ruħi kienet diġa’ tinsab fir-raġġi ta’ mħabbtu, xi ħjiel tat-torturi tiegħi tal-imgħoddi baqgħu fuq ġismi għal jumejn: wiċċ abjad karti u għajnejn bid-demm. Ġesu’ biss jaf x’batejt. Dak li jiena ktibt huwa fqir ħafna jekk jiġi mqabbel mar-realta’. Ma nistax inpoġġieh fi kliem; donni ħassejtni li kont ġejt lura mid-dinja l-oħra. Inħoss mibgħeda għal dak kollu li hu maħluq; nersaq sabiex nitgeddes qrib il-qalb ta’ Alla bħalma tagħmel tarbija ma’ sider ommha. Issa qiegħda nara kollox b’mod differenti. Qed nagħraf dak li għamel il-Mulej ġewwa ruħi b’kelma waħda, u jiena ngħix b’dan. Nirtogħod bil-biża’ meta niftakar f’din it-tortura li għaddejt minnha. Ma kontx nemmen li xi ħadd jista’ jbati b’dan il-mod, li kieku m’għaddejtx minn din l-esperjenza jien stess. Din hija tbatija li hija spiritwali għal kollox.

105. Imma f’din it-tbatija kollha u f’dan it-taqbid kollu, ma ħallejtx barra t-Tqarbin Imqaddes. Meta deherli li ma kellix nitqarben, mort, qabel it-Tqarbin, għand id-Direttriċi u għidtilha li ma stajtx nersaq lejn is-Sagrament, għax kien jidhirli li ma kellix nagħmel dan. Imma hi ma tatnix permess inħalli barra t-Tqarbin Imqaddes, u issa qiegħda nifhem li l-ubbidjenza biss kienet salvatni.

Id-Direttriċi stess wara qaltli li l-provi tiegħi kienu għaddew malajr, “u dan seħħ biss għax inti kont tobdi, Sor; u kien permezz tal-qawwa tal-ubbidjenza li int għaddejt minn din it-taqbida b’daqshekk kuraġġ.” Kien veru li l-Mulej stess ħariġni minn dan it-turment, imma l-fedelta’ tiegħi għall-ubbidjenza veru li għoġbitu.

106. Għalkemm dawn huma affarijiet tal-biża’, ir-ruħ m’għandhiex titbeżża’ żżejjed, għax Alla qatt m’hu ser jipprovana aktar milli nifilħu. Mill-banda l-oħra, jista’ jkun li Hu qatt ma jibgħatilna tbatijiet bħal dawn, imma dan qiegħda niktbu għax, jekk il-Mulej jogħġbu jħalli xi ruħ tgħaddi minn tbatijiet bħal dawn, hi m’għandiex tibża’ imma, sakemm ikun jiddependi mir-ruħ stess, għandha tibqa’ fidila lejn Alla. Alla mhux ser jagħmel ħsara lir-ruħ bl-ebda mod, għax Huwa l-Imħabba nnfisha, u Huwa sejħilha għall-eżistenza tagħha f’din l-imħabba li ma tistax titkejjel. Imma meta jiena kont itturmentata b’dan il-mod, jien stess dan ma stajtx nifhmu.

107. O Alla tiegħi, sirt naf li jien minix ta’ din id-dinja; Inti, O Mulej, ferrajt dan l-għarfien profond ġewwa ruħi. L-għaqda tiegħi hija iktar mas-sema milli ta’ l-art, għalkemm jiena bl-ebda mod ma nittraskura d-dmirijiet tiegħi.

108. F’dak iż-żmien, ma kellix Direttur Spirtwali; ma kelli l-ebda tip ta’ tmexxija. Tlabt lill-Mulej, imma Hu ma tanix Direttur. Ġesu’ stess kien l-Imgħallem tiegħi minn ċkuniti sal-mument ta’ issa. Huwa mexa miegħi fid-deżerti kollha u fil-perikli kollha. Qiegħda nara ċar li Alla biss seta’ jgħaddini minn perikli hekk kbar mingħajr ma tiġrili l-ebda ħsara, b’ruħi bla mittiefsa, u jgħinni ngħaddi rebbieħa mid-diffikultajiet kollha, għalkemm dawn kienu tabilħaqq kbar ħafna. Meta ħriġt (…). Iktar tard, il-Mulej tani Direttur.

109. Wara tbatijiet bħal dawn ir-ruħ tkun tinsab fi stat ta’ safa kbir tal-ispirtu u tkun qrib ħafna ta’ Alla. Imma jeħtieġli nżid ngħid li, waqt dawn it-turmenti spiritwali, hija tkun qrib ta’ Alla, imma ma tkunx tista’ tara. L-għajnejn tar-ruħ ikunu jinsabu mitfugħin fid-dlam, u għalkemm Alla jkun iktar qribha milli qatt tista’ timmaġina r-ruħ li tkun qiegħda tbati, is-sigriet kollu jinsab fil-fatt li hi ma tkun taf xejn minn dan. Fil-fatt ir-ruħ tiddikjara li mhux biss Alla abbandunaha imma li hija l-oġġett tal-mibgħeda Tiegħu. B’liema mod serju huma effetwati l-għajnejn tar-ruħ! Meta tiġi milquta bid-dawl divin, ir-ruħ tgħid li dan id-dawl ma jeżistix, għalkemm huwa propju għax dan id-dawl divin jiddi b’tali mod hi ma tkunx tista’ tara daqslikieku tkun għamiet. Imma minkejja kollox, wara tgħallimt li Alla jkun aktar qrib ir-ruħ f’waqtiet bħal dawn milli f’oħrajn, għax hi ma tkunx tista’ ġġarrab dawn il-provi bl-għajnuna tal-grazzja ordinarja biss. Is-setgħat bla tarf ta’ Alla u grazzja staordinarja jridu jkunu attivi hawnhekk, għax inkella r-ruħ taqa’ mal-ewwel daqqa.

110. O Mgħallem Divin, dak li jiġri ġewwa ruħi huwa xogħlok biss! Inti, O Mulej, ma nibżax tpoġġi lir-ruħ fuq xifer ta’ preċipizzju terribbli fejn hija tieqaf, imdehxa u mbeżżgħa, u Inti mbagħad terġa’ ssejħilha lura għandek. Dawn huma l-misteri Tiegħek li ħadd ma jista’ jifhimhom.

Djarju ta’ Swor Fawstina – L-1 Pitazz (par.81-90)

L-Ewwel Pitazz – Paragrafi 81-90

16831993_1250997584997339_5427332157813117605_n

81. O Trinita’ Qaddisa, Alla wieħed u li ma jistax jinqasam, jalla tkun imbierek għal dan id-don kbir u testment tal-ħniena. Ġesu’ tiegħi, sabiex inpatti għal dawk li jidgħu jiena ser inżomm is-skiet meta xi ħadd iċanfarni b’mod inġust u hekk nagħmillek tpattija parzjali. Ġewwa ruħi qiegħda nkantalek innu li m’għandux tmiem, u ħadd ma jkun jista’ jissospetta jew jifhem dan. Il-għanja ta’ ruħi tafha Inti biss, O Ħallieq u Mulej tiegħi!

82. Minix ser inħalli lili nnifsi nkun hekk mehdija bir-riefnu tax-xogħol li ninsa lil Alla. Jiena ser ngħaddi l-ħin ħieles tiegħi kollu f’riġlejn l-Imgħallem moħbi fis-Sagrament Imqaddes. Huwa ilu jgħallimni mill-iktar snin bikrin tiegħi.

83. Ikteb dan: qabel ma Jiena niġi bħala l-Imħallef il-Ġust, Jiena ġej l-ewwel bħala s-Sultan tal-Ħniena. Qabel il-Jum tal-Ġustizzja Tiegħi, ser jingħata lill-bnedmin sinjal fis-smewwiet ta’ din ix-xorta: Ser jintefa d-dawl kollu fis-smewwiet, u ser ikun hemm dalma kbira fuq id-dinja kollha. Imbagħad jidher fis-sema s-sinjal tas-Salib, u mill-ftuħ fejn l-idejn u r-riġlejn tas-Salvatur kienu msammrin, joħorġu dwal kbar li jdawlu l-art għal xi żmien. Dan iseħħ ftit qabel l-aħħar jum.

84. O Demm u Ilma, li ħriġtu mill-Qalb ta’ Ġesu’ , bħala għajn ta’ Ħniena għalina, jiena nafda Fik!

Vilnius. 2 ta’ Awissu, 1934
85. Il-Ġimgħa, wara it-Tqarbin Imqaddes, jiena ġejt meħuda fl-ispirtu quddiem it-tron ta’ Alla. Hemmhekk rajt is-Setgħat tas-sema jfaħħru lil Alla bla waqfien. Lil hemm mit-tron rajt dija fejn ma jistgħux jidħlu l-ħlejjaq, u hemm jidħol biss il-Verb Inkarnat bħala l-Medjatur. Meta Ġesu’ daħal f’dan id-dawl, jiena smajt dan il-kliem, Ikteb mill-ewwel dak li inti qiegħda tisma’: Jiena l-Mulej fl-essenza Tiegħi u minix suġġett għal ordnijiet jew bżonnijiet. Jekk jiena noħloq il-kreaturi – dak huwa l-abbiss tal-ħniena Tiegħi. U f’dak l-istess waqt sibt ruħi, bħal qabel fil-kappella tagħna fuq l-inġinokkjatur tiegħi, hekk kif spiċċat il-Quddiesa. Jiena diġa’ kelli dal-kliem miktub.

86. + (Darba) meta jiena rajt kemm il-konfessur tiegħi (x’aktarx Dun Sopocko) kellu jbati minħabba dan ix-xogħol li Alla kien ser iwettaq permezz tiegħu, għal xi waqtiet qabadni l-biża’, u ghidt lill-Mulej, “Ġesu’, din hi l-biċċa Tiegħek, imma għaliex qiegħed iġġib ruħek hekk miegħu? Jien jidhirli li Inti qiegħed toħloqlu d-diffikultajiet filwaqt li, fl-istess ħin, qiegħed tordnalu li jagħmel xi ħaġa.”

Ikteb li, lejl u nhar, Jiena qiegħed inħares lejh il-ħin kollu, u Jiena qiegħed nippermetti dan it-tfixkil biex inżidlu l-merti. Jiena ma nagħtix premju għar-riżultati tajbin imma għall-paċenzja u għat-tbatija li wieħed ikun għadda minnhom minħabba Fija.

Vilnius, 26 ta’ Ottubru, 1934
87. Il-Ġimgħa fis-sitta neqsin għaxra, filwaqt li jiena u xi wħud mit-tfajliet li huma afdati f’idejna(nota38) konna deħlin mill-ġnien biex nieklu, jien rajt ‘il-Mulej Ġesu’ fuq il-kappella tagħna, hekk kif kien l-ewwel darba li rajtu u kif inhu mpinġi fix-xbieha. Iż-żewġ raġġi li kienu ħerġin mill-qalb ta’ Ġesu’ ksew il-kappella tagħna u l-infermerija, u mbagħad il-belt kollha, u nfirxu fuq id-dinja kollha. Dan kollu dam xi erba’ minuti u għeb. Waħda mit-tfajliet, li kienet miexja miegħi ftit passi wara l-oħrajn, hi wkoll rat dawn ir-raġġi, imma ma ratx lil Ġesu’, u ma kenitx taf minn fejn kienu ġejjin dawn ir-raġġi. Baqgħet mistagħġba u marret tgħid lit-tfajliet l-oħra. Dawn bdew jidħku biha, u ssuġġerew li kienet qed timmaġina l-affarijiet jew forsi kien dawl rifless minn ajruplan li nzerta għaddej. Imma hi baqgħet tinsisti għax kienet konvinta minn dak li rat, għax qalet li qatt ma kienet rat raġġi bħal dawk. Meta l-oħrajn issuġġerew li seta’ kien ‘searchlight’, hija wieġbet li kienet taf tajjeb x’kien ‘searchlight’, imma hi qatt ma kienet rat raġġi bħal dawk. Wara l-ikel, it-tifla resqet lejja u qaltli li ħassitha hekk kommossa meta rat dawn ir-raġġi li ma setgħetx iżomm is-skiet, imma riedet tgħid lil kulħadd bihom. Imma lil Ġesu’ ma kenitx ratu. Hija baqgħet tgħidli b’dawn ir-raġġi, u dan lili poġġietni f’sitwazzjoni mbarazzanti, billi jiena ma stajtx ngħidilha li kont rajt ’il-Mulej Ġesu’. Jiena tlabt għaliha, u lill-Mulej tlabtu sabiex jagħtiha dawk il-grazzji li hi kellha bżonn. Qalbi ferħet għall-fatt li Ġesu’ jieħu l-inizjattiva sabiex insiru nafuh, għalkemm l-okkażjoni ta’ ħidma bħal din min-naħa Tiegħu lili ġġibli għafsa ta’qalb. Għal Ġesu’, wieħed jista’ jissaporti kollox.

88. + Waqt l-adorazzjoni ħassejt lil Alla qrib tiegħi. Mument wara rajt lil Ġesu’ u lil Marija. Malli rajthom imtlejt bil-ferħ, u staqsejt lill-Mulej, “X’inhi r-rieda Tiegħek, Ġesu’, fuq dik il-biċċa xogħol li fuqha l-konfessur tiegħi qalli nistaqsik?” Ġesu’ wieġeb, Hija r-rieda Tiegħi li hu jibqa’ hawnhekk u li m’għandux jieħu l-inizjattiva li jeżenta lilu nnifsu. Jiena staqsejt lil Ġesu’ jekk il-kitba kellhiex tkun: ‘Kristu, Sultan tal-Ħniena.’ Huwa wieġeb, Jiena Sultan tal-Ħniena, imma ma qalx ‘Kristu’. Jiena nixtieq li din x-xbieha tiġi esposta fil-pubbliku fl-Ewwel Ħadd ta’ l-Għid. Dak il-Ħadd hija l-Festa tal-Ħniena. Permezz tal-Verb magħmul bniedem, Jiena ngħarraf il-fond bla qiegħ tal-ħniena Tiegħi.

