Djarju ta’ Swor Fawstina – Il-5 Pitazz (par.1491-1500)

Il-Ħames Pitazz – Paragrafi 1491-1500

st-faustina1

1491. + Il-Mulej ġie jżurni llum u qalli, Binti, tibżax minn dak li għad jiġrilek. Jiena ma nagħtik xejn li ma tiflaħx għalih. Inti taf il-qawwa tal-grazzja Tiegħi; dik għandha tkun biżżejjed għalik. Wara dan il-kliem, il-Mulej għenni nifhem iktar fil-fond il-ħidma tal-grazzja Tiegħu.

1492. Qabel it-Tqarbin, Ġesu’ tani x’nifhem li ma kellix assolutament nagħti kas x’kienet sejra tgħid ċerta soru, għax il-malizzja u l-makkakerija tagħha ma kinux jogħġbuh. Binti, titkellimx ma’ din il-persuna dwar il-ħsibijiet jew l-opinjonijiet tiegħek. Jiena tlabt maħfra mingħand il-Mulej għal dak li ma kienx jogħġbu f’dik ir-ruħ, u tlabtu isaħħaħni bil-grazzja Tiegħu meta hi kienet terġa’ tiġi sabiex titkellem miegħi. Hija staqsietni dwar ħafna affarijiet, u jiena weġibt bl-imħabba tiegħi kollha bħala oħtha, u sabiex nuri li jiena tkellimt magħha bi kliem, ħiereġ mill-fond ta’ qalbi, jiena għidtilha wkoll xi affarijiet li kellhom x’jaqsmu mal-esperjenza tiegħi stess. Imma l-intenzjonijiet tagħha kienu kemmxejn differenti mill-kliem li kellha fuq xofftejha . . .

1493. + O Ġesu’ tiegħi, minn dak il-waqt li jiena ngħatajt kollni kemm jien f’idejk, jiena ma bqajtx naħseb fija nnifsi. Inti tista’ tagħmel bija kulma trid. Jiena f’ħaġa waħda biss naħseb; jiġifieri, x’tippreferi Inti; x’nista’ nagħmel, O Mulej sabiex jiena nogħġbok. Inkun lesta nisemma u nishar għal kull opportunita’. Ma jimpurtanix jekk minn barra niġi ġġudikata mod ieħor f’din il-ħaġa . . .

1494. 15 ta’ Jannar 1938. Illum, meta ġiet tarani s-soru li dwarha kien fetaħli għajnejja l-Mulej, jiena ħejjejt ruħi spiritwalment għat-taqbida. Għalkemm swieli ħafna, ma ċċaqlaqtx l-iċken naqra minn dak li kkmandani l-Mulej. Imma meta għaddiet siegħa u s-soru m’għamlet l-ebda mossa li kienet sejra, ġewwa fija bdejt insejjaħ lil Ġesu’ sabiex jgħinni. Imbagħad smajt vuċi ġewwa ruħi qiegħda tgħidli, Tibżax. Qiegħed inħares lejk bħalissa stess u qiegħed ngħinek. Dalwaqt ser nibgħatlek żewġ sorijiet li ġejjin iżuruk, u mbagħad ikun faċli għalik tkompli l-konverżazzjoni. U f’dak il-waqt daħlu żewġ sorijiet, imbagħad il-konverżazzjoni kienet ħafna iktar faċli, għalkemm baqgħet sejra għal nofs siegħa oħra.

1495. O, kemm hi ħaġa tajba ssejjaħ lil Ġesu’ biex jgħinek waqt konverżazzjoni. O, kemm hi ħaġa tajba, waqt mument ta’ paċi, li titlob għall-grazzji attwali. Nibża’ fuq kollox minn dan it-tip ta’ konverżazzjoni kunfidenzjali; f’ħinijiet bħal dawn ikun hemm bżonn ta’ ħafna dawl divin sabiex wieħed jikseb il-ġid, kemm għar-ruħ tal-persuna l-oħra kif ukoll għal tiegħek stess. Imma Alla jiġi sabiex jgħinna; imma jeħtieġ li aħna nitolbuh l-għajnuna. Ħadd m’għandu jafda żżejjed fih innifsu.

1496. 17 ta’ Jannar 1938. Illum, minn kmieni filgħodu ruħi kienet fid-dlam. Ma nistax nintrefa’ lejn Ġesu’, u nħossni qisni abbandunata minnu. Minix sejra ndur lejn il-kreaturi għad-dawl, għax naf li huma mhumiex ser idawluni jekk Ġesu’ jrid iżommni fid-dlam. Jiena nissottometti ruħi għar-rieda qaddisa Tiegħu u nbati. Iżda, it-taqbida qiegħda ssir iktar u iktar qalila. Waqt il-Vespri, jiena ridt ningħaqad mas-sorijiet permezz tat-talb.

