Djarju ta’ Swor Fawstina – Il-5 Pitazz (par.1331-1340)

Il-Ħames Pitazz – Paragrafi 1331-1340

maxresdefault

1331. Ġesu’, Inti stess indenjajt ruħek tpoġġi s-sisien tal-qdusija tiegħi, għax ma tantx kien hemm ko-operazzjoni min-naħa tiegħi. Inti għallimtni ma’ nagħtix kas tal-użu u tal-għażla tal-ħlejjaq għax qalbi, minnha nfisha, hi daqshekk dgħajfa. U għalhekk tlabtek, O Mgħallem tiegħi, li ma tagħtix kas tal-uġigħ ta’ qalbi, imma li tneħħi dak li jista’ jżommni lura mit-triq tal-imħabba. Ma fhimtekx, Mulej, fi żminijiet ta’ niket, meta Inti kont qed twettaq xogħlok f’ruħi; imma llum jiena qiegħda nifhmek u nifraħ fl-ispirtu ħieles tiegħi. Ġesu’ stess ra li qalbi ma tinqabadx fin-nases tal-ebda passjoni. Sirt naf tajjeb minn liema perikli Hu ħelisni, u għalhekk ma nistax nieqaf irrodd ħajr lil Alla.

1332. It-tieni jum. Filwaqt li kont qiegħda nimmedita fuq id-dnub tal-Anġli u l-kastig immedjat tagħhom, jiena staqsejt lil Ġesu’ għaliex l-Anġli kienu ġew ikkastigati malli dinbu. Smajt vuċi: Minħabba l-għarfien profond ta’ Alla li huma kellhom. L-ebda bniedem fl-art, għalkemm ikun qaddis kbir, m’għandu għarfien ta’ Alla bħalma għandu Anġlu. Madankollu, lili, li jiena daqshekk miżerabbli, Inti wrejtni l-ħniena Tiegħek, O Alla, u din il-ħaġa Inti għamiltha ħafna drabi, Inti qed iġġorrni fi ħdan il-ħniena Tiegħek u taħfirli kull darba li jiena nitlob il-maħfra Tiegħek b’qalb niedma.

1333. Hemm skiet profond madwar ruħi. M’hemm l-ebda sħaba tgħattili x-xemx. Inpoġġi lili nnifsi kompletament miftuħa biex nilqa’ r-raġġi tagħha, sabiex imħabbtu tkun tista’ twettaq bidla sħiħa fija. Irrid nispiċċa dan l-irtir bħala qaddisa u dan, minkejja kollox; jiġifieri, minkejja l-miżerja tiegħi, irrid insir qaddisa, u għandi fiduċja li l-ħniena ta’ Alla tista’ tagħmel qaddisa, wkoll minn miżerja bħalma jiena jien, għax għandi rieda tajba assoluta. Minkejja d-disfatti tiegħi kollha, irrid inkompli niġġieled bħal ruħ qaddisa u nġib ruħi bħal ruħ qaddisa. Xejn m’hu ser jiskoraġġini, bħalma xejn ma jista’ jiskoraġġixxi ruħ li hi qaddisa. Irrid ngħix u mmut bħal ruħ qaddisa, b’għajnejja fissi fuqek. Ġesu’, minxur fuq is-Salib, bħala mudell għall-ħidmiet tiegħi. Kont inħobb inħares madwari għall-eżempji u qatt ma sibt xejn li kien biżżejjed, u nnotajt li l-istat tal-qdusija tiegħi kien qisu qed imajna. Imma minn issa ‘l quddiem, għajnejja fissi fuqek, O Kristu, li Inti għalija l-aqwa gwida. Jiena ninsab fiduċjuża li Inti ser tbierek l-isforzi tiegħi.