89. + B’mod stramb seħħ kollox hekk kif kien talabni l-Mulej. Fil-fatt, kien l-Ewwel Ħadd tal-Għid (April 1935) li x-xbieha ġiet meqjuma fil-pubbliku minn folol ta’ nies għall-ewwel darba. Ġiet esposta għal tlett ijiem u rċeviet qima pubblika. Għax tpoġġiet fuq nett f’tieqa f’Ostra Brama (is-Santwarju tal-Madonna ‘l fuq mill-Bieb il-Lvant li jagħti għall-belt ta’ Vilnius), setgħu jarawha minn ħafna ‘l bogħod. F’Ostra Brama, matul dawn it-tlett ijiem, kien qed jiġi ċċelebrat l-għeluq tal-Ġublew tal-Fidwa tad-Dinja, li jfakkar id-dsatax-il mitt sena li għaddew mill-Passjoni tas-Salvatur tagħna. Jiena issa qiegħda nara li x-xogħol ta’ Fidwa hu marbut mal-ħidma ta’ ħniena li kienet ġiet mitluba mill-Mulej.

90. Darba, rajt ġewwa fija kemm kien ser ikollu jbati l-konfessur tiegħi: ħbieb jabbandunawk filwaqt li kulħadd iqum kontrik u s-saħħa fiżika tiegħek tibda tbatti. Rajtek bħal għanqud għeneb magħżul mill-Mulej u mitfugħ u mgħaffeġ bit-tbatija. Ruħek xi drabi għad tkun mimlija bid-dubji dwar din il-biċċa xogħol u dwari. Jiena rajt lil Alla stess kien qisu qiegħed idur kontrih, u jiena staqsejt lill-Mulej għaliex Hu kien qiegħed jaġixxi miegħu b’dan il-mod, bħallikieku kien qiegħed iqegħedlu l-ostakli meta hu kien qiegħed jipprova jagħmel dak li Alla stess kien qallu jagħmel. U l-Mulej qalli, Jiena qiegħed naġixxi miegħu b’dan il-mod biex nagħti xhieda li din l-opra hija Tiegħi. Għidlu li m’għandu jibża’ xejn; Jiena qiegħed inħares lejh lejl u nhar. Għad ikun hemm daqshekk kuruni sabiex jiffurmaw il-kuruna tiegħu daqskemm ikun hemm erwieħ li jsalvaw permezz ta’ din l-opra. Jiena nagħti l-premju mhux minħabba s-suċċess ta’ xi biċċa xogħol, imma minħabba fit-tbatija.

Djarju ta’ Swor Fawstina – L-1 Pitazz (par.71-80)

L-Ewwel Pitazz – Paragrafi 71-80

15aa916b403a7b5733847f84ca8ebdfb

71. Bagħtuni għall-kura fid-dar tagħna fi Plock, u hemmhekk kelli l-privileġġ li nżejjen il-kappella bil-fjuri. Dan ġara fi Biala.(nota36) Swor Thecla mhux dejjem kien ikollha ħin biex tagħmel dan; għalhekk jien kont spiss inżejjen il-kappella waħdi. Darba, kont għażilt l-isbaħ ward sabiex inżejjen il-kamra ta’ ċertu persuna. Meta kont riesqa lejn il-portiku, rajt lil Ġesu’ wieqaf hemmhekk. Bit-tjubija kollha staqsieni: Binti, lil min qiegħda tieħu dawn il-fjuri? Is-skiet tiegħi kien it-tweġiba tiegħi lill-Mulej, għax intbaħt mill-ewwel li kelli rabta sottili ħafna ma’ din il-persuna(nota37), ħaġa li ma kontx indunajt biha qabel. F’daqqa waħda Ġesu’ għeb minn quddiemi. F’dak il-waqt stess jien rmejt il-fjuri fl-art u mort quddiem is-Sagrament Imqaddes, b’qalbi mimlija gratitudni għall-grazzja li sirt naf lili nnifsi.

O Xemx divina, fir-raġġi Tiegħek ir-ruħ tkun tista’ tara l-iċken nikta trab lil lilek ma togħġbokx.

72. O Ġesu’, Verita’ eterna, Ħajja tagħna, jiena nsejjaħlek u nitolbok il-ħniena Tiegħek għall-imsejkna midinbin. O Qalb l-iżjed ħelwa ta’ Sidi, mimlija ħasra u ħniena li ma jitkejlux, jiena nitkarrab quddiemek għall-imsejkna midinbin. O Qalb l-iżjed qaddisa, Għajn ta’ Ħniena minn fejn joħorġu raġġi ta’ grazzji li ma nistgħux nimmaġinawhom fir-razza umana kollha, jiena nitolbok tagħti d-dawl lill-imsejkna midinbin. O Ġesu’, ftakar fil-Passjoni ħarxa Tiegħek stess u tħallix li jintilfu erwieħ li ġew mifdijin bil-prezz hekk għoli tad-Demm l-iżjed prezzjuż Tiegħek. O Ġesu’, meta jiena nqis il-prezz għoli qatra biss kienet tkun biżżejjed għas-salvazzjoni tal-midinbin kollha. Għalkemm id-dnub hu abbiss ta’ ħażen u ingratitudni, il-prezz li tħallas għalina qatt ma nistgħu nilħquh. Għalhekk, kull ruħ għandu jkollha l-fiduċja fil-Passjoni tal-Mulej, u tpoġġi t-tama tagħha fil-ħniena Tiegħu. Alla m’hu ser jiċħad il-Ħniena Tiegħu lil ħadd. L-art u s-sema jistgħu jinbidlu, imma l-ħniena ta’ Alla qatt mhi ser tintemm. X’ferħ bla qies jaqbad ġewwa qalbi meta jiena nikkontempla t-tjubija Tiegħek li ħadd ma jista’ jifhimha, O Ġesu’! Jiena nixtieq inġib f’riġlejk lill-midinbin kollha sabiex ikunu jistgħu jigglorifikaw il-ħniena Tiegħek għal sekli sħaħ li ma jispiċċaw qatt.

73. O Ġesu’ tiegħi, minkejja l-lejl profond li hemm madwari kollni kemm jiena u s-sħab iswed li qiegħed jaħbi l-orizzont, jiena naf li x-xemx qatt ma tintefa. Mulejja, għalkemm ma nistax nifhmek u lanqas nista’ nifhem it-triqat Tiegħek, xorta waħda nafda fil-ħniena Tiegħek. Jekk hija r-rieda Tiegħek, Mulej, li jiena ngħix dejjem f’din id-dalma, tkun imbierek. Ħaġa waħda biss nitolbok, Ġesu’; tħallinix noffendik bl-ebda mod. O Ġesu’ tiegħi, Inti biss taf ix-xewqat u t-tbatijiet ta’ qalbi. Jiena kuntenta li nista’ nbati għalik għalkemm b’dan il-mod żgħir. Meta nħoss li t-tbatija hija itqal milli nista’ niflaħ, jiena mmur nistkenn fil-Mulej fis-Sagrament Imqaddes, u noqgħod nitkellem miegħu bi skiet profond.

Il-Qrara ta’ waħda mit-tfal taħt il-ħarsien tagħna.
74. Darba ħassejtni mbuttata biex nagħmel xi ħaġa sabiex titwaqqaf il-Festa tal-Ħniena u sabiex tiġi mpittra x-xbieha ta’ Ġesu’ tal-Ħniena, u ma stajt nsib paċi mkien. Ħassejt xi ħaġa timla l-esseri kollu tiegħi, u fl-istess ħin bżajt li kont vittma ta’ xi delużjoni. Imma dawn id-dubji kienu kollha ġejjin minn barra, għax fil-profond ta’ ruħi jiena kont inħoss li kien il-Mulej li kien qiegħed jinfed l-esseri tiegħi. Is-saċerdot li kont qiegħda mmur għandu għall-qrar dak iż-żmien qalli li wieħed jista jkollu illużjonijiet spiss, u jiena ħassejt li x’aktarx kien qiegħed jibża’ jisma’ l-qrara tiegħi. Din il-ħaġa kienet tortura għalija. Meta rajt li kont qiegħda nirċievi ftit li xejn għajnuna mingħand il-bnedmin, jiena dort iżjed u iżjed lejn Ġesu’, l-aqwa għalliem fosthom kollha. Darba, meta kont mimlija dubji jekk il-vuċi li kont qiegħda nisma’ kenitx ġejja mill-Mulej jew le, bdejt nitkellem ma’ Ġesu’ ġewwa fija mingħajr ma lissen l-ebda kelma. F’daqqa waħda ħassejtni mkaxkra minn forza ġewwinija u għidt: “Jekk Inti li qiegħed tikkomunika u titkellem miegħi Int veramnet Alla tiegħi, nitolbok, O Mulejja, agħmel li din it-tifla tmur tqerr illum stess; dan is-sinjal lili jgħinni nkun żgura minni nnifsi.” F’dak il-ħin stess, it-tifla talbet sabiex tmur tqerr.

Il-Madre li kienet tieħu ħsieb il-klassi stagħġbet b’din l-bidla li seħħet fiha f’daqqa waħda, imma ħadet l-inkarigu li ssejjaħ saċerdot immedjatament, u din il-persuna qerret b’sobgħa kbira. Fl-istess waqt smajt vuċi fija tgħid: Qiegħda temminni issa? U għal darb’oħra setgħa stramba mliet lil ruħi, u saħħitni u assiguratni hekk li jiena stess bqajt mistagħġba li kont ħallejt id-dubju jirbaħni wkoll għal waqt wieħed biss.

75. Imma dawn id-dubji dejjem jiġu minn barra, fatt li ġegħelni ningħalaq dejjem iżjed u iżjed ġewwa fija. Meta, waqt il-qrar, inħoss li s-saċerdot mhux ċert, ma niftaħx ruħi sal-aħħar, imma nieqaf milli nakkuża lili nnifsi minn dnubieti. Saċerdot li mhux fil-paċi miegħu nnifsu ma jkunx kapaċi jispira l-paċi f’ruħ oħra.

Intom is-saċerdoti, intom xemgħat jixgħelu sabiex jagħtu dawl lill-erwieħ tal-bnedmin; tħallu qatt id-dawl tagħkom jitbaxxa. Jiena fhimt li f’dak il-waqt ma kenitx ir-rieda ta’ Alla li nikxef beraħ ir-ruħ tiegħi. Iktar tard, Alla tahieli din il-grazzja.

76. O Ġesu’ tiegħi, mexxili lil moħħi, hu pussess tal-esseri kollu tiegħi, agħlaqni fil-qiegħ tal-Qalb Tiegħek u ħarisni mill-attakki tal-għadu. It-tama waħdanija tiegħi hija Fik. Tkellem permezz ta’ fommi meta jiena, li minix ħlief miżerja, insib ruħi mas-setgħanin u mal-għorrief, sabiex huma jkunu jafu li din il-opra hija Tiegħek u ġejja minnek.

Dlam u Tentazzjonijiet
77. Moħħi ddallam b’mod stramb; l-ebda verita’ ma kienet ċara għalija. Meta kienu jkellmuni fuq Alla, qalbi kienet tkun bħal blata. Ma stajt niġbed minnha l-ebda sentiment ta’ mħabba għalih. Meta ppruvajt, bi sforz tar-rieda tiegħi, nibqa’ qrib Tiegħu, għaddejt minn turmenti kbar, u deherli li kont qiegħda biss nipprovoka lil Alla għal korla dejjem akbar. Kien għal kollox impossibli għalija nimmedita bħalma kont imdorrija nagħmel fl-imgħoddi. F’ruħi kont inħoss vojt kbir, u ma kien hemm xejn li bih stajt nimlih. Bdejt nbati ġuħ kbir u xenqa għal Alla, imma rajt li ma kelli l-ebda saħħa nagħmel xejn. Ippruvajt naqra bil-mod sentenza b’sentenza, u nimmedita b’dan il-mod, imma dan wkoll ma swieli xejn. Ma fhimt xejn minn dak li kont qiegħda naqra.

Quddiem għajnejja kien hemm il-ħin kollu l-abbiss tal-miżerja tiegħi. Kull darba li kont nidħol fil-kappella għal xi prattika spiritwali, kont inħoss turmenti u tentazzjonijiet li kienu ħafna agħar. Iktar minn darba, matul il-Quddiesa kollha, kelli nitqabad ma’ ħsibijiet li kienu jfissru dawgħa u li kienu qegħdin jisfurzaw ruħhom fuq xofftejja biex inlissinhom. Kont inħoss antipatija għas-Sagramenti, u deherli li ma kont qiegħda nakkwista xejn minnhom. Kien biss b’ubbidjenza lejn il-konfessur tiegħi li jiena bqajt niffrekwentahom, u din l-ubbidjenza għamja kienet għalija it-triq waħdanija li jiena stajt nimxi fiha, u t-tama tal-aħħarnett li stajt ikolli sabiex nibqa’ miexja. Is-saċerdot fissirli kif dawn kienu provi li Alla kien qiegħed jibgħatli u li, fis-sitwazzjoni li jiena sibt ruħi fiha, mhux biss ma kontx qiegħda noffendi lil Alla, imma kont qiegħda nogħġbu ħafna. “Dan huwa sinjal”, qalli, “li Alla jħobbok ħafna u li Hu għandu fiduċja kbira fik, la Huwa qiegħed jibgħatlek provi bħal dawn.” Imma dan il-kliem ma ġabli l-ebda faraġ; deherli li ma kien japplika bl-ebda mod għalija.

Ħaġa waħda kienet tgħaġġibni: spiss kien jiġri li, fiż-żmien meta kont inkun għaddejja minn tbatijiet kbar, dawn it-turmenti terribli kienu jgħibu f’daqqa waħda hekk kif nersaq lejn il-konfessinarju; imma malli kont inħalli l-konfessinarju, dawn it-turmenti kollha kienu jerġgħu jaqbdu miegħi bi ħruxija ikbar. Jiena kont imbagħad naqa’ wiċċi fl-art quddiem is-Sagrament Imqaddes u noqgħod intenni dan il-kliem: “Ħa joqtolni jekk irid, m’iniex se nitkexkex!” (Ġob. 13, 15) Deherli li kont ser immut f’dawn l-aguniji. Imma l-iktar ħsieb terribli għalija kien il-konvinzjoni li Alla ma jridx jaf iżjed bija. Imma kienu jiġuni ħsibijiet oħrajn: Għalfejn tissielet sabiex tikseb il-virtujiet u tagħmel opri tajba? Għalfejn timmortifika u xxejjen lilek innifsek? X’hemm tajjeb filli tieħu l-voti? F’li nissagrifika lili nnifsi l-ħin kollu? X’hemm tajjeb f’dan kollu – jekk Alla diġa dawwar wiċċu minni? Għalfejn dawn l-isforzi kollha? U hawn, Alla biss jaf x’kien għaddej ġewwa qalbi.

