Djarju ta’ Swor Fawstina – L-1 Pitazz (par.301-310)

L-Ewwel Pitazz – Paragrafi 301-310

eccb286c0c68c5a4796d65658d433e50

301. Xandar li l-ħniena hija l-ikbar attribut ta’ Alla. Il-ħidmiet ta’ idejja huma nkurunati bil-ħniena.

302. + O Mħabba Eterna, jiena rrid li l-erwieħ kollha li Int ħlaqt isiru jafuk. Nixtieq kieku nkun saċerdot, għax kieku kont inkellem bla waqfien fuq l-ħniena Tiegħek lill-erwieħ midinbin li jinsabu mgħarrqin fid-disperazzjoni. Nixtieq inkun missjunarju u nġorr id-dawl tal-fidi lin-nazzjonijiet mhux ċivilizzati sabiex l-erwieħ isiru jafuk, u li nkun ikkunsmata kollni kemm jiena għalihom u mmut mewta ta’ martri, bħalma Inti mitt għalihom u għalija. O Ġesu’, jiena naf wisq tajjeb li nista’ nkun saċerdot missjunarju predikatur, u li nista’ mmut mewta ta’ martri jekk niżvojta lili nnifsi għal kollox u niċħad lili nnifsi għall-imħabba Tiegħek, Ġesu’, u tal-erwieħ immortali.

303. Imħabba kbira tista’ tbiddel affarijiet żgħar f’affarijiet kbar, u hija l-imħabba biss li tagħti valur lill-azzjonijiet tagħna. U iktar ma tissaffa l-imħabba tagħna, ikun hemm inqas affariijiet ġewwa fina li bihom jistgħu jitkebbsu l-fjammi tat-tbatija, u t-tbatija ma tibqax tbatija għalina, issir għaxqa! Bil-grazzja ta’ Alla, jiena rċevejt dispożizzjoni bħal din ġewwa qalbi li qatt ma nkun daqshekk kuntenta bħalma meta jiena nbati għal Ġesu’, li jiena nħobbu b’kull taħbita ta’ qalbi.

Darba meta kont qiegħda nbati ħafna, tlaqt xogħli u ħrabt għal għand Ġesu’ u tlabtu jagħtini s-saħħa Tiegħu. Wara talba qasira ħafna mort lura fuq xogħli mimlija entużjażmu u ferħ. Imbagħad, waħda mis-sorijiet (aktarx Swor Justine) qaltli, “Illum għandek ħafna konsolazzjonijiet, Sor, tidher tarmi l-ferħ. Alla żgur mhux jagħtik tbatija, imma konsolazzjonijiet biss.” “Għandek żball kbir, Sor”, weġibt jiena, “għax preċiżament meta jiena nkun qiegħda nbati ħafna li l-ferħ tiegħi jikber; u meta nbati inqas; jonqos ukoll il-ferħ tiegħi.” Imma dik ir-ruħ kienet qiegħda turini li ma kenitx qed tifhem x’kont qiegħda ngħid. Ippruvajt infhemha li, meta aħna nbatu ħafna, ikollna ċans kbir nuru lil Alla kemm inħobbuh; imma meta nbatu ftit, ikollna inqas okkażjoni nuru lil Alla mħabbtina; u meta ma nbatu xejn, imħabbitna la tkun kbira u lanqas safja. Bil-grazzja ta’ Alla, nistgħu nilħqu punt fejn it-tbatija issir għaxqa f’għajnejna, għax l-imħabba tista’ tagħmel dawn l-affarijiet possibli f’erwieħ safja.

304. + O Ġesu’ tiegħi, it-tama waħda tiegħi, grazzi għall-ktieb li Inti ftaħtli quddiem l-għajnejn ta’ ruħi. Dak il-ktieb hu l-Passjoni Tiegħek li Inti għaddejt minnha għax Inti tħobbni. Huwa minn dan il-ktieb li jiena tgħallimt kif għandi nħobb lil Alla u lill-erwieħ. F’dan il-ktieb aħna nsibu teżori bla għadd. O Ġesu’ kemm huma ftit l-erwieħ li jifhmuk fil-martirju Tiegħek ta’ mħabba! Kemm hu kbir in-nar ta’ mħabba l-iżjed safja li hemm taqbad fil-Qalb Mqaddsa Qaddisa Tiegħek! Imbierka r-ruħ li waslet li tifhem l-imħabba tal-Qalb ta’ Ġesu’!

305. Hija l-ikbar xewqa tiegħi li l-erwieħ jagħrfuk bħala l-ferħ etern tagħhom, li huma jaslu li jemmnu fit-tjubija Tiegħek u jigglorifikaw il-ħniena nfinita’ Tiegħek.

