Djarju ta’ Swor Fawstina – Is-6 Pitazz (par.1701-1710)

Is-Sitt Pitazz – Paragrafi 1701-1710

p-1

1701. Illum tlabt lill-Mulej biex jogħġbu jgħallimni dwar il-ħajja interjuri, għax waħdi la nista’ nifhem lanqas nimmaġina xejn b’mod perfett. Il-Mulej weġibni, Jiena kont l-Imgħallem tiegħek, għadni u nibqa’; ipprova agħmel mod li qalbek tkun tixbah lill-Qalb umli u tenera Tiegħi. Qatt tinsisti fuq id-drittijiet tiegħek. Issaporti b’kalma u paċenzja kbira dak kollu li jiġrilek. Tiddefendix lilek nnifsek meta jwaqqgħuk għaċ-ċajt, għalkemm tkun bla ħtija. Ħalli l-oħrajn jittrijonfaw. Tiqafx milli tkun twajba meta l-oħrajn jabbużaw mit-tjubija tiegħek. Jiena stess naqbeż għalik meta jkun hemm bżonn. Kun grata għall-iżgħar waħda mill-grazzji Tiegħi, għax il-gratitudni tiegħek iġġegħelni nagħtik il-grazzja ġodda . . .

1702. Lejn it-tmiem tal-Via Sagra li kont qiegħda nagħmel, il-Mulej Ġesu’ beda jilmenta dwar l-erwieħ tar-reliġjużi u tas-saċerdoti u li ma kenitx teżisti l-imħabba fl-erwieħ magħżulin. Jiena ser nippermetti li l-kunventi u l-knejjes jiġu meqrudin. Jiena weġibt, “Ġesu’ imma hemm tant erwieħ qegħdin ifaħħruk fil-kunventi.” Il-Mulej wieġeb, Dak it-tifħir jagħmilli ferita f’Qalbi, għax l-imħabba għebet mill-kunventi. Erwieħ li m’għandhomx imħabba u devozzjoni; erwieħ mimlijin egoiżmu, erwieħ mimlijin suppervja u arroganza, erwieħ mimlijin qerq u ipokrisija, erwieħ berdin li għandhom bilkemm biżżejjed sħana ġewwa fihom biex iżżommhom ħajjin: Qalbi dan ma tifilħux. Il-grazzji kollha li Jiena nferra’ fuqhom jibqgħu għaddejjin fil-vojt bħalma l-ilma jibqa’ nieżel fuq wiċċ ta’ blata. Ma niflaħhomx, għax la huma tajbin u lanqas ħżiena. Jiena ridt li l-kunventi jibdew jeżistu sabiex id-dinja titqaddes permess tagħhom. Minn ġo fihom għandha toħroġ fjamma qawwija ta’ mħabba u sagrifiċċju. U jekk huma ma jindmux u ma jħossux jaqbad ġewwa fihom in-nar tal-ewwel imħabba tagħhom, Jiena ngħaddihom f’idejn din id-dinja . . .

Kif ser joqogħdu fuq it-tron imwiegħed tal-ġudizzju sabiex jiġġudikaw id-dinja, meta l-ħtija tagħhom hi ikbar mill-ħtija tad-dinja? La hemm penitenza lanqas tpattija. O qalb, li rċevietni filgħodu, u f’nofs inhar diġa’ qed taqbad bil-mibgħeda kontrija, mibgħeda ta’ kull kwalita’! O qalb li Jiena għażilt b’mod speċjali, inti għal dan ġejt magħżula, sabiex tweġġgħani iktar? Id-dnubiet kbar tad-dinja huma feriti tal-wiċċ fuq il-Qalb Tiegħi, imma d-dnubiet ta’ ruħ magħżula jinfduli Qalbi sa ġewwanett. . .

1703. X’ħin ippruvajt ninterċedi għalihom, ma stajt nsib l-ebda skuża għall-imġiba tagħhom, u f’dak il-ħin ma stajt naħseb f’xejn biex niddefendihom, qalbi qabadha l-uġigħ, u bdejt nibki bil-qalb. Imbagħad il-Mulej tefa’ ħarsa ħanina fuqi u farraġni b’dan il-kliem: Toqgħodx tibki. Għad fadal għadd kbir ta’ erwieħ li jħobbuni ħafna, imma Qalbi tixtieq li kulħadd iħobbha, u għax imħabbti hi kbira, għalhekk Jiena nwissihom u nċanfarhom.

1704. + Taqbida ma’ ċerta tentazzjoni. Kien hemm persuna li kien il-ħin kollu jwaqqafni bi kliem ta’ tmellis, u ladarba kien jaf x’ħin kont noħroġ biex imur fil-kappella jew fil-veranda, kien joqgħod fin-nofs minn fejn kont ngħaddi jiena. Peress li ma kienx jażżarda jersaq lejja waħdu, sab persuna oħra bħalu, imma l-ebda wieħed minnhom ma ażżarda jersaq lejja. Filwaqt li kont fi triqti sejra għad-devozzjonijiet ta’ Mejju, diġa’ kienu qegħdin hemm minn fejn kelli ngħaddi jiena. Kont għadni ma wasaltx ħdejhom meta smajt kliem indirizzat lejja biex jiġbidni. U l-Mulej ippermetthieli nsir naf l-intenzjonijiet li kellhom f’qalbhom, li ma kinux intenzjonijiet tajbin. Ħassejt ġewwa fija li kienu ser jagħlquli l-passaġġ minn fejn kelli ngħaddi wara li ħriġt mill-kappella, u mbagħad kien ikolli nkellimhom, għax sa dak iż-żmien ma kontx għidt kelma.