78. Darba meta kont mgħaffġa taħt dawn it-tbatijiet tal-biża’, mort fil-kappella u ħareġ dan il-kliem mill-qiegħ ta’ ruħi: “Agħmel bija dak li trid, O Ġesu’. Jiena nadurak f’kollox, Tkun magħmula fija r-rieda Tiegħek, O Mulejja u Alla tiegħi, u nfaħħar il-ħniena Tiegħek bla qies.” B’dan l-att ta’ sottomissjoni, dawn it-turmenti terribli ħallewni. F’daqqa waħda rajt lil Ġesu’, li qalli: Jiena dejjem fil-qalb tiegħek. Ferħ li ma jistax jitfisser bil-kliem daħal ġewwa ruħi, u mħabba kbira għal Alla qabbdet lil qalbi bin-nar. Qiegħda nara li Alla qatt ma jippruvana iktar milli aħna kapaċi nsofru. Jiena ma nibża’ minn xejn; jekk Alla jibgħat lil xi ruħ tbatija hekk kbira, Huwa jweżinha bi grazzja li hija ikbar, għalkemm aħna dan ma nkunux qedgħin narawh. Att wieħed ta’ fiduċja fi żminijiet bħal dawn jagħti glorja ikbar lil Alla minn siegħat sħaħ li ngħaddu fit-talb mimli bil-konsolazzjonijiet. Issa jiena qiegħda nara li, jekk Alla jrid iħalli lil xi ruħ fid-dlam, l-ebda ktieb, l-ebda konfessur ma jkun jista’ jagħtiha dawl.

79. Marija, Omm u Sinjura tiegħi, jiena noffrilek ruħi, ġismi, ħajti u mewti, u dak kollu li jiġi wara. Jiena nqiegħed kollox f’idejk, Omm tiegħi, iksili lil ruħi bil-mantar verġinali tiegħek u agħtini l-grazzja tas-safa fil-qalb, fir-ruħ u fil-ġisem. Iddefendini bil-qawwa tiegħek kontra l-għedewwa kollha, u l-aktar kontra dawk li jaħbu l-malizzja tagħhom wara l-maskra tal-virtu’.O ġilju sabiħ! Inti mera għalija, O Omm tiegħi!

80. O Ġesu’, Priġunier Divin tal-Imħabba, meta jiena nqis l-Imħabba Tiegħek u kif Inti żvujtajt lilek innifsek għalija, is-sensi tiegħi ma jibqgħux jaħdmu. Inti taħbi l-majesta’ Tiegħek li ħadd ma jista jistħajjilha u ċċekken Lilek innifsek biex tinżel ħdejn il-miżerja tiegħi. O Sultan tal-Glorja, għalkemm Inti taħbi s-sbuħija Tiegħek, l-għajnejn ta’ ruħi jċarrtu l-velu. Jiena nara l-korijiet tal-Anġli jagħtuk il-qima mingħajr qatt ma jieqfu u s-Setgħat kollha tas-Sema jfaħħruk bla waqfien u qegħdin jgħidu dejjem; Qaddis, Qaddis, Qaddis.

Min jista’ jifhem l-imħabba Tiegħek u l-ħniena Tiegħek bla tarf għalina! O Priġunier tal-Imħabba, jiena sejra naqfel il-qalb imsejkna tiegħi f’dan it-tabernaklu, sabiex tkun tista’ tadurak bla waqfien lejl u nhar. Ma nista’ nara l-ebda ostaklu f’din l-adorazzjoni, u għalkemm fil-ġisem inkun ‘il bogħod, qalbi tkun dejjem Miegħek. Xejn ma jista’ jwaqqaf l-imħabba tiegħi għalik. M’hemm l-ebda ostakli għalija. O Ġesu’ tiegħi, sejra nfarrġek għall-ingratitudni kollha, id-dagħa, il-bruda, il-mibegħda tal-ħżiena, is-sagrileġġi. O Ġesu’, rrid naqbad bħal offerta safja u niġi kkonsmata quddiem it-tron moħbi Tiegħek. Qiegħda nitkarrab quddiemek bla waqfien għall-midinbin imsejkna li jinsabu fil-waqt tal-mewt.

Djarju ta’ Swor Fawstina – L-1 Pitazz (par.61-70)

L-Ewwel Pitazz – Paragrafi 61-70

imgp2488

61. O Ġesu’ nirringrazzjak għal din il-grazzja kbira; jiġifieri li Inti stess minn rajk ridt tagħżilli konfessur, u li inti kont għarraftuli f’dehra wkoll qabel ma jiena kont iltqajt miegħu (Dun Sopocko). Meta mort inqerr għand Patri Andrasz, kont ħsibt li ser jeħlisni mid-dmir li nimxi fuq dawk l-ispirazzjonijiet interjuri. Is-saċerdot wieġeb li ma setax jagħtini din id-dispensa, “imma itlob, Sor, li jingħatalek direttur spiritwali.” Wara talba qasira imma ħerqana, jiena rajt lil Dun Sopocko għat-tieni darba, fil-kappella tagħna, bejn il-konfessinarju u l-altar. Dak iż-żmien kont qiegħda Krakovja. Dawn iż-żewġ dehriet għollewli l-moral iktar u iktar meta jien sibt preċiż bħalma kont rajtu fid-dehriet, darba f’Varsavja waqt it-tielet prova tiegħi; u it-tieni darba fi Krakovja. O Ġesu’, jiena nirringrazzjak ta’ dan id-don hekk kbir! U issa meta nisma’ xi wħud jgħidu xi kultant li m’għandhomx konfessur – jiġifieri, direttur – jaqbadni l-biża’, għax naf tajjeb kemm ħsara jiena stess ġarrabt meta ma kellix l-għajnuna tiegħu. Huwa hekk faċli li tmur żmerċ meta ma jkollokx min jiggwidak!

62. O ħajja hekk imdallma u monotona, kemm teżori fik! Meta nħares lejn kollox bil-għajnuna tal-fidi, l-ebda żewġ waqtiet m’huma l-istess, u d-dalma u l-monotonija jgħibu. Il-grazzja li qiegħda tingħatali f’din is-siegħa ma tkunx imtennija f’dik li ġejja. Forsi terġa’ tingħatali, imma ma tkunx l-istess grazzja. Il-ħin jibqa’ għaddej, u qatt ma jerġa’ jiġi lura. Dak li hemm magħluq ġewwa fih m’hu ser jitbiddel qatt; huwa ssiġġillat għall-eternita’.

63. Bilfors li Alla jħobbu ħafna lil Dun Sopocko. Dan qiegħda ngħidu għax jiena stess kelli esperjenza kemm Alla jiddefendih f’ċerti mumenti. Meta jiena nara dan, nifraħ bil-bosta li Alla għandu magħżulin bħal dawn.

1929. Il-Vjaġġ għall-Kalvarju(nota33)
64. Meta ġejt Vilnius għal xahrejn biex nieħu post soru li kienet marret għat-tielet parti tan-novizzjat tagħha (Swor Peter, li kienet taħdem fil-kċina), jiena bqajt ftit iktar minn xahrejn. Darba, il-madre Superjura (Irene(nota34)) riedet tagħtini ftit gost u tatni permess immur, flimkien ma’ soru oħra(nota35), sal-Kalvarju (post ġewwa l-Polonja) sabiex ‘nagħmel il-mixja’, bħalma jgħidu. Jiena fraħt ħafna. Għalkemm ma kenitx ‘il bogħod ħafna, kienet ix-xewqa tal-Madre Superjura li mmorru bid-dgħajsa. Dak inhar filgħaxija, Ġesu’ qalli: Irridek tibqa’ d-dar. Jien weġibt: “Ġesu’, kollox lest għalina biex nitilqu għada filgħodu; issa x’ser nagħmel?” il-Mulej wieġeb: Dan il-vjaġġ ser ikun ta’ ħsara għal ruħek. Jiena weġibt lil Ġesu’: “Inti tista’ ssib soluzzjoni. Irranġa l-affarijiet hekk li tkun magħmula r-rieda Tiegħek.” Dak il-ħin il-qanpiena ħabbret li kien wasal il-ħin għall-irqad. Lil Ġesu’ tajtu ħarsa tal-aħħar u mort fiċ-ċella tiegħi.

L-għada t-temp kien mill-isbaħ, u dik li kellha takkumpanjani kienet mimlija ferħ għall-ħsieb biss tal-gost kbir li konna ser nieħdu meta naraw kollox. Imma jiena kont żgura li ma konniex sejrin, għalkemm s’issa ma kienx hemm ostakli.

Kellna nitqarbnu qabel u nitilqu preċiż wara r-ringrazzjament. Imma waqt il-ħin tat-Tqarbin, f’daqqa waħda it-temp inbidel. Sħab kesa s-sema u bdiet nieżla x-xita bil-qliel. Kulħadd stagħġeb kif it-temp kien inbidel hekk f’daqqa waħda.

Il-Madre Superjura qaltli: Kemm qiegħed jiddispjaċini li ma tistgħux tmorru, ħuti!” Jiena weġibt: “Għażiża Madre, ma jimpurtax li ma nistgħux immorru; kienet ir-rieda ta’Alla li aħna nibqgħu d-dar.” Imma, ħadd ma kien jaf li kienet ix-xewqa espressa ta’ Ġesu’ li jiena nibqa’ d-dar. Għaddejt il-jum kollu fil-ġabra u fil-meditazzjoni, nirringrazzja lill-Mulej li kien żammni d-dar. Dakinhar, Ġesu’ tani ħafna konsolazzjonijiet tas-sema.

65. Darba waqt in-novizzjat meta l-Madre Direttriċi bagħtitni naħdem fil-kċina tat-tfal li kienu taħt il-ħarsien tagħna, bdejt ninkwieta ħafna għaliex ma stajtx inqandel il-borom, li kienu kbar ħafna. L-iktar parti diffiċli għalija kienet dik li nsaffi l-patata, u xi drabi bdejt inwaqqa’ nofs il-patata mal-ilma. Meta għidt lill-Madre Direttriċi b’din il-ħaġa, hija qaltli li biż-żmien kont nidra dan ix-xogħol u nakkwista s-sengħa u l-ħeffa li hemm bżonn. Imma x-xogħol ma kienx qiegħed isir eħfef, għax ma kull jum li jgħaddi jiena bdejt ngħejja iżjed. Għalhekk bdjet inwarrab meta kien jasal il-ħin li nsaffu l-patata. Is-sorijiet indunaw li kont qiegħda naħrab dan ix-xogħol u stagħġbu mhux ftit. Ma kienux jafu li ma stajtx ngħin minkejja li ridt b’qalbi kollha li nagħmel dan ix-xogħol u ma ridtx naħfirha lili nnifsi. F’nofsinhar, waqt l-eżami tal-kuxjenza, ilmentajt ma’ Alla dwar id-dgħjufija tiegħi. Imbagħad smajt dan il-kliem ġewwa ruħi: Mil-lum ‘il quddiem inti dan tkun tista’ tagħmlu faċilment; Jiena ser nagħtik is-saħħa.

Dak inhar filgħaxija, meta wasal il-ħin li nsaffu l-patata mill-ilma, għaġġilt biex inkun l-ewwel waħda li nagħmel dan, mimlija fiduċja fil-kliem tal-Mulej. Qbadt il-borma mingħajr ebda nkwiet u ferrajt l-ilma perfettament. Imma meta neħħejt l-għatu sabiex imur il-fwar mill-patata, rajt fil-borma, minflok il-patata, mazzi sħaħ ta’ ward aħmar, tant kienu sbieħ li ma tistax tiddeskrivihom. Qatt ma kont rajt ward bħal dak. Bqajt tassew mistagħġba u ma stajtx nifhem it-tifsira ta’ dan kollu; smajt vuċi ġewwa fija tgħid: Jiena nibdel dak ix-xogħol iebes għalik f’bukketti ta’ fjuri mill-isbaħ, u l-fwieħa tagħhom titla’ sat-tron Tiegħi. Minn dak iż-żmien ‘il hawn bqajt nipprova nsaffi l-patata, mhux biss f’dik il-ġimgħa meta kien imiss lili nsajjar, imma wkoll kont nidħol minflok is-sorijiet l-oħrajn meta kien imiss lilhom. U mhux biss kont nagħmel dan, imma kont nipprova nkun l-ewwel waħda sabiex ngħin f’xi biċċa xogħol oħra iebsa, għax kelli esperjenza kemm dan jogħġob lil Alla.

66. O teżor li ma jispiċċa qatt ta’ intenzjoni safja li jirrendi l-azzjonijiet tagħna kollha perfetti u hekk jogħġbu lil Alla!

Ġesu’, Inti taf kemm jiena dgħajfa; kun dejjem miegħi mela; mexxi l-azzjonijiet tiegħi u l-esseri tiegħi kollu kemm hu, Inti li Int l-aqwa Għalliem tiegħi!

Ġesu’, jiena tabilħaqq nibża’ meta nħares lejn il-miżerja tiegħi stess, imma fl-istess waqt il-ħniena Tiegħek, li ħadd ma jista’ jkejjilha, tassigurani, għax hija tisboq il-miżerja tiegħi bil-kobor tal-eternita’ kollha. Din id-dispożizzjoni fir-ruħ tlibbisni bil-qawwa Tiegħek. O ferħ li jiġi mill-għarfien tiegħi stess! O verita’ li ma tinbiddilx, Inti tibqa’ l-istess għal dejjem!

67. Meta bdejt inħossni marida (x’aktarx bidu tal-mard tas-sider) wara li għamilt l-ewwel voti u meta bqajt inħossni l-istess minkejja l-kura tajba u mimlija premura tas-Superjuri tiegħi u l-isforzi kollha tat-tabib, bdejt nisma’ rimarki li bdew jikkonkludu li jiena kont qiegħda nagħmilha ta’ bir-ruħi li kont marida. Dan żiedli t-tbatija tiegħi, u din il-ħaġa damet sejra għal żmien twil mhux ħażin. Darba minnhom jiena lmentajt ma’ Ġesu’ li kont qiegħda nkun toqol fuq is-sorijiet. Ġesu’ weġibni: Inti m’intix qiegħda tgħix għalik innifsek imma għall-erwieħ, u erwieħ oħrajn għad jieħdu l-ġid mit-tbatijiet tiegħek. Meta t-tbatija tiegħek titwal, dan jagħtihom id-dawl u s-saħħa biex jaċċettaw ir-rieda Tiegħi.

