Djarju ta’ Swor Fawstina – It-2 Pitazz (par.531-540)

It-Tieni Pitazz – Paragrafi 531-540

BlSopockoStFaustina

531. 24 ta’ Novembru 1935. Il-Ħadd, l-ewwel jum. Mort minnufih quddiem is-Sagrament Imqaddes u offrejt lili nnifsi flimkien ma’ Ġesu’, preżenti fis-Sagrament Imqaddes, lill-Missier Etern. Imbagħad jiena smajt dan il-kliem ġewwa ruħi, L-iskop tiegħek u tal-kumpanji tiegħek hu li intom tingħaqdu Miegħi mill-qrib kemm jista’ jkun; permezz tal-imħabba inti għad terġa’ tħabbeb l-art mas-sema, inti ttaffi l-korla ġusta ta’ Alla, u titlob ħniena għad-dinja. Jiena qed inpoġġi f’idejk żewġ perli li huma prezzjużi ħafna għall-Qalb Tiegħi: dawn huma l-erwieħ tas-saċerdoti u tar-reliġjużi. Inti trid titlob għalihom b’mod speċjali; is-saħħa tagħhom għad trid tiġi minn kemm int ċċekken lilek innifsek. Inti tgħaqqad it-talb, sawm, mortifikazzjonijiet, ħidmiet u t-tbatijiet kollha mat-talb, sawm, mortifikazzjoni, ħidmiet u tbatijiet Tiegħi u mbagħad huma jkollhom qawwa quddiem Missieri.

532. Wara t-Tqarbin, jiena rajt lill-Mulej Ġesu’, li qalli dan il-kliem: Illum, idħol ‘il ġewwa fl-ispirtu tal-faqar Tiegħi u irranġa kollox b’tali mod li wkoll l-ifqar nies ma jkollhom l-ebda raġuni li jgħiru għalik. Jiena nieħu gost, mhux bil-bini kbir u strutturi tal-għaġeb, imma b’qalb safja u umli.

533. Xħin sibt ruħi waħdi, bdejt naħseb fuq l-ispirtu tal-faqar. Rajt ċar li Ġesu’, għalkemm Hu s-Sid ta’ kollox, ma kellu xejn Tiegħu. Minn maxtura li ssellef, Huwa għex ħajtu kollha jagħmel il-ġid lil kulħadd, filwaqt li Hu ma kellux post fejn ipoġġi rasu. U fuq is-Salib, jiena nara l-quċċata tal-faqar tiegħu, għax lanqas ħwejjeġ m’għandu fuqu. O Ġesu’ permezz ta’ vot solenni ta’ faqar jiena nixtieq insir bħalek; il-faqar ikun ommi. Bħalma minn barra m’għandu jkollna xejn li nistgħu niddisponu minnu, hekk ukoll minn ġewwa m’għandna nixtiequ xejn. U fis-Sagrament Imqaddes, kemm hu kbir il-faqar Tiegħek! Qatt kien hemm ruħ abbandunata bħalma kont Inti fuq is-Salib, Ġesu’?

534. Il-Kastita’. M’hemmx għalfejn nispjegaw li dan il-vot jipprojbixxi dawk l-affarijiet kollha li jmorru kontra s-sitt u d-disa’ kmandament: azzjonijiet, ħsibijiet, kliem, sentimenti. . . jiena nifhem li vot solenni huwa differenti minn vot sempliċi; dan jiena nifhmu b’dak kollu li jimplika. Filwaqt li kont qiegħda naħseb fuq dan, smajt dan il-kliem ġewwa ruħi: Int l-għarusa Tiegħi għal dejjem; il-kastita’ tiegħek għandha tkun ikbar minn dik tal-Anġli, għax Jiena ma nsejjaħ lil ebda anġlu għal tant intimita’ bħalma Jiena qed insejjaħ lilek. L-iċken att tal-għarusa Tiegħi hu ta’ valur bla tarf. Ruħ safja għandha setgħa li ma tistax timmaġinaha quddiem Alla.

535. L-Ubbidjenza. Jiena ġejt sabiex nagħmel ir-rieda ta’ Missieri. Jiena obdejt il-ġenituri Tiegħi; Jiena obdejt lil dawk li ttorturawni u issa Jiena qed nobdi lis-saċerdoti. Jiena qiegħda nifhem, O Ġesu’, l-ispirtu tal-ubbidjenza u f’hiex tikkonsisti. Tinkludi mhux biss it-twettiq estern, imma wkoll ir-raġuni; ir-rieda u l-ġudizzju. Meta aħna nobdu s-superjuri tagħna, inkunu qegħdin nobdu lil Alla. M’hemm l-ebda differenza jekk ikunx anġlu jew bniedem li jkun qed jaġixxi minflok Alla, li jkun qed jagħtini l-ordnijiet: jiena għandi dejjem nobdi. Jiena minix sejra nikteb ħafna dwar il-voti; dawn huma ċari u speċifiċi. Jiena nippreferi nikteb xi ftit ħsibijiet ġenerali dwar din il-kongregazzjoni.