1497. X’ħin mort, fil-ħsibijiet tiegħi, fil-kappella, l-ispirtu tiegħi ġie mitfugħ f’dalma iżjed kbira. Skuraġġiment totali rikbini. Imbagħad smajt il-vuċi ta’ Satana: “Ara x’kuntradizzjoni hemm f’dak kollu li jagħtik Ġesu’: Huwa jgħidlek twaqqaf kunvent u mbagħad jagħtik marda; Huwa jgħidlek twaqqaf il-Festa tal-Ħniena filwaqt li d-dinja kollha ma tridx festa bħal din. Għaliex qiegħda titlob għal festa bħal din? M’hemmx postha bħalissa.” Ruħi baqgħet siekta u, permezz ta’ att tar-rieda tiegħi, jiena bqajt nitlob mingħajr ma dħalt f’konverżazzjoni mal-ispirtu tad-Dlam. Madankollu rikbitni stmerrija starordinarja għall-ħajja, li kelli nisforza biex nagħmel att kbir tar-rieda tiegħi biex nagħti l-kunsens tiegħi biex nibqa’ ngħix . . .

U rġajt smajt kliem it-tentatur: “Itlob għall-mewt għalik innifsek, għada wara t-Tqarbin. Alla jisimgħek, għax Hu diġa’ semgħek tant drabi u tak dak li inti tlabt.” Jiena bqajt siekta u, permezz ta’ att tar-rieda tiegħi, bdejt nitlob, jew pjuttost, issottomettejt ruħi għal Alla u tlabtu ġewwa fija ma jitlaqnix f’mument bħal dan. Kienu diġa’ l-ħdax ta’ billejl, u kien hemm is-skiet madwarna. Is-sorijiet kienu kollha reqdin fiċ-ċelel tagħhom, u ruħi waħedha kienet qiegħda titqabad b’saħħitha kollha.

It-tentatur kompla jgħidli: “Għalfejn għandek tħabbel rasek fuq erwieħ oħrajn? Inti suppost qiegħda titlob biss għalik innifsek. Rigward il-midinbin, dawn jikkonvertu mingħajr it-talb tiegħek. Jiena nista’ nara li inti qiegħda ssofri ħafna bħalissa. Ser nagħtik parir li minnu għad jiddependi l-hena tiegħek: qatt titkellem fuq il-ħniena ta’ Alla u, b’mod speċjali, tħajjarx lill-midinbin biex jafdaw fil-ħniena ta’ Alla, għax huma ħaqqhom kastig ġust. Ħaġa oħra importanti ħafna: tgħidx lill-konfessur tiegħek, u b’mod speċjali lil dan il-konfessur straordinarju u dan is-saċerdot ġo Vilnius, x’ikun għaddej ġewwa ruħek. Jiena nafhom; naf min huma, u għalhekk irrid inwissik biex toqgħod attenta kontrihom. Qiegħda tara, biex inti tgħix bħal soru tajba, biżżejjed tgħix bħall-oħrajn. Għalfejn tesponi ruħek għal tant diffikulatjiet?”

1498. Jiena bqajt siekta, u permezz ta’ att tar-rieda tiegħi bqajt ngħammar f’Alla, għalkemm ħarbitli tnehida minn qalbi. Sa fl-aħħar, it-tentatur telaq u jiena fil-pront mort norqod bla saħħa. Filgħodu, immedjatament wara li tqarbint, mort fil-pront fiċ-ċella tiegħi u fuq irkobbtejja ġeddidt l-att tiegħi ta’ sottomissjoni f’kollox għar-rieda ta’ Alla. “Ġesu’, nitolbok, agħtini s-saħħa għat-taqbida. Ikun minni skont ir-rieda l-iżjed qaddisa Tiegħek. Ruħi tintelaq fir-rieda l-iżjed qaddisa Tiegħek.

1499. Dak il-ħin rajt lil Ġesu’ li qalli, Jiena kuntent b’dak li inti qiegħda tagħmel. U inti tista’ tkompli tkun fil-paċi jekk inti dejjem tagħmel mill-aħjar li tista’ dwar din l-opra tal-ħniena. Kun assolutament sinċiera kemm tista’ mal-konfessur tiegħek.

Satana ma rebaħ xejn meta ttentak, għax inti ma tkellimtx miegħu. Kompli b’dan il-mod. Illum inti tajtni glorja kbira meta tqabadt tant fedelment. Ħalli tkun ikkonfermata u minquxa f’qalbek din il-ħaġa li Jiena dejjem miegħek, ukoll jekk inti ma tħossx il-preżenza Tiegħi fil-ħin tat-taqbida.

1500. Illum, l-imħabba ta’ Alla ħaditni fid-dinja l-oħra. Jiena ninsab mgħarrqa kollni kemm jiena fl-imħabba; inħobb u nħoss li jiena maħbuba, u jiena konxja bis-sħiħ minn din l-esperjenza. Ruħi tinsab mgħarrqa fil-Mulej, u qiegħda tagħraf il-Majesta’ kbira ta’ Alla u ċ-ċokon tagħha stess; imma permezz ta’ dan l-għarfien qiegħed jiżdied il-hena tiegħi . . . Dan il-fatt li jiena konxja minnu tant hu ċar f’ruħi, tant qawwi u, fl-istess ħin, tant ħelu.