68. L-itqal tbatija għalija kienet li deherli li la t-talb u lanqas l-opri tajba tiegħi ma kienu jogħġbu lil Alla. Ma ssugrajtx ngħolli għajnejja lejn is-sema. Dan kien qiegħed jikkaġunali tbatija hekk kbira waqt l-eżerċizzi tal-komunita’ fil-kappella li darba l-Madre Superjura (Raphael) sejħitli waħdi wara l-eżerċizzi u qaltli: “Sor, itlob lil Alla għall-grazzja u għall-konsolazzjoni, għax jiena nista’ nara għalija nnifsi u s-sorijiet spiss jgħiduli li meta jħarsu lejk iġġibilna ħniena. Verament ma nafx x’ser naqbad nagħmel bik, Sor. Jiena nordnalek li ma tibqax tittortura lilek innifsek iżjed għalxejn b’xejn.”

Imma dawn il-laqgħat kollha mal-Madre Superjura ma ġabuli l-ebda serħan, u lanqas ma ċċarawli xejn. Għall-kuntrarju, dalma kbira ħbiet lil Alla minni. Fittixt l-għajnuna fil-konfessinarju, imma lanqas hemm ma sibtha. Saċerdot qaddis ried igħinni, imma tant kont imdejqa li lanqas biss stajt ngħid x’kien qiegħed idejjaqni, u din il-ħaġa nkwetatni iżjed u iżjed. Dwejjaq tal-mewt nifed lil ruħi hekk li ma stajtx naħbih, u kull min kien miegħi seta’ jarah. Tlift kull tama. Il-lejl kien qiegħed isir iżjed u iżjed mudlam. Is-saċerdot li mort inqerr għandu qalli: “Jiena qiegħed nara grazzji mill-iktar speċjali fik, Sor, u minix inkwetat bl-ebda mod fuqek; għaliex qiegħda tittortura lilek innifsek b’dan il-mod?” Imma dak iż-żmien ma stajtx nifhem bl-ebda mod dak li kien qiegħed jgħidli u kont nistagħġeb ħafna meta, bħala penitenza, kien jordnali ngħid it-Te Deum jew il-Magnificat, jew niġri madwar il-ġnien filgħaxija, jew inkella nidħak ngħajjat għaxar darbiet kuljum. Kont nistagħġeb ħafna b’dawn il-penitenzi; imma f’din il-ħaġa wkoll is-saċerdot ma setax jagħtini wisq għajnuna. Kienet ħaġa ċara li Alla riedni nagħtih glorja permezz tat-tbatija.

Dak is-saċerdot farraġni għax qalli li, fl-istat preżenti tiegħi, kont qiegħda nogħġob lil Alla iktar milli kieku kont mimlija bl-ikbar konsolazzjonijiet. “Hija grazzja kbira ħafna, Sor, huwa qalli: “li fl-istat preżenti tiegħek, bit-turmenti kollha li inti għaddejja minnhom f’ruħek, mhux talli m’intix qiegħda toffendi lil Alla, imma qiegħda tipprova wkoll tipprattika l-virtujiet. Jiena qiegħed inħares fir-ruħ tiegħek, u hemm qiegħed nara l-pjanijiet kbar u l-grazzji speċjali ta’ Alla; u meta nara dan, jiena nrodd ħajr lill-Mulej.” Imma minkejja dan kollu, ruħi kienet tinsab fi stat ta’ tortura; u mdawra kif kont b’turmenti li ma tistax tiddeskrivihom bil-kliem, jien għamilt bħall-għama li jafda lilu nnifsu f’idejn min imexxih, jaqbadlu jdejh sewwa, u lanqas għal mument wieħed biss ma nsejt l-ubbidjenza, u din kienet is-sigurta’ waħdanija tiegħi f’din il-prova tan-nar.

69. + Ġesu’, Verita’ eterna, saħħaħ il-qawwiet dgħajfin tiegħi; Inti tista’ tagħmel kollox, Mulej. Jiena naf li mingħajrek l-isforzi tiegħi kollha jisfaw fix-xejn. O Ġesu’, tistaħbilix, għax ma nistax ngħix mingħajrek. Isma’ l-karba ta’ ruħi. Il-ħniena Tiegħek m’għandhiex tmiem. Għalhekk Mulej, ħenn għall-miżerja tiegħi. Il-ħniena Tiegħek tisboq il-fehma tal-Anġli kollha u tal-bnedmin kollha flimkien; għalkemm jidhirli li Inti m’intix tismagħni, jiena nqiegħed il-fiduċja tiegħi fl-oċejan tal-ħniena Tiegħek, u jiena naf li t-tama tiegħi ma tiġix imqarrqa.

70. Ġesu’ biss jaf kemm isir tqil u diffiċli li wieħed jaqdi id-dmirijiet tiegħu meta r-ruħ ikollha tgħaddi minn dawn it-torturi interjuri, is-saħħa fiżika tiddgħajjef hekk, u l-moħħ jiddallam. Fis-skiet ta’ qalbi kont nibqa’ ngħid lili nnifsi: “O Kristu, jalla l-hena, l-unur u l-glorja jkunu Tiegħek, u t-tbatija tiegħi. Minix ser nibqa’ pass lura filwaqt li nimxi warajk, għalkemm ix-xewk iferili riġlejja.”

Djarju ta’ Swor Fawstina – L-1 Pitazz (par.51-60)

L-Ewwel Pitazz – Paragrafi 51-60

1073739503

51. Meta jiena tkellimt dwar dan mal-Madre Superjura (Rose,(nota 30) u għidtilha) li Alla kien talab dan mingħandi, hija wieġbet li Ġesu’ għandu jagħti xi sinjal sabiex aħna nkunu nistgħu nagħrfuh b’mod iktar ċar. Meta jien tlabt lill-Mulej Ġesu’ għal sinjal bħala prova “li Inti verament Alla u Mulej tiegħi u li din it-talba ġejja mingħandek”, jiena smajt din il-vuċi ġewwa fija: Jiena għad niċċara dan kollu lis-Superjura bil-grazzji li jiena nagħti permezz ta’ din ix-xbieha.

52. Meta ppruvajt naħrab minn dawn l-ispirazzjonijiet interni, Alla qalli li, fil-jum tal-ġudizzju Huwa għad jitlob mingħandi numru kbir ta’ erwieħ. Darba, għajjiena mejta minħabba dawn id-diffikultajiet diversi li kien qiegħed ikolli minħabba dak li kien qalli Ġesu’ u minħabba dak li Hu kien talabni nagħmel għall-pittura ta’ din ix-xbieha, jien ddeċidejt li mmur għand Patri Andrasz(nota31) qabel ma nagħmel il-voti perpetwi, u nitolbu jħollni mill-obbligu ta’ dawn l-ispirazzjonijiet interni u mid-dmir li npitter din ix-xbieha. Wara li sema’ l-qrara tiegħi, Patri Andrasz tani din it-tweġiba: “Jiena ma jien sejjer inħollok minn xejn, Sor; mhux sewwa li inti twarrab dawn l-ispirazzjonijiet interni, imma għandek assolutament – nerġa’ ngħid, assolutament – titkellem dwarhom mal-konfessur tiegħek; inkella, inti sejra titfixkel minkejja l-grazzji kbar li inti qiegħda tirċievi mingħand Alla.” “Għalissa inti qiegħda tiġi għandi sabiex tqerr, imma ifhimni sewwa, Sor, inti jeħtieġ li jkollok konfessur fiss; jiġifieri, direttur spiritwali.”

53. Din il-ħaġa nkwetatni mhux ftit. Kont ħsibt li kien ser jirnexxili neħles minn kollox, u ġara preċiż il-kuntrarju – kmand ċar u tond sabiex naqta’ x-xewqat ta’ Ġesu’. U issa, turment ieħor, minħabba li ma kelli l-ebda konfessur permanenti. Ukoll kieku kelli immur għand l-istess konfessur għal ċertu perjodu ta’ żmien, ma stajtx niftaħ qalbi miegħu dwar dawn il-grazzji, u dan kien jikkawżali wġigħ li ma jistax jitfisser bil-kliem. Għalhekk tlabt lil Ġesu’ biex jagħti dawn il-grazzji lil xi ħadd ieħor, għax jiena ma kontx naf kif nagħmel użu minnhom u kont qiegħda biss naħlihom. “Ġesu’, ikollok ħniena minni, tafdalix f’idejja affarijiet hekk kbar, għax Inti qiegħed tara li jiena daqsxejn trab u ma ninqala’ assolutament għalxejn.”

Imma t-tjubija ta’ Ġesu’ hija bla tarf; huwa kien wegħedni għajnuna li tidher hawn f’din id-dinja, u xi ftit ta’ żmien wara jiena rċevejtha f’Vilnius, fil-persuna ta’ Dun Sopocko. Jiena kont diġa’ sirt nafu qabel ma mort Vilnius, permezz ta’ dehra interna. Darba rajtu fil-kappella tagħna bejn l-altar u l-konfessinarju u f’daqqa waħda smajt vuċi ġewwa ruħi tgħidli, Din hija l-għajnuna li tidher għalik f’din id-dinja. Huwa jgħinek tagħmel ir-rieda Tiegħi fid-dinja.

54. Darba, għajjiena b’dawn l-inċertezzi kollha, jiena tlabt lil Ġesu’, “Ġesu’, Inti Alla jew fantażma? Għax, is-Superjuri tiegħi qegħdin jgħidu li hawn kull xorta ta’ illużjoni u fantażmi. Jekk Inti l-Mulej tiegħi, qiegħda nitolbok tberikni.” Imbagħad Ġesu’ għamel sinjal kbir tas-salib fuqi u jiena wkoll raddejt is-salib. Meta jiena tlabt maħfra lil Ġesu’ għal din il-mistoqsija, Huwa wieġeb li ma kont ikkawżajtlu l-ebda dispjaċir b’din il-mistoqsija u qalli li l-fiduċja tiegħi kient għoġbitu ħafna.

55. 1933. Parir Spirtwali mogħti lili minn Patri Andrasz, SJ.

L-EWWEL: M’għandekx twarrab dawn l-ispirazzjonijiet interni imma għandek dejjem tgħid kollox lill-konfessur tiegħek. Jekk inti tinduna li dawn l-ispirazzjonijiet interni jirreferu għalik stess, jiġifieri, li huma għall-ġid ta’ ruħek jew għall-ġid ta’ erwieħ oħra, jiena nħeġġek sabiex inti ssegwihom; u m’għandekx twarrabhom, imma dejjem għandek taġixxi b’dan il-mod b’konsultazzjoni mal-konfessur tiegħek.

IT-TIENI: Jekk dawn l-ispirazzjonijiet ma jaqblux mal-fidi jew mal-ispirtu tal-Knisja, għandek mill-ewwel twarrabhom għax ikunu ġejjin mill-ispirtu ħażin.

IT-TIELET: Jekk dawn l-ispirazzjonijiet ma jirreferux għall-erwieħ, b’mod ġenerali, u lanqas b’mod speċifiku, għall-ġid tagħhom, m’għandekx teħodhom b’serjeta’ żejda, u jkun aħjar ukoll li twarrabhom.

Imma din id-deċiżjoni m’għandekx teħodha waħdek, la mod u lanqas ieħor, għax faċli tiżbalja minkejja dawn il-favuri kbar mingħand Alla. Umilta’, umilta’ u umilta’ dejjem għax waħedna ma nistgħu nagħmlu xejn; kollox huwa sempliċiment grazzja ta’ Alla.

Inti qiegħda tgħidli li Alla jitlob fiduċja kbira mingħand l-erwieħ; mela, kun inti l-ewwel waħda li turi din l-fiduċja. U kelma waħda oħra – aċċetta dan kollu bis-serenita’.

Il-kliem ta’ wieħed mill-konfessuri: “Sor, Alla qiegħed iħejji ħafna grazzji speċjali għalik, imma pprova agħmel ħajtek ċara bħall-kristall quddiem il-Mulej, u tagħtix kas ta’ dak li ħaddieħor jaħseb dwarek. Ħalli lil Alla jkun biżżejjed għalik; Huwa biss.” Għall-aħħar tan-novizzjat tiegħi, konfessur (forsi kien Dun Theodore) qalli: “Għaddi ħajtek tagħmel il-ġid, sabiex jiena nkun nista’ nikteb fuq il-paġni tagħha: Hija għaddiet ħajjitha tagħmel il-ġid. Jalla Alla jwettaq dan ġewwa fik.”

Darb’oħra konfessur qalli: “Ġib ruħek quddiem Alla bħall-armla tal-Evanġelju: għalkemm il-munita li hija waddbet fil-kaxxa ftit kienet tiswa, quddiem Alla kienet tiswa ħafna iktar mill-offerti kbar kollha ta’ l-oħrajn.”

F’okkażjoni oħra t-twissija li rċevejt kienet din: “Ġib ruħek b’tali mod li dawk kollha li jiġu f’kuntatt miegħek iħossuhom ferħanin li jkunu ltaqgħu miegħek. Iżra’ l-ferħ madwarek għax int rċevejt ħafna mingħand Alla; agħti, mela, lill-oħrajn bil-ġenerożita’. Huma għandhom jitilqu minn ħdejk bil-qalb tagħhom mimlija ferħ, ukoll jekk ikun irnexxielhom biss imissu l-keffa tal-libsa tiegħek. Żomm sewwa f’moħħok il-kliem li qiegħed ngħidlek bħalissa.”

Darb’oħra huwa tani din ir-rakkomandazzjoni: “Ħalli lil Alla jimbotta d-dgħajsa tiegħek ‘il barra fl-ilma fond, lejn il-fond li ħadd ma jista’ jkejlu tal-ħajja nterjuri.”

Hawn xi kelmiet minn konverżazzjoni li kelli mal-Madre Direttriċi (Mary Joseph) għall-aħħar tan-novizzjat tiegħi; “Sor, ħalli s-sempliċita’ u l-umilta’ jkunu l-karateristiċi ta’ ruħek. Għix dejjem ta’ tifla żgħira, dejjem bil-fiduċja, dejjem mimlija sempliċita’ u umilta’, kuntenta b’kollox, ferħana f’kull ċirkustanza. Hemm, fejn l-oħrajn jibżgħu, inti tibqa’ għaddejja bil-kalma kollha, minħabba din is-sempliċita’ u l-umilta’. Ftakar f’din il-ħaġa, Sor, għal ħajtek kollha: bħalma l-ilmijiet jinżlu minn fuq il-muntanji għal ġol-widien, hekk ukoll, il-grazzji ta’ Alla jinżlu biss f’erwieħ umli.”

56. O Alla tiegħi, jiena qiegħda nifhem sewwa li Inti qiegħed titlob mingħandi din it-tfulija spiritwali(nota32), għax Inti qiegħed kontinwament titlobhieli permezz tar-rappreżentanti tiegħek.

