Djarju ta’ Swor Fawstina – L-1 Pitazz (par.251-260)

L-Ewwel Pitazz – Paragrafi 251-260

Capture

251. Wara l-voti perpetwi, bqajt Krakovja matul ix-xahar ta’ Mejju, għax ma ddeċidewx jekk kellix immur Rabka jew Vilnius. Darba l-Madre Ġenerali (Michael) staqsietni: “Għaliex qiegħda hawn bi kwietek u m’intix qiegħda tlesti sabiex tmur x’imkien, Sor?” Jiena weġibt: “Irrid nagħmel biss r-rieda safja ta’ Alla; fejn inti tibgħatni, għażiża Madre, jiena nsir naf li f’dak il-post ikun hemm ir-rieda sħiħa ta’ Alla għalija, mingħajr ma nkun żidtilha xejn magħha min-naħa tiegħi.”

Il-Madre Ġenerali wieġbet għal dan, “Tajjeb, wisq!” L-għada hija sejħitli u qaltli, “Int ridt tkun taf ir-rieda sħiħa ta’ Alla, Sor; tajjeb ħafna, mela; inti sejra Vilnius.” Jiena rringrazzjatha u stennejt il-jum meta kellhom jgħiduli mmur. Imma ruħi kienet mimlija b’ċertu ferħ u biża’, fl-istess ħin. Ħassejt li Alla kien qiegħed iħejji għalija grazzji kbar hemmhekk, imma wkoll tbatijiet kbar. Imma bqajt Krakovja sas-27 ta’ Mejju. Ġaladarba ma kellix dmirijiet regolari x’naqdi, kont ngħin biss fil-ġnien. U billi ġara li kont qiegħda naħdem waħdi għal xahar sħiħ, stajt nagħmel irtir tal-Ġiżwiti. (nota74) Għalkemm kont immur għar-rikreazzjoni mal-komunita’, xorta waħda rnexxieli nagħmel l-irtir tal-Ġiżwiti. Irċevejt ħafna dawl minn Alla f’dan żmien.

252. Kienu għaddew erbat ijiem wara l-voti perpetwi tiegħi. Kont qiegħda nipprova nagħmel Siegħa Adorazzjoni. Kien l-ewwel Ħamis tax-xahar. Malli dħalt fil-kappella, daret miegħi kollni kemm jiena l-preżenza ta’ Alla. Kont konxja b’mod ċar li l-Mulej kien qrib tiegħi. Mument wara, rajt il-Mulej, miksi kollu kemm Hu bil-feriti; u Huwa qalli, Ħares lejn Dak li inti tgħarrast miegħu. Jiena fhimt it-tifsira ta’ dan il-kliem u weġibt lill-Mulej: “Ġesu’, jiena nħobbok iktar meta narak ferut u mgħaffeġ hekk bit-tbatija milli kieku narak fil-majesta.” Ġesu’ staqsieni: Għaliex? Jiena weġibt, “Majesta’ kbira tbeżżagħni, għaliex jiena daqshekk ċkejkna, u l-feriti Tiegħek jiġbduni lejn Qalbek u jgħiduli x’imħabba kbira Inti għandek għalija.” Wara din il-konverżazzjoni kien hemm is-skiet. Jiena ffissajt ħarsti fuq il-pjagi qaddisa Tiegħu u ħassejtni kuntenta li nbati flimkien miegħu. Jiena batejt, u fl-istess waqt ma batejtx, għaliex ħassejtni kuntenta li nkun naf il-profondita’ ta’ mħabbtu, u s-siegħa għaddiet bħal minuta.

253. + M’għandi qatt niġġudika lil ħadd, imma nħares lejn l-oħrajn bil-ħniena u lejja stess b’mod sever. Jiena rrid nirreferi kollox lil Alla u f’għajnejja stess, nagħraf lili nnifsi għal dak li jiena: miżerja biss u xejn. Fit-tbatija irrid nuri paċenzja u nżomm il-kwiet, għax naf li kollox jgħaddi meta jgħaddi żmienu.

254. Aħjar ma ngħid xejn dwar dawk il-waqtiet li għixt meta kont qiegħda nagħmel il-voti perpetwi.

Jiena fih, u Huwa fija. Fil-waqt li l-Isqof (Rospond) kien qiegħed ipoġġi ċ-ċurkett fuq subgħajja, Alla mela l-esseri tiegħi kollu, u la ma nistax niddeskrivi dak il-mument, ma sejra ngħid xejn fuqu, Ir-relazzjoni tiegħi ma’ Alla, minn mindu għamilt il-voti perpetwi, saret iktar intima milli qatt kienet qabel. Jiena nħoss li nħobb lil Alla u li Huwa jħobbni. Ladarba jiena doqt lil Alla, ruħi ma tistax tgħix mingħajru. Siegħa li jiena ngħaddi f’riġlejn l-altar fl-ikbar nixfa tal-ispirtu hija aktar għażiża għalija minn mitt sena ta’ pjaċiri tad-dinja. Jiena nippreferi nkun qaddejja umli f’kunvent milli sultana fid-dinja.