306. Jiena tlabt lill-Mulej jagħtini l-grazzja li n-natura tiegħi tkun kapaċi tirreżisti l-qawwiet li xi drabi jippruvaw jiġbduni ‘l bogħod mill-ispirtu tar-regola tagħna u mir-regoli inqas importanti. Dawn id-difetti ċkejknin huma bħal kamla żgħira li tipprova teqred il-ħajja spiritwali minn ġewwa fina, u żgur teqridha jekk r-ruħ ma tintebaħx b’dawn id-difetti żgħar u tibqa’ ma tagħtix kashom għax huma affarijiet żgħar. Jiena ma nista’ nara xejn li hu żgħir fil-ħajja reliġjuża. Hija ħaġa żgħira li jiena xi drabi inkun vittma ta’ nkejja u żufjett, sakemm l-ispirtu tiegħi jibqa’ f’armonija mal-ispirtu tar-regoli, il-voti u l-istatuti reliġjużi.

O Ġesu’ tiegħi, għaxqa ta’ qalbi, Inti taf jien x’nixtieq. Li kont nista’, ninħeba minn għajnejn in-nies sabiex inkun bħal xi ħadd li hu ħaj u fl-istess ħin mhux ħaj. Irrid ngħix safja bħal fjura selvaġġa; irrid li mħabbti tkun indirizzata dejjem lejk, bħalma fjura dejjem iddur max-xemx. Irrid li l-fwieħa u l-ħajja friska tal-fjura ta’ qalbi tkun dejjem ippreservata għalik biss. Irid ingħix taħt il-ħarsa divina Tiegħek, għaliex Int biss biżżejjed għalija. Meta jiena nkun miegħek, Ġesu’ ma nibża’ minn xejn, għax xejn ma jista’ jagħmili ħsara.

307. + 1934 Darba waqt ir-Randan, rajt dawl kbir u dalma kbira fuq id-dar u l-kappella. Rajt it-taqbida bejn dawn iż-żewġ setgħat…

308. Ħamis ix-Xirka. Ġesu’ qalli, Jiena nixtieq li inti tagħti lilek innifsek għall-midinbin u l-aktar għal dawk l-erwieħ li tilfu t-tama fil-ħniena ta’ Alla.

Alla u l-erwieħ. Att ta’ Vittma

309. Quddiem is-sema u l-art, quddiem il-kori kollha tal-Anġli, quddiem l-Imqaddsa Verġni Marija, quddiem il-Qawwiet kollha tas-Sema, jiena niddikjara, lil Alla wieħed fi tliet persuni, li llum f’għaqda ma’ Ġesu’ Kristu, Feddej tal-erwieħ, jiena minn rajja noffri lili nnifsi għall-konverżjoni tal-midinbin, l-aktar għal dawk l-erwieħ li tilfu t-tama fil-ħniena ta’ Alla. Din l-offerta tikkonsisti filli jiena naċċetta b’att ta’ sottomissjoni sħiħa għar-rieda ta’ Alla, it-tbatijiet kollha, il-beżgħat u t-terruri li bihom huma mimlijin l-midinbin. Minflok dawn, jiena nagħtihom il-konsolazzjonijiet kollha li ruħi tirċievi mill-għaqda tiegħi ma’ Alla. F’kelma waħda, jiena noffri kollox għalihom: il-quddies, Tqarbin, penitenzi, mortifikazzjonijiet, talb. Ma nibżax mid-daqqiet, id-daqqiet tal-ġustizzja divina, għax jiena maqgħuda ma’ Ġesu’. O Alla tiegħi, b’dan il-mod irrid inpattilek għall-erwieħ li ma jafdawx fit-tjubija Tiegħek. Jiena nittama kontra kull tama fl-oċejan tal-ħniena Tiegħek. Mulej tiegħi, u Alla tiegħi, sehmi – sehmi għal dejjem, jiena ma nibbażax dan l-att ta’ vittma fuq is-saħħa tiegħi stess, imma fuq is-saħħa li toħroġ mill-merti ta’ Ġesu’ Kristu. Kuljum ser nirrepeti dan l-att ta’ vittma tiegħi nnifsi billi ngħid it-talba li ġejja li Inti stess għallimtni, Ġesu’:

“O Demm u Ilma li ħriġtu mill-Qalb ta’ Ġesu’ bħala għajn ta’ ħniena għalina, jiena nafda Fik!”

Swor M. Fawstina tas-Sagrament Imqaddes.
Ħamis ix-Xirka, waqt il-Quddiesa, 29 ta’ Marzu 1934.

310. Jiena qiegħed nagħtik sehem fil-fidwa tal-umanita’. Inti faraġ fis-siegħa tal-mewt Tiegħi.