Djarju ta’ Swor Fawstina – It-2 Pitazz (par.881-890)

It-Tieni Pitazz – Paragrafi 881-890

19184417_742042122649379_278839549_n

881. 14 ta’ Jannar 1937. Illum, Ġesu’ daħal fil-kamra tiegħi liebes libsa tleqq u mħażżem b’ċinturin tad-deheb, il-figura kollha Tiegħu tiddi b’majesta’ kbira. Huwa qal, Binti, għaliex qiegħda ċċedi għal ħsibijiet ta’ biża’? Jiena weġibt, “O Mulej, Inti taf għaliex.” U Hu qal, Għaliex? “Din il-biċċa xogħol tbeżżagħni. Inti taf li jiena minix kapaċi nwettaqha.” U Hu qal, Għaliex? “Inti tista’ tara ċar li minix f’saħħti, li m’għandi l-ebda skola, li m’għandix flus, li jiena abbiss ta’ miżerja, li nibża’ minn kuntatti man-nies. Ġesu’, jiena nixtieq lilek biss. Inti tista’ teħlisni minn dan kollu.” U l-Mulej qalli, Binti, dak li inti għidt hu kollu minnu. Inti dgħajfa ħafna, u lili għoġobni nwettaq din l-opra tal-ħniena preċiżament permezz tiegħek li m’inti xejn ħlief miżerja. La tibżax; minix ser inħallik waħdek. Agħmel dak li tista’ f’din il-ħaġa; Jiena ser inwettaq dak kollu li hemm nieqes fik. Inti taf x’inti kapaċi tagħmel; agħmel dak. Il-Mulej ħares ġewwa l-fond tal-esseri tiegħi bi tjubija kbira; ħsibt li kont ser immut taħt dik il-ħarsa. Il-Mulej għeb, u ferħ, saħħa u qawwa sabiex naħdem baqgħu ġewwa ruħi. Imma bqajt mistagħġba li l-Mulej ma riedx jitlaqni u li mhux qed ibiddel xejn milli darba kien qal. U minkejja dan il-ferħ kollu, dejjem jibqa’ dell ta’ swied il-qalb. Jiena nista’ nara li l-imħabba u n-niket jimxu id f’id.

882. Rari jkolli dehriet bħal dawn. Iktar ta’ spiss nikkomunika mal-Mulej b’mod iktar profond. Is-sensi tiegħi jorqdu u għalkemm mhux b’mod viżibbli, kollox isir aktar reali u ċar għalija milli kieku rajtu b’għajnejja stess. L-intellet tiegħi jitgħallem iżjed f’waqt wieħed milli waqt snin sħaħ ta’ ħsieb u meditazzjoni, kemm dwar l-essenza ta’ Alla kemm dwar veritajiet rivelati, kif ukoll dwar l-għarfien tal-miżerja tiegħi stess.

883. Xejn ma jfixkel l-għaqda mal-Mulej, la konverżazzjoni mal-oħrajn lanqas id-dmirijiet tiegħi, ikunu xi jkunu; ukoll jekk ikolli nara x’nagħmel dwar affarijiet importanti ħafna, dan ma jfixkilnix. L-ispirtu tiegħi jkun jinsab ma’ Alla, u ġewwa fija nkun mimlija b’Alla, għalhekk jiena ma nfittxux barra minni stess. Hu, il-Mulej, jinfidli ruħi bħalma raġġ tax-xemx jgħaddi minn ġo ħġieġ ċar. Meta kont ninsab magħluqa fil-ġuf ta’ ommi, ma kontx magħquda hekk mill-qrib magħha bħalma jiena magħquda ma’ Alla tiegħi. Hemmhekk, kont fi stat li ma kontx konxja; imma hawnhekk, hawn il-milja tar-realta’ u jiena konxja ta’ din l-għaqda. Id-dehriet li jkolli huma kollha kemm huma interjuri, imma iktar ma jiena nifhimhom, inqas jiena kapaċi npoġġihom fi kliem.

884. O, kemm hi sabiħa d-dinja tal-ispirtu! U tant hi reali li, jekk tqabbilha magħha, il-ħajja esterna mhi xejn ħlief illużjoni u nuqqas ta’ saħħa.

885. Ġesu’, agħtini s-saħħa u l-għerf li ngħaddi minn dan id-deżert terribbli, sabiex qalbi tkun tista’ tissaporti bil-paċenzja din ix-xenqa li għandha għalik, O Mulejja! Jiena nibqa’ dejjem f’sens ta’ stagħġib qaddis meta nħossok riesaq lejja, Inti, il-Mulej fuq it-tron tal-għaġeb; li Inti tinżel sa dan il-post imsejken tal-eżilju u żżur lil din it-tallaba fqira m’għandha xejn ħlief miżerja! Ma nafx kif nista’ nilqgħek lilek, il-Prinċep Irjali tiegħi, imma Inti taf li jiena nħobbok b’kull taħbita ta’ qalbi. Nista’ nara kif Inti qiegħed titbaxxa, imma xorta waħda l-Majesta’ Tiegħek ma tiċċekkinx f’għajnejja. Jiena naf li Inti tħobbni bi mħabba ta’ għarus, u dak biżżejjed għalija. Għalkemm hemm abbiss kbir jifridna, għax Inti l-Ħallieq u jiena l-ħlejqa Tiegħek, xorta waħda, l-imħabba biss tista’ tispjega l-għaqda tagħna. Mingħajrha, xejn ma nistgħu nifhmu. Bl-imħabba biss issir ħaġa possibli nifhmu dawn l-intimitajiet li bihom Inti tiġi żżurni u li ma tantx tista’ tifhimhom mod ieħor. O Ġesu’, il-kobor Tiegħek ibeżżagħni, u kont ngħix il-ħin kollu fi stagħġib u biża’, li kieku Inti stess ma tagħtinix il-paċi. Inti tagħmilni kapaċi nikkomunika miegħek kull darba qabel ma Inti tersaq lejja.

