Djarju ta’ Swor Fawstina – It-2 Pitazz (par.811-820)

It-Tieni Pitazz – Paragrafi 811-820

19198206_742591662594425_1448860836_n.jpg

811. X’ħin dħalt fis-solitudni tiegħi, smajt dan il-kliem: Fis-siegħa tal-mewt tagħhom, Jiena nħares bħala l-glorja Tiegħi stess, lil ruħ li tgħid din il-kurunella; jew meta nies oħrajn jgħiduha għal wieħed li qed imut, l-indulġenza hi l-istess. Meta tingħad din il-kurunella fejn is-sodda ta’ persuna qiegħda tmut, il-korla ta’ Alla tittaffa, ħniena bla qies iddawwar ir-ruħ, u l-fond tal-ħniena tenera Tiegħi jiċċaqlaq minħabba l-Passjoni ħarxa ta’ Ibni.

O li kieku kulħadd jintebaħ kemm hi kbira l-ħniena tal-Mulej u kemm ilkoll kemm aħna għandna bżonn ta’ dik il-ħniena, l-aktar f’dik is-siegħa kruċjali!

812. + Illum tqabadt mal-ispirti tad-dlamijiet minħabba ruħ waħda. Kemm hi terribbli l-mibgħeda ta’ Satana għall-ħniena ta’ Alla! Jiena qiegħda nara kif hu jeħodha kontra din l-opra kollha kemm hi.

813. + O Ġesu’ ħanin, imdendel mas-Salib, ftakar fina f’ħin mewtna. O Qalb l-iżjed ħanina ta’ Ġesu’, miftuħa b’lanza, agħtini l-kenn Fik fl-aħħar waqt ta’ ħajti. O Demm u Ilma li ħriġtu mill-Qalb ta’ Ġesu’ bħala għajn ta’ ħniena bla tarf għalija fis-siegħa ta’ mewti; O Ġesu’ li qed tmut bħala rahan ta’ ħniena, warrab minni l-korla ta’ Alla fis-siegħa ta’ mewti.

814. + 12 ta’ Diċembru (1936). Illum, tqarbint biss u bqajt ftit waqtiet mill-Quddiesa. Saħħti kollha tinsab fik, O Ħobż ħaj. Ikun diffiċli għalija ngħix il-ġurnata li kieku ma nitqarbinx. It-tqarbina hi t-tarka tiegħi; mingħajrek, Ġesu’, ma nafx kif naqbad ngħix.

815. Ġesu’, Imħabbti, illum tani x’nifhem kemm iħobbni, għalkemm hemm distanza hekk kbira bejnietna, il-Ħallieq u l-ħlejqa; u xorta waħda, b’xi mod, hemm bħallikieku ugwaljanza: l-imħabba timla l-vojt. Hu nnifsu jinżel sa ħdejja u jagħmilni kapaċi nikkomunika miegħu. Jiena nintilef fih. Bħallikieku ninsa lili nnifsi; u madankollu, taħt il-ħarsa Tiegħu mimlija mħabba, ruħi takkwista s-saħħa u l-qawwa u ssir taf li hi tħobb u hi maħbuba b’mod speċjali. Taf li l-Omnipotenti jħarisha. Talb bħal dan, għalkemm qasir, jagħmel ħafna ġid lir-ruħ, u sigħat sħaħ ta’ talb komuni ma jagħtix lir-ruħ dak id-dawl li jingħatalha b’waqt qasir ta’ din il-forma ogħla ta’ talb.

816. + Illum wara nofs inhar, stajt nistrieħ għall-ewwel darba għall-arja ta’ barra (fuq il-veranda tas-sanatorjum għax-xemx). Swor Felicia (nota151) ġiet iżżurni llum u ġabitli xi ftit affarijiet li kelli bżonn u xi tuffieħ sabiħ u tislijiet mingħand il-maħbuba Madre Superjura tagħna u s-sorijiet għeżież.

