Djarju ta’ Swor Fawstina – It-2 Pitazz (par.691-700)

It-Tieni Pitazz – Paragrafi 691-700

jesus-of-divine-mercy-rady1.jpg

691. + Il-Ħamis. Għalkemm illum kont għajjiena ħafna, xorta waħda ddeċidejt li nagħmel siegħa Adorazzjoni. Ma stajtx nitlob, lanqas stajt nibqa’ għarkobbtejja, imma bqajt fi spirtu ta’ talb għal siegħa sħiħa u ngħaqadt fl-ispirtu ma’ dawk l-erwieħ li diġa’ kienu qegħdin iqimu lil Alla b’mod perfett. Imma lejn it-tmiem tas-siegħa, f’daqqa waħda rajt lil Ġesu’ jħares lejja b’mod li jinfdek u qalli bi ħlewwa liema bħala, It-talba tiegħek togħġobni ħafna. Wara dan il-kliem, qawwa mhix tas-soltu u ferħ spiritwali daħlu ġewwa ruħi. Il-preżenza ta’ Alla kompliet timlieli ruħi. O, dak li jiġri lil ruħ li tiltaqa’ mal-Mulej wiċċ imb’wiċċ, l-ebda pinna qatt ma setgħet tpoġġih fil-kliem u qatt mhu ser jirnexxilha tagħmlu dan!

692. O Ġesu’, jiena naf li l-ħniena Tiegħek tisboq kull ħsieb. Nitolbok, għalhekk li twessagħli qalbi b’mod li tiġbor fiha l-ħtiġijiet tal-bnedmin kollha li qed jgħixu f’din id-dinja.

O Ġesu’, imħabbti toħroġ ‘il barra mit-trufijiet tal-art biex tilħaq l-erwieħ li qegħdin ibatu fil-Purgatorju; u rrid inħaddem il-ħniena magħhom permezz tat-talb indulġenzjat.

Il-ħniena ta’ Alla ħadd ma jista’ jfissirha u qatt ma tispiċċa, bħalma Alla nnifsu jisboq kull fehma. Kieku kelli nuża l-aqwa kliem biex infisser din il-ħniena ta’ Alla, ma kien ikollu x’jaqsam xejn ma’ dak li hi tassew.

O Ġesu’, agħmel li qalbi tħoss għat-tbatijiet kollha ta’ għajri, sew tal-ġisem kemm tar-ruħ. O Ġesu’ tiegħi, jiena naf li Inti ġġib ruħek magħna bħalma aħna nġibu ruħna ma’ għajrna.

Ġesu’ tiegħi agħmel lil qalbi tixbah lil Qalbek ħanina. Ġesu’, għinni biex ngħaddi ħajti nagħmel il-ġid lil kulħadd.

693. 14 ta’ Settembru, (1936). L-Arċisqof (Jalbrzykowski) ta’ Vilnius ġie jżurna. Għalkemm qagħad għandna għal żmien qasir ħafna, jiena xorta waħda kelli ċans nitkellem ma’ dan is-saċerdot twajjeb fuq l-opra tal-ħniena. Hu wera li kien dispost ħafna għal din kawża tal-ħniena: “Sor, kun fil-paċi għal kollox; jekk dan hu fil-pjanijiet tal-providenza divina, għad iseħħ. Sadattant, Sor, itlob għal sinjal estern li jkun ċar. Ħalli l-Mulej Ġesu’ jagħtik għarfien iktar ċar dwar din il-ħaġa. Nitolbok tistenna daqsxejn ieħor. Il-Mulej Ġesu’ jirranġa ċ-ċirkostanzi b’tali mod li kollox għad jirnexxi sewwa.”