255. + Jiena nipprova naħbi minn għajnejn in-nies dak il-ġid li jiena kapaċi nagħmel biex Alla nnifsu jkun il-premju tiegħi. Jiena nkun bħal vjola ċkejkna moħbija fil-ħaxix, li ma tweġġax is-sieq li tirfes fuqha, imma xxerred il-fwieħa tagħha, u filwaqt li tinsa lilha nnfisha għal kollox, tipprova togħġob il-persuna li għaffġitha. Din hi diffiċli ħafna għan-natura umana, imma l-grazzja t’Alla tgħin lil dak li jkun.

256. Grazzi, Ġesu’, għall-favur kbir li għamiltli meta għarrafni l-abbiss sħiħ tal-miżerja tiegħi. Jiena naf li jiena abbiss tax-xejn u naf ukoll li jekk il-grazzja qaddisa Tiegħek ma żżommnix, jiena nerġa’ lura għax-xejn f’waqt wieħed. U għalhekk, b’kull taħbita ta’ qalbi, jiena nirringrazzjak, Alla tiegħi, għall-ħniena kbira Tiegħek lejja.

257. Għada rrid nitlaq Vilnius, Illum, mort inqerr għand Patri Andrasz; dan is-saċerdot li hu hekk mimli bl-ispirtu ta’ Alla, li għen il-ġwienaħ tiegħi sabiex inkun nista’ nogħla sal-ogħla qċaċet. Huwa serraħli moħħi dwar kollox u qalli nemmen fil-Providenza Divina. “Għandu jkollok fiduċja u ibqa’ miexja ‘l quddiem bil-kuraġġ.” Qawwa straordinarja u divina ġiet fuqi wara dik il-qrara. Patri (Andrasz) saħaq li għandi nkun fidila mal-grazzja ta’ Alla u qalli, “L-ebda ħsara ma tiġrilek jekk ‘il quddiem, inti tibqa’ żżomm din l-istess sempliċita’ u ubbidjenza. Għandu jkollok fiduċja f’Alla; inti miexja fit-triq it-tajba u qiegħda f’idejn tajba, u f’idejn Alla.”

258. + Dak inhar filgħaxija, jiena bqajt fil-kappella daqsxejn iktar. Kellimt lill-Mulej fuq ċerta ruħ. It-tjubija Tiegħu għamlitli l-qalb u jiena għidtlu, “Ġesu’ Inti tajtni dan is-saċerdot li jifhem l-ispirazzjonijiet tiegħi, u issa Inti qiegħed terġa’ teħoduli, jiena x’ser nagħmel Vilnius? Hemmhekk ma naf lil ħadd, u wkoll id-djalett tan-nies t’hemmhekk huwa stramb għalija.” U l-Mulej qalli: Tibżax; Jiena minix ser inħallik waħdek. Ruħi ntilfet f’talba ta’ radd il-ħajr għall-grazzji kollha li l-Mulej kien tani permezz tal-meditazzjoni ta’ Patri Andrasz.

F’daqqa waħda jiena ftakart fid-dehra li kelli fejn jiena kont rajt lil dak is-saċerdot bejn il-konfessinarju u l-altar, bit-tama li xi darba kont sejra niltaqa’ miegħu. U l-kliem li kont smajt erġajt smajtu ċar: Huwa ser jgħinek twettaq ir-rieda Tiegħi hawn fl-art.

259. Illum, is-27 (ta’ Mejju 1933), se nitlaq Vilnius. Meta ħriġt mid-dar, ħarist lejn il-ġnien tad-dar, u meta tajt daqqa t’għajn lejn in-novizzjat, f’daqqa waħda beda nieżel id-dmugħ ma’ ħaddejja. Ftakart fil-barkiet u l-grazzji kollha li l-Mulej kien tani. Imbagħad, f’daqqa waħda bla ma kont qiegħda nistennieh, jien rajt il-Mulej maġenb ir-rokna tal-fjuri, u Huwa qalli: Tibkix; Jiena dejjem miegħek. Il-preżenza ta’ Alla, li daret miegħi waqt li Ġesu’ kien qiegħed jitkellem, baqgħet miegħi matul il-vjaġġ kollu.

260. Kelli permess inżur Czetochowa waqt il-vjaġġ tiegħi. Għall-ewwel darba rajt (ix-xbieha) ta’ Omm Alla, meta mort fil-ħamsa ta’ filgħodu sabiex inkun hemm meta jneħħu l-velu minn fuq ix-xbieha. Bla ebda waqfien bqajt nitlob sal-ħdax, u għalija kien qiesu għadni kif wasalt. Is-Superjura tad-dar t’hemmhekk (Madre Serafin (nota75)) bagħtet soru għalija, biex tgħidli mmur nieħu l-kalazzjon u qaltli li kienet qiegħda tinkwieta li kont sejra nitlef it-tren. Omm Alla qaltli ħafna affarijiet. Jien afdajt f’idejha l-voti perpetwi Tiegħi. Ħassejt li jiena bintha u li Hi kienet Ommi. Hija ma rrifjutatx l-ebda waħda mit-talbiet tiegħi.