Fil-bidu tal-Ħajja reliġjuża tiegħi, it-tbatija u l-hemm kienu jbeżżgħuni u jaqtgħuli qalbi. Jiena għalhekk kont nitlob il-ħin kollu, u ngħid lil Ġesu’ jsaħħaħni u jagħtini l-qawwa tal-Ispirtu Qaddis Tiegħu sabiex inkun nista’ f’kollox nagħmel ir-rieda qaddisa Tiegħu, għax jiena minn dejjem kont nagħraf id-dgħjufija tiegħi. Jiena naf sewwa x’insarraf, għax, b’dan il-għan f’moħħu, Ġesu’ fetaħli l-għajnejn ta’ ruħi; jien abbiss ta’ miżerja, u għalhekk jiena nifhem kull tajjeb li hemm ġewwa ruħi, hu x’inhu, jikkonsisti biss fil-grazzja qaddisa Tiegħu. L-għarfien tal-miżerja tiegħi stess jippermettili fl-istess ħin li nagħraf l-immensita’ tal-ħniena Tiegħek. Fil-ħajja nterjuri tiegħi, b’għajn waħda jiena qiegħda nara l-abbiss tal-miżerja u x-xejn tiegħi, u bl-oħra nara l-abbiss tal-ħniena Tiegħek, O Alla.

57. O Ġesu’ tiegħi, inti l-ħajja ta’ ħajti. Inti taf tajjeb li jiena ma nixtieq xejn iżjed ħlief il-glorja ta’ Ismek u li l-erwieħ isiru jafu bit-tjubija tiegħek. Għaliex jaħarbu minnek l-erwieħ, Ġesu’? Jien dan ma nistax nifhmu. Kemm nixtieq li nkun nista’ nqatta’ l-qalb tiegħi f’biċċiet żgħar u hekk noffrilek, O Ġesu’, kull biċċa qisha qalb sħiħa, sabiex inpatti xi ftit għall-qlub li ma jħobbukx! Jiena nħobbok, Ġesu’, b’kull qatra ta’demmi, u bil-qalb kollha lesta nxerred demmi għalik sabiex nagħtik prova tas-sinċerita’ ta’ mħabbti. O Alla tiegħi, iktar ma nsir nafek inqas nista’ nifhmek, imma dan il-fatt li ma nistax nifhem jippermettili nintebaħ kemm tassew inti kbir! U hija din l-impossibbilta’ li ma nistax nifhmek li terġa’ tqabbadli qalbi għalik, Mulejja. Minn dak il-waqt meta Inti ħallejtni niffissa l-ħarsa ta’ ruħi fuqek, O Ġesu’, jiena stajt ingawdi l-paċi u ma xtaqt xejn iżjed. Jiena sibt id-destin tiegħi f’dak il-waqt meta ruħi intilfet fik, l-għan waħdieni ta’ mħabbti. Tbatijiet, hemm, umiljazzjonijiet, fallimenti, u suspetti li ltqajt magħhom, Ġesu’, huma xrar li jżommu mkebbes in-nar ta’ mħabbti għalik. Ix-xewqat tiegħi huma qawwija u ma nistax naqtagħhom. Nixtieq naħbi minnek il-fatt li qiegħda nbati. Ma rrid qatt nirċievi l-premju għall-isforzi tiegħi u għall-azzjonijiet tajbin tiegħi. Int Ġesu’, il-premju waħdieni tiegħi fik innifsek; Int biżżejjed, Teżor ta’qalbi! Irrid naqsam b’sens ta’ kompassjoni fit-tbatija tal-proxxmu tiegħi u naħbi t-tbatijieti tiegħi stess, mhux biss minnhom, imma minnek ukoll, Ġesu’.

It-tbatija hija grazzja kbira; bit-tbatija r-ruħ issir bħas-Salvatur; fit-tbatija l-imħabba ssir safja bħall-kristall; iktar ma tkun kbira t-tbatija, iktar ssir safja l-imħabba.

58. + Darba bil-lejl, soru li kienet mietet xahrejn qabel ġiet għandi. Kienet soru tal-ewwel kor. Meta rajtha kienet f’kundizzjoni terribli, imdawra kollha kemm hi bil-fjammi b’wiċċha sfigurat bl-uġigħ. Din il-ħaġa damet ftit ħin biss, u mbagħad għabet. Tkexkixa għaddiet minn ġo ruħi għax ma kontx naf jekk kinetx qiegħda tbati fil-purgatorju jew fl-infern. Madankollu jiena rdoppjajt it-talb tiegħi għaliha. Il-lejl ta’ wara reġgħet ġiet, imma rajtha fi stat iktar terribli, imdawra bi fjammi aktar qawwija, u fuq wiċċha kienet tidher disperazzjoni sħiħa. Jiena stagħġibt x’ħin rajtha f’kundizzjoni agħar wara t-talb li kont offrejt għaliha u staqsejtha: ‘Mela t-talb tiegħi ma għenekx?’ Hija wieġbet li t-talb tiegħi ma kienx għenha u li xejn ma seta’ jgħinha. Jiena għidtilha: ‘U t-talb li l-kommunita’ kollha offriet għalik, lanqas dak ma tak l-ebda għajnuna?’ Hija wieġbet le u qalet li dan it-talb kien għen lil xi erwieħ oħrajn. Jiena weġibt: ‘Jekk it-talb tiegħi mhux jgħinek, Sor, jekk jogħġbok terġax tiġi għandi.’ Hija għabet minnufih. Minkejja, dan jien komplejt nitlob.

Wara li kien għadda xi żmien reġgħet ġiet għandi bil-lejl, imma d-dehra tagħha kienet diġa’ nbidlet. Issa ma kienx hemm iżjed fjammi bħalma kien hemm qabel, u wiċċha kien jiddi, għajnejha jleqqu bil-ferħ. Hija qaltli li jiena kelli mħabba vera għall-proxxmu tiegħi u li ħafna erwieħ oħrajn kienu ħadu l-ġid mit-talb tiegħi. Hija ħeġġitni biex qatt ma nieqaf nitlob għall-erwieħ tal-purgatorju, u żiedet tgħid li hi ma kellhiex iddum hemmhekk wisq iżjed. Kemm huma tal-għaġeb id-digrieti ta’ Alla!

59. 1933. Darba smajt dan il-kliem ġor-ruħ tiegħi: Agħmel novena għal pajjiżek. Din in-novena tkun tikkonsisti fir-reċita’ tal-Litanija tal-Qaddisin. Itlob permess mingħand il-konfessur tiegħek. (x’aktarx Dun Sopocko jew Patri Andrasz)

60. Fl-ewwel qrara li għamilt qlajt il-permess u bdejt in-novena dak inhar stess filgħaxija. Għall-aħħar tal-litanija rajt dija kbira u f’nofsha, Alla l-Missier. Bejn din id-dija u d-dinja rajt lil Ġesu’, imsammar mas-Salib hekk li meta Alla ried iħares lejn id-dinja, kellu jħares minn ġol-pjagi ta’ Ġesu’. U jiena fhimt li kien minħabba f’Ġesu’ li Alla jbierek lid-dinja.

Djarju ta’ Swor Fawstina – L-1 Pitazz (par.41-50)

L-Ewwel Pitazz – Paragrafi 41-50

divine-mercy-novena-800x494

41. Darba rajt qaddej ta’ Alla f’periklu mminenti li jagħmel dnub mejjet. Jiena bdejt nitlob lil Alla sabiex jogħġbu jibgħat fuqi t-turmenti kolha ta’ l-infern u t-tbatijiet kollha kollha li jixtieq jibgħatli sakemm dan is-saċerdot jinħeles u jiġi maħtuf mill-okkażjoni li jagħmel dnub. Ġesu’ sema’ t-talba tiegħi u f’dak l-istess waqt, ħassejt kuruna tax-xewk fuq rasi. Ix-xewk nifed lil rasi b’saħħa kbira u baqa’ nieżel dritt għal ġo moħħi. Dan dam sejjer għal tliet siegħat; il-qaddej ta’ Alla ġie meħlus minn dan id-dnub, u ruħu ġiet imsaħħa bi grazzja speċjali ta’ Alla.

42. Darba, fil-jum tal-Milied (1928), jiena ħassejt madwari l-preżenza ta’ Alla li jista’ kollox. U għal darb’oħra ħrabt minn din il-laqgħa interna mal-Mulej. Tlabt lill-Madre Superjura għall-permess li mmur Jozefinek(nota28) biex inżur lis-sorijiet hemmhekk. Is-Superjura tatna l-permess, u aħna bdejna nlestu sabiex immorru preċiż wara l-pranzu. Is-sorijiet l-oħra kienu diġa’ qegħdin jistennewni fil-bieb tal-kunvent waqt li jiena mort niġri fiċ-ċella tiegħi biex inġib il-mantell. Waqt li kont ġejja lura, minħabba li kont għaddejja minn ħdejn il-kappella ż-żgħira, rajt lil Ġesu’ bilwieqfa fil-bieb. Huwa qalli, Kompli miexja imma Jiena se nieħu lil qalbek. F’daqqa waħda ħassejt li ma kellix qalbi f’sidri. Imma s-sorijiet kienu qegħdin iċanfruni għax kont qiegħda nitnikker u bdew jgħidu li kien diġa’ sar il-ħin. Għalhekk għaġġilt u mort magħhom. Imma ħassejtni mdejqa u skomda, u xenqa stramba mliet lil ruħi, għalkemm ħadd ma kien jaf x’kien qed jiġri ħlief Alla.

Wara li konna ilna xi ftit minuti biss f’Jozefinek, jiena għidt lis-sorijiet, “Ejja mmorru lura d-dar.” Is-sorijiet xtaqu għallinqas ftit waqtiet ta’ mistrieħ, imma l-Ispirtu tiegħi ma seta’ jsib l-ebda paċi. Jiena fehemthom li kellna mmorru lura qabel jidlam; u minħabba li kellna distanza mhux ħażin x’nagħmlu, qbadna t-triq lura minnufih. Meta l-Madre Superjura ltaqgħet magħna fl-intrata staqsietni, “Mela għadhom ma marrux is-sorijiet, jew diġa’ ġejtu lura?” Jiena għidtilha li diġa’ konna ġejna lura għax jiena ma ridtx niġi lura filgħaxija. Naħħejt il-mantell minn fuqi u mort mill-ewwel fil-kappella ż-żgħira. Malli dħalt Ġesu’ qalli, Mur għand il-Madre Superjura u għidilha li ġejtu lura, mhux għax ridtu taslu d-dar qabel ma jidlam, imma għax Jiena kont ħadtlek qalbek. Għalkemm din il-ħaġa kienet diffiċli għalija, jien mort għand is-Superjura u għidtilha bis-sinċerita’ kollha r-raġuni vera għaliex jiena kont ġejt lura daqshekk kmieni, u tlabt maħfra lill-Mulej għal dak kollu li ma kienx għoġbu. U mbagħad Ġesu’ mlieni b’ferħ kbir. Jiena fhimt li, ‘l bogħod minn Alla, m’hemm kuntentizza mkien.

43. Darba rajt żewġ sorijiet li kienu ser imorru l-infern. Agunija terribli ċarrtitli ruħi; bdejt nitlob lil Alla għalihom, u Ġesu’ qalli, Mur għand il-Madre Superjura u għidilha li dawk iż-żewġ sorijiet huma fil-periklu li jagħmlu dnub mejjet. L-għada għarraft b’dan lis-Superjura. Waħda minnhom kien diġa’ jiddispjaċiha ħafna u l-oħra kienet għaddejja minn taqbida kbira.

44. Darba Ġesu’ qalli, Jiena ser inħalli din id-dar… għax hawnhekk hawn affarijiet li ma jogħġbunix. U l-Ostja ħarġet mit-tabernaklu u ġiet tistrieħ f’idejja u jiena, mimlija ferħ, poġġejtha lura fit-tabernaklu. Din il-ħaġa rrepetiet ruħha t-tieni darba, u jien għamilt l-istess. Minkejja dan, reġa’ ġara l-istess it-tielet darba, imma l-Ostja nbidlet fil-Mulej Ġesu’ ħaj u qalli, Minix ser nibqa’ iżjed hawn! Malli qalli hekk, imħabba qawwija għal Ġesu’ mlietli ruħi. Jiena weġibt, “U jiena, jiena minix ser inħallik titlaq minn din id-dar, Ġesu’! U għal darb’oħra Ġesu’ reġa’ għeb filwaqt li l-Ostja baqgħet f’idejja. Għal darb’oħra jiena rġajt poġġejtha fil-pissidi u għalaqtha fit-tabernaklu. U Ġesu’ baqa’ magħna. Jiena wegħedt li nagħmel tliet ijiem ta’ adorazzjoni bħala tpattija.

45. Darba Ġesu’ qalli, Għid lill-Madre Ġenerali (Michael) li f’din id-dar… qiegħda ssir it-tali ħaġa… li ma togħġobnix u toffendini ħafna. Jiena din il-ħaġa m’għidtilhiex mill-ewwel lill-Madre, imma l-inkwiet li l-Mulej ġegħelni nħoss ma ppermetilix nistenna lanqas minuta oħra, u jiena ktibt minnufih lill-Madre Ġenerali u reġgħet ġiet l-paċi f’ruħi.

46. Spiss kont inħoss il-Passjoni tal-Mulej Ġesu’ f’ġismi, għalkemm (l-oħrajn) ma kinux jindunaw b’dan, u jiena fraħt b’dan għax Ġesu’ hekk ried. Imma dan dam biss għal żmien qasir. Dawn it-tbatijiet kienu jħeġġu lil ruħi bin-nar tal-imħabba għal Alla u għall-erwieħ immortali. L-imħabba tissaporti kollox, l-imħabba hija aktar b’saħħitha mill-mewt, l-imħabba ma tibża’ minn xejn…

22 ta’ Frar 1931

47. Filgħaxija xħin kont fiċ-ċella tiegħi, rajt lill-Mulej Ġesu’ liebes libsa bajda. Id waħda kienet merfugħa f’ġest ta’ barka, l-oħra kienet qiegħda tmiss il-libsa fuq sidru. Minn taħt il-libsa Tiegħu li kienet kemmxejn miftuħa fuq is-sider, kienu ħerġin żewġ raġġi kbar, wieħed aħmar, l-ieħor bajdani. Jiena żammejt ħarsti fissa fuq il-Mulej fis-skiet; ruħi kienet mimlija b’sens ta’ qima u ta’ stagħġib, imma wkoll b’ferħ kbir. Wara ftit, Ġesu’ qalli, Pitter xbieha skont dak li inti qiegħda tara, bil-kliem: Ġesu’, jiena nafda Fik. Jiena nixtieq li din ix-xbieha tkun meqjuma, l-ewwel fil-kappella tagħkom, u (imbagħad) fid-dinja kollha.