1334. + Fil-meditazzjoni fuq id-dnub, il-Mulej urieni l-malizzja kollha tad-dnub u l-ingratitudni li hemm fih. Inħoss ġewwa ruħi stmerrija kbira anke għall-iċken dnub. Iżda, il-veritajiet eterni li kont qiegħda nimmedita fuqhom ma jġibux lanqas dell ta’ inkwiet jew nuqqas ta’ paċi f’ruħi. U għalkemm huma ħafna importanti għalija, il-kontemplazzjoni tiegħi ma ssofri l-ebda waqfien minħabba fihom. F’din il-kontemplazzjoni, ma nħossx emozzjonijiet ta’ estasi f’qalbi, imma paċi profonda u skiet tal-għaġeb. Għalkemm imħabbti hi kbira, inħoss bilanċ straordinarju. Ukoll meta nitqarben ma nistax ngħid li nħoss xi ħaġa, imma dan iwassalni għal għaqda profonda fejn imħabbti u l-imħabba ta’ Alla jingħaqdu flimkien bħal ħaġa waħda.

1335. + Ġesu’ qalli li għandi nitlob għas-sorijiet li qed jagħmlu l-irtir. Waqt it-talb, sirt naf bit-taqbida li xi wħud minnhom kienu għaddejjin minnha, u rdoppjajt it-talb tiegħi.

1336. + F’dan is-skiet profond, inkun nista’ niġġudika aħjar l-istat ta’ ruħi. Ruħi hi bħal ilma ċar fejn nista’ nara kollox: kemm il-miżerja tiegħi kif ukoll l-immensita’ tal-grazzji ta’ Alla. U minħabba dan l-għarfien veru tiegħu stess, l-ispirtu tiegħi jissaħħaħ f’umilta’ profonda. Nesponi qalbi għall-ħidma tal-grazzja Tiegħek bħal kristall espost għar-raġġi tax-xemx. Jalla x-xbieha Tiegħek tiġi riflessa fiha, O Alla tiegħi, sakemm hu possibli għaliha li tiġi rifless fil-qalb ta’ ħlejqa. Ħalli d-divinita’ Tiegħek tirrifletti minn ġewwa fija, O Inti li tgħammar ġewwa ruħi.

1337. X’ħin kont qiegħda nitlob quddiem is-Sagrament Imqaddes u kont qiegħda nsellem il-ħames pjagi ta’ Ġesu’, ma’ kull tislima ħassejt xmara ta’ grazzji nieżla tgelgel ġewwa ruħi, tagħtini tomgħa minn qabel tal-ġenna u fiduċja assoluta fil-ħniena ta’ Alla.

1338. Filwaqt li qiegħda nikteb dan il-kliem, smajt l-għajta ta’ Satana: “Qiegħda tikteb kollox, qiegħda tikteb kollox, u minħabba f’hekk qed nitilfu ħafna! Tiktibx fuq it-tjubija ta’ Alla; Huwa ġust!” U beda jgħajjat u jwerżaq bil-korla li kellu, imbagħad għeb.

1339. O Alla ħanin, Inti ma tistmerriniex, imma l-ħin kollu titfa’ fuqna l-grazzji tiegħek bl-abbundanza. Int tagħmilna denji li nidħlu fis-saltna Tiegħek, u fit-tjubija Tiegħek Inti tikkonċedi li l-bnedmin jimlew il-postijiet li l-anġli ingrati ħallew vojta. O Alla ta’ ħniena kbira, li dawwart il-ħarsa qaddisa Tiegħek mill-anġli ribelli għal fuq il-bniedem niedem, tifħir u glorja lill-ħniena Tiegħek bla tarf, O Alla li ma tistmerrx il-qalb umli.

1340. Ġesu’ tiegħi, minkejja dawn il-grazzji li inti tibgħat fuqi, inħoss li n-natura tiegħi, għalkemm hi merfugħa ‘l fuq, mhix imsikkta għal kollox; u għalhekk nibqa’ nishar il-ħin kollu. Jeħtieġ nissielet kontra ħafna difetti; naf tajjeb li mhix it-taqbida li tbaxxi lill-bniedem, imma l-biża’ u l-falliment.