694. 19 ta’ Settembru 1936. X’ħin ħriġna mill-(uffiċċju) tat-tabib (nota137) u dħalna għal mument fil-kappella tas-sanitorju, smajt dan il-kliem ġewwa ruħi: Binti, ippermettili ftit qatriet oħra fil-kalċi tiegħek; ma tantx baqa’ żmien issa. Il-hena mlietli ruħi; din kienet l-ewwel sejħa mill-Għarus maħbub u l-Imgħallem tiegħi. Qalbi nħallet, u għal waqt wieħed ruħi ntilfet fil-baħar kbir tal-ħniena ta’ Alla. Ħassejt li l-missjoni tiegħi kienet qiegħda tibda fil-milja kollha tagħha. Il-mewt ma teqred xejn minn dak li hu tajjeb. Jiena nitlob l-iktar għall-erwieħ li għaddejjin minn tbatijiet interni.

695. Darba, irċevejt dawl dwar żewġ sorijiet. Jiena fhimt li mhux possibli għal persuna li taġixxi bl-istess mod ma’ kulħadd. Hemm xi wħud li għandhom mod stramb kif jagħmlu ħbieb ma’ oħrajn. U mbagħad, bħala ħbieb u bl-iskuża ta’ dik il-ħbiberija, jirnexxilhom iġiegħlu lill-persuna titkellem, u tgħid kollox. Imbagħad, meta jasal il-waqt, huma jużaw dak l-istess kliem biex iweġġgħu lil dik il-persuna nnfisha. Ġesu, tiegħi, kemm hi stramba l-fraġilita’ umana! L-imħabba tiegħek, Ġesu’, tagħti lir-ruħ din il-prudenza kbira fil-mod kif hi ġġib ruħha mal-oħrajn.

696. + 24 ta’ Settembru 1936

Il-Madre Superjura (Irene) ordnatli ngħid posta waħda tar-Rużarju minflok l-eżerċizzi l-oħrajn kollha, u mmur norqod mill-ewwel. Malli mteddejt, irqadt għax kont għajjiena ħafna. Imma ftit wara, qajjmitni t-tbatija. Tant kienet tbatija kbira li ma ħallitnix nagħmel l-iċken ċaqliqa; lanqas biss stajt nibla’ r-riq tiegħi. Dan kollu dam għaddej xi tlett sigħat. Bdejt naħseb jekk nqajjimx lis-soru novizza (nota138) li kienet miegħi fil-kamra, imma mbagħad ħsibt bejni u bejn ruħi, “Hi ma tista’ tagħtini l-ebda għajnuna, mela ħalliha tibqa’ rieqda. Tkun ħasra li nqajjimha.” Intlaqt għal kollox fir-rieda ta’ Alla u bdejt naħseb li kien wasal il-jum tal-mewt tiegħi, li tant kont nixtiequ. Kienet okkażjoni għalija li ningħaqad ma’ Ġesu’, fit-tbatija Tiegħu fuq is-salib. Iktar minn hekk, ma stajtx nitlob. Meta waqfet it-tbatija, jiena bdejt negħreq. Imma xorta waħda ma stajtx niċċaqlaq, għax l-uġigħ kien jerġa’ jibda ma’ kull sforz li bdejt nagħmel. Filgħodu, ħassejtni għajjiena ħafna, għalkemm ma ħassejtx uġigħ iżjed f’ġismi. Iżda, xorta waħda, ma stajtx inqum biex immur għall-Quddiesa. Jiena ħsibt bejni u bejn ruħi, jekk wara tbatija bħal din, ma tiġix il-mewt, mela kemm huma kbar it-tbatijiet tal-mewt!

697. Ġesu’, Inti taf li jiena nħobb it-tbatija u rrid nixrob mit-tazza tat-Tbatija sal-inqas qatra; imma xorta waħda, in-natura tiegħi ħasset dak it-tferfira u l-biża’ iżda, f’daqqa waħda, il-fiduċja tiegħi fil-ħniena infinita’ ta’ Alla, reġgħet qamet ġewwa fija bil-qawwa kollha tagħha, u kollox kellu jċedi quddiemha, bħal dell li jitlaq quddiem ir-raġġi tax-xemx. O Ġesu’ kemm hi kbira t-tjubija Tiegħek! It-tjubija infinita Tiegħek, li jiena nafha hekk tajjeb tagħmilni kapaċi li bil-kuraġġ kollu niffaċċja wkoll lill-mewt. Jiena naf li xejn ma jista’ jiġrili mingħajr il-permess ta’ Alla. Jiena nixtieq nigglorifika l-ħniena infinita’ Tiegħek matul ħajti, fis-siegħa tal-mewt tiegħi, fil-qawmien tiegħi u matul l-eternita’.