48. Jiena nwiegħed li r-ruħ li tqim din ix-xbieha ma tintilifx. Jiena nwiegħed ukoll li hi tirbaħ fuq l-għedewwa (tagħha) diġa’ hawnhekk f’din id-dinja, l-aktar fis-siegħa tal-mewt. Jiena stess niddefendiha bħala l-glorja Tiegħi stess.

49. Meta għidt lill-konfessur (nota29) tiegħi b’din il-ħaġa, rċevejt din it-tweġiba: “Dan qiegħed jirreferi għal ruħek.” Huwa qalli, “Ċertament, pitter ix-xbieha ta’ Alla ġewwa ruħek.” Meta ħriġt mill-konfessinarju, jiena rġajt smajt kliem bħal dan: Ix-xbieha Tiegħi diġa’ qiegħda ġewwa ruħek. Jiena nixtieq li jkun hemm Festa tal-Ħniena. Jiena rrid li din ix-xbieha, li inti tpitter b’pinzell, tiġi mbierka b’mod solenni fl-Ewwel Ħadd fuq l-Għid (dan il-Ħadd issa qed jissejjaħ it-Tieni Ħadd ta’ l-Għid); dak il-Ħadd għandu jkun il-Festa tal-Ħniena.

50. + Jiena nixtieq li s-saċerdoti jipproklamaw din il-ħniena kbira Tiegħi għall-erwieħ tal-midinbin. Il-midneb m’għandux jibża’ jersaq Lejja. Il-fjammi tal-ħniena qegħdin jaħarquni- u qegħdin jgħajtu sabiex jiġu mitfija; jiena rrid inxerridhom fuq dawn l-erwieħ.

Ġesu’ lmenta miegħi b’dan il-kliem, Meta l-erwieħ ma jurux fiduċja Fija, Jiena nħoss il-ġewwieni Tiegħi jiċċarrat. Meta ruħ magħżula ma turix fiduċja fija, dan jikkawżali uġigħ ikbar; minkejja li l-imħabba Tiegħi għalihom ma tispiċċa qatt, huma ma jafdawnix. Saħansitra l-mewt Tiegħi mhix biżżejjed għalihom. Ħażin għar-ruħ li tabbuża minn dawn. (id-doni)

Djarju ta’ Swor Fawstina – L-1 Pitazz (par.31-40)

L-Ewwel Pitazz – Paragrafi 31-40

article_56fd80ee66e9b

31. + Darba rajt folla kbira ta’ nies fil-kappella tagħna, quddiem il-kappella u fit-triq, għax ma kienx hemm post għalihom ġewwa(nota19). Il-kappella kienet imżejna għall-festa. Kien hemm ħafna saċerdoti ħdejn l-altar, u mbagħad is-sorijiet tagħna u oħrajn minn ħafna kongregazzjonijiet oħra. Kollha kienu qedgħin jistennew il-persuna li kellha tieħu postha fuq l-altar. F’daqqa waħda smajt vuċi tgħid li jiena kelli nieħu posti fuq l-altar. Imma malli tlaqt mill-kuritur sabiex naqsam il-bitħa u nidħol fil-kappella billi nimxi wara l-vuċi li kienet qiegħda ssejjaħli, in-nies kollha bdew iwaddbuli kulma ġie f’idejhom: tajn, ġebel, ramel, xkupi, hekk li għall-ewwel ħsibtha darbtejn qabel ma komplejt nimxi ‘l quddiem. Imma l-vuċi baqgħet issejjaħli b’iktar ħeġġa. Għalhekk bqajt nimxi bil-kuraġġ kollu.

X’ħin dħalt fil-kappella, is-superjuri, is-sorijiet, l-istudenti(nota 20), u wkoll il-ġenituri tiegħi bdew jissutawni b’kull ma ġie f’idejhom, u allura, ridt u ma ridtx, malajr ħadt posti fuq l-altar. Malli wasalt hemm, l-istess nies, l-istudenti, is-sorijiet, is-superjuri u l-ġenituri tiegħi kollha bdew jiftħu dirgħajhom quddiemi jitolbuni l-grazzji; u jiena ma kelli xejn kontrihom f’qalbi għax kienu waddbuli kulma ġie f’idejhom, u bqajt mistagħġba kif ħassejt imħabba speċjali ħafna għal dawk l-istess persuni li kienu ġegħluni mmur iktar malajr fil-post magħżul għalija. Fl-istess waqt ruħi mtliet b’ferħ kbir li ma jitfissirx bil-kliem, u smajt dawn il-kliem, Agħmel kulma jogħġbok, qassam grazzji kif trid, lil min trid u meta trid. Imbagħad, f’daqqa waħda, il-viżjoni għebet.

32. Darb’oħra jien smajt dan il-kliem, Mur għand is-Superjura u itlobha tħallik tagħmel siegħa adorazzjoni kuljum għal disgħat ijiem. Waqt din l-adorazzjoni ipprova ngħaqad fit-talb ma’ Ommi. Itlob b’qalbek kollha f’għaqda ma’ Marija, u ipprova wkoll matul dan il-ħin agħmel it-Triq tas-Salib. (Via Sagra). Jiena qlajt il-permess, għalkemm mhux għal siegħa sħiħa, imma għall-ħin biss li jkun għad baqagħli wara li nkun temmejt id-dmirijiet tiegħi.

33. Kelli nagħmel din in-novena għall-intenzjoni ta’ Pajjiżi. Fis-seba’ ġurnata tan-novena rajt, bejn is-sema u l-art, l-Omm ta’ Alla, liebsa libsa tleqq. Hija kienet qiegħda titlob b’idejha marbutin fuq sidirha, b’għajnejha jħarsu ċassi lejn is-Sema. Mill-Qalb Tagħha kienu ħerġin raġġi tan-nar, xi wħud minnhom ippuntati lejn is-Sema fil-waqt li l-oħrajn kienu qegħdin jiksu lil pajjiżna.

34. Meta għarraft lill-konfessur tiegħi b’dawn l-affarijiet u oħrajn(nota 21), huwa wieġeb li dawn setgħu kienu ġejjin verament minn Alla, imma li huma setgħu kienu wkoll illużjoni. Minħabba li dmirijieti kienu jinbidlu ta’ sikwit, jiena ma kellix konfessur fiss u, minbarra dan, kont insib diffikulta’ kbira meta kont nitkellem fuq dawn l-affarijiet. Jiena tlabt b’ħerqa lill-Mulej biex jagħtini dik il-grazzja kbira – jiġifieri, direttur spiritwali. Imma t-talba tiegħi ġiet mismugħa biss wara li għamilt il-voti perpetwi, meta jiena mort Vilnius. Is-saċerdot kien Dun Sopocko.(nota 22) Alla kien ippermettieli narah f’viżjoni interna wkoll qabel ma mort Vilnius.(nota 23)

35. Li kieku kelli direttur spiritwali mill-ewwel, kieku żgur ma kontx naħli daqshekk mill-grazzji ta’ Alla. Konfessur jista’ jgħin ħafna lir-ruħ, imma jista’ wkoll jagħmlilha ħafna ħsara. O, kemm għandhom bżonn joqgħodu attenti l-konfessuri għall-ħidma tal-grazzja ta’ Alla fl-erwieħ tal-penitenti tagħhom! Din hija ħaġa ta’ importanza kbira. Permezz tal-grazzji li jiġu mogħtijin lir-ruħ, wieħed jista’ jagħraf kemm tkun ta’ grad għoli l-intimita’ tagħha ma’ Alla.

36. Darba ġejt imsejħa quddiem it-tribunal ta’ Alla. Kont qiegħda waħdi quddiem il-Mulej. Ġesu’ deher bħalma aħna nafuh waqt il-Passjoni Tiegħu. Ftit wara, għebu l-pjagi Tiegħu minbarra ħamsa, dawk f’idejh, f’riġlejh u f’ġenbu. F’daqqa waħda jiena rajt il-kundizzjoni ta’ ruħi, kollha kemm hi, kif jaraha Alla. Stajt nara b’mod ċar dak kollu li ma jogħġobx lil Alla. Ma kontx naf li saħansitra l-iżgħar nuqqasijiet irridu nagħtu rendikont tagħkom. X’waqt kien dan! Min jista’ jiddeskrivih? Li ssib ruħek quddiem Alla, għal tliet darbiet Qaddis!

Ġesu’ staqsieni, Min int? Jiena weġibt, “Jiena l-qaddejja tiegħek, Mulej.” Inti tinsab ħatja ta’ ġurnata nar fil-purgatorju. Ridt nintefa’ mill-ewwel fil-fjammi tal-purgatorju imma Ġesu’ waqqafni u qalli: X’tippreferixxi, tbati issa għal ġurnata fil-purgatorju jew għal ftit fid-dinja? Jiena weġibt, “Ġesu’, jiena rrid inbati fil-purgatorju, u rrid inbati wkoll l-ikbar uġigħ fid-dinja, wkoll jekk dan kellu jkun sal-aħħar tad-dinja.” Ġesu’ qalli, Biżżejjed waħda (minnhom); inti ser terġa’ tmur fid-dinja, u hemm inti għad tbati ħafna imma mhux għal żmien twil; inti tagħmel ir-rieda Tiegħi u dak li jiena nixtieq, u qaddej fidil Tiegħi ser igħinek sabiex inti tagħmel dan. Issa serraħ rasek fuq sidri, fuq il-Qalb Tiegħi, u iġbed minnha saħħa u forza għal dawn it-tbatijiet għax imkien iżjed ma inti ser issib serħan jew għajnuna jew faraġ. Kun af li ser ikollok issofri ħafna, ħafna, imma dan m’għandux ibeżżgħek, Jiena qiegħed miegħek.

37. Ftit wara jiena mradt.(nota24) Nuqqas ta’ saħħa fiżika għalija kienet skola fejn tgħallimt il-paċenzja. Ġesu’ biss jaf kemm sforzi kelli nagħmel fuq ir-rieda tiegħi biex inwettaq dmirijiet.(nota25)

38. Sabiex isaffi r-ruħ, Ġesu’ juża strument jew ieħor li jogħġbu. F’ruħi kelli ngħaddi minn abbandun sħiħ min-naħa ta’ ħlejjaq oħra; ħafna drabi s-sorijiet(nota26) kienu jifhmu ħażin l-aħjar intenzjonijiet tiegħi, sura ta’ tbatija li hi mill-iktar ħarxa; imma Alla jippermettiha, u aħna rridu nilqgħuha għax hekk insiru nixbhu lil Ġesu’. Kien hemm ħaġa waħda li ma stajtx nifhem għal żmien twil: Ġesu’ kkmandani ngħid kollox lis-Superjuri tiegħi, imma s-Superjuri tiegħi ma emmnux li għidtilhom u kienu jitħassruni bħallikieku kont taħt xi delużjoni jew kont qiegħda nimmaġina l-affarijiet.

Minħabba f’hekk, peress li emmint li kont vittma ta’ delużjoni, iddeċidejt li lil Alla naħrab niltaqa’ miegħu ġewwa fija għaliex bdejt nibża’ minn dawn l-illużjonijiet. Imma l-grazzja ta’ Alla kienet qiegħda tiġri warajja ma’ kull pass li kont nagħmel, u Alla kellimni meta l-inqas kont qiegħda nistennieh.

39. + Darba Ġesu’ qalli li kien se jġib kastig fuq l-isbaħ belt f’pajjiżna (probabilment Varsavja). Dan il-kastig kellu jkun dak li bih Alla kien ikkastiga lil Sodoma u Gomorra.(nota27) Jiena stajt nara l-korla kbira ta’ Alla u tkexkixa nifdet lil qalbi. Tlabt fis-skiet. Wara ftit, Ġesu’ qalli: Binti, ingħaqad Miegħi mill-qrib waqt is-Sagrifiċċju u offri d-Demm u l-Pjagi Tiegħi lil Missieri bħala tpattija għad-dnubiet ta’ dik il-belt. Kompli tenni dan mingħajr ma tieqaf matul il-Quddiesa kollha. Agħmel dan għal sebat ijiem. Fis-seba’ jum rajt lil Ġesu’ fi sħaba tiddi u bdejt nitolbu sabiex iħares lejn il-belt u pajjiżna kollu. Ġesu’ ħares (‘l isfel) bil-ħniena. Meta rajt it-tjubija ta’ Ġesu’, bdejt nitolbu l-barka Tiegħu. Dlonk Ġesu’ qalli, Minħabba fik Jiena nbierek il-pajjiż kollu. U Hu għamel sinjal kbir tas-salib fuq pajjiżna. Meta rajt din it-tjubija ta’ Alla, ferħ kbir mela r-ruħ tiegħi.

40. + Is-sena 1929. Darba waqt il-Quddiesa, ħassejt b’mod speċjali ħafna li Alla kien qrib tiegħi, għalkemm ippruvajt indawwar wiċċi u naħrab Minnu. F’diversi okkażjonijiet jiena ħrabt minn Alla għaliex ma ridtx inkun vittma ta’ l-ispirtu ħażin, billi xi wħud qaluli, iktar minn darba, li dan kien il-każ. U din l-inċertezza damet għal żmien mhux ħażin. Waqt il-Quddiesa, qabel it-Tqarbin, kellna t-tiġdid tal-voti. Meta konna qomna mill-ġinokkjaturi u bdejna nirreċitaw il-formola biex nagħmlu l-voti, Ġesu’ deher f’daqqa maġenbi liebes libsa bajda b’ċinglu tad-deheb madwar qaddu u qalli, Jiena nagħtik imħabba eterna sabiex is-safa tiegħek qatt ma tittebba’ u bħala sinjal inti qatt ma tkun suġġetta għal tentazzjonijiet kontra s-safa. Ġesu’ ħall iċ-ċinglu tiegħu tad-deheb u rabtu madwar qaddi.

Minn dak iż-żmien ‘il hawn jiena qatt ma kelli l-ebda esperjenza ta’ attakki kontra din il-virtu’, kemm f’qalbi kif ukoll f’moħħi. Wara jiena fhimt li din kienet waħda mill-ikbar grazzji li l-Verġni Marija l-iktar Imbierka kienet akkwistat għalija, minħabba li kont ili għal ħafna snin nitlobha din il-grazzja. Minn dak iż-żmien ‘il hawn bdejt inħoss devozzjoni dejjem akbar lejn l-Omm ta’ Alla. Hija għallmitni kif għandi nħobb lil Alla ġewwa fija u wkoll kif għandi nagħmel ir-rieda mqaddsa Tiegħu f’kollox. O Marija, Int ferħ, għaliex permezz Tiegħek Alla niżel f’din id-dinja ġewwa qalbi.