13 ta’ Diċembru (1936), Qrara quddiem Ġesu’.

817. X’ħin qgħadt naħseb li ma kontx qerrejt għal iktar minn tlett ġimgħat, bdejt nibki x’ħin rajt l-istat tad-dnub li kienet tinsab fih ruħi u ċerti diffikultajiet. Ma kontx mort inqerr għax iċ-ċirkostanzi għamluhieli impossibli. Dak inhar tal-qrar, kelli noqgħod fis-sodda. Il-ġimgħa ta’ wara, il-qrar kien wara nofs inhar, u kont tlaqt għall-isptar dak inhar filgħodu. Illum wara nofs inhar, Patri Andrasz daħal fil-kamra tiegħi u poġġa bilqiegħda biex jisma’ l-qrara tiegħi. Qabel (il-qrara), ma għedna l-ebda kelma. Jiena kont ferħana ħafna għax kont anzjuża sabiex inqerr. Bħas-soltu, kxift ruħi kollha. Is-saċerdot wieġeb għall-iċken dettall. Ħassejtni ferħana iktar mis-soltu li stajt ngħid kollox bħalma għamilt. Bħala penitenza tani l-Litanija tal-Isem Imqaddes ta’ Ġesu’. X’ħin ridt ngħidlu bid-diffikulta’ li kelli biex ngħid din il-Litanija, qam u beda jagħtini l-assoluzzjoni. F’daqqa waħda, persuntu mtliet b’dawl kbir, u rajt li ma kienx Patri A. imma Ġesu’. Ilbiesu kien abjad bħas-silġ, u għeb fil-pront. Għall-ewwel, ħassejtni daqsxejn skomda, imma wara ftit sensazzjoni ta’ paċi daħlet f’ruħi; u nnotajt il-fatt li Ġesu’ kien sema’ l-qrara bl-istess mod li jagħmlu l-konfessuri; imma xi ħaġa tal-għaġeb ġrat ġewwa qalbi waqt din il-qrara; ma stajtx nifhem għall-ewwel dan x’kien ifisser.

818. 16 ta’ Diċembru (1936). Offrejt dan il-jum għar-Russja. Offrejt it-tbatijiet u t-talb kollu tiegħi għal dak il-pajjiż imsejken. Wara t-Tqarbin, Ġesu’ qalli, Ma nistax nissaporti iżjed dak il-pajjiż. Torbotlix idejja, binti. Jiena fhimt li, li kieku ma kienx it-talb tal-erwieħ li jogħġbu lil Alla, dak in-nazzjon kollu kien ikun miġjub għax-xejn. O, kemm inbati għal dak in-nazzjon li keċċa lil Alla ‘l barra mill-fruntieri tiegħu!’

819. + O għajn li qatt ma tieqaf ta’ Ħniena Divina, ferra’ lilek innifsek fuqna! It-Tjubija Tiegħek hi bla tarf. Ikkonferma, O Mulej, il-qawwa tal-ħniena Tiegħek fuq l-abbiss tal-miżerja tiegħi, għax Inti m’għandek l-ebda limitu għall-atti tal-ħniena Tiegħek. Tal-għaġeb u m’hawnx bħalha l-ħniena Tiegħek, tgħaġġeb l-imħuħ tal-bnedmin u tal-anġli.

820. L-Anġlu Kustodju tiegħi qalli nitlob għal ċerta ruħ, u filgħodu sirt naf li dan kien raġel li l-agunija tiegħu kienet bdiet dak il-ħin stess. Il-Mulej Ġesu’ jgħarrafni b’mod speċjali meta xi ħadd ikun jeħtieġ it-talb tiegħi. B’mod speċjali nkun naf meta ruħ moribonda tkun teħtieġ it-talb tiegħi. Dan qed jiġri iktar ta’ spiss issa milli kien jiġri fil-passat.