+ Ġabra fil-qosor inġenerali

536. Qatt m’hu ser ikun hemm xi djar sbieħ, imma biss knisja żgħira b’komunita’ żgħira magħmula minn ftit erwieħ, mhux iktar minn għaxra, minbarra żewġ esterni biex ilaħħqu mal-affarijiet esterni tal-komunita’ u tal-knisja. Dawn iż-żewġ sorijiet ma jilbsux l-abitu, imma jilbsu sekulari; huma jieħdu l-voti sempliċi, u jkunu jiddependu strettament mis-superjura, li tkun soru tal-klawsura. Huma jkollhom sehem mill-benefiċċji spirtwali kollha tal-kongregazzjoni. Qatt m’għandu jkun hemm iktar minn tnejn, u, jekk jista’ jkun, waħda biss. Kull dar tkun indipendenti mill-oħrajn, għalkemm ikunu maqgħudin mill-qrib bir-regola, bil-voti u bl-ispirtu. F’każi eċċezzjonali, iżda, soru minn komunita’ waħda tista’ tiġi trasferita f’oħra u wkoll, jekk ikun hemm ċans li tinbena dar ġdida, xi sorijiet jistgħu jiġu trasferiti, jekk ikun hemm bżonn, minn dar oħra. Kull dar tkun tiddependi mill-Ordinarju tal-post.

537. Kull soru jkollha ċella għaliha, imma l-ħajja tkun komunitarja għal dak li għandu x’jaqsam mat-talb, l-ikel, u r-rikreazzjoni. Kull soru, wara l-professjoni tagħha qatt ma tara d-dinja iżjed, lanqas minn ġol-grada, għax din tiġi mgħottija b’biċċa drapp skura, u l-konverżazzjonijiet ukoll ikunu limitati ħafna. Hija tkun bħallikieku mejta, id-dinja ma tifhimhiex u hi ma tifhimx lid-dinja. Hija toqgħod f’postha bejn is-sema u l-art, titlob lil Alla l-ħin kollu biex ikollu ħniena mid-dinja u sabiex is-saċerdoti jkollhom is-saħħa li kliemhom ma jkunx vojt u sabiex huma, fid-dinjita’ straordinarja tagħhom u kif inhuma hekk esposti għar-riskju, ikunu jistgħu jżommu ruħhom bla ebda tiċpisa ta’ dnub. Għalkemm dawn l-erwieħ ma jkunux ħafna huma jkunu erwieħ erojċi. Ma jkunx hemm post għal erwieħ beżżiegħa jew effeminati.

538. Ma jkun hemm l-ebda distinzjoni bejn is-sorijiet, l-ebda Madre, (nota107) Reverenda, Venerabbli, imma kulħadd ikun indaqs, għalkemm jista’ jkun hemm differenzi kbar fin-nisel tal-familja li jkunu ġew minnha. Aħna nafu min kien Ġesu’, u kif madankollu Huwa umilja ruħu u ma’ min kien jassoċja ruħu. L-abitu tagħhom ikun bħal dak li kien liebes Ġesu’ waqt il-Passjoni Tiegħu, u huma mhux biss jilbsu l-libsa (li libes Hu); huma jridu jiġu mmarkati wkoll bil-marki Tiegħu; it-tbatija u d-disprezz. Kull waħda tistinka għall-ikbar ċaħda u tkun tħobb l-umilta’, u dik li tispikka l-iktar f’din il-virtu’ tal-aħħar tkun dik li tkun kapaċi tmexxi lill-oħrajn.

539. Bħalma Alla ħalliena naqsmu miegħu fil-ħniena Tiegħu u, anzi iżjed minn hekk, inxerrduha flimkien miegħu, aħna mela għandu jkollna mħabba kbira għal kull ruħ, nibdew mill-magħżulin u nispiċċaw b’dik ir-ruħ li għadha ma tafx lil Alla. Permezz tat-talb u tal-mortifikazzjoni; aħna nkunu nistgħu mmorru fil-pajjiżi l-inqas ċivilizzati u nħejju t-triq għall-missjunarji. Għandna nżommu f’moħħna li suldat li qed jiġġieled quddiem nett ma jistax jibqa’ wieqaf fit-tul mingħajr ma jkollu l-għajnuna mill-qawwiet li jkunu qegħdin fuq wara li, filfatt, ma jkunux qegħdin jiġġieldu imma jipprovdu għall-bżonnnijiet tiegħu kollha; dan hu r-rwol tat-talb, u għalhekk kull wieħed u kull waħda minna għandu jkollha spirtu appostoliku li jiddistingwiha.

540. Filgħaxija x’ħin kont qiegħda nikteb, smajt vuċi fiċ-ċella tiegħi tgħid, “Titlaqx minn din il-Kongregazzjoni, ikollok ħniena minnek innifsek, hemm tbatijiet kbar ħafna jistennewk.” X’ħin ħarsit fid-direzzjoni tal-vuċi, ma rajt xejn, u komplejt nikteb. F’daqqa waħda smajt ħoss u l-kliem: “Meta inti titlaq, aħna neqirduk. Toqgħodx tittorturana.” Ħarist madwari u rajt ħafna mostri koroh. Jiena mbagħad għamilt is-sinjal tas-Salib f’moħħi u huma għebu fil-pront. Kemm hu terribli u ikrah Satana! Imsejkna erwieħ mitlufin li jkollhom iżommulu kumpanija! Tarah biss hu iżjed diżgustanti mit-turmenti kollha tal-infern.