Djarju ta’ Swor Fawstina – L-1 Pitazz (par.21-30)

L-Ewwel Pitazz – Paragrafi 21-30

stfaustinakowalska3

21. Spiċċa ż-żmien tiegħi bħala postulanta (29 ta’ Awissu 1926). Is-Superjuri tiegħi (probabilment Madre Leonard u Madre Jane (nota9)) bagħtuni fin-novizzjat fi Krakovja. Ferħ li qatt ma stajt nobsru kien qiegħed isaltan f’ruħi. Meta wasalna fin-novizzjat, kienet qiegħda tmut Swor (Henry)(nota10). Fitit ġranet wara hija ġiet għandi (fl-ispirtu, wara l-mewt tagħha) u qaltli mmur għand il-Madre Direttriċi tan-Novizzi (Swor Margaret)(nota11) u ngħidilha titlob lill-konfessur tagħha, Dun Rospond(nota12), joffri Quddiesa waħda għaliha u tliet ġakulatorji. Għall-ewwel jien għidt iva għal din il-ħaġa, imma l-għada ddeċidejt li ma mmurx għand il-Madre Direttriċi, għaliex ma kontx ċerta jekk dan kienx ġara f’ħolma jew fir-realta’. U għalhekk jiena ma mortx.

Il-lejl ta’ wara reġgħet irrepetiet ruħha l-istess ħaġa b’mod iktar ċar, jiena ma kellix dubju iżjed. Madankollu, xorta waħda filgħodu jiena ddeċidejt li ma kontx ser ngħid lid-Dirrettriċi b’din il-ħaġa jekk ma kontx ser naraha (lil Swor Henry) matul il-ġurnata. Dlonk iltqajt magħha fil-kuritur. Hija ċanfritni għax ma kontx mort mill-ewwel, u ruħi ma setgħetx issib mistrieħ bl-ebda mod. Jiena għalhekk mill-ewwel mort għand il-Madre Direttriċi u għidtilha kulma kien ġrali. Il-Madre weġbitni li kienet sejra tieħu ħsieb din il-ħaġa. Dlonk il-paċi saltnet f’ruħi, u fit-tielet jum din is-soru ġiet għandi u qaltli: “Alla jpattilek.”

22. Fil-jum li fih jiena ħadt il-libsa (ta’ Soru)(nota13), Alla ppermettieli nifhem kemm kelli nbati. Rajt b’mod ċar għalxiex kont dħalt. Għal waqt wieħed kelli esperjenza ta’ dik it-tbatija. Imma mbagħad Alla reġa’ mlieli ruħi b’konsolazzjonijiet kbar.

23. Għall-aħħar tal-ewwel sena tan-novizzjat tiegħi, id-dlam beda jifrex id-dell tiegħu fuq ruħi. Ma ħassejt l-ebda konsolazzjoni fit-talb; kelli nagħmel sforz kbir fil-meditazzjoni; beda jaħkimni l-biża’. Bdejt nidħol iktar fil-fond ġewwa fija stess; u ma stajt insib xejn ħlief miżerja kbira. Stajt nara wkoll b’mod ċar il-qdusija kbira ta’ Alla. Ma kellix ħila nerfa’ għajnejja lejh, imma għamilt lili nnifsi bħal trab taħt saqajh u bdejt nittallab għall-ħniena. Ruħi baqgħet f’dan l-istat għal kważi sitt xhur. Il-Madre Direttriċi maħbuba tagħna (Mary Joseph)(nota14) għamlitli l-kuraġġ f’dawn il-mumenti diffiċli. Imma din it-tbatija baqgħet dejjem tiżdied bil-qawwa tagħha.

Kienet riesqa t-tieni sena tan-novizzjat. Kull meta bdejt niftakar li kelli nieħu l-voti, ruħi kienet tirtogħod bil-biża’. Ma bdejtx nifhem x’kont qiegħda naqra; ma stajtx nimmedita’; deherli li t-talb tiegħi ma kienx qiegħed jogħġob lil Alla. Deherli li, meta kont nersaq lejn is-Sagramenti Mqaddsa, kont inkun qiegħda noffendi lil Alla iżjed u iżjed. Imma minkejja dan, il-konfessur tiegħi (Dun Theodore)(nota15) ma ppermettilix nitlef lanqas tqarbina waħda. Alla kien qiegħed jaħdem b’mod stramb ħafna ġewwa ruħi. Ma stajt nifhem xejn minn dak li kien qiegħed jgħidli l-konfessur tiegħi. Il-veritajiet sempliċi tal-fidi saru għalija affarijiet li jiena ma stajtx nifhimhom. Ruħi kienet imdejjqa, u ma stajt insib faraġ imkien.

Kien hemm waqt meta kelli impressjoni qawwija ħafna li Alla kien warrab wiċċu minni. Dan il-ħsieb terribli nifed lil ruħi minn barra sa ġewwa; f’nofs din it-tbatija ruħi bdiet tħoss l-esperjenza tal-agunija tal-mewt. Ridt immut imma ma stajtx. Ġieni l-ħsieb: x’jiswa li wieħed jipprova jkollu l-virtujiet; għalfejn għandu wieħed jimmortifika lilu nnifsu jekk dan kollu ma jogħġobx lil Alla? Meta għarraft b’dan lid-Direttriċi tan-Novizzi, rċevejt din it-tweġiba, “Kun af, għażiża oħti, li Alla għażlek għall-qdusija kbira. Dan huwa sinjal li Alla jridek tkun qrib Tiegħu ħafna fil-Ġenna. Għandu jkollok fiduċja kbira fil-Mulej Ġesu’.”

Dan il-ħsieb terribli li Alla ma jridx jaf iżjed bik hu fil-fatt, it-tortura li l-erwieħ ikkundannati għall-infern isofru. Jiena mort niġri għand il-Pjagi ta’ Ġesu’ u rrepetejt il-kliem ta’ fiduċja, imma dan il-kliem sar għalija tortura iżjed kbira. Mort quddiem is-Sagrament Imqaddes, u bdejt nitkellem ma’ Ġesu’: “Ġesu’, Inti għidt li hi iktar possibbli li omm tinsa lit-tarbija tagħha milli Alla jinsa l-kreatura Tiegħu, u li anke jekk hija tinsa lit-tarbija tagħha, Jiena, Alla, qatt ma sejjer ninsa lill-kreatura tiegħi. O Ġesu’, qiegħed tisma’ kif qiegħda tokrob ruħi? Indenja ruħek tisma’ l-krib mimli wġigħ ta’ bintek. Jiena nafda fik. O Alla, għaliex is-smewwiet u l-art jgħaddu, imma kelmtek tibqa’ għal dejjem.” Pero’ xorta waħda ma sibt lanqas mument wieħed serħan.

24. Darba, malli qomt, fil-waqt li kont qegħidt lili nnifsi fil-preżenza ta’ Alla, f’daqqa waħda ħakmitni għal kollox id-disperazzjoni. Dalma perfetta fir-ruħ. Iġġilidtilha mill-aħjar li stajt sa nofs in-nhar. Wara nofs inhar, beżgħat li verament iwasslu għall-mewt bdew jagħmlu għalija; is-saħħa fiżika tiegħi bdiet tħallini. Mort niġri fiċ-ċella tiegħi, intfajt għarkobbtejja quddiem il-Kurċifiss u bdejt nibki u ngħajjat għall-ħniena. Imma Ġesu’ ma semax l-għajjat tiegħi. Ħassejt is-saħħa fiżika tiegħi tħallini kompletament. Waqajt fl-art, filwaqt li d-disperazzjoni mliet kull rokna ta’ ruħi. Sofrejt torturi terribli li bl-ebda mod ma kienu differenti mit-torturi tal-infern. Bqajt f’dan l-istat għal tliet kwarti. Ridt immur nara lid-Direttriċi, imma kont qiegħda nħossni bla ebda saħħa. Ridt ngħajjat imma ma kellix vuċi. B’xorti tajba, waħda mis-sorijiet (novizza oħra, Swor Plaċida Putyra) daħlet fiċ-ċella tiegħi.. Meta sabitni f’dik il-kundizzjoni hekk stramba dlonk għarrfet lid-Direttriċi b’dan. Il-Madre ġiet mill-ewwel. Malli daħlet fiċ-ċella hija qalet: “F’isem l-ubbidjenza qaddisa, (nota16) qum mill-art.” F’daqqa waħda qawwa barranija refgħatni mill-art u qomt bil-wieqfa, qrib l-għażiża Madre Direttriċi. Bi kliem mimli tjubija, hija bdiet tispjegali li din kienet prova li Alla bagħtli u qaltli: “Għandu jkollok fiduċja kbira; Alla dejjem hu Missierna, ukoll meta jibgħatilna l-provi.”

Erġajt lura għad-dmirijiet tiegħi qisni waħda li kont ħriġt mill-qabar, bis-sensi tiegħi mimlijin esperjenza li r-ruħ tiegħi kienet għaddiet minnha. Matul is-servizz ta’ filgħaxija, ruħi reġgħet bdiet tagunizza f’dalma terribli. Jiena ħassejtni li kont taħt il-ħakma ta’ Alla l-Ġust – l-oġġett tal-korla Tiegħu. Waqt dawn il-mumenti terribli jiena għidt lil Alla: “Ġesu’, Int li fl-Evanġelu xebbaħt lilek innifsek ma’ omm l-iżjed ħelwa (nota17), jiena nafda fil-kliem Tiegħek għaliex Inti l-verita’ u l-ħajja. Minkejja kollox, Ġesu’, jiena nafda fik meta jkolli nissara ma’ kull sentiment ġewwa fija li jeħodha kontra t-tama. Agħmel bija dak li trid; jiena qatt ma ser inħallik, għax inti l-għajn tal-ħajja tiegħi.” Huwa biss xi ħadd li għex mumenti bħal dawn li jista’ jifhem kemm hu terribli dan it-turment fir-ruħ.

25. Bil-lejl, ġiet iżżurni l-Omm ta’ Alla, bil-Bambin Ġesu’ f’dirgħajha. Ruħi mtliet bil-ferħ, u jiena għidt, “Marija, Ommi Inti taf b’liema mod terribli jiena qiegħda nbati?” U l-Omm ta’ Alla weġbitni: “Jiena naf kemm qiegħda tbati, imma tibżax. Jiena qiegħda naqsam miegħek fit-tbatija tiegħek, u dan nibqa’ nagħmlu.” Hija tatni tbissima ta’ mħabba u għebet minn quddiemi. F’daqqa waħda saħħa u kuraġġ kbir reġgħu nibtu mill-ġdid ġewwa ruħi; imma dan kompla jseħħ għal ġurnata waħda biss. Donnu l-infern kien qiegħed jikkonfoffa kontrija. Mibgħeda terribbli bdiet tfeġġ ġewwa ruħi, mibgħeda għal dak kollu li hu qaddis u divin. Bdejt inqis li dawn it-turmenti spiritwali kellhom ikunu xortija għall-bqija ta’ ħajti. Dort lejn is-Sagrament Imqaddes u għidt lil Ġesu’: “Ġesu’, Għarus tiegħi, m’intix qiegħed tara li ruħi qiegħda tmut minħabba ix-xewqa li għandha għalik? Kif tista’ tinħeba minn qalb li tħobbok b’mod hekk sinċier? Aħfirli, Ġesu’,tkun magħmula r-rieda qaddisa Tiegħek fija. Jien ser inbati fis-skiet bħal ħamiema, mingħajr tgergir. Ma jiena sejra nippermetti lil qalbi lanqas għajta waħda ta’ tgergir u ta’ dwejjaq.”

26. Spiċċa n-novizzjat. It-tbatija ma naqsitx. Nuqqas ta’ saħħa fiżika tani d-dispensa mill-eżerċizzi spiritwali kollha (tal-komunita’); jiġifieri, ħa posthom talb ta’ ġakulatorji qosra. Fil-jum tal-Ġimgħa l-Kbira (16 ta’ April 1928) – Ġesu’ qabad il-qalb tiegħi u poġġieha ġewwa l-istess fjamma ta’ mħabbtu. Dan ġara waqt l-adorazzjoni ta’ filgħaxija. F’daqqa waħda, il-Preżenza Divina mlietni, u jiena nsejt kollox. Ġesu’ tani x’nifhem kemm kien bata Hu għalija. Din il-ħaġa seħħet għall-żmien qasir ħafna. Xenqa kbira u qawwija – xenqa li nħobb lil Alla.

27. L-ewwel voti. (L-ewwel professjoni ta’ voti temporanji, 30 ta’ April, 1928). Xewqa mħeġġa li nisvojta lili nnifsi għal Alla permezz ta’ mħabba attiva imma mħabba li ħadd ma jinduna biha, ukoll dawk is-sorijiet l-iktar qrib tiegħi. Imma wkoll wara l-voti, id-dalma kompliet issaltan f’ruħi għal kważi sitt xhur. Darba, waqt li kont qiegħda nitlob, ruħi mtliet b’Ġesu’, id-dalma nħallet u għebet, u ġewwa fija smajt dan il-kliem: Int l-ferħ Tiegħi; Inti l-hena ta’ Qalbi. Minn dak il-waqt, ħassejt is-Santissima Trinita’ ġewwa l-qalb tiegħi; jiġifieri, ġewwa fija stess. Ħassejtni mgħarrqa fid-dawl Divin. Minn dak iż-żmien, ruħi baqgħet f’għaqda intimita’ ma’ Alla, bħal tifla mal-Missier maħbub tagħha.

28. Darba Ġesu’ qalli, Mur għand il-Madre Superjura (probabilment Madre Raphael)(nota18) u itlobha tħallik tilbes ċilizju għal sebat ijiem, u darba kull lejl inti għandek tqum u tiġi fil-kappella. Jiena għidt iva, imma sibt ċerta diffikulta’ biex immur għand is-Superjura. Filgħaxija Ġesu’ staqsieni, Kemm ser iddum tħalliha għal darb’oħra? Iddeċidejt li ngħid lill-Madre Superjura l-ewwel darba stess li naraha.

L-għada filgħodu qabel nofs inhar rajt lill-Madre Superjura sejra r-refettorju u, peress li l-kċina, ir-refettorju u l-kamra żgħira ta’ Swor Aloysia jinsabu lkoll qrib ta’ xulxin, jiena tlabt lill-Madre Superjura biex tidħol fil-kamra ta’ Swor Aloysia u għidtilha bix-xewqa tal-Mulej Ġesu’. Meta saret taf b’dan, il-Madre wieġbet: “Ma nagħtikx ebda permess tilbes l-ebda ċilizju. Assolutament le! Li kieku l-Mulej Ġesu’ kellu jagħtik is-saħħa ta’ koloss, imbagħad nippermettilek dawk il-mortifikazzjonijiet.”

