Djarju ta’ Swor Fawstina – Is-6 Pitazz (par.1761-1770)

Is-Sitt Pitazz – Paragrafi 1761-1770

icon-large.jpg

It-Tieni Jum.

1761. Binti , illum aħseb fuq il-Passjoni Ħarxa Tiegħi fl-immensita’ kollha tagħha. Aħseb fuqha bħallikieku Jiena batejtha għalik biss.

1762. Applikazzjoni: Meta jiena bdejt nitlef lili nnifsi fil-Passjoni Divina, ġew irrivelati lili l-valur kbir tar-ruħ tal-bniedem u l-ħażen kbir li hu d-dnub. Fhimt li jiena ma nafx kif għandi nbati. Sabiex jiena nikseb mertu għat-tbatija tiegħi, ser ningħaqad iktar mill-qrib, fit-tbatija tiegħi, mal-Passjoni tal-Mulej Ġesu’, u nitolbu l-grazzja għall-erwieħ moribondi, sabiex il-ħniena ta’ Alla tkun tista’ tgħannaqhom f’dan il-waqt hekk serju.

It-Tieni Meditazzjoni

1763. Binti, aħseb fuq ir-regola u l-voti li inti offrejtli. Inti taf kemm napprezzahom ħafna; il-grazzji kollha li Jiena għandi għall-erwieħ tar-reliġjużi għandhom x’jaqsmu mar-regola u mal-voti.

1764. Applikazzjoni: O Ġesu’ tiegħi, inħossni ħatja ta’ ħafna nuqqasijiet f’din il-ħaġa imma, bil-għajnuna tal-grazzja tiegħek, ma niftakar l-ebda darba li, b’mod konxju u għax irrid, jiena ksirt ir-regola jew il-voti reliġjużi. Kompli ħarisni, O Ġesu’ twajjeb tiegħi, għax jiena minni nnifsi dgħajfa.

1765. Illum, binti, il-qari tiegħek, għandu jkun kapitlu dsatax tal-Evanġelju ta’ San Ġwann, u aqrah mhux biss b’xofftejk, imma b’qalbek . . .

1766. Waqt dan il-qari, ruħi kienet mimlija bi ndiema profonda. Rajt l-ingratitudni kollha tal-ħlejjaq lejn il-Ħallieq u l-Mulej tagħhom; tlabt lil Alla jħarisni mill-għama spiritwali.

Konferenza dwar is-Sagrifiċċju u t-Talb

1767. Binti, irrid ngħallmek kif għandek issalva l-erwieħ permezz tas-sagrifiċċju u tat-talb. Inti ser issalva iktar erwieħ permezz tat-talb u t-tbatija milli missjunarju permezz tat-tagħlim u l-priedki tiegħu biss. Irrid narak bħala sagrifiċċju ta’ mħabba ħajja, li mbagħad biss ikollu importanza f’għajnejja. Inti trid tixxejjen, tiġi meqruda, tgħix bħallikieku kont mejta fl-iktar profondita’ sigrieta tiegħek. Inti trid tinqered f’dak il-fond sigriet fejn qatt ma nifdet għajn ta’ bniedem; imbagħad Jiena nsib fik sagrifiċċju li jogħġobni, olokawstu mimli ħlewwa u fwieħa. U kbira tkun saħħtek meta inti tinterċedi għal min trid int. Is-sagrifiċċju tiegħek minn barra jrid jidher hekk: fis-skiet, moħbi, mimli mħabba, mimli talb. Jiena qed nitlob, binti, li s-sagrifiċċju tiegħek ikun safi u mimli umilta’, sabiex ikun jogħġobni. Jiena nagħtik il-grazzja Tiegħi, sabiex inti tkun tista’ twettaq dak li Jiena nitlob mingħandek.

Jiena issa ser ngħallmek f’hiex ser jikkonsisti l-olokawstu tiegħek, fil-ħajja ta’ kuljum, sabiex inħarsek mill-illużjonijiet. Inti tilqa’ t-tbatijiet kollha bi mħabba. Toqgħodx titnikket jekk qalbek spiss tħoss stmerrija għas-sagrifiċċju. Is-saħħa ta’ dan (tas-sagrifiċċju) kollha qiegħda fir-rieda, u għalhekk dawn is-sentimenti kuntrarji mhux talli ma jbaxxux il-valur tas-sagrifiċċju f’għajnejja, imma jżiduh. Kun af li ġismek u ruħek spiss għad ikunu fin-nar. Għalkemm il-preżenza Tiegħi ma tħosshiex f’xi okkażjonijiet, Jiena dejjem inkun miegħek. Tibżax; il-grazzja Tiegħi tkun miegħek . . .

It-Tielet Jum

1768. Binti, f’din il-meditazzjoni, aħseb ftit fuq l-imħabba tal-proxxmu. L-imħabba tiegħek għall-proxxmu hi mmexxija minn imħabbti? Titlob int għall-għedewwa tiegħek? Tixtiqilhom il-ġid lil dawk li, b’xi mod jew ieħor, nikktuk jew offendewk?

Kun af li dak il-ġid kollu li inti tagħmel mal-proxxmu, ikun min ikun, Jiena nilqgħu bħallikieku għamiltu miegħi.

1769. Applikazzjoni: O Ġesu’, Imħabba tiegħi, Inti taf li minn ftit żmien ‘l hawn jiena mxejt mal-proxxmu tiegħi b’mod li mħabbtek kienet l-uniku gwida tiegħi. Inti biss taf xi sforzi kelli nagħmel biex nasal għal din il-ħaġa. Issa qiegħed jirnexxili iktar malajr, imma li kieku Inti stess ma kebbistx dik l-imħabba ġewwa ruħi, ma kontx inkun kapaċi nippersevera f’din il-ħaġa. Dan kollu nafu lill-imħabba Ewkaristika Tiegħek li kuljum tħeġġiġni.

It-Tieni Meditazzjoni

1770. Issa rridek taħseb fuq Imħabbti fis-Sagrament Imqaddes. Hawnhekk ninsab Jiena, kollni kemm Jiena tiegħek, ruħ, ġisem u divinita’, bħala l-Għarus Tiegħek. Inti taf x’titlob l-imħabba: ħaġa waħda biss, li t-tnejn ikunu ta’ xulxin . . .