+ Ġesu’ tiegħi. Saħħa tiegħi, paċi tiegħi, mistrieħ tiegħi; ruħi tgħum kuljum fir-raġġi tal-ħniena Tiegħek. M’hemm l-ebda waqt f’ħajti meta jiena ma nħossx il-ħniena Tiegħek, O Alla. Ma niddependi minn xejn f’ħajti kollha imma biss mill-ħniena infinita’ Tiegħek. Hija l-ħajta li tmexxili lil ħajti kollha. O Mulej, ruħi mimlija bil-ħniena ta’ Alla.

698. + O, kemm tweġġgħu bi kbir lil Ġesu’ l-ingratitudni ta’ ruħ magħżula! X’martirju hi għall-imħabba Tiegħu li ma tistax tpoġġiha fi kliem! Alla jħobbna bl-Esseri infinit li Huwa Hu, kollu kemm Hu; u immaġina, farka miżerabbli ta’ trab tistmerr dik l-imħabba! Qalbi tinqasam bl-uġigħ meta nara din l-ingratitudni.

699. Darba, smajt dan il-kliem: Binti, għid lid-dinja kollha bil-ħniena Tiegħi li ħadd ma jista’ jimmaġinaha. Jiena nixtieq li l-Festa tal-Ħniena (nota139) tkun kenn u rifuġju għall-erwieħ kollha, u l-aktar għall-imsejkna midinbin. F’dan il-jum tinfetaħ il-profondita’ sħiħa tal-ħniena tenera Tiegħi. Jiena nferra’ oċejan sħiħ ta’ grazzji fuq dawk l-erwieħ li jersqu lejn l-għajn tal-ħniena Tiegħi. Ir-ruħ li tqerr u titqarben takkwista maħfra sħiħa tad-dnubiet u tal-kastig. F’dan il-jum jinfetħu l-bibien kollha divini li minnhom tgħaddi l-grazzja. L-ebda ruħ m’għandha tibża’ tersaq Lejja, ukoll jekk għandha d-dnubiet ħomor bħall-iskarlatt. Il-ħniena Tiegħi tant hija kbira li l-moħħ tal-ebda bniedem u tal-ebda anġlu ma jkun jista’ jkejjilha għall-eternita’ kollha. Kull ma jeżisti ħareġ mill-fond tal-ħniena l-iktar tenera Tiegħi. Kull ruħ fir-relazzjoni tagħha miegħi għad tikkontempla l-imħabba u l-ħniena Tiegħi għall-eternita’ kollha. Il-Festa tal-Ħniena ħarġet mit-tenerezza l-iżjed profonda Tiegħi. Hija x-xewqa Tiegħi li tiġi ċċelebrata b’mod solenni fl-Ewwel Ħadd fuq l-Għid. L-umanita’ ma ssibx paċi sakemm hija ma ddurx lejn l-Għajn tal-ħniena Tiegħi.

700. Darba, meta ħassejtni għajjiena ħafna u kont muġugħa ħafna, għidt lill-Madre Superjura (Irene) x’kont qiegħda nħoss u hi weġbitni li kelli nidra t-tbatija. Qgħadt nisma’ kull ma’ qaltli l-Madre, u mbagħad tlaqt. Il-Madre Superjura tagħna għandha mħabba kbira għall-proxxmu u l-aktar imħabba kbira għas-sorijiet li jkunu morda, bħalma jaf kulħadd. Iżda, fil-każ tiegħi, hija ħaġa mhux tas-soltu li l-Mulej Ġesu’ ppermetta li hi ma tifhimnix u li tippruvani ħafna f’din il-ħaġa.