X’ħin ħriġt mill-kappella, kienu qegħdin hemm, ippreparati u jistennewni ngħaddi. Din id-darba, għelibni l-biża’. Imbagħad Ġesu’ qagħad maġenbi u qalli, Tibżax. Jiena qiegħed miegħek. Imbagħad ħassejt saħħa straordinarja ġewwa ruħi, li ma nistax niddeskriviha u, x’ħin kont ninsab ftit passi ‘l bogħod minnhom, għidt bil-kuraġġ u b’vuċi għolja, “Ikun imfaħħar Ġesu’ Kristu.” U huma, filwaqt li warrbu minn triqti, wieġbu, “Għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.” Bħallikieku laqtithom sajjetta, baxxew rashom u lanqas biss ażżardaw iħarsu lejja. Wara li għaddejt stajt nisma’ xi kummenti malizzjużi. Minn dak iż-żmien ‘il hawn, meta dan il-bniedem jarani, jitlaq jiġri sabiex ma jiltaqax miegħi, u jiena, grazzi lill-Mulej, bqajt ngħix fil-paċi . . .

1705. Wara l-Quddiesa, ħriġt fil-ġnien sabiex nagħmel il-meditazzjoni tiegħi, peress li kien għad m’hemmx pazjenti fil-ġnien dak il-ħin, u għalhekk ħassejtni komda nagħmel hekk. Kont qiegħda nimmedita fuq il-barkiet ta’ Alla, qalbi kienet qiegħda taqbad bi mħabba hekk qawwija li ħassejtni donnu sidri kien ser jinqasam. F’daqqa waħda sibt lil Ġesu’ quddiemi u qalli, X’inti tagħmel hawnhekk hekk kmieni? Jiena weġibt, “Qiegħda naħseb Fik, fil-ħniena Tiegħek u fit-tjubija Tiegħek magħna. U Inti, Ġesu’, x’inti tagħmel hawnhekk?” Ħriġt niltaqa’ miegħek, biex inferra’ fuqek grazzji ġodda. Qiegħed infittex erwieħ li jixtiequ jirċievu l-grazzja Tiegħi.

1706. Waqt il-Vespri llum, il-Mulej urieni kemm togħġbu qalb li hi safja u ħielsa. Ħassejt lil Alla jitpaxxa jħares ġo qalb bħal din . . . Imma qlub bħal dawn huma qlub ta’ kavallieri; ħajjithom hi taqbida waħda l-ħin kollu . . .

1707. Fi triqti lejn il-veranda, dħalt fil-kappella għal waqt wieħed. Qalbi ntilfet f’adorazzjoni profonda, filwaqt li qgħadt infaħħar it-tjubija u l-ħniena bla tarf ta’ Alla. Imbagħad smajt dan il-kliem ġewwa ruħi: Jiena Hu u għad inkun għalik dak li Inti qiegħda tfaħħarni li Jiena. Inti għad ikollok esperjenza tat-tjubija Tiegħi, diġa’ f’din il-ħajja u mbagħad, fil-milja kollha, fil-ħajja li għad trid tiġi.

1708. O Kristu, jiena nieħu tant gost meta nara li Inti maħbub, u li qed jidwi t-tifħir u l-glorja Tiegħek, l-aktar it-tifħir tal-ħniena Tiegħek. O Kristu, sal-aħħar waqt ta’ ħajti, ma niqafx nagħti glorja lit-tjubija u l-ħniena Tiegħek. B’kull qatra ta’ demmi, b’kull taħbita ta’ qalbi, jiena nigglorifika l-ħniena Tiegħek. Nixtieq li niġi mibdula kollni kemm jien f’innu lill-glorja Tiegħek. X’ħin insib ruħi fuq is-sodda tal-mewt tiegħi, jalla l-aħħar taħbita ta’ qalbi tkun innu ta’ mħabba u ta’ tifħir lill-ħniena Tiegħek bla tarf.

1709. Illum il-Mulej qalli, Qabel il-miġja tal-Ispirtu s-Santu għandek tagħmel irtir ta’ tlett ijiem. Jiena stess inkun id-direttur tiegħek. M’għandekx issegwi r-regoli tal-irtiri jew tuża kotba għall-meditazzjoni. Li għandek tagħmel hu li toqgħod tisma’ kliemi b’attenzjoni. Għall-qari spiritwali għandek taqra kapitlu wieħed mill-Evanġelju ta’ San Ġwann.

(Hawnhekk fil-pitazz oriġinali hemm spazju ta’ nofs paġna)

1710. 26 ta’ Mejju (1938 – Festa ta’ Tlugħ il-Mulej fis-sema). Illum jiena akkumpanjajt lill-Mulej Ġesu’ filwaqt li Hu tela’ s-sema. Kien għall-ħabta ta’ nofs inhar. Ġiet fuqi xewqa kbira għal Alla. Hi ħaġa stramba, iktar ma kont qiegħda nħoss il-preżenza ta’ Alla, bdejt nixxennaq għalih b’ikbar ħerqa. Imbagħad rajt lili nnifsi f’nofs ġemgħa kbira ta’ dixxipli u appostli, flimkien ma’ Omm Alla. Ġesu’ kien qed jgħidilhom sabiex . . . Imorru fid-dinja kollha u jgħallmu f’ismu. Huwa firex idejh fuqhom u berikhom u għeb fi sħaba. Rajt lill-Madonna tixxennaq. Ruħha kienet qiegħda tixxennaq għal Ġesu’ bil-qawwa kollha ta’ mħabbitha. Imma tant kienet fil-paċi u magħquda mar-rieda ta’ Alla li ma kien hemm l-ebda ċaqliqa f’qalbha ħlief għal dak li Alla ried.