Jien tlabt skuża lill-Madre talli ħadtilha l-ħin tagħha u tlaqt ‘l barra mill-kamra. F’dak il-waqt rajt lil Ġesu’ wieqaf fil-bieb tal-kċina, u għidtlu, “Inti ordnajtli nitlob għal dawn il-mortifikazzjonijiet, imma l-Madre Superjura ma tridx tagħtini l-permess.” Ġesu’ qalli, Jiena kont hawn waqt il-konverżazzjoni tiegħek mas-Superjura u naf kollox. Jiena minix qiegħed nitlob mortifikazzjoni mingħandek imma ubbidjenza. Permezz tal-ubbidjenza, inti Lili tagħtini glorja kbira u takkwista mertu għalik.

29. Waħda Madre (probabilment Madre Jane), meta saret taf bir-relazzjoni intima’ tiegħi mal-Mulej Ġesu’, qaltli li żgur kont qiegħda nqarraq bija nnifsi. Hija qaltli li l-Mulej Ġesu’ jissieħeb b’dan il-mod mal-qaddisin biss u mhux ma’ erwieħ midinbin “bħalek, oħti!” Wara li qaltli hekk, qisni ma bdejtx nafdah lil Ġesu. F’waħda mill-konverżazzjonijiet tiegħi Miegħu, filgħodu, jiena għidtlu, “Ġesu’, Inti xi illużjoni?” Ġesu’ weġibni, Imħabbti ma tidħak b’ħadd.

30. Darba kont qiegħda naħseb fuq it-Trinita’ Qaddisa, fuq l-essenza ta’ Alla. Ridt inkun naf għal kollox u ngħarbel u nifhem min hu Alla …F’waqt wieħed l-ispirtu tiegħi nqabad f’dik li dehret li kienet d-dinja l-oħra. Rajt dawl li ħadd ma jista’ jilħqu, u f’dan id-dawl dawk li dehru li huma tliet għejun ta’ dawl li jiena ma stajtx nifhimhom. U minn dak id-dawl ħareġ kliem f’forma ta’ beraq li dawwar is-sema u l-art. Għax ma fhimt xejn, ħassejtni qalbi sewda ħafna. F’daqqa waħda, minn dan il-baħar ta’ dawl li ħadd ma jista’ jilħqu ġie s-Salvatur l-iżjed maħbub tagħna, sabiħ bil-Pjagi mdawwlin Tiegħu, sbuħija li ma tistax titfisser bil-kliem. U minn dan id-dawl ħarġet vuċi li qalet, Min hu Alla fl-Essenza Tiegħu, ħadd ma jista’ jgħarbel jew jifhem, la l-moħħ tal-Anġli u lanqas tal-bnedmin. Ġesu’ qalli, Kun af lil Alla permezz tal-kontemplazzjoni tal-attributi Tiegħu. Mument wieħed wara, Huwa għamel is-sinjal tas-Salib b’idu u għeb.

Djarju ta’ Swor Fawstina – L-1 Pitazz (par.11-20)

L-Ewwel Pitazz – Paragrafi 11-20

Faustina-283x425

11. Malli nżilt mit-tren u rajt lil kulħadd ġej u sejjer għall-affari tiegħu, għelibni l-biża’. X’ser nagħmel? Lejn min ser indur, billi ma kont naf lil ħadd? Għalhekk, jien għidt lil Omm Alla, “Marija, mexxini, iggwidani.” F’daqqa waħda, smajt dan il-kliem ġewwa fija jgħidli nitlaq mill-belt u mmur f’ċertu villaġġ fil-qrib fejn kelli nsib alloġġ tajjeb għal-lejl. Hekk għamilt u fil-fatt sibt li kollox kien preċiż bħalma kienet qaltli Omm Alla.

12. L-għada kmieni ħafna jiena vvjaġġajt lura lejn il-belt u dħalt fl-ewwel knisja li rajt (il-Knisja ta’ San Ġakbu fi Triq Grojecka f’Ochota, subborg ta’ Varsavja). Hemmhekk bdejt nitlob sabiex inkun naf iżjed x’inhi r-rieda ta’ Alla. Kien hemm il-quddies, waħda wara l-oħra. Waqt waħda minnhom jiena smajt il-kliem: Mur għand dak il-qassis (Dun James Dabrowski, kappillan tal-parroċċa ta’ San Ġakbu) u għidlu kollox; huwa jgħidlek x’għandek imbagħad tagħmel. X’ħin spiċċat il-Quddiesa, jiena dħalt fis-sagristija. Jiena għidt lill-qassis dak kollu li kien ġara ġewwa ruħi, u tlabtu jagħtini parir fejn nista’ nidħol soru, f’liema ordni reliġjuża.

13. Għall-ewwel il-qassis kien sorpriż, imma qalli li għandu jkolli fiduċja qawwija li Alla kien ser jipprovdi għall-ġejjieni tiegħi. “Għalissa,” huwa qal, “jiena ser nibgħatek għand waħda sinjura twajba (Aldona Lipszycowa) (nota4) u inti oqgħod għandha sakemm tidħol fil-kunvent.” Meta mort għand is-sinjura laqgħetni b’ġentilezza kbira. Waqt li kont noqgħod għandha, kont qiegħda nfittex kunvent, imma kull fejn ħabbatt bieb ta’ kunvent, ma laqgħunix u reġgħu bagħtuni lura. Qalbi kienet mimlija dwejjaq, u jiena għidt lill-Mulej Ġesu’, “Għinni; tħallinix waħdi.” Fl-aħħar ħabbatt fuq il-bieb tagħna. (nota5)

14. Meta l-Madre Superjura, il-Madre Ġenerali preżenti Michael (nota6), ħarġet tilqagħni – wara konverżazzjoni qasira, qaltli mmur għand is-Sinjur tad-dar u nistaqsih jekk jaċċettanix. Jiena fhimt mill-ewwel li kelli nistaqsi din il-ħaġa lill-Mulej Ġesu’, B’ferħ kbir, mort fil-kappella u saqsejt lil Ġesu’: “Sid ta’ din id-dar, Int taċċettani? Hekk qaltli npoġġilek il-mistoqsija waħda minn dawn is-sorijiet.”

F’daqqa waħda jien smajt din il-vuċi: Dan żgur li Jiena naċċetta; inti qiegħda ġewwa Qalbi. Meta ġejt lura mill-kappella, il-Madre Superjura staqsietni qabel kollox: “Mela, is-Sinjur aċċettak?” Jiena weġibt: “Iva”. (Hija qaltli) “Jekk is-Sinjur aċċetta, mela jiena wkoll naċċetta.”

15. U hekk jiena ġejt aċċettatta. Imma għal ħafna raġunijiet kelli nibqa’ fid-dinja għal iktar min sena ma’ dik il-mara twajba (Aldona Lipszycowa), iżda ma rġajtx mort lura fid-dar tiegħi stess.

F’dak iż-żmien jiena kelli nitqabad ma’ ħafna diffikultajiet, imma Alla kien ġeneruż ħafna miegħi bil-grazzji tiegħu. Xewqa dejjem tiżdied għal Alla bdiet taħkimni. Is-sinjura, għalkemm ruħ tajba, ma setgħetx tifhem il-ferħ tal-ħajja reliġjuża u, bil-qalb tajba tagħha bdiet tagħmel pjanijiet oħra għall-ġejjieni tiegħi. Imma, jiena kont qiegħda inħoss li kelli qalb hekk kbira li xejn ma kien ser ikun jista’ jimlieha. U għalhekk jiena dort bix-xewqa kollha tar-ruħ tiegħi lejn Alla.

16. Kien waqt l-ottava ta’ Corpus Christi (25 ta’ Ġunju 1925). Alla mlieli ruħi bid-dawl interjuri ta’ għarfien iktar fil-fond Tiegħu bħala Tjubija Suprema u Sbuħija Suprema. Sirt naf kemm Alla jħobbni. Ma tintemm qatt l-imħabba Tiegħu għalija. Kien waqt il-vespri. Bi kliem sempliċi, li ħareġ bla ebda sforz mill-qalb, jiena għamilt vot ta’ kastita’ perpetwa lil Alla. Minn dak il-waqt jien ħassejt intimita’ ikbar ma’ Alla, l-Għarus tiegħi. Minn dak il-waqt jien għamilt ċella żgħira ġewwa qalbi fejn dejjem żammejt kumpanija lil Ġesu’.

17. Sa fl-aħħar wasal iż-żmien meta nfetaħ għalija l-bieb tal-kunvent- kien l-1 ta’ Awissu (1925), filgħaxija, lejliet il festa tal-Madonna tal-Anġli. Ħassejtni ferħana rrid intir; donni kont dħalt fil-ħajja tal-Ġenna. Talba waħda kienet ħierġa bil-qawwa minn qalbi, waħda ta’ radd il-ħajr.

18. Imma wara tliet ġimgħat ndunajt li hawnhekk hawn ftit wisq ħin għat-talb u nbaħt b’ħafna affarijiet oħrajn li kienu qegħdin iħejju lil ruħi biex nidħol f’komunita’ reliġjuża li tkun iktar stretta. Dan il-ħsieb ħakem lir-ruħi sewwa, imma r-rieda ta’ Alla ma kenitx fih. Xorta waħda, il-ħsieb, jew aħjar it-tentazzjoni, kompla jikber u jikber u wasal il-punt fejn, jum fost l-oħrajn, iddeċidejt li ngħarraf bit-tluq tiegħi lill-Madre Superjura u nitlaq mill-kunvent darba għal dejjem. Imma Alla poġġa ċ-ċirkustanza hekk li ma stajtx nsib lill-Madre Superjura (Michael). Qabel ma dħalt fis-sodda dħalt fil-kappella ż-żgħira (nota7), u tlabt lil Ġesu’ sabiex ikun Hu li jagħtini d-dawl f’din il-ħaġa. Imma ma rċevejt xejn f’ruħi ħlief li ma stajtx noqgħod bi kwieti; ħaġa stramba li ma stajtx nifhimha. Imma minkejja kollox, iddeċidejt li nfittex lill-Madre Superjura l-għada filgħodu dlonk wara l-Quddiesa u ngħidilha bid-deċiżjoni li kont ħadt.

19. Wasalt fiċ-ċella tiegħi. Is-sorijiet kienu diġa’ fis-sodda – kienu tfew id-dawl. Jiena dħalt fiċ-ċella mimlija dieqa u dwejjaq; ma kontx naf x’ser naqbad nagħmel bija nnifsi. Intfajt għal tuli fl-art u bdejt nitlob bil-ħerqa sabiex insir naf x’inhi r-rieda ta’ Alla. Ħemda kullimkien bħal ġewwa t-tabernaklu. Is-sorijiet kollha kienu qegħdin jistrieħu bħal ostji bojod magħluqin fil-kalċi ma’ Ġesu’. Miċ-ċella tiegħi biss Alla seta’ jisma’ t-tnehid ta’ ruħ. Jiena ma kontx naf li ma kienx suppost titlob fiċ-ċella mingħajr permess wara d-disgħa. (nota8)

Ftit wara , dija mliet iċ-ċella tiegħi, u fuq il-purtiera jiena rajt wiċċ Ġesu’ mnikket ħafna. Kien hemm ġrieħi miftuħin fuq Wiċċu, u dmugħ kbir kien nieżel fuq il-gverta. Ġaladarba ma kontx naf x’kien ifisser dan kollu, jien staqsejt lil Ġesu’: “Ġesu’ min weġġgħek daqshekk?” U Ġesu’ qalli: Ser tkun int li tikkaġunali dan l-uġigħ jekk inti tħalli dan il-kunvent. Jiena għal hawn sejjaħtlek u għal imkien iżjed; u Jiena ħejjejt ħafna grazzji għalik. Tlabt lil Ġesu’ jiskużani u dlonk biddilt id-deċiżjoni tiegħi.

Il-jum ta’ wara kien jum il-qrar. Jiena tgħarraft lill-konfessur dak kollu li kien ġara ġewwa r-ruħ tiegħi, u l-konfessur wieġeb li, minn dan, ir-rieda ta’ Alla kienet ċara li jiena kelli nibqa’ f’din il-kongregazzjoni u li jiena lanqas biss ma kelli naħseb f’ordni reliġjuża oħra. Minn dak il-waqt ‘il quddiem, dejjem ħassejtni ferħana u kuntenta.

20. Ftit wara, ħassejtni marida (għeja ġenerali). L-għażiża Madre Superjura bagħtitni flimkien ma’ żewġ sorjiet oħra għal ftit mistrieħ fi Skolimow, mhux bogħod minn Varsavja. Kien f’dak iż-żmien li jiena tlabt lill-Mulej jurini għal min iktar kelli nitlob. Ġesu’ qalli li, fil-lejl ta’ wara, Huwa kellu jgħarrafni għal min kelli nitlob.

(Il-lejl ta’ wara) jiena rajt l-Anġlu Kustodju tiegħi, li ordnali nimxi warajh. F’mument wieħed sibt ruħi f’post mimli ċpar u nar fejn kien hemm folla kbira ta’ erwieħ qegħdin ibatu. Kienu qegħdin jitolbu bil-ħeġġa, imma bl-ebda siwi, għalihom stess; aħna biss nistgħu ngħinuhom. Il-fjammi li kienu jaħarquhom lili ma missewnix. L-Anġlu Kustodju tiegħi ma telaqnix fl-ebda waqt. Jiena staqsejt lil dawn l-erwieħ x’kienet l-ikbar sofferenza tagħhom. B’vuċi waħda huma weġbuni li l-ikbar turment tagħhom kien ix-xewqa kbira tagħhom għal Alla. Rajt lill-Madonna żżur l-erwieħ fil-Purgatorju. L-erwieħ isejħulha ‘Il-Kewkba tal-Baħar’. Hija ġġibilhom is-serħan. Jiena ridt inkompli nitkellem magħhom iktar, imma l-Anġlu Kustodju tiegħi sejjaħli biex nitlaq. Aħna ħriġna minn dak il-ħabs ta’ tbatija. (Smajt vuċi nterna) tgħid: Il-ħniena Tiegħi dan ma tridux, imma l-ġustizzja hekk titlob. Minn dak iż-żmien ‘il hawn, jiena ninsab f’għaqda iktar mill-qrib ma’ l-erwieħ li qedgħin ibatu.