886. 15 ta’ Jannar 1937. In-niket ma joqgħodx f’qalb li tħobb ir-rieda ta’ Alla. Qalbi, li tixxennaq għal Alla, tħoss il-miżerja sħiħa tal-eżilju. Inkompli miexja ‘l quddiem bil-kuraġġ – għalkemm saqajja mimlijin ġrieħi – lejn pajjiżi, u fit-triq immantni lili nnifsi bir-rieda ta’ Alla. Dan huwa l-ikel tiegħi. Għinuni, abitanti ferħanin li tinsabu f’pajjiżna tas-sema, sabiex din oħtkom ma titfixkilx u ma tieqafx sakemm għadha fit-triq. Għalkemm id-deżert hu tal-biża’, jiena nibqa’ miexja b’rasi merfugħa ‘l fuq u għajnejja ma naqlagħhomx minn fuq ix-xemx; jiġifieri, minn fuq il-Qalb ħanina ta’ Ġesu’.

887. 19 ta’ Jannar 1937. Ħajti fil-preżent baqgħet għaddejja fil-paċi konxja ta’ Alla. Ruħi fis-skiet tgħix bih, u din il-ħajja konxja tal-preżenza ta’ Alla ġewwa ruħi, hi għalija għajn ta’ hena u saħħa. Ma nfittixx il-hena barra mill-fond ta’ ruħi fejn Alla jinsab jgħammar; jiena ninsab konxja minn din il-ħaġa. Inħoss ċertu bżonn li naqsam dak li jiena mal-oħrajn. Skoprejt għajn ta’ hena ġewwa ruħi, u dan Hu Alla. O Alla tiegħi, jiena nista’ nara li dak kollu li hemm madwari hu mimli b’Alla, u iżjed u iktar minn kollox ruħi stess, li hi mżejna bil-grazzja ta’ Alla. Diġa’ minn issa, ser nibda ngħix b’dak li ser ngħix bih għall-eternita’ kollha.

888. Is-skiet tant hu lingwa li jilħaq sat-tron ta’ Alla l-ħaj. Is-skiet hu l-lingwa Tiegħu, għalkemm sigriet, hu ħaj u qawwi.

889. Ġesu’, Inti għarraftni u ġegħeltni nifhem f’hiex jikkonsisti l-kobor tar-ruħ: mhux f’għemejjel kbar imma fi mħabba kbira. L-imħabba għandha l-valur tagħha, u dan hu li jagħti l-kobor lill-għemejjel kollha tagħna. Għalkemm l-azzjonijiet tagħna huma ċkejknin u ordinarji fihom infushom, l-imħabba tagħmilhom kbar u qawwijin f’għajnejn Alla.

890. L-imħabba hi misteru li tbiddel dak kollu li hi tmiss miegħu f’affarijiet li huma sbieħ u li jogħġbu lil Alla. L-imħabba ta’ Alla tagħti l-ħelsien lir-ruħ. Hi bħal reġina; mhux sfurzata bħalma huma l-ilsiera; hija tagħmel kulma għandha tagħmel b’ħelsien sħiħ fir-ruħ, għax l-imħabba li tgħammar ġewwa fiha ssuqha biex tagħmel li għandha tagħmel. Kulma hemm madwarha jġegħilha tifhem li Alla nnifsu biss Hu denn ta’ mħabbitha. Ruħ li tħobb lil Alla u li tinsab mgħaddsa fih tersaq lejn id-dmirijiet tagħha bl-istess dispożizzjonijiet bħalma hi tersaq lejn it-Tqarbin Imqaddes u twettaq l-iċken ħidmiet bi premura kbira, taħt il-ħarsa mimlija mħabba ta’ Alla, ma tinkwetax jekk, meta jkun għadda ż-żmien, xi ħaġa ma tirnexxix daqskemm kien mistenni. Hija tibqa’ kalma, għax fil-ħin ta’ dik il-ħidma, hi kienet għamlet kulma setgħet tagħmel. Meta jiġri li l-preżenza ħajja ta’ Alla, li hi tgawdi kważi l-ħin kollu, titlaqha waħedha, hija mbagħad tipprova tkompli tgħix b’fidi ħajja. Ruħha tifhem li hemm perjodi ta’ mistrieħ u perjodi ta’ taqbida. Permezz tar-rieda tagħha, hija tkun dejjem ma’ Alla. Ruħha, bħal kavallier, hija mħarrġa sewwa għat-taqbida; hija tilmaħ mill-bogħod fejn qiegħed jistaħba l-għadu u li lesta għat-taqbida. Hija taf li ma tinsabx waħedha – Alla hu s-saħħa tagħha.